LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Ottubru pp. 6-11
  • Ġeħova Hu ‘l-Wieħed li Jferraħna’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Hu ‘l-Wieħed li Jferraħna’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MINN FEJN JIĠI L-FERĦ VERU
  • OQGĦOD ATTENT MINN AFFARIJIET LI JISTGĦU JNEĦĦULEK IL-FERĦ
  • Kif Tistaʼ Tieħu Iktar Pjaċir Fuq is-Service
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Il-ferħ—Kwalità li nirċievu mingħand Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Meta Tagħti lil Oħrajn Se Tkun Ferħan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Ottubru pp. 6-11

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 40

GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ

Ġeħova Hu ‘l-Wieħed li Jferraħna’

“ Alla tiegħi, int il-wieħed li tferraħni.”—SLM. 43:4.

DAK LI SE NITGĦALLMU

X’jistaʼ jneħħilna l-ferħ u kif nistgħu nerġgħu nkunu ferħanin.

1-2. (a) Ħafna nies kif iħossuhom? (b) X’se naraw f’dan l-artiklu?

IN-NIES fid-dinja jipprovaw jagħmlu ħafna affarijiet biex ikunu ferħanin, imma xorta ma jirnexxilhomx. Ħafna huma mdejqin u jħossu li s-sitwazzjoni tagħhom ma tistax tmur għall-aħjar. Anki xi wħud li jaqdu lil Ġeħova jistgħu jħossuhom b’dan il-mod. Peress li qed ngħixu “fl-aħħar jiem,” nistgħu ngħaddu minn żminijiet “diffiċli” li jagħmluna mdejqin.—2 Tim. 3:1.

2 F’dan l-artiklu, se nitkellmu dwar xi affarijiet li jistgħu jneħħulna l-ferħ u se naraw x’jistaʼ jgħinna nerġgħu nkunu ferħanin jekk jiġrilna hekk. L-ewwel, ejja niddiskutu minn fejn jiġi l-ferħ veru.

MINN FEJN JIĠI L-FERĦ VERU

3. L-affarijiet li ħalaq Ġeħova x’jgħallmuna dwaru? (Ara wkoll l-istampi.)

3 Ġeħova minn dejjem kien ferħan u jixtieq li aħna nkunu ferħanin ukoll. Għalhekk, hu ħalaq ħafna affarijiet li jagħmluna ferħanin. Pereżempju, aħna nieħdu pjaċir naraw in-natura mill-isbaħ mimlija kuluri, naraw l-annimali jilagħbu, u nieħdu gost nieklu ikel tajjeb. Alla vera jħobbna u jixtieqna nieħdu gost ngħixu!

Grupp taʼ stampi: Annimali differenti qed jilagħbu. 1. Iljunfant żgħir jilgħab fl-ilma. 2. Pingwini żgħar mixjin fil-borra. 3. Gidjien jaqbżu u jilagħbu f’għalqa. 4. Dniefel jaqbżu fl-ilma.

Iljunfant: Image © Romi Gamit/Shutterstock; pingwini: Vladimir Seliverstov/500px via Getty Images; gidjien: Rita Kochmarjova/stock.adobe.com; żewġ dniefel: georgeclerk/E+ via Getty Images

Meta naraw l-annimali jilagħbu niftakru li Ġeħova hu Alla ferħan (Ara paragrafu 3)


4. (a) Ġeħova kif jirnexxilu jibqaʼ ferħan avolja jara n-nies ibatu? (b) Ġeħova x’rigal tana? (Salm 16:11)

4 Avolja Ġeħova hu “Alla li hu ferħan,” hu jara t-tbatija u l-uġigħ li hawn fid-dinja. (1 Tim. 1:11) Imma ma jħallihomx ineħħulu l-ferħ. Għala? Għax jaf li mhux se jibqgħu għal dejjem. Hu qed jissaporti għax diġà għażel il-ġurnata meta se jneħħi t-tbatija u d-dwejjaq għal dejjem. Sakemm tasal, hu jimpurtah ħafna minn dak li ngħaddu minnu u jieħu ħsiebna. Kif jagħmel dan? Mod wieħed hu billi tana r-rigal tal-ferħ. (Aqra Salm 16:11.) Ejja naraw kif Ġeħova ta dan ir-rigal lil Ibnu, Ġesù.

