LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Novembru pp. 8-9
  • Għandi Nieqaf Insuq?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandi Nieqaf Insuq?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF TIDDEĊIEDI GĦANDEKX TIBQAʼ SSUQ
  • PRINĊIPJI TAL-BIBBJA LI JGĦINUK TIEĦU DEĊIŻJONI TAJBA
  • L-Inċidenti tal-Karozzi—Ħieles Int mill-Periklu?
    Stenbaħ!—2002
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Novembru pp. 8-9
Ħu kbir fl-età qiegħed bilqiegħda fejn it-tieqa u jħares lejn il-karozza tiegħu. F’idu għandu ċ-ċavetta tal-karozza u qed jaħseb.

Għandi Nieqaf Insuq?

INT ilek issuq għal ħafna snin. Tħobb issuq il-karozza u tmur fejn trid u meta trid. Imma tal-familja u xi ħbieb qed jinkwetaw għalik u jaħsbu li jkun aħjar li tieqaf issuq. Imma int ma tistax tifhem għala jaħsbu hekk.

Bħalissa għaddej minn din is-sitwazzjoni? Jekk iva, x’se jgħinek tiddeċiedi għandekx tibqaʼ ssuq jew le?

F’ċertu pajjiżi, sewwieqa taʼ ċerta età li jridu jġeddu l-liċenzja tas-sewqan, iridu jmorru jagħmlu vista għand it-tabib u hu joħroġ permess li jistgħu jkomplu jsuqu. Kristjani li jgħixu f’dawn il-pajjiżi għandhom jobdu l-liġi. (Rum. 13:1) Imma tgħix fejn tgħix, hemm suġġerimenti li se jgħinuk tkun taf għadekx kapaċi ssuq b’mod li ma jkunx perikoluż.

KIF TIDDEĊIEDI GĦANDEKX TIBQAʼ SSUQ

Organizzazzjoni li tgħin lin-nies kbar fl-età tissuġġerixxi li tistaqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet:

  • Qed insibha diffiċli biex naqra t-tabelli jew biex nara billejl?

  • Għadni nistaʼ ndawwar rasi biex niċċekja l-mirja u biex niċċekkja postijiet li ma jidhrux mill-mirja (blind spots)?

  • Qed insibha diffiċli biex nirreaġixxi malajr, pereżempju, biex immexxi saqajja minn fuq il-pedala tal-gass għal fuq il-pedala tal-brake?

  • Insuq tant bil-mod li ntellef il-karozzi l-oħrajn?

  • Dan l-aħħar ġieli kont se naħbat, jew il-karozza tiegħi fiha daqqiet jew grif għax nolqotha?

  • Ġieli waqqafni uffiċjal tat-traffiku minħabba kif kont qed insuq?

  • Ġieli bdejt nongħos waqt li kont qed insuq?

  • Nieħu xi mediċina li tistaʼ taffettwa kif insuq?

  • Tal-familja jew ħbieb ġieli qaluli li jinkwetaw dwar kif qed insuq?

Jekk weġibt iva għal waħda jew tnejn minn dawn il-mistoqsijiet, jaf hu ż-żmien li tibda taħseb biex tagħmel xi bidliet. Pereżempju, forsi tiddeċiedi li ssuq inqas, speċjalment billejl. B’mod regolari ċċekkja kif qed issuq. Tistaʼ ssaqsi lil xi ħadd tal-familja jew ħabib biex jgħidlek x’jaħseb dwar il-mod kif issuq. Tistaʼ wkoll terġaʼ tieħu xi lezzjonijiet biex issuq aħjar. Però, jekk weġibt iva għal iktar minn żewġ mistoqsijiet, jaf ikun aħjar li ma tibqax issuq.a

PRINĊIPJI TAL-BIBBJA LI JGĦINUK TIEĦU DEĊIŻJONI TAJBA

Jistaʼ jkun li ma nindunawx li m’għadniex insuqu tajjeb kif konna qabel. U l-idea li ma nibqgħux insuqu jaf tkun diffiċli għalina li naħsbu jew nitkellmu dwarha. Mela, liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuna naħsbu sew u nieħdu deċiżjoni tajba? Ejja naraw tnejn.

Kun umli. (Prov. 11:2) Hekk kif tibda tikber fl-età, il-vista, is-smigħ, il-muskoli, u kemm tirreaġixxi malajr jonqsu. Pereżempju, ħafna nies jieqfu jilagħbu ċertu sports hekk kif jikbru għax jirrealizzaw li iktar ma jikbru iktar ikun faċli li jweġġgħu. Xi ħaġa simili tapplika għas-sewqan. Persuna umli se tieqaf issuq meta dan jibda jsir perikoluż għaliha. (Prov. 22:3) U meta oħrajn jgħidulha li qed jinkwetaw għaliha, persuna umli se tkun lesta li tismaʼ.—Ara l-prinċipju fit-​2 Samwel 21:​15-17.

Evita li tweġġaʼ jew toqtol lil xi ħadd. (Dewt. 22:8) Karozza jekk ma tintużax sew tistaʼ tkun perikoluża. Xi ħadd li jkompli jsuq anki jekk m’għadux kapaċi jsuq sew jistaʼ jpoġġi lil ħajtu u l-ħajja t’oħrajn f’riskju. Jistaʼ anki jkun ħati taʼ qtil.

Jekk qed tiddeċiedi għandekx tieqaf issuq, taħsibx li oħrajn se jieqfu jirrispettawk. Ġeħova jħobbok minħabba l-kwalitajiet tiegħek bħall-umiltà, li tkun taf il-limiti tiegħek, u li taħseb f’oħrajn. Hu jwiegħdek li se jinkuraġġik u jtik is-saħħa biex tissaporti. (Isa. 46:4) Hu qatt mhu se jitilqek. Mela waqt li qed tiddeċiedi għandekx tieqaf issuq jew le, itlob lil Ġeħova biex itik l-għerf u jgħinek bil-prinċipji tal-Bibbja ħalli tkun tistaʼ tieħu deċiżjoni tajba.

Kif Oħrajn Jistgħu Jgħinu

Normalment, l-aħjar nies biex jitkellmu maʼ dawk kbar fl-età dwar is-sewqan huma tal-familja tagħhom. Imma forsi int ħabib taʼ xi ħadd kbir fl-età u smajt lil oħrajn jinkwetaw dwar kif isuq. Tinjorax dak li jgħidu. Tistaʼ tipprova wkoll titlaʼ miegħu waqt li qed isuq. Imbagħad jekk tara li jkun hemm bżonn, tkellem miegħu. Waqt li qed tkellmu, poġġi lilek innifsek fis-sitwazzjoni tiegħu. Kun onest imma uri qalb tajba. Toqgħodx tinkwieta dwar l-età tiegħu, imma dwar kif isuq. Minflok tgħidlu “M’għadekx tajjeb biex issuq,” għid “Qed ngħidlek għax inħobbok u ninkwieta għalik.” Fakkru fil-prinċipji tal-Bibbja li jsemmi dan l-artiklu u għidlu li taf kemm jixtieq jobdi dak li tgħid il-Bibbja.

Kollha kemm aħna għandna nippruvaw nifhmu lil xi ħadd kbir fl-età li għandu jieqaf isuq. Hu jistaʼ jħoss li m’għadux indipendenti. X’tistaʼ tagħmel biex tgħinu? Ipprova kun qalbek tajba u għinu b’modi prattiċi. (Prov. 17:17) Jistaʼ jkun diffiċli għalih biex isaqsik twasslu xi mkien, allura ħu l-inizjattiva biex toffri. Tistaʼ tagħmel skeda biex aħwa differenti jgħinuh jagħmel affarijiet importanti, bħal li jmur il-laqgħat, is-service, l-appuntamenti għand it-tabib, u jixtri. Aċċertah li int tixtieq tgħinu u tieħu pjaċir tqattaʼ l-ħin miegħu.—Rum. 1:​11, 12.

a Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “L-Inċidenti tal-Karozzi—Ħieles Int mill-Periklu?” fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Settembru 2002.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja