Il-konvenzjoni tal-1925 f’Indianapolis, Indiana
1925—Mitt Sena Ilu
“QED nistennew li din is-sena jiġru affarijiet importanti,” qal It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Jannar 1925. Imma dak l-artiklu kompla jgħid: “Tinkwetawx iżżejjed dwar x’jistaʼ jiġri. Jekk nagħmlu hekk, nistgħu ma nibqgħux iffokati u nieqfu nagħmlu x-xogħol li tana Ġeħova.” L-Istudenti tal-Bibbja xi stennew li se jiġri fl-1925? U kif baqgħu beżlin fix-xogħol tal-ippritkar avolja dak li kienu qed jittamaw għalih ma ġarax?
KELLHOM JIBQGĦU JITTAMAW
Fl-1925 ħafna mill-Istudenti tal-Bibbja kienu jemmnu li dik is-sena d-dinja kienet se ssir Ġenna tal-art. Għala? Ħuna Albert Schroeder, li iktar tard kien membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, qal: “Konna nemmnu li fl-1925 il-magħżulin kienu se jmorru s-sema, u nies leali bħal Abraham u David kienu se jirxoxtaw u jieħdu t-tmexxija fuq l-art.” Allura meta dan ma ġarax, xi aħwa kienu diżappuntati ħafna.—Prov. 13:12.
Però, avolja l-Istudenti tal-Bibbja kienu diżappuntati, il-maġġoranza tagħhom komplew jippritkaw. Huma fehmu li l-iktar ħaġa importanti kienet li jgħidu lil oħrajn dwar Ġeħova. Ejja naraw kif użaw ir-radju biex jippritkaw lil ħafna nies.
IKTAR STAZZJONIJIET TAR-RADJU
Fl-1924, ħafna nies kienu qed jisimgħu l-istazzjon tar-radju WBBR. Għalhekk, fl-1925 l-Istudenti tal-Bibbja fetħu stazzjon ieħor, din id-darba qrib Chicago, Illinois. Dan l-istazzjon kien jismu WORD. Ralph Leffler, li kien inġinier li għen biex jinbena dan l-istazzjon, qal li fi ġranet xitwin u kesħin nies minn ħafna postijiet ’il bogħod kienu jisimgħu dan l-istazzjon. Pereżempju, familja li kienet tgħix iktar minn 5,000 kilometru ’l bogħod, f’belt fl-Alaska jisimha Pilot Station, semgħet xi ftit mill-ewwel programmi. Wara li semgħet dawn il-programmi, il-familja kitbet ittra lil dawk li jaħdmu fl-istazzjon biex tirringrazzjahom talli kienu ppreparaw programm inkuraġġanti u li jgħallimhom isiru jafu lil Alla u l-Bibbja aħjar.
Xellug: L-antenni tar-radju WORD f’Batavia, Illinois
Lemin: Ralph Leffler jaħdem fl-istazzjon tar-radju
It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 1925 spjega għala ħafna setgħu jisimgħu l-programmi. Qal: “L-istazzjon tar-radju WORD hu wieħed mill-iktar stazzjonijiet b’saħħithom fl-Istati Uniti. In-nies jistgħu jisimgħuh fl-Istati Uniti kollha, f’Kuba, u anki fl-iktar parti ’l fuq tal-Alaska. Wara li semgħu dan l-istazzjon, ħafna li ma kinux semgħu bil-verità riedu jkunu jafu iktar.”
George Naish
Matul dan l-istess żmien, l-Istudenti tal-Bibbja bdew jippruvaw jużaw ir-radju biex jippritkaw l-aħbar tajba fil-Kanada. Fl-1924, l-istazzjon tar-radju CHUC ġie mibni f’Saskatoon, Saskatchewan. Dan kien wieħed mill-ewwel stazzjonijiet reliġjużi fil-Kanada. Fl-1925 kien hemm bżonn insibu post ikbar għal dan l-istazzjon. Għalhekk, l-organizzazzjoni xtrat teatru antik jismu Regent Building, irranġatu, u mexxiet l-istazzjon ġo fih.
Grazzi għal dan l-istazzjon, ħafna nies fi rħula u territorji mbegħdin semgħu għall-ewwel darba bl-aħbar tajba. Pereżempju, f’raħal maqtugħ kien hemm mara bil-kunjom Graham. Wara li semgħet il-programm tar-radju kitbet biex jibagħtulha l-letteratura. Ħuna George Naish qal li fl-ittra tant instemgħet li xtaqet tkun taf iktar, li bagħtulha l-kotba kollha tas-serje Studies in the Scriptures. Ftit wara, is-Sinjura Graham bdiet taqsam il-messaġġ tas-Saltna f’postijiet oħra.
TGĦALLIMNA VERITÀ IMPORTANTI
It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu 1925 kien fih artiklu importanti, jismu “Birth of the Nation” (It-Twelid tal-Ġens). Dan l-artiklu għala kien daqshekk importanti? L-Istudenti tal-Bibbja kienu jafu li Satana għandu organizzazzjoni fuq l-art magħmula mid-demonji, ir-reliġjon falza, il-gvernijiet, u s-sistema kummerċjali. Però, permezz taʼ dan l-artiklu, “l-ilsir leali u għaqli” għen lill-aħwa jifhmu li anki Ġeħova għandu organizzazzjoni magħquda fis-sema u fl-art. Din l-organizzazzjoni m’għandha x’taqsam xejn mal-organizzazzjoni taʼ Satana u maʼ dawk li jsegwuh. (Mat. 24:45) Apparti minn hekk, l-ilsir spjega li s-Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-1914 u li f’din is-sena, minħabba l-gwerra li faqqgħet fis-sema, Satana u d-demonji tiegħu twaddbu ’l isfel lejn l-art u ma setgħux imorru lura fis-sema.—Riv. 12:7-9.
Xi Studenti tal-Bibbja ma qablux maʼ din il-bidla fil-ħsieb. Għalhekk fl-artiklu kien hemm miktub: “Aħna nissuġġerixxu li jekk xi qarrej taʼ It-Torri tal-Għassa ma jaqbilx maʼ dan li hawn miktub, hu għandu jkun paċenzjuż u jafda lil Ġeħova hekk kif ikompli jaqdih.”
Tom Eyre, li kien pijunier fil-Brittanja, qal kif ħassewhom ħafna mill-Istudenti tal-Bibbja dwar l-artiklu: “L-aħwa kienu ferħanin li semgħu din l-ispjegazzjoni taʼ Rivelazzjoni 12. Xħin indunajna li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema, kellna sebaʼ mitt sena biex naqsmu din l-aħbar tajba m’oħrajn. Minħabba f’hekk, l-aħwa qed jippritkaw iktar u dan għenna napprezzaw kemm Ġeħova se jagħmel affarijiet tal-għaġeb għan-nies tiegħu fil-futur.”
XHIEDA GĦAL ĠEĦOVA
Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma familjari ħafna mal-kliem t’Isaija 43:10. Hemmhekk “Ġeħova jgħid: ‘Intom ix-xhieda tiegħi, iva, il-qaddej tiegħi li jien għażilt.’” Però, qabel l-1925 ma tantx kienet tissemma fil-pubblikazzjonijiet tagħna din l-iskrittura. Imma dan kien se jinbidel. Matul l-1925, It-Torri tal-Għassa tkellem dwar Isaija 43:10 u 12 fi 11-il ħarġa taʼ din ir-rivista!
Lejn l-aħħar t’Awwissu tal-1925, l-Istudenti tal-Bibbja kellhom konvenzjoni f’Indianapolis, Indiana. Fuq il-programm tal-konvenzjoni kien hemm messaġġ mingħand Ħuna Rutherford. Dan kien jgħid: “Aħna ġejna għal din il-konvenzjoni . . . biex il-Mulej itina iktar saħħa ħalli nkomplu nxandru b’ħeġġa kbira bħala x-xhieda tiegħu.” Matul it-tmint ijiem tal-konvenzjoni, l-aħwa li kienu hemm ġew inkuraġġiti biex f’kull opportunità li jkollhom, jagħtu xhieda dwar Ġeħova.
Is-Sibt, 29 t’Awwissu, Ħuna Rutherford ta taħdita bit-titlu “A Call to Action” (Sejħa għal Azzjoni). Waqt it-taħdita, hu enfasizza kemm hu importanti x-xogħol tal-ippritkar: “Lin-nies tiegħu Ġeħova jgħidilhom: ‘Intom ix-xhieda tiegħi, u jien l-Alla l-veru.’ Wara li qal dan il-kliem, Ġeħova ta dan il-kmand b’saħħtu: ‘Għollu arblu bħala sinjal għall-popli.’ L-uniċi nies fuq l-art li jistgħu jgħollu arblu bħala sinjal, jiġifieri jagħtu xhieda dwar Ġeħova, huma dawk li hu jgħin u jiggwida permezz tal-ispirtu tiegħu, peress li huma n-nies tiegħu.”—Isa. 43:12; 62:10.
Il-fuljett Message of Hope
Wara t-taħdita li ta, Ħuna Rutherford qara dokument bit-titlu: “Message of Hope” (Messaġġ taʼ Tama). L-udjenza kollha qablet maʼ dan il-messaġġ. Dan id-dokument kien jgħid li s-Saltna t’Alla kienet l-unika tama biex nirċievu “l-barkiet tal-paċi, tas-saħħa perfetta, tal-ħajja taʼ dejjem, tal-libertà, tal-ferħ li jibqaʼ għal dejjem, u li ma jkunx hemm għalfejn ninkwetaw fuq affarijiet materjali.” Iktar tard, din l-ittra ġiet tradotta u pprintjata biex tiġi użata fuq is-service. Kien hemm madwar 40 miljun kopja li ġew imqassmin.
Għaddew is-snin qabel l-Istudenti tal-Bibbja biddlu isimhom għal Xhieda taʼ Ġeħova. Però, huma kienu bdew jifhmu kemm hu importanti li jirrappreżentaw lil Ġeħova.
JIBDEW ISIRU Ż-ŻJAJJAR LURA LIL NIES INTERESSATI
Peress li madwar id-dinja n-numru taʼ Studenti tal-Bibbja beda jikber, l-organizzazzjoni inkuraġġiethom biex mhux biss iħallu l-letteratura lin-nies imma wkoll jerġgħu jagħmlu żjajjar lura lil dawk interessati. Wara l-kampanja biex jitqassam il-fuljett Message of Hope, ir-rivista Bulletina qalet: “Erġgħu agħmlu żjara lura fejn ħallejtu l-fuljett Message of Hope.”
Il-ħarġa taʼ Jannar tal-1925 tar-rivista Bulletin kien fiha rapport minn Student tal-Bibbja minn Plano, Texas. Dan ir-rapport kien jgħid: “Konna mistagħġbin li meta morna f’territorji li diġà ppritkajna fihom, kellna riżultati aħjar minn meta morna f’territorji ġodda. Raħal żgħir fit-territorju tagħna nħadem ħames darbiet f’dawn l-aħħar għaxar snin. . . . Dan l-aħħar, oħtna Hendrix u ommi reġgħu marru jippritkaw hemmhekk, u qassmu iktar kotba minn qatt qabel.”
Ħu mill-Panama li kien pijunier kiteb: “Ħafna nies li ma ridux jisimgħu meta mort l-ewwel darba kellhom attitudni differenti meta mort it-tieni u t-tielet darba. Din is-sena qattajt ħafna mill-ħin tiegħi fuq is-service billi rġajt mort għand dawk li nkun diġà kellimthom. Maʼ xi wħud minnhom kelli esperjenzi vera tajbin.”
X’KELLHOM JAGĦMLU FIS-SENA TAʼ WARA
Lejn l-aħħar tal-1925, Ħuna Rutherford kiteb ittra lill-pijunieri u qalilhom x’kien ġara f’dik is-sena fix-xogħol tal-ippritkar u fuq xiex kellhom jiffokaw fis-sena li kienet ġejja. Hu qal: “Din is-sena kellkom il-privileġġ li tfarrġu ħafna nies li kienu mdejqin. Żgur li tħossukom ferħanin bix-xogħol li għamiltu . . . Is-sena d-dieħla se jkollkom ħafna opportunitajiet biex tkunu x-xhieda t’Alla, ix-xhieda tas-saltna tiegħu, u biex turu min huma l-vera nies tiegħu. . . . Ejja nkomplu naħdmu flimkien biex inkomplu nfaħħru l-Alla tagħna u r-Re tagħna.”
Lejn l-aħħar tal-1925 l-aħwa responsabbli ppjanaw biex ikabbru l-Betel taʼ Brooklyn. Fl-1926, kien se jibda l-ikbar proġett taʼ kostruzzjoni li l-organizzazzjoni qatt għamlet sa dak iż-żmien.
Il-proġett taʼ kostruzzjoni f’Adams Street, Brooklyn, New York, fl-1926
a Illum dan hu l-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna.