LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Mejju pp. 2-7
  • Imita lill-Anġli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imita lill-Anġli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-UMILTÀ TAL-ANĠLI
  • L-ANĠLI JĦOBBU N-NIES
  • L-ANĠLI JISSAPORTU
  • L-ANĠLI JGĦINU BIEX IL-KONGREGAZZJONI TIBQAʼ NADIFA
  • L-Anġli—“Spirti Għal Servizz Pubbliku”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Min huma l-anġli jew x’inhuma?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Kif l-Anġli Jistgħu Jgħinuk
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • L-Anġli—Kif Jeffettwawna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Mejju pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19

GĦANJA 6 Is-smewwiet jiddikjaraw il-glorja t’Alla

Imita lill-Anġli

“Faħħru lil Ġeħova, intom l-anġli kollha tiegħu.”—SLM. 103:20.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif nistgħu nimitaw lill-anġli leali.

1-2. (a) Kif aħna differenti mill-anġli? (b) Kif aħna simili għall-anġli?

BĦALA l-poplu taʼ Ġeħova, aħna parti minn familja li taqdi lilu. Din fiha aħwa minn madwar id-dinja u miljuni t’anġli. (Dan. 7:​9, 10) Imma meta naħsbu dwar l-anġli nistgħu nifhmu kemm huma differenti minna. Pereżempju, huma ilhom jeżistu ħafna iktar minna. (Ġob 38:​4, 7) Huma ħafna aktar b’saħħithom minna. Barra minn hekk, peress li aħna imperfetti ma nistgħux inkunu qaddisin daqshom.—Luqa 9:26.

2 Imma avolja aħna differenti mill-anġli, għandna ħafna affarijiet li huma simili. Pereżempju, bħalhom nistgħu nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Nistgħu nieħdu deċiżjonijiet personali. Għandna ismijiet, karattri u nagħmlu xogħlijiet differenti. U eżatt bħall-anġli, għandna bżonn naqdu lil Ġeħova.—1 Pt. 1:12.

3. X’nistgħu nitgħallmu mill-anġli leali?

3 Peress li aħna simili għall-anġli, l-eżempju tagħhom jistaʼ jinkuraġġina u jgħallimna ħafna affarijiet. F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu nimitaw lill-anġli f’erbaʼ modi. (1) L-umiltà tal-anġli leali, (2) l-imħabba li għandhom għan-nies, (3) kemm huma kapaċi jissaportu, u (4) ix-xogħol li jagħmlu biex iżommu l-kongregazzjoni nadifa.

L-UMILTÀ TAL-ANĠLI

4. (a) L-anġli kif juru umiltà? (b) L-anġli għala huma umli? (Salm 89:7)

4 Avolja l-anġli huma b’saħħithom, intelliġenti, u għandhom ħafna esperjenza, huma umli u jobdu lil Ġeħova. (Slm. 103:20) Meta jkollhom xi xogħol li jtihom Ġeħova, qatt ma jiftaħru b’dak li jagħmlu jew bis-saħħa li għandhom. Huma ferħanin li qegħdin jobdu lil Ġeħova avolja ħadd ma jkun jaf x’jisimhom jew min huma.a (Ġen. 32:​24, 29; 2 Slat. 19:35) Barra minn hekk, huma ma jaċċettawx it-tifħir li għandu jingħata lil Ġeħova. Imma l-anġli għala huma daqshekk umli? Għax iħobbu lil Ġeħova u għandhom rispett kbir lejh.—Aqra Salm 89:7.

5. Anġlu kif kien umli meta kkoreġa lill-appostlu Ġwanni? (Ara wkoll l-istampa.)

5 Aħseb dwar rakkont li juri kemm l-anġli huma umli. Madwar is-sena 96 wara Kristu (WK), anġlu li ma nafux x’jismu kellem lill-appostlu Ġwanni u wrieh affarijiet tal-għaġeb. (Riv. 1:1) Ġwanni x’għamel? Hu niżel biex jagħti qima lill-anġlu. Imma dak il-ħin, l-anġlu waqqfu u qallu: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek u bħal ħutek . . . Qim lil Alla!” (Riv. 19:10) Dak l-anġlu kien umli! Hu ma riedx xi tifħir jew unur, u allura mill-ewwel qal lil Ġwanni biex jagħti qima lil Ġeħova. Imma fl-istess ħin hu ma ħassx li kien iktar importanti minn Ġwanni, avolja kien ilu jaqdi lil Ġeħova għal ħafna iktar snin u kien iktar b’saħħtu minnu. Fil-fatt, hu qallu: ‘Jien ilsir bħalek.’ U biex ikkoreġa lil Ġwanni, l-anġlu kellmu bil-ħlewwa. Wisq probabbli, hu fehem li Ġwanni kien se jagħtih qima għax kien mistagħġeb bl-affarijiet li kien għadu kif ra.

