ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 29
GĦANJA 87 Ejjew! Sibu serħan
Kif Nagħtu Parir
“Se nżomm għajnejja fuqek biex nipproteġik u nagħtik il-pariri.”—SLM. 32:8.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu nagħtu pariri li jgħinu lil oħrajn.
1. Min għandu jagħti parir, u għala?
KIF tħossok meta tiġi biex tagħti parir? Xi wħud ma jiddejqux, imma oħrajn jibżgħu jew iħossuhom skomdi. Kultant kollha kemm aħna jkollna nagħtu xi parir. Għala? Għax Ġesù qal li jekk irridu nkunu dixxipli tiegħu, irridu nħobbu lil xulxin. (Ġw. 13:35) Mod kif nuru li nħobbu lil xulxin hu billi nagħtu parir. Raġuni oħra hi li l-Bibbja tgħid li meta nagħtu “parir b’mod sinċier,” inkunu qed insaħħu l-ħbiberiji tagħna.—Prov. 27:9.
2. L-anzjani xi jridu jkunu jafu jagħmlu, u għala? (Ara wkoll il-kaxxa “Pariri fil-Laqgħa taʼ Matul il-Ġimgħa.”)
2 L-anzjani, b’mod speċjali, iridu jkunu jafu kif jagħtu pariri tajbin lill-aħwa. Ġeħova u Ġesù għażlu lil dawn l-irġiel u fdawhom biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. (1 Pt. 5:2, 3) Mod wieħed kif jagħmlu dan hu billi jagħtu pariri bbażati minn fuq il-Bibbja fit-taħditiet tagħhom. Huma jagħtu pariri lil kull wieħed minna b’mod individwali. L-anzjani jgħinu wkoll lil uħud li telqu lil Ġeħova biex jerġgħu lura. Kif jistgħu l-anzjani u l-aħwa kollha fil-kongregazzjoni jagħtu pariri tajbin?
3. (a) Kif nistgħu nitgħallmu nagħtu pariri tajbin? (Isaija 9:6; ara wkoll il-kaxxa “Imita lil Ġesù Meta Tagħti Parir.”) (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Aħna nistgħu nitgħallmu kif nagħtu parir tajjeb billi nistudjaw dwar kif għamlu dan uħud fil-Bibbja. L-aħjar eżempju hu Ġesù għax hu dejjem ta l-aqwa pariri. Fil-fatt, wieħed mit-titli tiegħu hu “Kunsillier tal-Għaġeb.” (Aqra Isaija 9:6.) F’dan l-artiklu se naraw x’nistgħu nagħmlu meta xi ħadd isaqsina għal parir u kif nistgħu nagħtu parir lil xi ħadd li għandu bżonn imma ma saqsiex għalih. Se naraw ukoll għala hu importanti li parir intuh fl-aħjar ħin u bil-mod it-tajjeb.
META XI ĦADD ISAQSINA GĦAL PARIR
4-5. Meta xi ħadd isaqsina għal parir, xi jkun tajjeb li l-ewwel insaqsu lilna nfusna? Agħti eżempju.
4 Meta xi ħadd isaqsina għal parir, forsi nieħdu pjaċir li jafdana u nkunu nixtiequ ngħinuh mill-ewwel. Imma qabel, ikun tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Naf sew dwar is-suġġett biex inkun nistaʼ nagħti parir tajjeb?’ Kultant, l-aħjar mod kif ngħinu lil xi ħadd hu billi minflok nagħtu parir, ngħidulu jmur għand xi ħadd li jifhem iktar fis-suġġett.
5 Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġina li ħabib tal-qalb tiegħek għandu marda serja. Hu jgħidlek li qed jara x’kura hemm li jistaʼ jieħu u jsaqsik liema taħseb li hi l-aħjar. Forsi hemm xi kura li tippreferiha iktar minn oħra. Imma int mhux tabib u ma studjajtx dwar din il-marda. F’dak il-każ, l-aħjar mod kif tistaʼ tgħin lill-ħabib tiegħek hu billi tgħinu jsib lil xi ħadd li hu kkwalifikat ħalli jgħinu.
6. Għala jkun tajjeb li ma nagħtux parir mill-ewwel?
6 Anki jekk naħsbu li aħna kkwalifikati biex nagħtu parir dwar xi suġġett, ikun tajjeb li ma nagħtux il-parir mill-ewwel. Għala? Għax Proverbji 15:28 jgħid: “Il-ġust jaħseb qabel ma jitkellem.” Allura anki jekk naħsbu li nafu x’se ngħidu, ikun tajjeb li qabel nagħmlu riċerka, nitolbu, u naħsbu sew dwar il-parir li se nagħtu. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtu parir skont kif jixtieq Ġeħova. Issa ejja naraw l-eżempju tal-profeta Natan.
7. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Natan?
7 Ir-Re David qal lill-profeta Natan li ried jibni tempju għal Ġeħova. Natan mill-ewwel qallu li għandu jibnih, imma missu ra x’ried Ġeħova qabel wieġeb lil David. Għala? Għax Ġeħova ma riedx li David jibni t-tempju. (1 Kron. 17:1-4) Bħalma naraw minn dan l-eżempju, meta xi ħadd isaqsina għal parir, ikun tajjeb li nkunu ‘tqal biex nitkellmu.’—Ġak. 1:19.
8. X’inhi raġuni oħra għala għandna naħsbu sew qabel nagħtu parir?
8 Hemm raġuni oħra għala għandna naħsbu sew qabel nagħtu parir. Għax jekk minħabba l-parir tagħna xi ħadd jieħu deċiżjoni li ġġiblu konsegwenzi ħżiena, aħna jkollna parti mit-tort. Mela żgur li hu importanti ħafna li naħsbu sew qabel nagħtu parir!
META TAGĦTI PARIR LIL XI ĦADD LI MA JKUNX SAQSA GĦALIH
9. Qabel jagħtu parir, l-anzjani minn xiex iridu jkunu ċerti? (Galatin 6:1)
9 Kultant, l-anzjani jkollhom jagħtu parir lil xi ħu jew oħt li tkun għamlet “pass falz.” (Aqra Galatin 6:1.) Nota taʼ studju maʼ dan il-vers turi li xi ħadd jagħmel pass falz billi jagħmel għażliet ħżiena li jistgħu jwassluh biex jagħmel dnub serju. L-anzjani jridu jgħinu lill-persuna tibqaʼ taqdi lil Ġeħova ħalli tkun tistaʼ tgħix għal dejjem. (Ġak. 5:19, 20) Imma qabel jaraw għandhomx jagħtu parir, għandhom jiftakru li billi persuna tieħu deċiżjoni differenti minn tagħhom, ma jfissirx li qed tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. (Rum. 14:1-4) L-anzjani kif għandhom jagħtu parir jekk jindunaw li xi ħu jew oħt veru għamlet pass falz u se tagħmel il-ħsara lill-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova?
10-12. L-anzjani x’għandhom jagħmlu meta jagħtu parir lil xi ħadd li ma saqsiex għalih? Agħti eżempju. (Ara wkoll l-istampi.)
10 Mhuwiex faċli għall-anzjani biex jagħtu parir lil xi ħadd li ma jkunx saqsa għalih. Għala? Għax l-appostlu Pawlu qal li ħu jew oħt tistaʼ tagħmel pass falz mingħajr ma tinduna. Imbagħad jekk l-anzjani jmorru jtuha parir, forsi ma tifhimx mill-ewwel għala qed jagħtuhulha. Allura qabel jagħtu parir, hemm xi affarijiet li l-anzjani għandhom jagħmlu biex jgħinu lill-aħwa jaċċettaw il-parir.
11 Dan nistgħu nqabbluh maʼ bidwi li jipprova jkabbar pjanta f’ħamrija iebsa. Qabel jiżraʼ ż-żerriegħa, irid jaħdem il-ħamrija billi jaħratha. Imbagħad jiżraʼ ż-żerriegħa u jtiha l-ilma ħalli jgħinha tikber. B’mod simili, qabel anzjan jagħti parir, hemm xi affarijiet li jistaʼ jagħmel ħalli jgħin lil ħu jkun lest li jismaʼ. Pereżempju, jara li hu ħin tajjeb biex jitkellem miegħu, juri li jimpurtah minnu, u mbagħad jgħidlu li jixtieq ikellmu dwar xi ħaġa. Jekk l-aħwa jkunu jafu li anzjan hu qalbu tajba u juri mħabba, se jkun iktar faċli biex jaċċettaw parir mingħandu.
12 Waqt li jkunu qed jitkellmu, l-anzjan jistaʼ jkompli jgħin lill-ħu jaċċetta l-parir billi jgħidlu li kulħadd jiżbalja u jkollu bżonn xi parir. (Rum. 3:23) B’mod kalm u b’rispett, l-anzjan jurih mill-Bibbja kif għamel pass falz. Meta l-ħu jifhem li għamel żball, l-anzjan jispjegalu b’mod ċar xi jrid jagħmel biex jirranġa. Fl-aħħar, l-anzjan qisu jsaqqi l-ħamrija billi jfaħħru għall-affarijiet tajbin li qed jagħmel u jitlob miegħu.—Ġak. 5:15.
Meta anzjan jagħti parir lil xi ħadd li ma jkunx saqsa għalih, hu għandu juri mħabba u jagħmilhielu faċli biex jaċċettah (Ara paragrafi 10-12)
13. L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex ikunu ċerti li l-ħu fehem il-parir?
13 Kultant, dak li jifhem il-ħu ma jkunx il-parir li qal l-anzjan. Allura x’jistgħu jagħmlu l-anzjani biex ikunu ċerti li dan ma jiġrix. (Ekk. 12:11) Huma jistgħu jsaqsu xi mistoqsijiet biex jaraw li l-ħu fehem il-parir u xi jrid jagħmel biex japplikah.
AGĦTI PARIR FL-AĦJAR ĦIN U BL-AĦJAR MOD
14. Għala m’għandniex nagħtu pariri meta nkunu rrabjati?
14 Aħna kollha imperfetti, allura kultant kollha nagħmlu jew ngħidu xi ħaġa li tweġġaʼ lil oħrajn. (Kol. 3:13) Il-Bibbja tgħid li kultant xi ħadd anki jistaʼ jirrabjana. (Efes. 4:26) Imma m’għandniex nagħtu parir waqt li nkunu rrabjati. Għala? “Għax il-persuna li tirrabja ma tkunx qed taġixxi fi qbil mal-ġustizzja t’Alla.” (Ġak. 1:20) Jekk nagħtu parir meta nkunu rrabjati, nistgħu niggravaw is-sitwazzjoni. Dan ma jfissirx li m’għandniex nispjegaw xi nkunu qed naħsbu u nħossu mal-persuna li tkun irrabjatna. Imma jkun aħjar jekk nistennew li nkunu kalmi qabel nitkellmu. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn Eliħu, li ta pariri tajbin lil Ġob.
15. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Eliħu? (Ara wkoll l-istampa.)
15 Għal ġranet sħaħ, Ġob ipprova jiddefendi lilu nnifsu mill-akkużi foloz li bdew jgħidu l-ħbieb tiegħu. Eliħu kien qed jismaʼ u ħass għal Ġob. Imma Eliħu rrabja ħafna għalih għax iffoka ħafna fuqu nnifsu u qal affarijiet dwar Ġeħova li ma kinux veri. Però, Eliħu x’għamel? Hu stenna qabel tkellem u meta tah parir, għamel dan bil-kalma u b’rispett. (Ġob 32:2; 33:1-7) Minn Eliħu nitgħallmu xi ħaġa importanti: L-aħjar mod biex nagħtu parir hu meta nkunu kalmi u ngħiduh b’rispett u mħabba.—Ekk. 3:1, 7.
Eliħu kien irrabjat ħafna b’dak li qal Ġob, imma hu stenna, ikkalma, u kellem lil Ġob b’rispett (Ara paragrafu 15)
KOMPLI AGĦTI U AĊĊETTA L-PARIRI
16. X’nitgħallmu minn Salm 32:8?
16 Fl-iskrittura prinċipali taʼ dan l-artiklu, Ġeħova jgħid: “Se nżomm għajnejja fuqek biex nipproteġik u nagħtik il-pariri.” (Aqra Salm 32:8.) Dan juri li hu se jibqaʼ jgħallimna. Hu mhux biss jagħtina l-pariri, imma jgħinna wkoll biex napplikawhom f’ħajjitna. Kemm hu eżempju tajjeb għalina! Meta jkollna l-privileġġ li nagħtu parir lil xi ħadd, jalla nimitaw lil Ġeħova u nżommu għajnejna fuqu, u ntuh l-għajnuna li jkollu bżonn biex jieħu deċiżjonijiet tajbin.
17. Anzjani li jagħtu pariri mill-Bibbja x’jagħtu prova li huma? Spjega. (Isaija 32:1, 2)
17 Illum, iktar minn qatt qabel, għandna bżonn nagħtu u nirċievu pariri tajbin. (2 Tim. 3:1) Anzjani li jagħtu pariri mill-Bibbja huma “bħal widien bl-ilma f’art mingħajr ilma.” (Aqra Isaija 32:1, 2.) Il-kliem taʼ aħwa li jgħidulna dak li għandna bżonn nisimgħu u mhux dak li nixtiequ nisimgħu hu “bħal tuffieħ tad-deheb imnaqqax fuq platt tal-fidda.” (Prov. 25:11) Mela jalla kollha kemm aħna nkomplu nitgħallmu nagħtu u nirċievu pariri tajbin.
GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha