ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 15
GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib
Li Nersqu Qrib t’Alla Hu taʼ Benefiċċju Għalina!
“Ngħid għalija, li nersaq qrib [t’Alla] hu taʼ benefiċċju.”—SLM. 73:28.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu nersqu qrib Ġeħova u kif se nibbenefikaw meta nagħmlu dan.
1-2. (a) X’hemm bżonn tagħmel biex issir ħabib tal-qalb taʼ xi ħadd? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
GĦANDEK ħabib tal-qalb? Tiftakar x’għamilt biex sirtu ħbieb? Probabbilment qattajt ħin miegħu, sirt taf dwaru, u skoprejt xi jħobb u x’jobgħod. Maż-żmien, anki sirt taf li għandu kwalitajiet sbieħ li tixtieq timita u llum int tħobb lill-ħabib tiegħek.
2 Biex issir ħabib tal-qalb taʼ xi ħadd hemm bżonn ħin u sforz. L-istess ħaġa biex insiru ħbieb sew taʼ Ġeħova. F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu nersqu qrib tiegħu u kif se nibbenefikaw meta nagħmlu dan. L-ewwel, ejja naraw għala hu taʼ benefiċċju li Ġeħova jkun l-aqwa Ħabib tagħna.
3. Għala jkun tajjeb li naħsbu sew dwar kemm hu taʼ benefiċċju li nersqu qrib taʼ Ġeħova? Agħti eżempju.
3 Hu importanti ħafna li naħsbu għala hu taʼ benefiċċju għalina li nkunu ħbieb sew taʼ Ġeħova. (Slm. 63:6-8) Aħseb dwar dan l-eżempju: Ħafna nies jafu kemm hu importanti li jieklu ikel tajjeb għas-saħħa, jagħmlu xi eżerċizzju, jixorbu biżżejjed ilma, u jorqdu sew kuljum. Imma xorta waħda hemm ħafna li ma jagħtux kas dawn l-affarijiet, u allura mhumiex b’saħħithom daqs kemm jistgħu jkunu. Però dawk in-nies li jaħsbu spiss dwar kemm dawn l-affarijiet jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għalihom, għandhom ċans ikbar li jagħmluhom. Bl-istess mod, aħna nafu li hu taʼ benefiċċju li nkunu ħbieb taʼ Ġeħova, imma jekk naħsbu sew dwar għala hu tajjeb se nkunu rridu iktar li nsiru ħbieb tiegħu.—Slm. 119:27-30.
4. X’qal is-salmista f’Salm 73:28?
4 Aqra Salm 73:28. Il-kittieb taʼ Salm 73 kien Levita li kien jaqdi bħala mużiċist fit-tempju taʼ Ġeħova. Wisq probabbli hu kien qeda lil Ġeħova għal ħafna snin. Imma xorta kien jaf kemm hu importanti li jfakkar lilu nnifsu u lil oħrajn kemm hu taʼ benefiċċju li ‘jersqu qrib’ t’Alla. X’inhuma xi benefiċċji li nsiru nafu lil Ġeħova aħjar u nsiru iktar ħbieb tiegħu?
LI NERSQU QRIB T’ALLA JAGĦMILNA FERĦANIN
5. (a) Għala nistgħu nkunu iktar ferħanin jekk insiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova? (b) Agħti eżempji minn Proverbji 2:6-16 dwar kif l-għerf taʼ Ġeħova jipproteġik u jgħinek.
5 Iktar ma nsiru ħbieb taʼ Ġeħova, iktar ħa nkunu ferħanin. (Slm. 65:4) Hemm ħafna raġunijiet għala nistgħu nkunu ċerti minn dan. Pereżempju, meta naqraw dak li jgħidilna fil-Bibbja u nobduh se jkun taʼ benefiċċju għalina. Dak li jgħallimna Ġeħova jistaʼ jipproteġina minn affarijiet li jagħmlulna l-ħsara u milli nagħmlu żbalji serji. (Aqra Proverbji 2:6-16.) Allura, bir-raġun li l-Bibbja tgħid: “Ferħan hu min jitgħallem x’inhu l-għerf u min jitgħallem jagħraf x’inhu tajjeb u ħażin.”—Prov. 3:13.
6. Is-salmista għala tilef il-ferħ tiegħu?
6 Ir-realtà hi li anki l-ħbieb taʼ Ġeħova ġieli jkunu mdejqin. Il-kittieb taʼ Salm 73 tilef il-ferħ minħabba li beda jaħseb dwar affarijiet li għalih ma kinux sew. Hu beda jaħseb li n-nies ħżiena kellhom ħajja sabiħa avolja ma kienx jinteressahom minn Alla jew jobduh. Minħabba f’hekk, is-salmista rrabja u beda jgħir għalihom. Hu kien qed jimmaġina li n-nies li huma vjolenti u kburin dejjem kienu jsiru iktar sinjuri u jkollhom saħħa tajba, u anki ma kellhomx problemi. (Slm. 73:3-7, 12) Minħabba l-inġustizzji li kien qed jara, hu beda jaħseb li kien għalxejn li jaqdi lil Ġeħova. Fil-fatt, tant kien imdejjaq li darba minnhom qal: “Żgur li għalxejn żammejt qalbi nadifa u ħsilt idejja biex nuri li jien innoċenti.”—Slm. 73:13.
7. Meta nħossuna mdejqin x’għandna nagħmlu? (Ara wkoll l-istampa tar-rivista.)
7 Avolja s-salmista kien qed iħossu mdejjaq ħafna, għamel xi ħaġa. Hu daħal “fis-santwarju grandjuż” t’Alla, fejn Ġeħova għenu biex jirranġa l-ħsieb tiegħu. (Slm. 73:17-19) Meta tħossok imdejjaq, kun ċert li Ġeħova jifhem eżatt kif tħossok, għax hu l-aqwa Ħabib li qatt jistaʼ jkollok. Allura, meta tħossok hekk, itlob lil Ġeħova u staqsih jgħinek tara x’inhi l-aħjar ħaġa li għandek tagħmel. Il-pariri mill-Bibbja u l-inkuraġġiment tal-aħwa se jgħinuk tkompli taqdih. Anki meta tħossok imdejjaq u ansjuż ħafna, Ġeħova se jgħinek tkun kalm.—Slm. 94:19.a
Il-Levita li kiteb Salm 73 bilwieqfa “fis-santwarju grandjuż” t’Alla (Ara paragrafu 7)
LI NERSQU QRIB T’ALLA JAGĦTINA SKOP U TAMA
8. X’inhuma żewġ raġunijiet oħra għala jkun tajjeb li nersqu qrib t’Alla?
8 Hemm żewġ raġunijiet oħra għala jkun taʼ benefiċċju għalina li nersqu qrib t’Alla. L-ewwel, jekk nagħmlu hekk se jkollna skop u ħajja taʼ vera. U t-tieni, se jkollna tama ċerta għall-futur. (Ġer. 29:11) Issa ejja nitgħallmu iktar dwar dawn iż-żewġ punti.
9. Li nersqu qrib taʼ Ġeħova għala jagħmilna iktar ferħanin?
9 Li nersqu qrib t’Alla jgħinna jkollna skop taʼ vera. Illum hemm ħafna nies li ma jemmnux f’Alla. Allura, ma jafux għala ġejna fid-dinja u jaħsbu li fil-futur mhux se nibqgħu neżistu. Imma minn dak li studjajna mill-Bibbja, aħna ċerti li Alla “jeżisti u li jippremja lil dawk li jaqduh bil-ħeġġa.” (Lhud 11:6) Barra minn hekk, Ġeħova ħalaqna bix-xewqa li naqduh. Allura, meta naqduh u nagħmlu dak li jixtieq hu, inkunu ferħanin.—Dewt. 10:12, 13.
10. Ġeħova xi jwegħedhom lil dawk li jafdawh? (Salm 37:29)
10 Illum, ħafna nies m’għandhomx tama vera għall-futur. Kulma jagħmlu hu li jaħdmu, irabbu familja, u jipprovaw ifaddlu kemm jistgħu flus għal meta jirtiraw u biex iħalluhom lit-tfal. Alla ma jissemma mkien f’ħajjithom, għax ma jafux x’wegħedhom għall-futur. Mill-banda l-oħra, bħala l-qaddejja tiegħu, aħna nafu x’wegħedna. (Slm. 25:3-5; 1 Tim. 6:17) Aħna nafdawh bħala l-Alla u l-Ħabib tagħna, u aħna ċerti li hu se jżomm il-wegħdi tiegħu. It-tama tagħna tinkludi li fil-futur ħa naqduh għal dejjem f’Ġenna tal-art.—Aqra Salm 37:29.
11. X’jiġri meta nkunu ħbieb t’Alla, u hu kif se jħossu?
11 Li nersqu qrib t’Alla hu taʼ benefiċċju għalina b’ħafna iktar modi. Pereżempju, Ġeħova jwegħedna li jaħfer id-dnubiet tagħna meta nindmu. (Isa. 1:18) Minħabba f’hekk, ma jkunx hemm għalfejn nibqgħu nħossuna ħażin dwar żbalji li għamilna fil-passat. (Slm. 32:1-5) Barra minn hekk, aħna nistgħu nħossuna kuntenti għax nafu li Ġeħova hu ferħan bina. (Prov. 23:15) Żgur għandna ħafna iktar benefiċċji peress li aħna ħbieb t’Alla. Però, x’hemm bżonn tagħmel biex tibqaʼ tersaq qrib tiegħu?
KIF TIBQAʼ TERSAQ QRIB T’ALLA
12. X’għamilt biex tersaq qrib t’Alla?
12 Jekk int Xhud mgħammed, diġà għamilt ħafna affarijiet biex issir ħabib taʼ Ġeħova. Pereżempju, tgħallimt ħafna veritajiet dwar Alla Ġeħova u Kristu Ġesù, indimt mid-dnubiet li kont għamilt, bdejt turi fidi f’Alla, u għamilt l-aħjar tiegħek biex tafdah f’kollox. Imma biex tibqaʼ tersaq qrib taʼ Ġeħova, hu importanti li tibqaʼ tagħmel dawn l-affarijiet.—Kol. 2:6.
13. Liema tliet affarijiet se jgħinuna nkomplu nsiru ħbieb taʼ Ġeħova?
13 X’se jgħinna biex inkomplu nsiru ħbieb taʼ Ġeħova? (1) Irridu nkomplu naqraw u nistudjaw il-Bibbja. Meta nagħmlu hekk, il-mira tagħna m’għandhiex tkun biss li nitgħallmu iktar informazzjoni dwar Alla. Minflok, għandna nipprovaw nifhmu l-mod kif jaħsibha Ġeħova u x’jixtieqna nagħmlu. U mbagħad nipprovaw ngħixu skont il-prinċipji li nkunu qed nitgħallmu. (Efes. 5:15-17) (2) Għandna nipprovaw insaħħu l-fidi tagħna billi naħsbu sew fuq il-ħafna modi li Ġeħova juri li jħobbna b’mod persunali. (3) Għandna nkomplu nobogħdu l-affarijiet li jweġġgħu lil Ġeħova u nevitaw li nkunu ħbieb ma’ dawk li jagħmluhom.—Slm. 1:1; 101:3.
14. Skont l-1 Korintin 10:31, x’inhuma xi affarijiet li nistgħu nagħmlu kuljum biex inferrħu lil Ġeħova? (Ara wkoll l-istampi.)
14 Aqra 1 Korintin 10:31. Hu importanti ħafna li nagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Ġeħova. Dan ma jfissirx li mmorru s-service u l-laqgħat li jkollna biss. Aħna għandna nferrħu lil Ġeħova anki bl-affarijiet żgħar li nagħmlu fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Pereżempju, meta nkunu onesti f’kollox u ngħinu lil ħaddieħor materjalment kif nistgħu, aħna nkunu qed nagħmlu lil Ġeħova ferħan. (2 Kor. 8:21; 9:7) Barra minn hekk, hu jridna napprezzaw il-ħajja li tana. Allura, nistgħu nersqu eqreb tiegħu billi noqogħdu attenti x’nieklu, kemm nixorbu, u nagħmlu affarijiet oħra li jgħinuna nibqgħu f’saħħitna. Meta Ġeħova jarana li qed nipprovaw nagħmluh ferħan anki f’affarijiet żgħar, hu se jħobbna ħafna iktar.—Luqa 16:10.
Aħna nistgħu nferrħu lil Ġeħova billi noqogħdu attenti kif insuqu, nieħdu ħsieb tagħna nfusna billi nagħmlu l-eżerċizzju u nieklu ikel tajjeb għas-saħħa, u ngħinu lil ħaddieħor kif nistgħu (Ara paragrafu 14)
15. Ġeħova kif jixtieqna nittrattaw lil oħrajn?
15 Ġeħova hu qalbu tajba man-nies kollha, kemm jekk jaqduh u kemm jekk le. (Mat. 5:45) U hu jrid li aħna wkoll inkunu qalbna tajba ma’ kulħadd. Pereżempju, aħna m’għandna ‘nitkellmu ħażin fuq ħadd, u ma niġġildux, imma dejjem nuru ħlewwa maʼ kulħadd.’ (Titu 3:2) Allura, meta niltaqgħu ma’ nies li ma jemmnux f’Ġeħova m’għandniex inħossu li aħna aħjar minnhom. (2 Tim. 2:23-25) Aħna ħa nkomplu nersqu qrib taʼ Ġeħova billi dejjem inkunu qalbna tajba ma’ kulħadd.
AĦNA NISTGĦU NERSQU QRIB T’ALLA ANKI META NIŻBALJAW
16. Il-kittieb taʼ Salm 73 kif beda jħossu wara xi żmien?
16 Xi kultant, jistaʼ jkun tħossok li Ġeħova mhuwiex qrib tiegħek minħabba xi żbalji li tkun għamilt. Xi ħaġa simili ġrat lill-kittieb taʼ Salm 73. Hu qal: “Għal naqra ma ħriġtx mit-triq it-tajba; għal naqra ma waqajtx.” (Slm. 73:2) Fil-fatt, hu ammetta li kellu ‘qalbu sewda,’ li ‘ma kienx qed jirraġuna,’ u li kien sar ‘qisu annimal li m’għandux sens.’ (Slm. 73:21, 22) Però, ħassu hu li minħabba l-iżbalji tiegħu, Ġeħova ma kienx ħa jħobbu iktar u ma kienx ħa jaħfirlu?
17. (a) Meta kien imdejjaq ħafna, is-salmista x’għamel? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza tiegħu? (Ara wkoll l-istampi.)
17 Jekk is-salmista ħass li Ġeħova kien telqu waħdu, żgur li ma damx iħossu hekk. Għax anki meta ħassu mdejjaq ħafna, hu kien jaf li kellu jagħmel xi ħaġa biex jersaq qrib t’Alla. Fil-fatt, hu qal: “Imma issa jien il-ħin kollu nistrieħ fuqek [Ġeħova]; int żammejtni minn idi l-leminija. Int tiggwidani bil-pariri tiegħek, u wara turini li tapprovani.” (Slm. 73:23, 24) Aħna wkoll għandna nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina s-saħħa li għandna bżonn meta nħossu li naqsitilna l-fidi jew inħossuna skuraġġiti minħabba xi żbalji li nkunu għamilna. (Slm. 73:26; 94:18) Anki jekk nagħmlu xi żbalji serji, għandna nerġgħu mmorru għand Ġeħova u nkunu ċerti li hu ‘lest li jaħfer.’ (Slm. 86:5) Hu importanti ħafna li meta nkunu qed inħossuna vera ħażin u skuraġġiti, nagħmlu kulma nistgħu biex nersqu qrib t’Alla.—Slm. 103:13, 14.
Meta tħoss li għandek bżonn issaħħaħ il-fidi tiegħek, trid tersaq iktar qrib taʼ Ġeħova billi titlob iktar u tattendi l-laqgħat b’mod regulari (Ara paragrafu 17)
NISTGĦU NKOMPLU NERSQU QRIB T’ALLA GĦAL DEJJEM
18. Aħna għala nistgħu nersqu qrib t’Alla għal dejjem?
18 Aħna nistgħu nkomplu nersqu qrib t’Alla għal dejjem għax qatt mhu ħa nieqfu nitgħallmu affarijiet ġodda dwaru. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li l-mod kif Ġeħova jagħmel l-affarijiet, l-għerf, u l-għarfien tiegħu “ma jistgħux jiġu spjegati.”—Rum. 11:33.
19. Is-Salmi x’jgħallmuna dwar il-futur?
19 Salm 79:13 jgħid: “Aħna, il-poplu tiegħek u l-merħla li int tirgħa, se nirringrazzjawk għal dejjem; se nkomplu nfaħħruk minn ġenerazzjoni għal oħra.” Int ukoll tistaʼ tkun ċert li hu possibbli li tibqaʼ tersaq qrib Ġeħova u li hu se jbierkek għal dejjem. Bħas-salmista, int tistaʼ tgħid: “Alla hu l-blata li nistaʼ niddependi minnu b’qalbi kollha. Hu s-sehem tiegħi għal dejjem.”—Slm. 73:26.
GĦANJA 32 Żomm int ma’ Ġeħova!
a Xi nies li jibqgħu jħossuhom ansjużi jew imdejqin għal żmien twil jaf ikollhom bżonn l-għajnuna taʼ tabib. Għal iktar informazzjoni, ara It-Torri tal-Għassa, Nru. 1 2023.