ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41
GĦANJA 108 L-imħabba leali t’Alla
L-Imħabba t’Alla Tibqaʼ għal Dejjem
“ Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb; l-imħabba u l-lealtà tiegħu jibqgħu għal dejjem.”—SLM. 136:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Meta niftakru li l-imħabba taʼ Ġeħova hi tagħlim bażiku mill-Bibbja, se niġu inkuraġġiti meta ngħaddu minn prova.
1-2. Xi sfida jiffaċċjaw ħafna Kristjani?
IMMAĠINA dgħajsa f’maltempata kbira. Mewġ għoli qed iċaqlaq lid-dgħajsa f’kull direzzjoni. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd li jniżżel l-ankra, id-dgħajsa se tmur fejn jiħodha r-riħ. Ankra tgħin lid-dgħajsa tibqaʼ f’post wieħed u tgħinha wkoll biex ma tinġarrx mal-kurrent.
2 Meta tkun qed tissaporti prova kbira, jaf tħossok bħal dik id-dgħajsa. L-emozzjonijiet tiegħek jistgħu jinbidlu f’daqqa. Jistaʼ jkun li filli tħoss li Ġeħova jħobbok u qed jgħinek u filli tibda tiddubita jekk jafx minn xiex int għaddej. (Slm. 10:1; 13:1) Forsi xi ħabib jinkuraġġik u jgħinek tħossok aħjar għal ftit żmien. (Prov. 17:17; 25:11) Imma mbagħad terġaʼ tibda tiddubita jekk Ġeħova hux qed jgħinek. Tistaʼ anki tibda taħseb li Ġeħova qataʼ qalbu minnek. Kif tistaʼ tkun ankrat bħal dik id-dgħajsa meta tkun għaddej minn prova? Fi kliem ieħor, kif tistaʼ tkun ċert, u tibqaʼ ċert, li Ġeħova jħobbok u se jgħinek?
3. (a) It-terminu “mħabba u lealtà” f’Salm 31:7 u 136:1 xi jfisser? (b) Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova hu l-akbar eżempju taʼ xi ħadd li juri mħabba u lealtà? (Ara wkoll l-istampa.)
3 Mod wieħed kif tkun ankrat meta tkun għaddej minn prova hu billi tiftakar fl-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 31:7; 136:1.) It-terminu “mħabba u lealtà” jfisser li xi ħadd tant ikun iħobb lill-persuna l-oħra li, jiġri x’jiġri, jibqaʼ jħobbha u jibqaʼ leali lejha. Ġeħova hu l-aqwa eżempju taʼ din it-tip taʼ mħabba u lealtà. Fil-fatt, il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova bħala li juri “ħafna mħabba u lealtà.” (Eżo. 34:6, 7) Tgħid ukoll: “Int turi ħafna mħabba u lealtà maʼ dawk kollha li jgħajtulek għall-għajnuna.” (Slm. 86:5) Dawn il-versi xi jfissru? Ġeħova qatt ma jitlaq lill-qaddejja leali tiegħu! Li tiftakar li Ġeħova hu leali jistaʼ jgħinek tkun ankrat meta tiffaċċja prova diffiċli.—Slm. 23:4.
Eżatt bħalma ankra żżomm dgħajsa f’postha waqt maltempata b’saħħitha, jekk inkunu ċerti li Ġeħova jħobbna, se jgħinna nkunu stabbli matul provi diffiċli (Ara paragrafu 3)
FTAKAR LI L-IMĦABBA TAʼ ĠEĦOVA HI PARTI MIT-TAGĦLIM BAŻIKU TAL-BIBBJA
4. Agħti eżempji taʼ tagħlim bażiku mill-Bibbja, u spjega għala hu diffiċli li tiddubitahom.
4 Mod ieħor kif tistaʼ tkun ankrat matul prova hu billi tiftakar li l-imħabba li Ġeħova għandu għalik hi tagħlim bażiku mill-Bibbja. Xi jfisser għalik it-terminu “tagħlim bażiku mill-Bibbja?” Forsi taħseb fl-affarijiet li tgħallimt mill-Kelma t’Alla, bħal pereżempju li Ġeħova hu l-isem t’Alla, li Ġesù hu l-uniku Iben tiegħu, li l-mejtin ma jafu xejn, u li l-art se ssir ġenna u n-nies se jgħixu fiha għal dejjem. (Slm. 83:18; Ekk. 9:5; Ġw. 3:16; Riv. 21:3, 4) Meta fhimt u aċċettajt dawn il-veritajiet, kien diffiċli biex jiġi xi ħadd u jġiegħlek tiddubitahom. Għala? Għax int fhimt li dawn il-veritajiet huma bbażati fuq il-fatti. Issa ejja naraw kif li tqis l-imħabba taʼ Ġeħova bħala tagħlim bażiku jistaʼ jgħinek tneħħi d-dubji li Ġeħova ma jinnotakx jew ma jimpurtahx minn xiex int għaddej.
5. Spjega kif persuna tistaʼ tieqaf temmen tagħlim falz.
5 Meta bdejt tistudja l-Bibbja, x’għenek tieqaf temmen tagħlim falz? X’aktarx li int qabbilt dak li kont tgħallimt fir-reliġjon tiegħek maʼ dak li tgħallem il-Bibbja. Ejja nieħdu eżempju: Forsi int kont temmen li Ġesù hu Alla li Jistaʼ Kollox. Imma hekk kif bdejt tistudja l-Bibbja bdejt tistaqsi lilek innifsek, ‘Vera hekk tgħallem il-Bibbja?’ Wara li studjajt dak li tgħid, int kont konvint li ma tgħallimx hekk. Imbagħad flok tagħlim falz li kont temmen fih qabel bdejt temmen il-verità li hemm fil-Bibbja, f’dan il-każ li Ġesù hu “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu,” u “l-uniku Iben t’Alla.” (Kol. 1:15; Ġw. 3:18) Ovvjament, tagħlim falz jistaʼ jkun ‘b’saħħtu daqs fortizza’ u diffiċli biex tegħlbu. (2 Kor. 10:4, 5) Imma xħin fhimt il-verità, qatt ma rġajt emmint tagħlim falz.—Flp. 3:13.
6. Għala tistaʼ tkun ċert li “l-imħabba u l-lealtà [taʼ Ġeħova] jibqgħu għal dejjem”?
6 Tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili dwar dak li tgħallem il-Bibbja dwar l-imħabba taʼ Ġeħova. Meta tkun għaddej minn prova, jekk tibda tiddubita li Ġeħova ma jħobbokx, saqsi lilek innifsek, ‘Dan li qed naħseb vera?’ Qabbel dak li qed tiddubita dwar l-imħabba taʼ Ġeħova maʼ dak li jgħid Salm 136:1, l-iskrittura prinċipali taʼ dan l-artiklu, u saqsi lilek innifsek, Ġeħova għala jgħid li “l-imħabba u l-lealtà tiegħu jibqgħu għal dejjem”? F’dan is-salm, il-frażi “l-imħabba u l-lealtà tiegħu jibqgħu għal dejjem” għala ġiet repetuta 26 darba? Kif rajna, l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova għan-nies tiegħu huma tagħlim bażiku mill-Bibbja, bħalma huma l-affarijiet l-oħra li diġà aċċettajt mill-Kelma t’Alla. L-idea li Ġeħova ma jimpurtahx minnek u li ma jħobbokx hi gidba. Qatt temmen din il-gidba, bħalma qatt mhu se temmen tagħlim falz ieħor!
7. Agħti eżempji taʼ skritturi li jagħtu prova li Ġeħova jħobbok.
7 Il-Bibbja fiha ħafna iktar provi li Ġeħova jħobbna. Pereżempju, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom tiswew ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.” (Mat. 10:31) U Ġeħova stess qal lill-poplu tiegħu: “Jien se nsaħħek, iva, jien se ngħinek. Se nżommok sod b’idi l-leminija, bl-id li tagħmel dak li hu sewwa.” (Isa. 41:10) Innota l-kliem li fihom dawn il-versi. Ġesù ma qalx ‘Forsi tiswew ħafna iktar,’ imma qal: “Intom tiswew ħafna iktar.” U Ġeħova ma qalx ‘Forsi ngħinek,’ imma qal: “Jien se ngħinek.” Jekk meta tkun għaddej minn prova tibda tiddubita jekk Ġeħova jħobbokx, skritturi bħal dawn mhux biss se jgħinuk tħossok aħjar, imma se jgħinuk tkun ċert li Ġeħova jħobbok. Dawn l-iskritturi huma fatti. Jekk titlob lil Ġeħova dwar id-dubji tiegħek u timmedita sew fuq dawn l-iskritturi, imbagħad se tkun tistaʼ tgħid il-kliem li hemm fl-1 Ġwanni 4:16: “Aħna sirna nafu u emminna li Alla jħobbna.”a
8. X’tistaʼ tagħmel jekk f’xi mumenti tiddubita jekk Ġeħova jħobbokx?
8 Imma x’se tagħmel jekk f’xi mumenti xorta tiddubita jekk Ġeħova jħobbokx? Qabbel dak li qed tħoss maʼ dak li taf. Dak li tħoss jistaʼ jinbidel imma l-fatti jibqgħu fatti, u l-Bibbja tgħallimna li Ġeħova jħobbna. Jekk ma nemmnux dan, inkunu qed ninjoraw l-iktar kwalità importanti li għandu Ġeħova—l-imħabba.—1 Ġw. 4:8.
IMMEDITA DWAR KEMM IĦOBBOK ĠEĦOVA
9-10. Dwar xiex kien qed jitkellem Ġesù meta qal “Il-Missier iħobbkom,” fi Ġwanni 16:26, 27? (Ara wkoll l-istampa.)
9 Nistgħu nitgħallmu iktar dwar kemm iħobbna Ġeħova billi nikkunsidraw dak li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Il-Missier iħobbkom.” (Aqra Ġwanni 16:26, 27.) Ġesù ma qalx dan biex id-dixxipli tiegħu jħossuhom tajjeb. Fil-fatt, il-kuntest juri li ma kienx qed jitkellem dwar kif iħossuhom huma. Imma kien qed jitkellem dwar is-suġġett tat-talb.
10 Ġesù kien għadu kemm qalilhom li huma kellhom jitolbu f’ismu u mhux lilu. (Ġw. 16:23, 24) Dan kien importanti li jifhmuh għax wara li ġie rxoxtat, id-dixxipli tiegħu jaf kienu jitħajru jibdew jitolbu lilu għax hu kien il-ħabib tagħhom. Forsi setgħu ħasbu li peress li jħobbhom, kien se jismagħhom u jsaqsi lil Missieru biex jgħinhom. Però, Ġesù qal li m’għandhomx jaħsbu b’dan il-mod. Għala? Għax hu qalilhom: “Il-Missier iħobbkom.” Dan il-fatt hu tagħlim bażiku mill-Bibbja dwar it-talb. Aħseb xi jfisser dan għalik: Permezz tal-istudju tiegħek tal-Bibbja, int sirt taf u tħobb lil Ġesù. (Ġw. 14:21) Imma bħall-Kristjani tal-bidu, int tistaʼ titlob lil Alla u tkun ċert li se jisimgħek għax hu jħobbok. Kull darba li titlob lil Ġeħova, int tkun qed turi bil-provi li temmen dan il-kliem.—1 Ġw. 5:14.
Tistaʼ titlob lil Ġeħova u tkun ċert li hu se jisimgħek għax hu jħobbok (Ara paragrafi 9-10)b
IFHEM MINN FEJN JIĠU D-DUBJI
11. Satana għala jieħu pjaċir jekk nibdew naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex?
11 Id-dubji dwar jekk Ġeħova jħobbniex minn fejn jiġu? Forsi tgħid li minn Satana, u sa ċertu punt dan hu veru. Ix-Xitan “qed jipprova jiblaʼ lil xi ħadd,” u jieħu pjaċir meta jġegħelna niddubitaw jekk Ġeħova jħobbniex. (1 Pt. 5:8) Ġeħova provda lil Ġesù bħala fidwa daqskemm iħobbna, imma Satana jridna naħsbu li aħna ma ħaqqniex dan. (Lhud 2:9) Min se jkun ferħan jekk nibdew niddubitaw mill-imħabba taʼ Ġeħova? Satana. U jekk naqtgħu qalbna waqt prova, min se jieħu pjaċir? Mhux Satana wkoll? Satana jridna naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex. Imma dan mhux vera. Ġeħova lil Satana ma jħobbx. Bil-“pjanijiet qarrieqa” tiegħu, Satana jipprova jġegħelna naħsbu li Ġeħova ma jistax iħobbna u telaqna. (Efes. 6:11) Meta nifhmu x’qed jipprova jagħmel ix-Xitan, se nkunu iktar determinati li niqfulu.—Ġak. 4:7.
12-13. Id-dnub li writna kif jeffettwana?
12 Hemm xi ħaġa oħra li tistaʼ ġġegħelna niddubitaw jekk Ġeħova jħobbniex. X’inhi? Id-dnub li writna. (Slm. 51:5; Rum. 5:12) Id-dnub għamel ħsara lill-ħbiberija bejn in-nies u Alla. Dan għamel ħsara wkoll fil-mod kif naħsbu, kif inħossuna, u s-saħħa tagħna.
13 Id-dnub jeffettwa l-emozzjonijiet tagħna b’mod negattiv. Dan iġegħelna nħossu mistħija, ħtija, u ansjetà. Meta nagħmlu dnub nistgħu nħossu dawn l-emozzjonijiet. Però, nistgħu nħossuhom ukoll għax aħna l-ħin kollu konxji li aħna imperfetti. Dan mhuwiex il-mod kif Alla ħalaqna fil-bidu. (Rum. 8:20, 21) Aħseb dwar dan l-eżempju: Bħalma karozza b’tajer imniżżel ma tistax tinstaq kif suppost, peress li aħna imperfetti ma nistgħux nagħmlu l-affarijiet b’mod tajjeb u kif suppost għandhom isiru. Allura, mhux taʼ b’xejn li kultant niddubitaw jekk Ġeħova hux vera jħobbna. Jekk jiġrilna hekk, irridu niftakru li Ġeħova hu ‘l-Alla l-kbir li taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah. Hu juri mħabba u lealtà maʼ dawk li jħobbuh u jobdu l-kmandamenti tiegħu.’—Neħ. 1:5.
14. Li naħsbu dwar il-fidwa kif jistaʼ jgħinna ma niddubitawx jekk Ġeħova jħobbniex? (Rumani 5:8) (Ara wkoll il-kaxxa “Oqgħod Attent li Ma Tiġix ‘Imqarraq bil-Qawwa tad-Dnub.’”)
14 Xi kultant, jistaʼ jkun li nħossuna ħażin għax inħossu li ma jixirqilniex l-imħabba taʼ Ġeħova. U l-verità hi li aħna ma ħaqqniex l-imħabba tiegħu. Dan hu eżattament x’jagħmel din l-imħabba speċjali. Aħna ma ħaqqniex din l-imħabba u m’hemm xejn x’nistgħu nagħmlu biex ikun ħaqqna. Minkejja dan, Ġeħova provda l-fidwa biex ikun jistaʼ jaħfrilna d-dnubiet u għax iħobbna. (1 Ġw. 4:10) Ftakar ukoll li Ġesù ġie biex isalva nies imperfetti u mhux nies perfetti. (Aqra Rumani 5:8.) Ħadd minna ma jistaʼ jagħmel l-affarijiet b’mod perfett, u Ġeħova ma jistenniex li jirnexxilna nagħmlu dan. Meta nifhmu li l-imperfezzjoni li writna tistaʼ ġġegħelna niddubitaw jekk Ġeħova jħobbniex, se nsiru iktar determinati biex ma nħallux dan jiġri.—Rum. 7:24, 25.
AGĦŻEL LI TIBQAʼ LEALI
15-16. Dwar xiex nistgħu nkunu ċerti jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, u għala? (2 Samwel 22:26)
15 Ġeħova jridna nieħdu l-aħjar deċiżjoni billi ‘nintrabtu miegħu.’ (Dewt. 30:19, 20) Jekk nagħmlu hekk, nistgħu nkunu ċerti li hu se jibqaʼ leali lejna. (Aqra 2 Samwel 22:26.) Sakemm aħna nibqgħu leali lejn Ġeħova, hu żgur li se jgħinna f’kull sitwazzjoni li jkollna f’ħajjitna.
16 Bħalma rajna f’dan l-artiklu, għandna ħafna raġunijiet biex nibqgħu ankrati meta jiġu l-provi. Aħna nafu li Ġeħova jħobbna u se jgħinna. Il-Bibbja hekk tgħallem. Jekk xi darba tiddubita jekk Ġeħova jħobbokx, ftakar x’taf dwar l-imħabba tiegħu minflok ma tiffoka fuq kif tkun qed tħossok dak il-ħin. Ibqaʼ kun konvint li l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova jibqgħu għal dejjem.
GĦANJA 159 Agħti Glorja lil Ġeħova
a Xi eżempji oħra huma Dewteronomju 31:8, Salm 94:14, u Isaija 49:15.
b X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu qed jitlob lil Ġeħova biex jgħinu jieħu ħsieb lill-mara tiegħu li hi marida, jieħu deċiżjonijiet tajbin dwar il-flus, u jgħallem lit-tifla tħobb lil Alla.