ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 46
GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’
Ġesù—Il-Qassis il-Kbir Tagħna li Jistaʼ Jifhimna
“Il-qassis il-kbir tagħna mhuwiex wieħed li ma jistax jifhem id-dgħufijiet tagħna.”—LHUD 4:15.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù hu l-aqwa Qassis il-Kbir li jistaʼ jkollna u kif illum qed jgħinna b’modi differenti.
1-2. (a) Ġeħova għala bagħat lil Ibnu fuq l-art? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu? (Lhud 5:7-9)
MADWAR 2,000 sena ilu, Alla Ġeħova bagħat lil Ibnu l-prezzjuż, Ġesù Kristu, hawnhekk fuq l-art. Għala? Raġuni waħda kienet biex jeħles lin-nies mid-dnub u l-mewt u biex jirranġa l-problemi kollha li hawn minħabba Satana. (Ġw. 3:16; 1 Ġw. 3:8) Imma Ġeħova kien jaf ukoll li ż-żmien li kellu fuq l-art Ġesù, kien se jippreparah għall-irwol li kien se jkollu bħala l-Qassis il-Kbir li jistaʼ jifhimna u jħoss għalina. Ġesù beda jaqdi f’din il-pożizzjoni wara l-magħmudija tiegħu fis-sena 29.a
2 F’dan l-artiklu, se naraw kif Ġesù ġie ttrennjat meta kien fuq l-art biex jaqdi bħala l-Qassis il-Kbir li jistaʼ jifhimna. Iktar ma nifhmu kif Kristu “sar ikkwalifikat għalkollox,” iktar se jagħmilha faċli biex nitolbu u nersqu qrib taʼ Ġeħova, speċjalment meta nkunu mdejqin minħabba l-iżbalji tagħna.—Aqra Lhud 5:7-9.
L-IBEN MAĦBUB T’ALLA ĠIE FUQ L-ART
3-4. Ġesù x’ċeda meta ġie fuq l-art, u kif kienet il-ħajja tiegħu hawnhekk?
3 Ħafna minna esperjenzajna xi bidla f’ħajjitna, forsi għax kellna nitilqu minn xi post u ħallejna warajna lin-nies li nħobbu bħall-familja jew ħbieb. Dawn mhumiex bidliet faċli. Però, żgur li ħadd minna ma esperjenza bidliet bħalma kellu Ġesù. Pereżempju, meta kien fis-sema, kien l-ewwel anġlu li nħalaq u l-iktar wieħed importanti. Ġeħova kien iħobbu ħafna u Ġesù kien ferħan ħafna għax kien jaħdem dirett maʼ Missieru. (Slm. 16:11; Prov. 8:30) Minkejja dan, Filippin 2:7 juri li għax ried “hu ċeda kollox,” biex jgħix maʼ nies imperfetti fuq l-art.
4 Aħseb ukoll dwar l-ewwel ftit snin taʼ Ġesù fuq l-art. Ommu u missieru kienu fqar. Dan nafuh għax meta offrew is-sagrifiċċju fit-tempju wara li twieled Ġesù, taw żewġ għasafar żgħar. (Lev. 12:8; Luqa 2:24) U meta r-re kattiv Erodi sar jaf li twieled Ġesù, prova joqtlu. Allura biex isalvaw lil Ġesù, il-familja kellhom jaħarbu u saru refuġjati fl-Eġittu. (Mat. 2:13, 15) Nistgħu naraw li l-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art kienet differenti ħafna minn dik li kellu fis-sema!
5. Meta kien fuq l-art Ġesù x’ra, u li għex fuq l-art kif ippreparah biex ikun il-Qassis il-Kbir li jifhimna? (Ara wkoll l-istampa.)
5 Meta Ġesù kien fuq l-art, ra ħafna nies li kellhom ħajja diffiċli. Ġesù tgħallem kif iħossuhom in-nies meta jmutilhom xi ħadd li jħobbu. Bla dubju, kien hemm ħafna nies li mietu u li kien jafhom. Jistaʼ jkun ukoll li ra lil missieru li rabbieh imut. Ġesù ra ħafna nies li kellhom mard ikrah, nies neqsin mid-dawl, ipparalizzati, jew li mitulhom it-tfal. Hu ħass ħafna għalihom. (Mat. 9:2, 6; 15:30; 20:34; Mrk. 1:40, 41; Luqa 7:13) Huwa veru li meta kien fis-sema ra ħafna nies ibatu. Imma meta kien bniedem fuq l-art, setaʼ jifhem aħjar kif iħossuhom in-nies meta jbatu. (Isa. 53:4) Hu setaʼ jifhem sew kif in-nies iħossuhom f’sitwazzjonijiet differenti jew meta jkunu frustrati jew muġugħin. Ġesù ħass emozzjonijiet bħan-nies oħra bħal dwejjaq, għeja, u wġigħ ukoll.
Ġesù kien iħoss ħafna għan-nies taʼ madwaru u kien jimpurtah minn dak li kienu għaddejjin minnu (Ara paragrafu 5)
ĠESÙ ĦASS GĦAL OĦRAJN
6. X’nitgħallmu dwar kemm Ġesù kien jifhem lin-nies mill-eżempji li ġab il-profeta Isaija? (Isaija 42:3)
6 Meta kien fuq l-art, Ġesù wera li kien jifhem lil dawk li kienu trattati ħażin. B’hekk, hu wettaq il-profezija li qal Isaija. Fl-Iskrittura Ebrajka, dawk li kienu sinjuri u b’saħħithom spiss huma mqabblin maʼ ġnien imsoqqi tajjeb jew maʼ siġar kbar u b’saħħithom. (Slm. 92:12; Isa. 61:3; Ġer. 31:12) Imma dawk li ma kellhomx min jgħinhom u dawk li kienu trattati ħażin, huma mqabblin m’affarijiet bħal qasba mkissra u lampa tnemnem. Dawn huma affarijiet li għandhom ftit użu jew kważi xejn. (Aqra Isaija 42:3.) Imma Ġeħova uża dawn l-eżempji biex juri kemm Ġesù kien se jħobb u jifhem lil dawk li għal oħrajn ma kinux importanti.
7-8. Ġesù kif wettaq il-profezija taʼ Isaija?
7 Mattew wera li Ġesù wettaq il-profezija taʼ Isaija, li kienet: “Qasba mkissra ma jaqsamhiex, u lampa tnemnem ma jitfihiex.” (Mat. 12:20) Ġesù għamel ħafna mirakli għan-nies li kienu jħossuhom qishom qasba mkissra u lampa tnemnem, peress li kienu trattati ħażin minn oħrajn u ma kellhomx tama għall-futur. Pereżempju, darba Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel li kien mimli bil-ġdiem u minħabba f’hekk ma setax jersaq viċin in-nies. Wisq probabbli, hu kien iħoss li ma kellux tama li xi darba jfiq u li jerġaʼ jkun mal-ħbieb u l-familja tiegħu. (Luqa 5:12, 13) Darb’oħra Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel ieħor li ma kienx jismaʼ u ma setax jitkellem sew. Ipprova immaġina ftit kif kien iħossu dan ir-raġel meta kien jara nies oħra jieħdu gost bil-konversazzjonijiet li kellhom imma hu ma setaʼ jifhem xejn. (Mrk. 7:32, 33) Imma mhux hekk biss.
8 Fi żmien Ġesù, ħafna mil-Lhud kienu jemmnu li dawk li kienu morda jew li kellhom xi diżabbiltà, kienu qed ibatu minħabba d-dnubiet li jkunu għamlu jew dnubiet li għamlu l-ġenituri tagħhom. (Ġw. 9:2) Minħabba dan it-tagħlim falz, spiss kienu trattati ħażin ħafna u żgur li kienu jħossuhom dipressi. Imma Ġesù fejjaqhom u għenhom jaraw li Alla jħobbhom ħafna eżatt bħalma wriet il-profezija taʼ Isaija. Dan x’jgħallimna dwar kif Ġesù jħossu dwarna?
9. Lhud 4:15, 16 kif juri li Ġesù jifhimna bħala nies imperfetti?
9 Aqra Lhud 4:15, 16. Nistgħu nkunu ċerti li Ġesù dejjem se jifhimna. Il-kelma Griega għal “jifhem” tfisser li tħoss l-uġigħ li jkunu qed iħossu oħrajn. Taʼ interess, Pawlu uża l-istess kelma Griega f’Lhud 10:34, biex juri li aħna nħossu għal dawk li hemm fil-ħabs. Meta naqraw mill-Bibbja dwar kif Ġesù għen lin-nies, naraw ċar li hu ħass ħafna għalihom. Hu ma fejjaqx lin-nies sempliċement għax kien jaf li dik hi l-ħaġa t-tajba li kellu jagħmel. Hu kien jinteressah ħafna min-nies u xtaq jgħinhom. Pereżempju, meta fejjaq lir-raġel li kien marid bil-ġdiem, kieku ried setaʼ fejqu mill-bogħod. Imma minflok hu ddeċieda li jmissu biex ifejqu, u wisq probabbli din kienet l-ewwel darba li xi ħadd mess lil dan ir-raġel wara ħafna snin! Jew meta fejjaq lir-raġel li ma kienx jismaʼ, Ġesù ħadu waħdu għall-kwiet fejn ma kienx hemm nies. Barra minn hekk, aħseb dwar id-darba meta mara li kienet għamlet affarijiet ħżiena, imma mbagħad inbidlet, ħaslet saqajn Ġesù bid-dmugħ tagħha. Dak il-ħin, Fariżew ma kienx qalbu tajba magħha, imma Ġesù b’mod sod qabeż għaliha. (Mat. 8:3; Mrk. 7:33; Luqa 7:44) Ġesù qatt ma kien jevita lil dawk li kienu morda jew li kienu għamlu dnubiet serji. Minflok, hu riedhom imorru għandu u wriehom li jħobbhom. Aħna nistgħu nkunu ċerti li hu jħossu l-istess dwarna.
KIF ILLUM NISTGĦU NIMITAW LILL-QASSIS IL-KBIR TAGĦNA
10. X’nistgħu nużaw biex ngħinu lil persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl? (Ara wkoll l-istampi.)
10 Peress li rridu nimitaw lil Ġesù kemm jistaʼ jkun, aħna nagħmlu kulma nistgħu biex nuru mħabba u li nħossu u nifhmu lil oħrajn. (1 Pt. 2:21; 3:8) Huwa veru li ma nistgħux infejqu lil nies li ma jarawx jew li neqsin mis-smigħ, imma nistgħu ngħinuhom jitgħallmu u jersqu qrib taʼ Ġeħova. Pereżempju, il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja huma disponibbli b’iktar minn 100 lingwa tas-sinjali. U għal uħud li għandhom vista batuta jew neqsin mid-dawl, hemm pubblikazzjonijiet bil-Braille b’iktar minn 60 lingwa. Ukoll, f’iktar minn 100 lingwa l-vidjows tagħna għandhom vuċi li tispjega xi jkun qed jiġri fil-vidjow (audio descriptions). Dan kollu qed isir biex ngħinu lil nies neqsin mid-dawl jew mis-smigħ ikunu jistgħu jersqu qrib taʼ Ġeħova u taʼ Ibnu.
Il-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja huma disponibbli b’iktar minn 1,000 lingwa
Xellug: B’iktar minn 100 lingwa tas-sinjali
Lemin: B’iktar minn 60 lingwa tal-braille
(Ara paragrafu 10)
11. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif turi li tħoss għal kull tip taʼ nies eżatt bħalma kien jagħmel Ġesù? (Atti 2:5-7, 33) (Ara wkoll l-istampi.)
11 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħmel sforz kbir biex tgħin lil kull tip taʼ nies jersqu qrib taʼ Ġeħova. Ftakar li wara li ġie rxoxtat, Ġesù ta l-ispirtu qaddis lid-dixxipli biex dawk li kienu fil-festa taʼ Pentekoste setgħu jisimgħu l-aħbar tajba ‘bil-lingwa tagħhom stess.’ (Aqra Atti 2:5-7, 33.) Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù, l-organizzazzjoni llum qed tipproduċi pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja b’iktar minn 1,100 lingwa. Xi ftit minn dawn il-lingwi ftit nies biss jitkellmuhom. Pereżempju, fl-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel hemm xi lingwi li vera ftit nies jitkellmuhom. Imma xorta waħda, il-pubblikazzjonijiet tagħna ġew tradotti b’iktar minn 160 minn dawk il-lingwi. B’hekk dawk li jitkellmu b’dawn il-lingwi għandhom iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba. Barra minn hekk, il-pubblikazzjonijiet tagħna huma disponibbli b’iktar minn 20 lingwa tar-Romany. Dan għen biex eluf taʼ nies li jitkellmu dawn il-lingwi jibdew jaqdu lil Ġeħova.
Xellug: B’iktar minn 160 lingwa li jitkellmu bihom in-nies fl-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel
Lemin: B’iktar minn 20 lingwa tar-Romany
(Ara paragrafu 11)
12. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova x’tagħmel iktar għan-nies illum?
12 Apparti l-isforzi li tagħmel l-organizzazzjoni biex tgħin lin-nies jisimgħu l-aħbar tajba, din tgħin ukoll lil dawk li jbatu minħabba xi diżastri naturali. B’hekk, eluf t’aħwa joffru li jkunu volontieri ħalli jgħinu lill-aħwa li jkollhom bżonn. L-organizzazzjoni tgħin ukoll biex tipprovdi postijiet sempliċi għal-laqgħat. B’hekk, in-nies ikunu jistgħu jitgħallmu iktar dwar kemm iħobbhom Alla.
IL-QASSIS IL-KBIR TAGĦNA JISTAʼ JGĦINEK
13. X’inhuma xi modi kif Ġesù jgħinna?
13 Bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, Ġesù jagħmel ċert li għandna dak kollu li jkollna bżonn biex nibqgħu qrib Ġeħova. (Ġw. 10:14; Efes. 4:7) Xi kultant, jaf ngħaddu minn ċertu affarijiet fil-ħajja li jġegħluna nħossuna bħal qasba kważi mkissra jew lampa tnemnem. Jaf nibdew inħossuna skuraġġiti ħafna minħabba xi marda serja, xi żball li nkunu għamilna, jew forsi għax kellna nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħu jew oħt. Dawn l-affarijiet jaf iġibulna wġigħ u minħabba f’hekk ikun diffiċli biex niffokaw fuq it-tama li għandna għall-futur. Imma ftakar li Ġesù jifhem kif tħossok u minn xiex għaddej. Peress li hu jħoss għalik, jixtieq jgħinek. Pereżempju, hu jistaʼ juża l-ispirtu qaddis biex jagħtik is-saħħa meta tkun skuraġġit ħafna. (Ġw. 16:7; Titu 3:6) Barra minn hekk, hu jistaʼ juża l-anzjani u lill-aħwa fil-kongregazzjoni biex jinkuraġġuk u jgħinuk.—Efes. 4:8.
14. X’tistaʼ tagħmel meta tħossok skuraġġit?
14 Jekk qed tħossok skuraġġit ftakar li Ġesù hu l-Qassis il-Kbir tagħna u aħseb sew xi jfisser dan għalik b’mod personali. Ftakar li Ġeħova bagħtu fuq l-art mhux biex imut għalina biss imma anki biex jifhem aħjar il-problemi li jkollhom in-nies. Meta tkun skuraġġit minħabba dnubiet jew nuqqasijiet li tkun għamilt, Ġesù hu lest biex jipprovdi “l-għajnuna f’waqtha.”—Lhud 4:15, 16.
15. X’għen lil ħu jerġaʼ lura fil-kongregazzjoni?
15 Ġesù jiggwida wkoll lin-nies tiegħu biex jgħinu lil dawk li telqu lil Ġeħova ħalli jerġgħu lura għandu. (Mat. 18:12, 13) Innota l-esperjenza taʼ Stefano.b Wara li kien imneħħi mill-kongregazzjoni għal 12-il sena, hu ddeċieda li jattendi laqgħa. Hu qal: “Vera ma kinitx faċli għalija, imma xtaqt li nerġaʼ naqdi lil Ġeħova maʼ ħuti. L-anzjani li ltaqgħu miegħi vera għenuni nħossni komdu. Ġieli kont inħossni li ma niswa għal xejn minħabba li kont tlaqt lil Ġeħova, u ġieli kont se naqtaʼ qalbi. Imma l-anzjani fakkruni li Ġeħova u Ġesù ma jixtiqunix inċedi. Meta rġajt sirt parti mill-kongregazzjoni, l-aħwa kollha laqgħu lili u l-familja tiegħi bi mħabba kbira. Maż-żmien, il-mara tiegħi aċċettat li tibda tistudja l-Bibbja, u llum qed naqdu lil Ġeħova bħala familja.” Min jaf kemm hu ferħan il-Qassis il-Kbir tagħna meta jara lil kulħadd fil-kongregazzjoni jgħin biex dawk li jindmu jerġgħu jsiru parti mill-kongregazzjoni!
16. Għala tapprezza li għandek Qassis il-Kbir li jifhmek?
16 Meta kien fuq l-art, Ġesù għen lil ħafna nies fil-ħin eżatt meta kellhom bżonn. Illum, aħna għandna nkunu ċerti li hu se jgħinna meta jkollna bżonn. U fid-dinja l-ġdida, hu se jgħinna ngħixu ħajja mingħajr il-problemi li ġabu d-dnub u l-imperfezzjoni. Kemm għandna għal xiex nirringrazzjaw lil Alla tagħna li tant iħobbna li inkariga lil Ibnu biex ikun il-Qassis il-Kbir li jifhimna!
GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna
a Biex issir taf iktar dwar kif Ġesù ħa post il-Qassis il-Kbir tal-Lhud, ara l-artiklu “Apprezza l-Privileġġ li Taqdi lil Ġeħova fit-Tempju Spiritwali” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa t’Ottubru 2023, p. 26, para. 7-9.
b L-isem ġie mibdul.