Anġlu qed iwaqqaf lil appostlu Ġwanni milli jtih qima.

L-anġlu kien umli meta kellem u kkoreġa lil Ġwanni (Ara paragrafu 5)


6. Kif nistgħu nimitaw l-umiltà tal-anġli?

6 Aħna kif nistgħu nkunu umli bħall-anġli? Nistgħu naħdmu iebes għal Ġeħova mingħajr ma niftaħru jew naħsbu li għandna xi ħaġa speċjali. (1 Kor. 4:7) Huwa importanti li ma nħossuniex aħjar minn oħrajn, forsi għax ilna fil-verità jew għandna xi privileġġi li oħrajn m’għandhomx. Iżjed ma jkollna responsabbiltà, iżjed irridu nkunu umli. (Luqa 9:48) U bħall-anġli, aħna nipprovaw naqdu lil oħrajn u mhux inġegħluhom jaħsbu li aħna iktar importanti minnhom.

7. Kif nistgħu nuru l-umiltà meta nagħtu parir lil xi ħadd?

7 Aħna nistgħu nuru l-umiltà meta niġu biex nikkoreġu lil xi ħadd, bħal pereżempju xi ħu jew oħt, jew it-tfal tagħna. Xi kultant, meta nagħtu parir ikollna nkunu sodi. Imma jekk niftakru f’kif l-anġlu kkoreġa lil Ġwanni, ħa nkunu nistgħu nagħtu parir sod mingħajr ma nġiegħlu lill-persuna tħossha skuraġġita. Jekk niftakru li aħna mhux aħjar minn ħaddieħor se nkunu nistgħu nagħtu parir mill-Bibbja b’rispett u ngħidu kliem bi mħabba.—Kol. 4:6.

L-ANĠLI JĦOBBU N-NIES

8. (a) Skont Luqa 15:​10, l-anġli kif juru kemm iħobbu lin-nies? (b) L-anġli kif jgħinuna? (Ara wkoll l-istampa.)

8 L-anġli mhumiex xi ħlejjaq ’il bogħod jew li ma jinteressahomx min-nies. Huma jħobbuhom ħafna lin-nies. Pereżempju, jieħdu ħafna pjaċir meta xi ħadd jindem mill-iżbalji tiegħu u jerġaʼ jiġi fil-verità. Jifirħu wkoll meta xi ħadd jibda jitgħallem dwar Ġeħova u jibda jaqdih. (Aqra Luqa 15:10.) Barra minn hekk, jgħinuna meta nippritkaw. (Riv. 14:6) Avolja ma jitkellmux dirett man-nies, huma jistgħu jidderiġuna lejn xi ħadd li jixtieq jitgħallem dwar Ġeħova. Ovvjament, ma nistgħux inkunu ċerti jekk kinux l-anġli li ggwidawna lejn ċerta persuna jew le. Wara kollox, Ġeħova jistaʼ juża affarijiet oħra, bħall-ispirtu qaddis, biex jgħin lilna jew lin-nies li jixtiequ jsiru jafuh. (Atti 16:​6, 7) Imma hu xorta juża lill-anġli meta nippritkaw. Allura, meta nagħmlu dan ix-xogħol nistgħu nkunu ċerti li l-anġli qegħdin hemm biex jgħinuna.—Ara l-kaxxa “Ġeħova Wieġeb it-Talb Tagħhom.”b

Koppja qed jimxu bit-trolley fit-triq. Fuqhom hemm żewġ anġli u qed jiggwidaw lill-oħt lejn mara fuq bank.

Koppja għadhom kif lestew milli jagħtu xhieda bit-trolleys. Huma u sejrin id-dar, l-oħt tara mara li tidher imdejqa. L-oħt tiftakar li l-anġli jistgħu jiggwidawna lejn dawk li qed ifittxu l-verità. Allura hi tiddeċiedi li tmur titkellem b’qalb tajba mal-mara (Ara paragrafu 8)


Ġeħova Wieġeb it-Talb Tagħhom

Jistaʼ jkun li Ġeħova wieġeb it-talb f’dawn l-esperjenzi billi uża l-anġli.

  • Żagħżugħa taʼ 12-il sena mill-Perù kienet qed tagħti xhieda permezz tat-telefown m’ommha. Hi tkellmet maʼ mara li kienet qed titlob lil Alla biex jibgħat lil xi ħadd ħalli jgħinha. Il-mara qalet li t-telefonata kienet it-tweġiba għat-talb tagħha, u bdiet tistudja l-Bibbja. Ftit wara, bdiet tattendi l-laqgħat.

  • Mara fir-Rumanija għamlet żmien tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, imma mbagħad waqfet. Maż-żmien, bdiet taħdem maʼ familja fl-Italja u xtaqet terġaʼ tibda tistudja. Peress li ma kinitx taf Xhieda taʼ Ġeħova fl-Italja, talbet lil Ġeħova biex jgħinha. Ftit wara, il-familja staqsewha biex tmur tixtrilhom. Huma qalulha biex ma toqgħodx titkellem maʼ sid il-ħanut għax hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u joqgħod jitkellem man-nies fuq il-Bibbja. Hi marret tixtri u l-ħu beda jtiha xhieda. B’hekk, hi ħasset li Ġeħova kien qed iwieġeb it-talb tagħha. Hi reġgħet bdiet tistudja u għamlet il-bidliet f’ħajjitha. L-eżempju tajjeb tagħha għen biex wieħed mit-tfal tagħha jibda jistudja l-Bibbja u jattendi l-laqgħat ukoll.

  • Koppja li huma Xhieda taʼ Ġeħova xtaqu jbigħu l-karozza tagħhom. Meta ġew raġel u mara miżżewġin biex jaraw il-karozza, ix-Xhieda spjegawlhom għala kienu qed ibigħuha. Huma qalulhom li xtaqu jnaqqsu l-ispejjeż biex iqattgħu iktar ħin jgħallmu lin-nies dwar il-Bibbja. Ir-raġel li xtaq jixtri l-karozza qal: “Ilbieraħ tlabt: ‘Jekk jogħġbok, Alla, ibgħatli lil xi ħadd biex jgħinni. Qed inħoss li hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajti. Għandi ħafna mistoqsijiet u nixtieq it-tweġibiet.’” Hu ħass li meta ltaqaʼ maʼ din il-koppja, Alla kien qed iwiġiblu t-talba tiegħu. Hu, il-mara tiegħu, u ż-żewġt itfal aċċettaw studju tal-Bibbja, u issa l-familja kollha qed jattendu l-laqgħat.

9. Kif nistgħu nimitaw lill-anġli u nħobbu n-nies?

9 Kif nistgħu nħobbu lin-nies bħall-anġli? Pereżempju, meta nisimgħu xi avviż li xi ħadd reġaʼ ġie lura fil-verità, aħna nistgħu nifirħu bħalma jagħmlu l-anġli. Nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu lill-ħu jew l-oħt tkun ċerta li aħna ferħanin li reġgħet ġiet lura u nħobbuha. (Luqa 15:​4-7; 2 Kor. 2:​6-8) Nistgħu nimitaw lill-anġli wkoll billi nagħmlu l-aħjar tagħna fix-xogħol tal-ippritkar. (Ekk. 11:6) Eżatt bħalma l-anġli jgħinuna fil-ministeru, aħna nistgħu nfittxu modi kif ngħinu lill-aħwa fuq is-service. Pereżempju, nistgħu noħorġu service maʼ xi ħadd li m’ilux li beda jipprietka jew li m’għandux daqshekk esperjenza. Nistgħu wkoll ngħinu aħwa kbar fl-età jew li għandhom problemi taʼ saħħa biex anke huma joħorġu service.

10. X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Sara?

10 Imma xi ngħidu jekk ikollna sitwazzjoni fejn ma nkunux nistgħu nagħmlu kulma rridu fix-xogħol tal-ippritkar? Int xorta tistaʼ ssib modi kif taħdem mal-anġli. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Sara,c oħt mill-Indja li kienet ilha 20 sena pijuniera. Sara mardet u spiċċat ma tistax timxi jew toħroġ mis-sodda. Minħabba f’hekk, kienet tħossha mdejqa ħafna. Imma minħabba li l-aħwa ssapportjawha u hi baqgħet taqra l-Bibbja, reġgħet bdiet tħossha ferħana. Imma hi kellha tagħmel is-service b’mod differenti għax lanqas setgħet tqum bilqiegħda biex tikteb l-ittri. Allura setgħet iċċempel biss. Hi ċemplet liż-żjajjar lura tagħha u huma qalulha b’nies oħrajn li setgħu kienu interessati. Imbagħad x’ġara? Fi ftit xhur biss, hi kellha 70 studju tal-Bibbja u ma setgħetx tlaħħaq magħhom kollha. Allura tat xi ftit minnhom lill-aħwa. Issa ħafna mill-istudenti qed jattendu l-laqgħat. Min jaf kemm l-anġli huma ferħanin li jistgħu jaħdmu maʼ aħwa bħal Sara, li jagħmlu kulma jistgħu fix-xogħol tal-ippritkar!

L-ANĠLI JISSAPORTU

11. L-anġli leali xi ssaportew?

11 L-anġli huma eżempju tajjeb ħafna taʼ kif xi ħadd jissaporti. Huma ilhom eluf taʼ snin jaraw l-inġustizzji u l-ħażen. Pereżempju, raw lil Satana u anġli oħra li kienu jaqdu lil Ġeħova magħhom, jiħduha kontra Ġeħova. (Ġen. 3:1; 6:​1, 2; Ġuda 6) Il-Bibbja tgħid li kien hemm anġlu leali li għamel ġranet sħaħ jiġġieled kontra demonju. (Dan. 10:13) Barra minn hekk, miż-żmien t’Adam u Eva raw ftit nies jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova, waqt li l-maġġoranza għażlu li ma jaqduhx. Imma huma xorta għadhom jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ, u ċerti li fil-ħin eżatt hu se jneħħi l-inġustizzji kollha.

12. X’se jgħinna nissaportu?

12 Kif nistgħu nissaportu bħall-anġli? Bħalhom, aħna wkoll naraw l-inġustizzji u ngħaddu mill-persekuzzjoni. Imma bħalhom, aħna rridu nkunu ċerti li Ġeħova se jneħħi dawn l-affarijiet fil-ħin eżatt. Allura, għandna nimitaw lill-anġli u “ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb.” (Gal. 6:9) Ġeħova jwegħedna li se jgħinna nissaportu. (1 Kor. 10:13) B’hekk, irridu nitolbu għall-ispirtu tiegħu għax dan ħa jgħinna nkunu paċenzjużi u ferħanin. (Gal. 5:22; Kol. 1:11) Allura jekk tiffaċċja l-persekuzzjoni, afda f’Ġeħova u tibżax. Hu se jgħinek u jtik is-saħħa li għandek bżonn biex tissaporti.—Lhud 13:6.

L-ANĠLI JGĦINU BIEX IL-KONGREGAZZJONI TIBQAʼ NADIFA

13. L-anġli liema xogħol speċjali għandhom f’dawn l-aħħar jiem? (Mattew 13:​47-49)

13 Fl-aħħar jiem, l-anġli għandhom xogħol speċjali x’jagħmlu. (Aqra Mattew 13:​47-49.) Madwar id-dinja kollha hemm miljuni taʼ nies li huma interessati fil-verità. Xi ftit minn dawn in-nies huma lesti li jagħmlu l-bidliet biex jibdew jaqdu lil Ġeħova, imma oħrajn le. Allura, l-anġli għandhom ix-xogħol li “jifirdu lin-nies sewwa mill-ħżiena” u b’hekk iżommu l-kongregazzjoni nadifa. Dan ma jfissirx li kull min waqaf jistudja ma jistax jerġaʼ jibda u lanqas ma jfisser li mhux se jkun hemm problemi fil-kongregazzjoni. Imma nistgħu nkunu ċerti li l-anġli qed jaħdmu iebes biex iżommu l-kongregazzjoni nadifa.

14-15. Kif nistgħu nimitaw lill-anġli u nuru li nixtiequ nżommu l-kongregazzjoni nadifa? (Ara wkoll l-istampi.)

14 Kif nistgħu nżommu l-kongregazzjoni nadifa bħall-anġli? Aħna rridu naħdmu iebes biex inżommu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova b’saħħitha. Dan nistgħu nagħmluh billi jkollna ħbieb tajbin li jħobbu lil Ġeħova. Barra minn hekk, ma rridu nagħmlu xejn li nistgħu nweġġgħuh. Dan ħa jgħin biex inżommu l-kongregazzjoni nadifa. (Slm. 101:3) Nistgħu wkoll ngħinu lill-aħwa biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova. Pereżempju, x’għandek tagħmel jekk issir taf li xi ħu għamel dnub serju? Peress li tħobbu int ħa tgħidlu biex jitkellem mal-anzjani. Aħna rridu li l-ħu li m’għadux b’saħħtu spiritwalment ikollu l-għajnuna li għandu bżonn malajr kemm jistaʼ jkun! Allura jekk hu ma jmurx jgħid lill-anzjani, għandna ngħidulhom aħna.—Ġak. 5:​14, 15.

15 B’dispjaċir, xi aħwa li jagħmlu dnub serju jkollhom jiġu mneħħijin mill-kongregazzjoni. Meta jiġri hekk, aħna ‘ma nibqgħux nagħmluha’ magħhom. Dan jgħin biex il-kongregazzjoni tibqaʼ nadifa.d (1 Kor. 5:​9-13) Meta ma nagħmluhiex magħhom, aħna nkunu qed nobdu lil Ġeħova. B’hekk, inkunu qed nuruhom qalb tajba, u dan jistaʼ jgħinhom jifhmu li għandhom bżonn jerġgħu jiġu lura għandu. Jekk jagħmlu hekk, aħna żgur nifirħu bħalma jagħmlu l-anġli u Ġeħova.—Luqa 15:7.

Grupp taʼ stampi: 1. Żewġ aħwa nisa qegħdin bilqiegħda fuq bank fi ġnien jixorbu l-kafè. Oħt minnhom qed titkellem imma l-oħra mhux tagħti kasha. 2. Wara, l-oħt li kienet qed titkellem, qed tgħid x’ġara lil żewġ anzjani fis-Sala tas-Saltna.

Xi rridu nagħmlu jekk insiru nafu li xi ħadd għamel dnub serju? (Ara paragrafu 14)e


16. Int kif ħa tipprova timita lill-anġli?

16 Kemm għandna privileġġ sabiħ li Ġeħova tana l-opportunità li nitgħallmu dwar l-anġli u naħdmu magħhom! Aħna għandna nimitawhom billi nkunu umli, inħobbu lin-nies, nissaportu, u nżommu l-kongregazzjoni nadifa. Meta nagħmlu hekk, nistgħu nkunu parti mill-familja taʼ Ġeħova għal dejjem.

KIF NISTGĦU NIMITAW LILL-ANĠLI BILLI . . .

  • inkunu umli?

  • inħobbu lin-nies?

  • naħdmu iebes biex inżommu l-kongregazzjoni nadifa?

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-ordni teokratiku

a Il-Bibbja turi li hemm miljuni taʼ anġli, imma ssemmi tnejn biss b’isimhom, Mikiel u Gabrijel.—Dan. 12:1; Luqa 1:19.

b Biex issib iktar esperjenzi, fittex fil-Watch Tower Publications Index taħt il-kelma “Angels” u “angelic direction (examples).”

c L-isem ġie mibdul.

d Bħalma rajna f’It-2 Rapport tal-2024 mill-Ġemgħa li Tiggverna, jekk xi ħadd li ġie mneħħi mill-kongregazzjoni jattendi laqgħa, l-aħwa għandhom jużaw il-kuxjenza tagħhom trenjata minn fuq il-Bibbja biex jiddeċiedu jekk għandhomx isellmulu u jilqgħuh.

e X’JURUNA L-ISTAMPI: Oħt qed tgħid lill-ħabiba tagħha li għandha bżonn titkellem mal-anzjani dwar dnub li għamlet. Imma wara li għadda ftit żmien u rat li din baqgħet m’għamlitx hekk, l-oħt tmur u tgħid lill-anzjani x’ġara.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja