LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Awwissu pp. 2-7
  • Kif Ġeħova Jgħinek Tissaporti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Ġeħova Jgħinek Tissaporti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-TALB
  • IL-BIBBJA
  • L-AĦWA
  • IT-TAMA
  • Tinsiex li Ġeħova “Hu l-Alla l-Ħaj”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Ittra li Tistaʼ Tgħinna Nibqgħu Leali sal-Aħħar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ġeħova “Jfejjaq lil Dawk taʼ Qalbhom Maqsuma”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Awwissu pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 32

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

Kif Ġeħova Jgħinek Tissaporti

“L-Alla li juri qalb tajba kbira f’kollox . . . se jsaħħaħkom, se jgħinkom tibqgħu leali, u se jissodakom.”—1 PT. 5:10.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Ġeħova tana erbaʼ affarijiet biex jgħinna nissaportu u se naraw kif nistgħu nużawhom biex nibqgħu leali sal-aħħar.

1. Għala hemm bżonn nibqgħu nissaportu, u min se jgħinna? (1 Pietru 5:10)

F’DAWN l-aħħar jiem, ilkoll kemm aħna għaddejjin minn xi problemi, allura rridu nibqgħu nissaportu. Xi wħud ilhom ibatu minn marda serja għal ħafna żmien. Oħrajn qed ibatu minħabba li tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-mewt. (Mat. 10:​18, 36, 37) U hemm oħrajn li qed jiġu ppersegwitati minn tal-familja jew uffiċjali tal-gvern. Hi x’inhi l-problema li għaddej minnha, int tistaʼ tkun konvint li Ġeħova se jgħinek tissaporti.—Aqra 1 Pietru 5:10.

2. Min jgħinna nissaportu?

2 Li tissaporti jfisser li tibqaʼ leali lejn Ġeħova u taqdih bil-ferħ anki meta tkun għaddej mid-diffikultajiet, tiġi ppersegwitat, jew tiġi ttantat biex tagħmel xi dnub. Biex tkun tistaʼ tissaporti, trid tibqaʼ tittama li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar fil-futur. L-abbiltà li nissaportu ma tiġix mis-saħħa tagħna imma tiġi minn Ġeħova, il-wieħed li jistaʼ jagħtina “l-qawwa iktar min-normal.” (2 Kor. 4:7) F’dan l-artiklu se niddiskutu erbaʼ affarijiet li Ġeħova tana biex jgħinna nissaportu. Se naraw ukoll xi rridu nagħmlu biex nibbenefikaw minn kull waħda minnhom.

IT-TALB

3. It-talb għala hu xi ħaġa tal-għaġeb?

3 Ġeħova tana xi ħaġa tal-għaġeb li tgħinna nissaportu. Avolja aħna imperfetti, hu għamilha possibbli li nitkellmu miegħu u hu jismagħna. (Lhud 4:16) Aħseb ftit, ikun x’ħin ikun aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova dwar kull sitwazzjoni. Hu jistaʼ jifhem kull lingwa u jismagħna kull fejn inkunu, anki jekk inkunu waħedna jew fil-ħabs. (Ġona 2:​1, 2; Atti 16:​25, 26) U meta nħossuna tant anzjużi li lanqas inkunu nafu x’se naqbdu ngħidu, Ġeħova xorta jifhem x’nixtiequ ngħidulu. (Rum. 8:​26, 27) It-talb vera hu xi ħaġa tal-għaġeb!

4. Kif nafu li meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nissaportu hu żgur se jgħinna?

4 Fil-Kelma tiegħu, Ġeħova jwegħedna li “kulma nitolbuh skont dak li jrid hu, hu jismagħna.” (1 Ġw. 5:14) Imma nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nissaportu? Iva! Għax Ġeħova jrid li aħna nkomplu nissaportu. Kif nafu? Meta nissaportu nkunu qed ngħinu biex Ġeħova jwieġeb lil dak li jgħajru, Satana. (Prov. 27:11) Barra minn hekk, il-Bibbja tgħid li Ġeħova jrid “juri s-saħħa tiegħu billi jgħin lil dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Mela nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jrid jgħinna u li hu jistaʼ jtina l-qawwa biex nagħmlu dan.—Isa. 30:18; 41:10; Luqa 11:13.

5. It-talb kif jistaʼ jgħinna jkollna l-paċi u nħossuna kalmi? (Isaija 26:3)

5 Il-Bibbja tgħid li meta nitolbu dwar dak kollu li jinkwetana, ‘Alla se jagħtina l-paċi, u din se tipproteġi lil qalbna u l-ħsibijiet tagħna. Din il-paċi hi xi ħaġa li l-bnedmin ma jistgħux jifhmuha.’ (Flp. 4:7) Aħseb dwar xi jfisser dan. In-nies li ma jaqdux lil Ġeħova jkollhom ħafna problemi wkoll. Ħafna minnhom jipprovaw modi differenti biex iżommu kalmi u jinsew il-problemi. Pereżempju, xi nies jipprovaw tip taʼ meditazzjoni biex ibattlu moħħhom mill-ħsibijiet kollha u b’hekk iżommu kalmi. Imma meta persuna tagħmel hekk, tkun qed tagħti opportunità lid-demonji biex jinfluwenzawha, għax ma tkunx qed tikkontrolla l-ħsibijiet tagħha. Dan hu perikoluż ħafna. (Ara l-prinċipju f’​Mattew 12:​43-45.) Apparti minn hekk, dawn in-nies avolja jħossuhom kalmi dak il-ħin, m’għandhomx il-paċi vera li jagħti Alla, li hi ħafna aħjar. Aħna nafdaw kompletament lil Ġeħova, allura nitolbuh għall-paċi. Imbagħad bħalma jwiegħed, hu se ‘jgħinna jibqaʼ jkollna l-paċi.’ (Aqra Isaija 26:3.) Mod kif jagħmel dan hu billi jgħinna niftakru versi li jinkuraġġuna. Dawn il-versi jfakkruna kemm iħobbna u kemm jixtieq jgħinna. B’hekk inħossuna kalmi.—Slm. 62:​1, 2.

6. Kif tistaʼ tibbenefika l-iktar mit-talb? (Ara wkoll l-istampa.)

6 Dak li tistaʼ tagħmel. Jekk għaddej minn xi problema, “ħalli l-ansjetajiet tiegħek f’idejn Ġeħova” u itolbu biex jagħtik il-paċi. (Slm. 55:22) Importanti titlob ukoll għall-għerf biex tkun taf x’għandek tagħmel. (Prov. 2:​10, 11) Apparti li titlob lil Ġeħova biex jgħinek tissaporti, irringrazzjah ukoll. (Flp. 4:6) Aħseb f’modi kif kuljum qed jgħinek u jissapportjak, u rringrazzjah għal kulma qed jagħtik. Tħallix il-prova ttellfek milli tara kif Ġeħova qed jgħinek.—Slm. 16:​5, 6.

Ħu kbir fl-età bilqiegħda d-dar jitlob waqt li barra jidher li hi x-xitwa. Fuq saqajh hemm Bibbja miftuħa, u fuq il-mejda taʼ ħdejh hemm bott pirmli.

Meta titlob tkun qed titkellem maʼ Ġeħova. Meta taqra l-Bibbja, Ġeħova jkun qed jitkellem miegħek (Ara paragrafu 6)b


IL-BIBBJA

7. Li nistudjaw il-Bibbja kif jistaʼ jgħinna nissaportu?

7 Biex jgħinna nissaportu, Ġeħova tana l-Bibbja. Fiha nsibu ħafna versi li jgħallmuna li Ġeħova żgur se jgħinna. Aħseb dwar dan l-eżempju: Mattew 6:8 jgħid: “Missierkom jaf x’għandkom bżonn saħansitra qabel ma titolbuh.” Dan il-kliem qalu Ġesù, l-iktar persuna li jaf lil Ġeħova. B’hekk, aħna nistgħu nkunu ċerti li meta nkunu qed inbatu, Ġeħova jaf x’għandna bżonn u żgur se jgħinna. Il-Bibbja fiha ħafna wegħdi oħra li jistgħu jagħtuna s-saħħa li jkollna bżonn biex nissaportu żminijiet diffiċli.—Slm. 94:19.

8. (a) Agħti eżempju taʼ prinċipju tal-Bibbja li jistaʼ jgħinek tissaporti. (b) X’jistaʼ jgħinna niftakru prinċipji tal-Bibbja meta jkollna bżonnhom?

8 Il-prinċipji tal-Bibbja wkoll jistgħu jgħinuna nissaportu. Dawn jistgħu jagħtuna l-għerf li għandna bżonn biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Prov. 2:​6, 7) Pereżempju, il-Bibbja tgħidilna biex nieqfu ninkwetaw dwar x’jistaʼ jiġri fil-futur u minflok nistrieħu fuq Ġeħova kuljum. (Mat. 6:34) Jekk inkunu mdorrijin naqraw il-Bibbja kuljum u naħsbu sew dwar dak li naqraw, se jkun iktar faċli biex niftakru l-pariri tal-Bibbja meta niġu biex nieħdu xi deċiżjoni jew nissaportu xi problema.

9. Meta naqraw mill-Bibbja kif Ġeħova għen lill-qaddejja tiegħu, kif se nħossuna?

9 Fil-Bibbja nsibu wkoll stejjer veri taʼ nies bħalna li fdaw f’Ġeħova u fiha naraw kif hu għenhom. (Lhud 11:​32-34; Ġak. 5:17) Meta naħsbu dwar kif Ġeħova għen lil dawn in-nies, se nkunu iktar ċerti li se jgħin lilna wkoll. “Hu l-wieħed li jipproteġina u jsaħħaħna. Hu dejjem jgħinna fi żmien taʼ inkwiet.” (Slm. 46:1) Meta naħsbu dwar kif il-qaddejja taʼ Ġeħova wrew fidi fih u baqgħu jaqduh anki fi żminijiet diffiċli ħafna, inħossuna inkuraġġiti biex nagħmlu bħalhom.—Ġak. 5:​10, 11.

10. Kif tistaʼ tuża l-Bibbja bl-aħjar mod possibbli?

10 Dak li tistaʼ tagħmel. Aqra l-Bibbja kuljum u agħmel lista taʼ versi li tħosshom jgħinuk. Ħafna jsibuha t’għajnuna li jaqraw id-daily text kull filgħodu għax ikollhom xi ħaġa inkuraġġanti fuqiex jaħsbu matul il-ġurnata. Oħt jisimha Mariea ndunat kemm dan hu veru meta l-ġenituri tagħha qabadhom il-kanċer, fl-istess żmien. X’għenha tissaporti meta kienet qed tieħu ħsiebhom fl-aħħar xhur tagħhom? Hi tgħid: “Kull filgħodu kont naqra d-daily text mill-ktieb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum u kont naħseb sew dwar dak il-vers. Kuljum dan kien jgħinni ħafna biex naħseb dwar Ġeħova u l-affarijiet sbieħ li għallem fil-Bibbja, minflok ma noqgħod naħseb biss fuq il-problemi li kelli.”—Slm. 61:2.

L-AĦWA

11. Għala huwa inkuraġġanti li nafu li mhux waħedna qed nissaportu l-provi?

11 Ġeħova tana l-aħwa biex jgħinna nissaportu. Il-fatt li nafu “li l-aħwa kollha madwar id-dinja għaddejjin mill-istess tbatijiet” bħalna jinkuraġġina għax nafu li mhux waħedna qed inbatu. (1 Pt. 5:9) Dan ifisser li hemm aħwa li għaddew minn problemi bħal tiegħek u baqgħu leali lejn Ġeħova. B’hekk tistaʼ tkun ċert li int tistaʼ tissaporti wkoll!—Atti 14:22.

12. L-aħwa kif jistgħu jgħinuna, u aħna x’nistgħu nagħmlu għalihom? (2 Korintin 1:​3, 4)

12 L-aħwa jistgħu jinkuraġġuna biex nissaportu b’dak li jgħidu u jagħmlu. L-appostlu Pawlu esperjenza dan l-inkuraġġiment. Fl-ittri tiegħu, taʼ spiss kien isemmi l-ismijiet taʼ dawk l-aħwa li għenuh meta ma setax joħroġ mid-dar u rringrazzjahom. Dawn l-aħwa tkellmu b’qalb tajba maʼ Pawlu u anke pprovdewlu dak li kellu bżonn. (Flp. 2:​25, 29, 30; Kol. 4:​10, 11) Anki llum, l-aħwa jistgħu jinkuraġġuna meta jkollna żmien diffiċli, u aħna nistgħu nagħmlu l-istess meta huma jkunu qed ibatu.—Aqra 2 Korintin 1:​3, 4.

13. X’għen lil oħt jisimha Maya biex tissaporti?

13 Fl-2020, il-pulizija fir-Russja daħlu f’dar taʼ oħt jisimha Maya u għamlu tfittxija. Imbagħad, hi kellha titlaʼ l-qorti biex tiddefendi lilha nfisha talli tkellmet maʼ oħrajn dwar dak li temmen. Maya qalet li dak iż-żmien l-aħwa vera inkuraġġewha. Hi tgħid: “Dak iż-żmien vera kont għajjiena, anzjuża, u mdejqa. Imma l-aħwa kienu jċempluli u jibagħtuli l-ittri u l-messaġġi. Kienu dejjem jaċċertawni kemm iħobbuni. Jien dejjem kont naf li l-aħwa huma l-familja tiegħi u li jħobbuni, imma wara din l-esperjenza sirt iktar konvinta.”

14. X’nistgħu nagħmlu biex nibbenefikaw mill-għajnuna tal-aħwa? (Ara wkoll l-istampa.)

14 Dak li tistaʼ tagħmel. Int u tissaporti xi problema, importanti li titkellem taʼ spiss mal-aħwa u tqattaʼ l-ħin magħhom. Tiddejjaqx issaqsi lill-anzjani għall-għajnuna. Huma jistgħu jkunu “post taʼ kenn mir-riħ, refuġju mill-maltempata.” (Isa. 32:​2, ntt.) Ftakar ukoll li anki ħutek għaddejjin mill-problemi. Li tagħmel xi ħaġa sabiħa għal xi ħadd li għaddej minn prova, se jgħinek tħossok ferħan u jgħinek tissaporti.—Atti 20:35.

L-istess ħu kbir fl-età li deher fl-istampa taʼ qabel bilqiegħda d-dar waqt li barra jidher li hi r-rebbiegħa. Hu qed jieħu pjaċir jitkellem maʼ familja li għandha żewġt ibniet żgħar. Maġenbu hemm bastun u iktar bottijiet tal-pirmli. Waħda mit-tfal qed turih tpinġija li għamlet tal-Ġenna tal-art.

Qattaʼ l-ħin mal-aħwa (Ara paragrafu 14)c


IT-TAMA

15. It-tama għal futur aħjar kif għenet lil Ġesù u kif tistaʼ tgħin lilna? (Lhud 12:2)

15 Biex jgħinna nissaportu, Ġeħova tana tama li se ssir żgur. (Rum. 15:13) It-tama għenet lil Ġesù jissaporti l-iktar ġurnata diffiċli tal-ħajja tiegħu. (Aqra Lhud 12:2.) Ġesù kien jaf li jekk jibqaʼ leali lejn Missieru kien se jagħti prova li dak kollu li qal Satana dwar Ġeħova kien gideb u li Missieru biss jixraqlu l-qima. Barra minn hekk, Ġesù kien qed iħares ’il quddiem biex jerġaʼ jkun maʼ Missieru fis-sema u anki għal meta kien se jkun Re u jmexxi mal-144,000. Bl-istess mod, it-tama li għandna li ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla tgħinna nissaportu kull prova li jistaʼ jkollna minħabba d-dinja taʼ Satana.

16. It-tama kif għenet lil oħt tissaporti, u x’titgħallem minn dak li qalet?

16 It-tama li ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida għenet lil oħt jisimha Anna fir-Russja. Ir-raġel tagħha ġie arrestat u tefgħuh il-ħabs sakemm tinstemaʼ l-kawża fil-qorti. Meta ġara dan, Anna qalet: “Taʼ spiss nitlob lil Ġeħova dwar it-tama li tani u naħseb ħafna dwar dak il-futur. Dan jgħinni ma nħossnix skuraġġita żżejjed. Jien naf li wara dawn id-diffikultajiet kollha ġejjin affarijiet sbieħ. Ġeħova se jirbaħ lill-għedewwa tiegħu u se jberikna talli nibqgħu leali.”

17. Kif nistgħu nuru li napprezzaw it-tama li Ġeħova tana? (Ara wkoll l-istampa.)

17 Dak li tistaʼ tagħmel. Taʼ spiss aħseb dwar il-futur sabiħ li Ġeħova għandu preparat għalik. Immaġina kif se tkun ħajtek meta tkun qed tgħix f’dik id-dinja l-ġdida mal-ħbieb u l-familja tiegħek u kif kulħadd se jkun ferħan. Kull prova li se jkollok f’dan iż-żmien se tkun “għal ftit żmien biss u ħafifa” meta tqabbilha maʼ li tgħix għal dejjem f’Ġenna tal-art. (2 Kor. 4:17) Barra minn hekk, agħmel kulma tistaʼ biex tgħid lil oħrajn dwar il-wegħdi t’Alla għall-futur. Ipprova immaġina kemm hi diffiċli l-ħajja għal dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. Huma wkoll għandhom ħafna problemi imma m’għandhomx idea x’se jagħmel Ġeħova dalwaqt biex jirranġa kollox. Anki jekk tgħidilhom xi ħaġa żgħira biss, jistaʼ jkun li tqajmilhom l-interess biex isiru jafu iktar dwar Ġeħova u s-Saltna tiegħu.

L-istess ħu kbir fl-età bilqiegħda d-dar waqt li barra jidher li hi l-ħarifa. Hu qed jaħseb fuq l-istampa tal-Ġenna tal-art li għandu fuq it-tablet. Maġenbu hemm walker li tgħinu jimxi u ħafna bottijiet tal-pirmli.

Taʼ spiss aħseb dwar il-futur sabiħ li Ġeħova għandu lest għalik (Ara paragrafu 17)d


18. Għala nistgħu nafdaw fil-wegħdi taʼ Ġeħova?

18 Wara li Ġob issaporta ħafna provi u baqaʼ leali, hu qal lil Ġeħova: “Issa naf li int kapaċi tagħmel kollox, m’hemm xejn li hu impossibbli għalik.” (Ġob 42:2) Ġob fehem li m’hemm xejn li jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jagħmel dak li wiegħed. Meta niftakru li Ġeħova żgur se jżomm il-wegħdi tiegħu u se jneħħi l-problemi kollha, jistaʼ jkollna s-saħħa biex nissaportu. Pereżempju, immaġina mara li għandha marda kerha. Hi tħossha skuraġġita ħafna għax avolja ħafna tobba ppruvaw ifejquha, ma rnexxilhomx isibu eżatt x’għandha. Imma darba jiġi tabib li jgħidilha eżatt x’inhi l-problema li għandha u x’se jagħmel biex ifejjaqha. Avolja se ddum biex tfiq, dik il-mara mill-ewwel tibda tħossha aħjar. Hi ssibha iktar faċli biex tissaporti għax ċerta li se tfiq. Bl-istess mod, aħna nistgħu nibqgħu nissaportu għax ċerti li l-wegħda t’Alla dwar Ġenna tal-art se tiġri żgur.

19. X’għandna bżonn biex nibqgħu nissaportu?

19 Bħalma rajna, Ġeħova jgħinna nissaportu l-provi tagħna permezz tat-talb, il-Bibbja, l-aħwa, u t-tama. Jekk nagħmlu kulma nistgħu biex nużaw bis-sħiħ dawn l-affarijiet li tana, Ġeħova se jgħinna żgur, tkun kemm tkun kbira l-prova. Aħna se nkunu nistgħu nkomplu nissaportu sakemm id-dinja taʼ Satana u t-tbatija li hawn jispiċċaw darba għal dejjem.—Flp. 4:13.

ĠEĦOVA KIF JISTAʼ JGĦINNA NISSAPORTU PERMEZZ . . .

  • tat-talb u l-Bibbja?

  • tal-aħwa?

  • tat-tama?

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

b X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu kbir fl-età qed jissaporti u jibqaʼ leali lejn Ġeħova hekk kif jgħaddi ż-żmien.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu kbir fl-età qed jissaporti u jibqaʼ leali lejn Ġeħova hekk kif jgħaddi ż-żmien.

d X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu kbir fl-età qed jissaporti u jibqaʼ leali lejn Ġeħova hekk kif jgħaddi ż-żmien.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja