ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 31
GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ
“Tgħallimt is-Sigriet” taʼ Kif Tkun Kuntent?
“Jien tgħallimt inkun kuntent f’kull sitwazzjoni.”—FLP. 4:11.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif tkun kuntent billi tapprezza dak li għandek, tiffoka fuq dak li jrid Ġeħova u tkun umli, u timmedita fuq il-wegħdi li għamlilna Ġeħova.
1. Xi jfisser li tkun kuntent, u x’ma jfissirx?
INT kuntent? Xi ħadd li hu kuntent ikun ferħan u jħossu fil-paċi għax jiffoka fuq l-affarijiet tajbin li tah Ġeħova. Xi ħadd kuntent ma jħossux iddiżappuntat jew irrabjat għax hemm xi affarijiet li m’għandux. Però, li tkun kuntent biċ-ċirkustanzi tiegħek ma jfissirx li ma jimpurtakx kif tgħix ħajtek. Pereżempju, ma fiha xejn ħażin li Kristjan ikun jixtieq jagħmel iktar għal Ġeħova. (Rum. 12:1; 1 Tim. 3:1) Imma anki jekk ma jirċivix il-privileġġ li jkun jixtieq mill-ewwel, xorta jibqaʼ ferħan.
2. Jekk ma nkunux kuntenti x’jistaʼ jiġri?
2 Jekk ma nkunux kuntenti, nistgħu nibdew nieħdu deċiżjonijiet ħżiena. Dawk li qatt ma jkunu kuntenti b’dak li għandhom jaf jibdew jaħdmu sigħat itwal biex ikunu jistgħu jixtru affarijiet li mhux vera għandhom bżonn. B’dispjaċir, xi Kristjani anki waslu biex jisirqu flus u affarijiet oħra li xtaqu. Forsi kkonvinċew lilhom infushom billi qalu, ‘Ħaqqni, hux?,’ ‘Ilni nixtieqha,’ jew ‘Issa nħallashom lura iktar tard.’ Imma kull tip taʼ serq hu ħażin u jiddiżonora lil Ġeħova. (Prov. 30:9) Oħrajn tant kienu diżappuntati għax ma rċivewx il-privileġġ li xtaqu, li ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova. (Gal. 6:9) Kif jistaʼ qaddej mgħammed taʼ Ġeħova jasal biex jagħmel xi ħaġa bħal din? Il-problema jaf tkun li l-persuna bil-mod il-mod ma baqgħetx kuntenta b’dak li għandha.
3. Liema lezzjoni inkuraġġanti nitgħallmu minn Filippin 4:11, 12?
3 Ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu nkunu kuntenti. L-appostlu Pawlu kiteb: “Jien tgħallimt inkun kuntent f’kull sitwazzjoni.” (Aqra Filippin 4:11, 12.) Hu kiteb dan il-kliem meta kien il-ħabs. Minkejja dan, ma kienx tilef il-ferħ tiegħu għax hu kien ‘tgħallem is-sigriet’ taʼ kif ikun kuntent. Jekk insibuha diffiċli biex inkunu kuntenti, il-kliem u l-esperjenza taʼ Pawlu juruna li, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, aħna nistgħu nkunu ferħanin. M’għandniex nistennew li se nkunu kuntenti b’mod awtomatiku. Minflok, din hi xi ħaġa li rridu naħdmu għaliha. Kif? Ejja naraw xi kwalitajiet li se jgħinuna nkunu kuntenti.
TGĦALLEM APPREZZA DAK LI GĦANDEK
4. Li titgħallem tapprezza dak li għandek kif se jgħinek tkun kuntent? (1 Tessalonikin 5:18)
4 Li titgħallem tapprezza dak li għandek se jgħinek tkun kuntent. (Aqra 1 Tessalonikin 5:18.) Pereżempju, meta napprezzaw li għandna l-affarijiet neċessarji, x’aktarx mhux ħa naħsbu żżejjed fuq l-affarijiet li nixtiequ. Meta napprezzaw il-privileġġi li għandna bħalissa, se naħsbu kif nistgħu nagħmluhom aħjar u ma nkunux moħħna fuq il-privileġġi li nixtiequ li jkollna. Mela mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tħeġġiġna nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-talb tagħna! Meta nitgħallmu napprezzaw, Alla jagħtina l-paċi “li l-bnedmin ma jistgħux jifhmuha.”—Flp. 4:6, 7.
5. L-Iżraelin x’messhom apprezzaw? (Ara wkoll l-istampa.)
5 Ejja naraw x’ġara lill-Iżraelin. Ħafna drabi huma gergru ma’ Ġeħova għax riedu l-ikel li kellhom fl-Eġittu. (Num. 11:4-6) Huwa veru li l-ħajja fid-deżert ma kinitx faċli, imma l-Iżraelin x’setgħu jagħmlu biex ikunu kuntenti? Messhom ħasbu b’apprezzament fuq l-affarijiet kollha li Ġeħova kien għamel għalihom. Fl-Eġittu, fejn kienu trattati ħażin bħala skjavi, Ġeħova kien bagħat għaxar kastigi fuq l-Eġizzjani u lilhom salvahom. Qabel telqu mill-Eġittu, Ġeħova kien għenhom ‘jieħdu r-rikkezzi tal-Eġizzjani,’ bħal deheb, fidda, u ħwejjeġ. (Eżo. 12:35, 36) Meta l-armata Eġizzjana marret warajhom u spiċċaw quddiem il-Baħar l-Aħmar mingħajr ma kellhom fejn jaħarbu, Ġeħova b’miraklu fetaħ il-baħar. U meta kienu fid-deżert, hu temagħhom il-manna kuljum. Mela x’kienet il-problema tal-Iżraelin? Il-problema ma kinitx għax ma kellhomx biżżejjed ikel, imma għax m’apprezzawx dak li Ġeħova kien diġà tahom.
L-Iżraelin għala ma baqgħux kuntenti? (Ara paragrafu 5)
6. X’nistgħu nagħmlu biex napprezzaw dak li għandna?
6 X’tistaʼ tagħmel biex tapprezza dak li għandek? L-ewwel, sib ħin kuljum biex taħseb dwar l-affarijiet tajbin li tgawdi. Tistaʼ anki tikteb żewġ affarijiet jew tlieta li tapprezza. (Lam. 3:22, 23) It-tieni, tgħallem apprezza dak li jagħmlu oħrajn għalik u għid grazzi. U l-iktar importanti, irringrazzja lil Ġeħova kuljum. (Slm. 75:1) It-tielet, agħżel bħala l-ħbieb tiegħek nies li japprezzaw. Jekk il-ħbieb tagħna jkunu nies li ma japprezzawx jew li spiss igergru, nistgħu nispiċċaw bħalhom. Imma jekk il-ħbieb tagħna jkunu nies li japprezzaw, l-attitudni tajba tagħhom se tgħinna nimitawhom. (Dewt. 1:26-28; 2 Tim. 3:1, 2, 5) Meta nitgħallmu nuru l-apprezzament, inqas se naħsbu fuq id-diffikultajiet tagħna jew fuq l-affarijiet li nixtiequ.
7. X’għen lil Aci biex tkun kuntenta?
7 Ara x’ġara lil Aci, li tgħix l-Indoneżja. Hi tammetti: “Waqt il-pandemija tal-COVID-19, bdejt inqabbel iċ-ċirkustanzi tiegħi ma’ t’aħwa oħrajn. Minħabba f’hekk, ma bqajtx kuntenta.” (Gal. 6:4) X’għenha tbiddel il-mod kif kienet qed taħseb? Aci tgħid: “Kuljum, bdejt noqgħod attenta għall-affarijiet tajbin li Ġeħova kien qed itini u naħseb dwar kemm ingawdi affarijiet tajbin għax nagħmel parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Imbagħad, kont ngħid grazzi lil Ġeħova għal dawn l-affarijiet kollha. Dan għenni nkun kuntenta.” Jekk minħabba ċ-ċirkustanzi tiegħek ma tħossokx kuntent, tistaʼ tagħmel xi affarijiet li għamlet Aci biex tapprezza dak li għandek?
IFFOKA FUQ DAK LI JRID ĠEĦOVA U KUN UMLI
8. Baruk f’liema nassa waqaʼ?
8 Is-segretarju tal-profeta Ġeremija, Baruk, għal xi żmien waqaʼ f’nassa. Hu kellu inkarigu diffiċli. Dan kien li jgħin lil Ġeremija jgħid lill-Iżraelin ingrati x’kien se jagħmel Ġeħova talli m’obdewhx. Imma minflok ma ffoka fuq x’riedu jagħmel Ġeħova, beda jaħseb wisq fuq x’ried jagħmel hu. Permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova qal lil Baruk: “Int qed tfittex ħwejjeġ kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom.” (Ġer. 45:3-5) Fi kliem ieħor, Ġeħova kien qed jgħidlu: “Kun kuntent biċ-ċirkustanzi li għandek bħalissa.” Baruk semaʼ mill-parir taʼ Ġeħova u minħabba f’hekk, baqaʼ l-ħabib tiegħu.
9. L-1 Korintin 4:6, 7 x’jgħallimna? (Ara wkoll l-istampi.)
9 Ġieli, qaddej taʼ Ġeħova jibda jħoss li ħaqqu xi privileġġ. Jistaʼ jkun li għandu ħafna abbiltajiet, jaħdem iebes, jew ilu jaqdi lil Ġeħova għal ħafna snin. Però, oħrajn jirċievu l-privileġġ li jkun jixtieq hu. X’jistaʼ jagħmel jekk jibda jħossu diżappuntat? Jistaʼ jaħseb dwar dak li qal l-appostlu Pawlu fl-1 Korintin 4:6, 7. (Aqra.) Kull privileġġ li nirċievu u kull abbiltà li jkollna ġejjin mingħand Ġeħova, mhux għax ħaqqna jew għax aħna iktar speċjali minn oħrajn. Dawn kollha tahomlna Ġeħova grazzi għall-qalb tajba kbira tiegħu.—Rum. 12:3, 6; Efes. 2:8, 9.
Kull privileġġ jew abbiltà li għandna tahomlna Ġeħova grazzi għall-qalb tajba kbira tiegħu (Ara paragrafu 9)b
10. Kif nistgħu nkunu umli?
10 Aħna nistgħu nitgħallmu nkunu umli jekk nimmeditaw fuq l-eżempju taʼ Ġesù u nimitawh. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Għalhekk, peress li Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh u li kien ġej mingħand Alla u kien reġaʼ sejjer għand Alla, . . . beda jaħsel saqajn id-dixxipli.” (Ġw. 13:3-5) Ġesù ħasel saqajn l-appostli tiegħu avolja kien l-Iben t’Alla u kellu ħafna awtorità. Ġesù setaʼ ħass li l-appostli kellhom jaħslulu saqajh. Imma meta kien fuq l-art, hu qatt ma ħaseb li għax hu l-Iben t’Alla kellu jkollu dar, ħafna flus, jew ħajja komda. (Luqa 9:58) Ġesù kien umli u minħabba f’hekk, kien kuntent. X’eżempju mill-aqwa għalina biex nimitawh!—Ġw. 13:15.
11. L-umiltà kif għenet lil Dennis iħossu kuntent?
11 Dennis, mill-Olanda, qed jipprova jimxi fuq l-eżempju taʼ Ġesù, imma mhux dejjem isibha faċli jkun umli. Hu jgħid: “Ninnota li meta xi ħadd jirċievi privileġġ li nkun xtaqt jien, ġieli nibda nħossni kburi u mhux kuntent. Meta jiġrili hekk, nistudja dwar l-umiltà. Fl-app tal-JW Library® għamilt tag mal-iskritturi li jitkellmu dwar l-umiltà biex inkun nistaʼ nsibhom malajr u nerġaʼ naqrahom. Fuq il-mowbajl niżżilt ukoll taħditiet dwar l-umiltà u spiss noqgħod nismagħhom.a Tgħallimt li dak kollu li nagħmlu għal Ġeħova għandu jkun biex infaħħruh, mhux biex niġbdu l-attenzjoni lejna nfusna. Ġeħova b’qalb tajba qed iħallina nieħdu sehem fix-xogħol tiegħu, imma hu l-wieħed li qed imexxi kollox.” Jekk ikun hemm mumenti li tibda tħossok mhux ferħan għax m’għandekx il-privileġġi li tixtieq, aħdem biex tkun umli. Dan se jgħinek issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova, u b’hekk tħossok kuntent.—Ġak. 4:6, 8.
IMMEDITA FUQ IL-FUTUR SABIĦ LI WEGĦEDNA ĠEĦOVA
12. Liema wegħdi jgħinuna nkunu kuntenti? (Isaija 65:21-25)
12 Li nimmeditaw dwar il-futur sabiħ li Ġeħova se jagħtina se jgħinna nkunu kuntenti. Fil-ktieb taʼ Isaija, Ġeħova stess qal li l-ħajja llum hi diffiċli, imma jwegħedna li hu se jneħħilna d-diffikultajiet kollha. (Aqra Isaija 65:21-25.) Aħna se ngħixu fi djar komdi u nħossuna protetti, se jkollna xogħol li nieħdu pjaċir nagħmlu, u se nieklu ikel tajjeb u sustanzjuż. Qatt iktar mhu se ninkwetaw li tistaʼ tiġri xi ħaġa lilna jew lit-tfal tagħna. (Isa. 32:17, 18; Eżek. 34:25) Nistgħu nkunu ċerti li dawn il-wegħdi sbieħ kollha żgur se jiġru.
13. F’liema ċirkustanzi jkun tajjeb li niftakru fil-wegħdi taʼ Ġeħova għall-futur?
13 Issa, iktar minn qatt qabel, hu importanti li naħsbu spiss dwar il-wegħdi li Ġeħova għamlilna. Għala? Għax qed ngħixu “fl-aħħar jiem” u lkoll kemm aħna niffaċċjaw sitwazzjonijiet “diffiċli.” (2 Tim. 3:1) Ġeħova kuljum jgħinna nissaportu billi jagħtina l-gwida, is-saħħa, u s-sapport li għandna bżonn. (Slm. 145:14) Apparti minn hekk, dawn il-wegħdi jistgħu jgħinuna speċjalment meta ngħaddu minn problemi persunali. Forsi int qed taħdem iebes ħafna biex il-familja jkollha l-ikel, il-ħwejjeġ, u post fejn toqgħod. Imma jfisser dan li se tibqaʼ f’din is-sitwazzjoni għal dejjem? Dażgur li le! Ġeħova jwiegħdek li fil-Ġenna tal-art se jagħtik dak li għandek bżonn u ħafna u ħafna iktar. (Slm. 9:18; 72:12-14) Forsi int qed tbati minn marda serja, dipressjoni, jew mill-effetti tax-xjuħija. Imma jfisser dan li se tibqaʼ tbati u qatt mhu se tħossok aħjar? Dażgur li le! Il-mard u l-mewt se jispiċċaw fid-dinja l-ġdida. (Riv. 21:3, 4) Din it-tama tgħinna biex ma nħossuniex frustrati u mdejqin. Aħna nistgħu nkunu kuntenti anki meta niffaċċjaw inġustizzja, nitilfu lil xi ħadd li nħobbu fil-mewt, jew tiġrilna xi ħaġa kerha f’ħajjitna. Għala? Għax huma kemm huma diffiċli ċ-ċirkustanzi tagħna, aħna nafu li dawn huma “għal ftit żmien biss” u li fid-dinja l-ġdida qatt iktar mhu se nbatu.—2 Kor. 4:17, 18.
14. Kif nistgħu nkunu iktar ċerti li l-wegħdi taʼ Ġeħova se jiġru żgur?
14 La t-tama għall-futur tgħinna nkunu kuntenti, kif nistgħu nkunu iktar ċerti li l-wegħdi taʼ Ġeħova se jiġru żgur? Bħalma persuna jaf ikollha bżonn tilbes nuċċali tal-vista biex tara affarijiet fil-bogħod iktar ċari, aħna jaf ikollna nagħmlu xi affarijiet biex nimmaġinaw lilna nfusna fil-Ġenna tal-art. Pereżempju, meta nibdew ninkwetaw ħafna dwar il-problemi finanzjarji tagħna, ikun tajjeb nimmaġinaw lilna nfusna fis-sistema l-ġdida, meta mhux se jkun hemm flus u dejn, u meta kulħadd ikun indaqs. Jekk inħossuna diżappuntati għax m’għandniex ċerti privileġġi li xtaqna, ikun tajjeb li naħsbu kemm dawn l-affarijiet mhux se jkunu importanti meta nkunu perfetti u ilna naqdu lil Ġeħova għal eluf taʼ snin. (1 Tim. 6:19) Jistaʼ jkun li minħabba li bħalissa għandna ħafna fuqiex ninkwetaw, insibuha diffiċli biex nimmeditaw fuq il-barkiet li Ġeħova se jtina fil-futur. Imma jekk nitgħallmu nagħmlu dan, maż-żmien iktar se jkun faċli niffokaw fuqhom milli fuq il-problemi tagħna.
15. X’titgħallem minn dak li qalet Christa?
15 Ara kif il-wegħdi dwar il-futur għenu lil Christa, il-mara taʼ Dennis, li ssemma qabel. Hi tgħid: “Jien għandi marda li teffettwali l-muskoli. Minħabba f’hekk ikolli nuża wheelchair u jkolli noqgħod fis-sodda ħafna mill-ħin. Kuljum inkun muġugħa. Dan l-aħħar, it-tabib anki qalli li mhux se mmur għall-aħjar. Imma jien mill-ewwel għedt f’qalbi, ‘Hu ma jarax il-futur kif narah jien.’ Jien niffoka fuq dak li wegħedni Ġeħova, allura nħossni kalma. Bħalissa vera jaf qed ikolli nissaporti ħafna problemi. Imma fid-dinja l-ġdida se jkolli ħajja mill-isbaħ!”
“DAWK LI JIRRISPETTAWH MA JKUN JONQOSHOM XEJN”
16. Ir-Re David għala setaʼ jikteb li dawk li jirrispettaw lil Ġeħova “ma jkun jonqoshom xejn”?
16 Anki qaddejja kuntenti taʼ Ġeħova jiffaċċjaw il-problemi. Aħseb fir-Re David. Hu tilef minn tal-inqas tlett itfal, ġie akkużat b’mod falz, xi ħbieb tiegħu tradewh, u għal diversi snin kellu jaħrab minn re li ried joqtlu. Minkejja dan, waqt li kien għaddej minn dan kollu, hu kien kuntent. Fil-fatt, qal dwar Ġeħova: “Dawk li jirrispettawh ma jkun jonqoshom xejn.” (Slm. 34:9, 10) Għala setaʼ jgħid hekk? Għax David kien jaf li għalkemm Ġeħova ma jistax iwaqqaf il-problemi tiegħu, hu dejjem kien se jagħtih dak li kellu bżonn. U aħna, bħal David, nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova se jgħinna nissaportu matul il-provi kollha tagħna. (Slm. 145:16) Aħna nistgħu nkunu kuntenti jiġri x’jiġri.
17. Għala trid tkun kuntent?
17 Ġeħova jridek tkun kuntent. (Slm. 131:1, 2) Għalhekk, issa li “tgħallimt is-sigriet” taʼ kif tkun kuntent, agħmel dak kollu li tistaʼ biex tapprezza dak li għandek, tibqaʼ ffokat fuq dak li jrid Ġeħova u tkun umli, u tkun ċert mill-wegħdi li Ġeħova tak għall-futur. Jekk tagħmel hekk, int se tkun tistaʼ tgħid: “Jien kuntent.”—Slm. 16:5, 6.
GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”
a Pereżempju, fuq jw.org, fis-sezzjoni Qima taʼ Filgħodu, ara l-vidjows Umli jew Kburi, Jehovah Cares for the Humble u Pride Is Before a Crash.
b X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu qed jagħmel xogħol taʼ manutenzjoni f’binja tal-organizzazzjoni, oħt li tgħallmet il-lingwa tas-sinjali qed tagħmel intervista waqt assemblea tas-circuit, u ħu qed jagħmel taħdita pubblika.