5-6. Ġesù għala hu ferħan?

5 Wara Ġeħova, l-iktar persuna ferħana hi Ġesù. Għala? Aħseb dwar żewġ raġunijiet li japplikaw għalih biss. (1) “Hu x-xbieha t’Alla li ma jidhirx,” allura jimita lil Missieru b’mod perfett. (Kol. 1:15; 1 Tim. 6:15) (2) Ġesù hu l-iktar wieħed li qattaʼ żmien mal-wieħed li jagħti l-ferħ, Missieru Ġeħova.

6 Hemm raġunijiet oħra għala Ġesù hu ferħan. Hu dejjem jieħu pjaċir jagħmel dak li jrid Ġeħova. (Prov. 8:​30, 31; Ġw. 8:29) Ġesù hu ferħan ukoll għax peress li hu leali lejn Ġeħova, Missieru hu kburi bih.—Mat. 3:17.

7. Kif jistaʼ jkollna l-ferħ veru?

7 Aħna wkoll nistgħu nsibu l-ferħ veru jekk nibqgħu nsiru nafu lil Ġeħova aħjar. Iktar ma nippruvaw nitgħallmu dwaru iktar se nkunu nistgħu nimitawh, u dan se jagħmilna iktar ferħanin. Il-ferħ tagħna se jiżdied meta nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova u nkunu nafu li hu qed jieħu gost bina.a (Slm. 33:12) Imma jekk kultant tħossok imdejjaq għal xi ġranet jew għal żmien twil, ifisser li Ġeħova mhuwiex ferħan bik? Le! Hu jifhem li peress li aħna imperfetti, kultant ngħaddu minn żmien meta nħossuna mweġġgħin jew dipressi. (Slm. 103:14) Ejja naraw xi affarijiet li jistgħu jneħħulna l-ferħ, u x’nistgħu nagħmlu biex nerġgħu nkunu ferħanin.

Kif Ġeħova Jtina l-Ferħ

Itlob lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis. Aħna jistaʼ jkollna l ferħ veru bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Gal. 5:22) Meta jkollna l-ispirtu t’Alla, inkunu nistgħu ‘nissaportu kollox bil-paċenzja u l-ferħ’ anki meta jkollna l-provi.—Kol. 1:11.

Iffoka fuq li taqdi lil Ġeħova. Studja l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna b’mod regulari. Qattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin titkellem dwar “l-aħbar tajba li se ġġib ferħ kbir għan-nies kollha.” (Luqa 2:10) Meta li naqdu lil Ġeħova tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna, aħna se jkollna l-ferħ veru.—Slm. 65:4.

Dejjem obdi lil Ġeħova. Il-liġijiet taʼ Ġeħova qegħdin għall-ġid tiegħek. Allura li tobdihom ma jfissirx li ma tistax tieħu pjaċir, anzi se tkun ħafna iktar ferħan.—Luqa 11:28.

OQGĦOD ATTENT MINN AFFARIJIET LI JISTGĦU JNEĦĦULEK IL-FERĦ

8. X’jistaʼ jiġrilna meta ngħaddu mill-problemi?

8 1. Il-problemi li ngħaddu minnhom. Bħalissa qed tbati minħabba xi persekuzzjoni, diżastru naturali, problemi taʼ flus, mard, jew għax qed tikber fl-età? Meta ngħaddu minn affarijiet bħal dawn, hu normali li nħossuna mdejqin, speċjalment jekk ma jkollniex kontroll fuq is-sitwazzjoni. Il-Bibbja tgħid li “l-uġigħ taʼ qalb jistaʼ jwassal għad-dipressjoni.” (Prov. 15:13) Anzjan li f’erbaʼ snin tilef lil ħuh u lill-ġenituri tiegħu, jgħid: “Meta kienu għadhom ħajjin, ħassejtni waħdi u li ħadd ma setaʼ jgħinni. Kultant kont inkun imdejjaq għax kien ikolli ħafna x’nagħmel u ma stajtx inqattaʼ biżżejjed ħin magħhom.” B’mod simili, il-problemi tagħna tant jistgħu jkunu kbar li jġegħluna nħossuna għajjenin u skuraġġiti.

9. X’jistaʼ jgħinna nerġgħu nkunu ferħanin? (Ġeremija 29:​4-7, 10)

9 X’jistaʼ jgħinna nerġgħu nkunu ferħanin? Xi ħaġa li tistaʼ tgħinna hi li nipprovaw ma ninkwetawx fuq affarijiet li ma nistgħux nirranġaw u minflok napprezzaw li għandna. Id-dinja tipprova tikkonvinċina li biex inkunu ferħanin irid ikollna ħajja perfetta. Imma dan mhux veru. Pereżempju, meta l-Lhud ittieħdu Babilonja, Ġeħova inkuraġġiehom biex jagħmlu li jistgħu ħalli jkunu ferħanin fis-sitwazzjoni li kienu fiha. (Aqra Ġeremija 29:​4-7, 10.) Dan x’jgħallimna? Ipprova aċċetta s-sitwazzjoni li tkun fiha billi tfittex għal affarijiet pożittivi u tieħu pjaċir bihom. Tinsiex li Ġeħova mhux se jitilqek imma se jgħinek. (Slm. 63:7; 146:5) Oħt jisimha Effie kellha aċċident u minħabba fih spiċċat paralizzata. Hi tgħid: “Ġeħova, il-familja tiegħi, u l-aħwa għenuni u ssapportjawni ħafna. Allura ħassejt li jekk naqtaʼ qalbi ma kontx inkun qed nuri apprezzament. Minflok, nurihom li napprezza billi nagħmel dak li nistaʼ biex nibqaʼ ferħana.”

10. Għala nistgħu nkunu ferħanin anki meta jkollna l-problemi?

10 Aħna nistgħu nibqgħu ferħanin anki meta jkollna l-problemi, jew aħna jew tal-familja tagħna jgħaddu minn xi ħaġa kerha.b (Slm. 126:5) Għala? Għax mhumiex iċ-ċirkustanzi tagħna li jagħmluna ferħanin. Pijuniera jisimha Maria tgħid: “Meta ngħaddu mill-problemi, aħna nistgħu nibqgħu ferħanin għax niftakru f’dak li wegħedna Ġeħova. Dan ma jfissirx li naħbu kif inħossuna, imma Missierna jistaʼ jgħinna nibqgħu ferħanin ngħaddu minn xiex ngħaddu.” Ftakar li anki jekk għaddej minn xi sitwazzjoni vera diffiċli bħalissa, din dalwaqt se titlaq bħalma jisparixxu l-passi fuq ir-ramel. Ġeħova dalwaqt se jneħħi kull ħaġa li ġġegħelna nbatu jew tagħmilna mdejqin.

11. L-eżempju tal-appostlu Pawlu kif jinkuraġġik?

11 Però xi ngħidu jekk tibda taħseb li għandek il-problemi għax Ġeħova mhux ferħan bik? Jekk xi darba tħossok hekk, jistaʼ jkun t’għajnuna li taħseb fuq qaddejja taʼ Ġeħova li wkoll kellhom sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Ġesù kien għażlu biex jipprietka l-aħbar tajba “lill-popli, lir-rejiet, u lill-Iżraelin.” (Atti 9:15) Dan kien privileġġ vera importanti! Imma l-appostlu Pawlu xorta kellu l-problemi. (2 Kor. 11:​23-27) Avolja l-ħajja taʼ Pawlu ma kinitx faċli, aħna ċerti li Ġeħova kien ferħan bih. Fil-fatt, l-unika raġuni għala Pawlu kien qed jirnexxilu jissaporti l-problemi kienet għax Ġeħova kien qed jgħinu. (Rum. 5:​3-5) Issa aħseb dwar is-sitwazzjoni tiegħek. Int qed tibqaʼ leali u taqdi lil Ġeħova avolja għandek il-problemi. Allura, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova qed jgħinek u hu ferħan bik.

12. X’jistaʼ jiġri jekk ma tkunx tistaʼ taqdi lil Ġeħova kif tixtieq?

12 2. Meta ma tkunx tistaʼ taqdi lil Ġeħova kif tixtieq. (Prov. 13:12) Aħna nħobbuh ħafna lil Ġeħova u napprezzaw dak kollu li jagħmel għalina. B’hekk, dejjem nipprovaw naħsbu f’miri biex nagħmlu iktar għalih. Imma jekk nipprovaw nagħmlu xi ħaġa li minħabba s-sitwazzjoni tagħna ma tkunx possibbli, nistgħu nibdew inħossuna skuraġġiti. (Prov. 17:22) Oħt li taqdi bħala pijuniera jisimha Holly, qalet: “Jien vera xtaqt immur l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna biex immur nipprietka f’pajjiż ieħor jew xtaqt li mmur ngħin fil-proġett taʼ kostruzzjoni tal-Betel il-ġdida f’Ramapo, l-Istati Uniti. Imma ċ-ċirkustanzi tiegħi nbiddlu u ma stajtx nilħaq dawk il-miri. Vera kont diżappuntata.” Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova jħossuhom l-istess meta ma jirnexxilhomx jagħmlu dak li jixtiequ għal Ġeħova.

13. X’inhuma xi affarijiet li kollha kemm aħna nistgħu nipprovaw nagħmlu, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna?

13 X’jistaʼ jgħinna nerġgħu nkunu ferħanin? Ftakar li Ġeħova ma jgħidlekx biex tagħmel xi ħaġa iktar milli tiflaħ. Għalih inti prezzjuż ħafna, anki jekk ma tistax tagħmel daqskemm jagħmlu oħrajn. Ġeħova jixtieq li tkun modest u leali. (Mik. 6:8; 1 Kor. 4:2) Għalih hu iktar importanti dak li taħseb, x’inti tħoss, u l-kwalitajiet tiegħek milli kemm tagħmel għalih. Allura, jagħmel sens li tippretendi minnek innifsek iktar milli jippretendi minnek Ġeħova?c Dażgur li le! Allura anki jekk ma tistax tagħmel kemm tixtieq għal Ġeħova, aħseb f’affarijiet li tistaʼ tagħmel. Pereżempju, tistaʼ tittrennja lil xi żagħżugħ jew xi żagħżugħa, jew tinkuraġġixxi lil xi aħwa kbar fl-età, jew forsi tistaʼ tmur tara lil xi ħadd, iċċempillu, jew tibgħatlu messaġġ biex tinkuraġġih. Ġeħova jieħu pjaċir meta inti tagħmel miri skont iċ-ċirkustanzi tiegħek u hu se jbierkek billi jgħinek tkun ferħan. Ftakar li fil-futur se tkun tistaʼ taqdi lil Ġeħova b’modi li qatt ma immaġinajt li tistaʼ! Dan inkuraġġieha ħafna lil Holly, li ssemmiet qabel. Hi qalet: “Meta nibda nħossni skuraġġita, jien nieqaf u niftakar li jien se ngħix għal dejjem. Dak iż-żmien, bl-għajnuna taʼ Ġeħova se nkun nistaʼ nilħaq xi wħud mill-miri tiegħi.”

14. X’inhi xi ħaġa oħra li tistaʼ tagħmilna mdejqin?

14 3. Meta jkun moħħok biss biex tgawdi. Xi nies jużaw is-social media biex jagħtu l-idea li l-ferħ veru jiġi biss meta l-ħin kollu tgawdi. Aħna nistgħu nibdew naħsbu li se nkunu ferħanin jekk dejjem nagħmlu dak li jogħġobna, nixtru kulma nkunu nixtiequ, u l-ħin kollu nsiefru. Ovvjament, m’hemm xejn ħażin f’li nieħdu pjaċir b’dawn l-affarijiet għax Ġeħova stess ħalaqna biex nieħdu gost bihom. Però, ħafna nies li pprovaw ikunu ferħanin billi jagħmlu kulma xtaqu, indunaw li dawn l-affarijiet mhux vera għamluhom ferħanin. Oħt pijuniera jisimha Eva qalet, “Meta ħajtek tkun iffokata biss fuq kif se tieħu pjaċir, qatt mhu se tħossok sodisfatt.” Meta jkun moħħna biss fuq li ngawdu se nispiċċaw diżappuntati u mdejqin.

15. X’nistgħu nitgħallmu mir-Re Salamun?

15 Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mir-Re Salamun, li kien moħħu biex igawdi u xorta spiċċa mdejjaq. Hu pprova ħafna affarijiet biex jara jekk jagħmluhx ferħan. Pereżempju, ipprova ħafna ikel differenti li kien tajjeb, kien jismaʼ mużika sabiħa ħafna, u xtara affarijiet li kienu jiswew ħafna flus. Imma dawn l-affarijiet m’għamluhx vera ferħan. Fil-fatt, hu qal: “L-għajnejn ma jixbgħux jaraw; u l-widnejn ma jixbgħux jisimgħu.” (Ekk. 1:8; 2:​1-11) Xi nies illum jaħsbu li jekk ikollhom il-flus u jagħmlu dak li jridu se jkunu vera ferħanin. Imma din hi gidba għax l-affarijiet materjali qatt ma jistgħu jtuna l-ferħ veru.

16. Meta nagħmlu affarijiet għal oħrajn għala se nkunu ferħanin? (Ara wkoll l-istampi.)

16 X’jistaʼ jgħinna nerġgħu nkunu ferħanin? Ġesù qal: “Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.” (Atti 20:35) Anzjan jismu Alekos qal: “Jien nipprova nagħmel affarijiet żgħar għal oħrajn. Meta nagħmel hekk ma nibqax naħseb fuq x’nixtieq jien, u b’hekk inkun ferħan.” Imma int x’tistaʼ tagħmel? Jekk tinnota lil xi ħadd li jkun imdejjaq, tistaʼ tipprova tinkuraġġih. Forsi vera li ma tkunx tistaʼ ssolvi l-problemi tiegħu, imma tistaʼ tfarrġu jekk tismaʼ sew, tipprova tifhem kif qed iħossu, u tfakkru biex iħalli l-ansjetajiet tiegħu f’idejn Ġeħova. (Slm. 55:22; 68:19) Barra minn hekk, aċċertah li Ġeħova m’abbandunahx. (Slm. 37:28; Isa. 59:1) Tistaʼ wkoll toffri biex tagħmel xi ħaġa prattika, bħal li tippreparalu xi ikel jew tmorru xi mixja flimkien. Tistgħu tmorru service flimkien ukoll, għax meta naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn dejjem inħossuna ferħanin. Ħalli lil Ġeħova jużak biex tinkuraġġixxi lil oħrajn. Meta nużaw il-ħin tagħna biex ngħinu lil ħaddieħor se nkunu vera ferħanin!—Prov. 11:25.

Grupp taʼ stampa: 1. Oħt qed tieħu kafè ġo ħanut waħedha u tuża l-mowbajl. Ħdejha hemm ħafna basktijiet tal-ħwejjeġ. 2. L-istess oħt tidher vera ferħana għax marret tara oħt kbira fl-età d-dar tagħha u ħaditilha bukkett fjuri.

Tiffokax fuq li trid int, imma fuq li tgħin lil ħaddieħor (Ara paragrafu 16)d


17. Xi rridu nagħmlu biex inkunu vera ferħanin? (Salm 43:4)

17 Aħna nistgħu nkunu vera ferħanin jekk inkomplu nsiru nafu lil Ġeħova aħjar u nagħmlu kulma nistgħu biex nogħġbuh. Il-Bibbja twegħedna li Ġeħova hu ‘l-wieħed li jferraħna.’ (Aqra Salm 43:4.) Allura, anki meta jkollok il-problemi, m’hemmx għalfejn tkun imbeżżaʼ jew ansjuż. Ibqaʼ ffokat fuq Ġeħova, u b’hekk żgur se jgħinek tħossok ferħan għal dejjem!—Slm. 144:15.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġeħova u Ġesù għala huma ferħanin?

  • Liema tliet affarijiet jistgħu jagħmluna mdejqin?

  • X’jistaʼ jgħinna nerġgħu nkunu ferħanin?

GĦANJA 155 Int Għalina Ferħ bla Tmiem

a Ara l-kaxxa “Kif Ġeħova Jtina l-Ferħ.”

b Għal eżempju, ara l-intervista taʼ Dennis u Irina Christensen f’Il-5 Rapport tal-2023 mill-Ġemgħa li Tiggverna fuq jw.org.

c Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Ikkultiva Stennijiet Raġunevoli, u Kun Ferħan” f’​It-Torri tal-Għassa tal-15 ta’ Lulju 2008.

d X’TURINA L-ISTAMPA: Oħt marret tixtri ħafna affarijiet għaliha nfisha, imma tidher iktar ferħana meta xtrat il-fjuri għal oħt ikbar fl-età li kellha bżonn l-inkuraġġiment.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja