LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Novembru pp. 22-27
  • Int Prezzjuż Ħafna!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Prezzjuż Ħafna!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF ĠESÙ GĦEN LIN-NIES JIFHMU U JĦOSSU LI HUMA VERA PREZZJUŻI GĦAL ĠEĦOVA
  • KIF TARA LILEK INNIFSEK BĦALMA JARAK ĠEĦOVA
  • Ġeħova “Jfejjaq lil Dawk taʼ Qalbhom Maqsuma”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ġeħova Jħobbok Ħafna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • X’Titgħallem mill-Aħħar 40 Ġurnata li Ġesù Għamel Fuq l-Art?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Novembru pp. 22-27

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 47

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

Int Prezzjuż Ħafna!

“Int maħbub ferm.”—DAN. 9:23.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Dan l-artiklu se jgħin lill-uħud li jħossu li ma jiswew għal xejn ikunu konvinti li huma prezzjużi għal Ġeħova.

1-2. Kif nistgħu nkunu konvinti li aħna prezzjużi ħafna għal Ġeħova?

GĦAL Ġeħova, il-qaddejja tiegħu kollha huma prezzjużi. Imma xi wħud minnhom iħossuhom li ħadd ma jistaʼ jħobbhom, inkluż Ġeħova. Dan jistaʼ jkun għax xi ħadd ittrattahom ħażin ħafna. Ġieli ħassejtek li ma tiswa għal xejn? Jekk iva, x’jistaʼ jgħinek tkun konvint li int prezzjuż ħafna għal Ġeħova?

2 Xi ħaġa li tistaʼ tgħinek hi li taqra u taħseb sew dwar rakkonti li hemm fil-Bibbja li juru kif Ġeħova jixtieq li n-nies jiġu trattati. Ġesù dejjem ittratta lin-nies b’qalb tajba u b’rispett. B’hekk, hu wera ċar li dawk li jħossuhom li ma jiswew għal xejn jew li mhumiex importanti, huma prezzjużi kemm għalih u kemm għal Missieru. (Ġw. 5:19; Lhud 1:3) F’dan l-artiklu se nitgħallmu: (1) kif Ġesù għen lin-nies jifhmu u jħossu li huma vera prezzjużi għal Ġeħova u (2) kif nistgħu nikkonvinċu lilna nfusna li aħna vera prezzjużi għal Ġeħova.—Ħag. 2:7.

KIF ĠESÙ GĦEN LIN-NIES JIFHMU U JĦOSSU LI HUMA VERA PREZZJUŻI GĦAL ĠEĦOVA

3. Ġesù kif ittratta lin-nies tal-Galilija li ġew għandu għall-għajnuna?

3 Meta Ġesù kien qed jipprietka fil-Galilija, ħafna nies marru biex jisimgħuh u biex ifejjaqhom. Ġesù nnota li huma “kienu ttrattati ħażin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mat. 9:36; ara n-noti taʼ studju bl-Ingliż.) Il-mexxejja reliġjużi tagħhom ma kinux iqisuhom importanti biżżejjed biex jagħtu kashom u kienu jsejħulhom ‘misħutin.’ (Ġw. 7:​47-49; in-nota taʼ studju bl-Ingliż) Imma Ġesù ttrattahom b’qalb tajba u b’rispett, tant li ħa l-ħin biex jgħallimhom u jfejjaqhom. (Mat. 9:35) Apparti minn hekk, biex jgħin iktar nies, hu ttrennja lill-appostli tiegħu kif jippritkaw u qalilhom biex ‘ifejqu lill-morda.’—Mat. 10:​5-8.

4. X’nitgħallmu minn kif Ġesù ttratta lil dawk li ma kinux meqjusin importanti?

4 Billi ttratta b’qalb tajba u b’rispett lil dawk li ġew jisimgħuh, Ġesù wera li hu u Missieru jqisu lil dawn l-uħud bħala prezzjużi ħafna, avolja oħrajn ma kinux iqisuhom importanti. Jekk qed taqdi lil Ġeħova imma ġieli tiddubita jekk intix prezzjuż għalih, aħseb dwar l-attenzjoni li Ġesù ta lil nies umli li riedu jitgħallmu mingħandu. Billi tagħmel dan tkun tistaʼ tara kemm int prezzjuż għal Ġeħova.

5. X’nafu dwar il-mara li Ġesù ltaqaʼ magħha fil-Galilija?

5 Ġesù ma kienx jgħallem biss lill-folol. Hu kien jagħti wkoll attenzjoni lin-nies b’mod individwali. Pereżempju, meta kien qed jipprietka fil-Galilija, Ġesù ltaqaʼ ma’ mara li kienet ilha 12-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm. (Mrk. 5:25) Minħabba l-kundizzjoni medika tagħha, skont il-Liġi hi ma kinitx nadifa u kull min kien imiss magħha wkoll kien jispiċċa mhux nadif. Min jaf kemm qattgħet ħin waħedha minħabba li setgħetx tassoċja m’oħrajn! Apparti minn hekk, hi ma setgħetx tqim lil Ġeħova m’oħrajn fis-sinagoga jew waqt il-festi. (Lev. 15:​19, 25) Żgur li din il-mara kienet qed tbati kemm fiżikament u kemm emozzjonalment.—Mrk. 5:26.

6. Il-mara x’għamlet biex fieqet?

6 Din il-mara tant kienet qed tbati li xtaqet li Ġesù jfejjaqha. Imma hi ma marritx fuqu u staqsietu jagħmel dan. Għala le? Forsi bdiet tistħi jew ħassitha umiljata minħabba l-kundizzjoni tagħha. Jew forsi beżgħet li Ġesù kien se jirrabja magħha għax hi ma kinitx nadifa, allura suppost ma kellhiex tkun ġol-folla. Imma hi kellha fidi li jekk imqar tmiss il-ħwejjeġ tiegħu kienet se tfiq. (Mrk. 5:​27, 28) U kellha raġun temmen hekk, għax hi fieqet. Imbagħad Ġesù staqsa: ‘Min messni?,’ u hi qaltlu x’kienet għamlet. Ġesù kif ittrattaha?

7. Ġesù kif ittrattaha lil din il-mara li kienet qed tbati ħafna? (Marku 5:34)

7 Ġesù ttratta lill-mara b’qalb tajba u b’rispett. Hu induna li hi kienet “imbeżżgħa u [qed] titriegħed.” (Mrk. 5:33) Minħabba li fehem kif kienet qed tħossha, kellimha b’qalb tajba u inkuraġġieha. Hu anki sejħilha “binti.” Billi uża l-kelma “binti,” Ġesù mhux biss wera rispett magħha imma anki qalb tajba u mħabba. (Aqra Marku 5:34.) In-nota taʼ studju bl-Ingliż ma’ din il-kelma tgħid li din hi l-unika darba fil-Bibbja li Ġesù sejjaħ lil mara “binti.” Hu probabbilment uża din il-kelma f’din is-sitwazzjoni għax ra li kienet qed “titriegħed” bil-biżaʼ. Kif taħseb li ħassitha wara li Ġesù kellimha b’dan il-mod? Min jaf kemm ħassitha ferħana li Ġesù ttrattaha b’qalb tajba u bi mħabba! Kieku Ġesù ma kellimhiex b’dan il-mod, forsi hi vera kienet tfiq, imma kienet tibqaʼ tħossha ħatja li messitlu l-ħwejjeġ jew li marret fil-folla. Imma Ġesù ma riedx biss ifejjaqha imma riedha wkoll tkun konvinta li hi prezzjuża ħafna għal Missierha kollu mħabba tas-sema.

8. Oħt mill-Brażil xi sfidi kellha?

8 Anki llum, uħud mill-qaddejja t’Alla qed ibatu minħabba problemi taʼ saħħa li jaffettwawhom emozzjonalment. Maria,a pijuniera regulari mill-Brażil, twieldet mingħajr saqajn u b’id waħda. Hi tispjega: “Minħabba d-diżabilità tiegħi, l-iskola dejjem kont niġi bbuljata. It-tfal kienu jgħajruni bi kliem li jweġġaʼ. U ġieli anki tal-familja kienu jittrattawni b’mod li jġegħluni nħossni li ma niswa għal xejn.”

9. X’għen lil Maria tara li hi prezzjuża għal Ġeħova?

9 X’għen lil Maria? Meta saret Xhud taʼ Ġeħova, l-aħwa tal-kongregazzjoni tagħha tawha ħafna sapport u inkuraġġiment, u għenuha tara lilha nfisha kif jaraha Ġeħova. Hi tgħid: “Kieku kelli nikteb l-ismijiet tal-aħwa kollha li għenuni, lanqas nieqaf nikteb! Vera grata lejn Ġeħova li tani familja spiritwali daqshekk sabiħa.” Dawn l-aħwa għenu lil Maria tara li hi prezzjuża f’għajnejn Alla.

10. Liema problemi ġiegħlu lil Marija l-Maddalena tbati ħafna? (Ara wkoll l-istampi.)

10 Aħseb fuq kif Ġesù għen lil persuna oħra, lil Marija l-Maddalena. Hi kellha sebaʼ demonji ġo fiha! (Luqa 8:2) Probabbilment, minħabba d-demonji, hi kienet tagħmel affarijiet mhux normali u n-nies kienu jevitawha. Hi kienet qed tbati ħafna. U żgur ħassitha mbeżżgħa ħafna u ħasbet li ħadd ma setaʼ jħobbha jew jgħinha. Ġesù keċċa d-demonji li kellha fiha u hi saret dixxiplu tiegħu. Imma Ġesù b’liema mod ieħor għen lil Marija l-Maddalena tkun konvinta li hi prezzjuża għal Ġeħova?

Grupp taʼ stampi: 1. Ġesù jara lil Marija l-Maddalena għarkopptejha mdejqa fi sqaq mudlam. 2. Marija l-Maddalena ferħana għax qiegħda maʼ Ġesù u dixxipli oħra tiegħu.

Ġesù kif wera lil Marija l-Maddalena li kienet prezzjuża għal Ġeħova? (Ara paragrafi 10-11)


11. Ġesù kif wera lil Marija l-Maddalena li kienet prezzjuża għal Alla? (Ara wkoll l-istampi.)

11 Ġesù ta lil Marija l-Maddalena l-privileġġ li tmur miegħu u mad-dixxipli tiegħu hekk kif jippritkaw minn raħal għal raħal.b Grazzi għal din l-opportunità, hi setgħet tkompli titgħallem mit-tagħlim taʼ Ġesù. Ukoll, dakinhar li ġie rxoxtat, hu dehrilha. Hi kienet waħda mill-ewwel dixxipli tiegħu li tkellmet miegħu dakinhar li ġie rxoxtat. Ġesù anki qalilha biex tmur tgħid lill-appostli li hu kien irxoxta. B’dawn il-modi kollha, Ġesù għenha tara kemm hi vera kienet prezzjuża għal Ġeħova!—Ġw. 20:​11-18.

12. X’ġiegħel lil Lidia tħoss li ħadd ma setaʼ jħobbha?

12 Bħal Marija l-Maddalena, ħafna llum iħossu li ħadd ma jistaʼ jħobbhom. Lidia, oħt minn Spanja, tgħid li qabel ma twieldet, ommha bdiet taħseb li tagħmel abort. Anki bħala tifla żgħira, Lidia tiftakar kif ommha ma kinitx tagħti kasha u kienet tgħidilha kliem aħrax ħafna. Hi tgħid: “Peress li ommi qatt ma wrietni li kienet tħobbni, f’ħajti dejjem xtaqt li n-nies iħobbuni u jkunu jixtiequ jkunu l-ħbieb tiegħi. Din kienet il-mira tiegħi. Imma kont nibżaʼ li nagħmel x’nagħmel ħadd ma setaʼ jħobbni, għax ommi kienet ikkonvinċietni li jiena kont persuna ħażina.”

13. X’għen lil Lidia tifhem kemm hi prezzjuża għal Ġeħova?

13 Wara li Lidia tgħallmet il-verità, it-talb u l-istudju persunali kif ukoll il-kliem u l-azzjonijiet tal-aħwa għenuha tifhem li hi prezzjuża għal Ġeħova. Hi tgħid: “Ir-raġel spiss jgħidli kemm iħobbni u regolarment ifakkarni fil-kwalitajiet sbieħ li għandi. Anki aħwa oħrajn għeżież jagħmlu l-istess.” Tistaʼ taħseb f’xi ħu jew oħt fil-kongregazzjoni li tistaʼ tgħinha tifhem kemm hi prezzjuża għal Ġeħova?

KIF TARA LILEK INNIFSEK BĦALMA JARAK ĠEĦOVA

14. L-1 Samwel 16:7 kif jgħinna naraw lilna nfusna bil-mod kif jarana Ġeħova? (Ara wkoll il-kaxxa “Ġeħova Għala Japprezza lin-Nies Tiegħu?”)

14 Ftakar li Ġeħova ma jarakx bl-istess mod li jarawk in-nies tad-dinja. (Aqra 1 Samwel 16:7.) Ħafna nies fid-dinja jqisu lil xi ħadd importanti skont kif jidher, kemm għandu flus, jew x’edukazzjoni għandu. (Isa. 55:​8, 9) Imma Ġeħova ma jagħmilx hekk. Għalhekk, ipprova ara lilek innifsek bil-mod kif jarak Ġeħova, mhux kif jarawk in-nies. Tistaʼ taqra dwar individwi fil-Bibbja li ġieli ħassewhom li ma jiswew għal xejn bħal Elija, Nagħomi, u Ħanna. Meta tkun qed taqra dwarhom, innota kemm Ġeħova kien iħobbhom. Tistaʼ wkoll tikteb esperjenzi li ġrawlek f’ħajtek li wrewk li Ġeħova jħobbok u japprezzak. Apparti minn hekk, tistaʼ taqra informazzjoni mill-pubblikazzjonijiet tagħna dwar suġġetti li jgħinuk tara lilek innifsek bħalma jarak Ġeħova.c

Ġeħova Għala Japprezza lin-Nies Tiegħu?

Ġeħova ħalaq lin-nies differenti ħafna mill-annimali. Hu ddisinjana b’mod li nistgħu nsiru nafuh u nsiru ħbieb tiegħu. (Ġen. 1:27; Slm. 8:5; 25:14; Isa. 41:8) Dan il-fatt biss diġà jagħtina raġuni b’saħħitha għala nistgħu nkunu ċerti li aħna niswew għal Ġeħova. Imma terġaʼ hemm raġuni iktar b’saħħitha. Jekk nagħżlu li nersqu qrib Ġeħova, nobduh, u niddedikaw ħajjitna lilu, aħna nsiru vera prezzjużi għall-Ħallieq u Alla tagħna.—Isa. 49:15.

15. Ġeħova għala ra lil Danjel bħala raġel “maħbub ferm”? (Danjel 9:23)

15 Regolarment fakkar lilek innifsek li int prezzjuż għal Ġeħova għax int leali. Darba waħda, x’aktarx meta kellu kważi 100 sena, il-profeta Danjel ħassu “għajjien għall-aħħar” u skuraġġit. (Dan. 9:​20, 21) Ġeħova kif inkuraġġieh? Alla bagħat lill-anġlu Gabrijel u fakkru li kien “maħbub ferm” u li t-talb tiegħu kien instemaʼ. (Aqra Danjel 9:23.) X’kien li għamel lil Danjel daqshekk prezzjuż għal Alla? Hu kellu ħafna kwalitajiet sbieħ. Tnejn minnhom kienu li kien iħobb il-ġustizzja u kien leali. (Eżek. 14:14) Ġeħova kiteb dan ir-rakkont fil-Bibbja biex jinkuraġġina. (Rum. 15:4) Bħalma Ġeħova semaʼ t-talb taʼ Danjel, int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jismaʼ t-talb tiegħek, għax hu japprezza li int tħobb il-ġustizzja u li taqdih b’lealtà.—Mik. 6:8; Lhud 6:10.

16. X’jistaʼ jgħinek tqis lil Ġeħova bħala Missier li jħobbok?

16 Qis lil Ġeħova bħala Missier li jħobbok. Hu jrid jgħinek mhux ifittex id-difetti fik. (Slm. 130:3; Mat. 7:11; Luqa 12:​6, 7) Dan il-ħsieb għen lill-uħud li jħossuhom li ma jiswew għal xejn. Pereżempju, oħt jisimha Michelle, minn Spanja, ħassitha mhux maħbuba u li ma tiswa għal xejn minħabba li għal ħafna snin ir-raġel tagħha kien jabbużaha bi kliem li jweġġaʼ. Hi tgħid, “Meta nħossni li ma niswa għal xejn, nipprova nimmaġina lil Ġeħova jerfagħni bi mħabba u jagħtini l-protezzjoni li għandi bżonn.” (Slm. 28:9) Lauren, oħt mill-Afrika t’Isfel, tfakkar lilha nfisha, “Jekk Ġeħova ġibidni lejh bil-ħbula tal-imħabba, għenni biex nibqaʼ qribu dawn is-snin kollha, u anki jħallini ngħallem lil oħrajn dwaru, mela jien żgur li niswa u importanti għalih.”—Ħos. 11:4.

17. X’jistaʼ jgħinek tkun konvint li għandek l-approvazzjoni taʼ Ġeħova? (Salm 5:12) (Ara wkoll l-istampa.)

17 Kun konvint li għandek l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 5:12.) David qabbel l-approvazzjoni taʼ Ġeħova ma’ “tarka kbira” li tipproteġi lin-nies sewwa. Meta jibdew ġejjin ħsibijiet li jġegħluk tħossok li int ma tiswa għal xejn, li tkun taf li għandek l-approvazzjoni u s-sapport taʼ Ġeħova jistaʼ jipproteġik bħal tarka. Kif tistaʼ tkun taf li għandek l-approvazzjoni taʼ Ġeħova? Bħalma rajna, hu jagħtina l-Bibbja biex jgħidilna kif iħossu dwarna. Apparti minn hekk, hu juża l-anzjani, ħbieb tal-qalb, u oħrajn biex ifakkruk li int prezzjuż għalih. Imma kif għandek tħossok meta oħrajn jgħidu affarijiet sbieħ dwarek?

Oħt qed titbissem waqt li ħierġa mis-Sala tas-Saltna biex tmur service maʼ oħt oħra. Din l-oħt għandna idha fuq spallitha biex tinkuraġġiha.

Li niftakru li għandna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna nieqfu naħsbu li ma niswew għal xejn (Ara paragrafu 17)


18. Għala għandek temmen affarijiet sbieħ li oħrajn jgħidu dwarek?

18 Meta dawk li jafuk u jħobbuk jgħidulek affarijiet sbieħ dwarek innifsek, toqgħodx taħseb li mhux vera. Żomm f’moħħok li Ġeħova jaf juża lilhom biex jikkonvinċik li għandek l-approvazzjoni tiegħu. Michelle, li ssemmiet qabel, tgħid: “Bil-mod il-mod qed nitgħallem nemmen il-kliem sabiħ li jgħiduli oħrajn. Diffiċli ħafna għalija, imma jien naf li Ġeħova hekk jixtieqni nagħmel.” Anki l-anzjani għenu lil Michelle bi mħabba tara li Ġeħova japprovaha. Hi bħalissa taqdi bħala pijuniera u taħdem part-time għal Betel mid-dar.

19. Għala tistaʼ tkun konvint li int prezzjuż għal Ġeħova?

19 Ġesù bi mħabba jfakkarna li aħna importanti ħafna għal Missierna tas-sema. (Luqa 12:24) Allura tistaʼ tkun konvint li int prezzjuż għal Ġeħova. Qatt tinsieh dan! U kompli agħmel dak kollu li tistaʼ biex tgħin lil oħrajn jaraw kemm huma prezzjużi għal Ġeħova!

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġesù kif għen lin-nies jifhmu kemm huma prezzjużi għal Alla?

  • Ġesù kif għen lill-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm?

  • X’jistaʼ jgħinna naraw lilna nfusna bħalma jarana Ġeħova?

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Marija l-Maddalena kienet waħda min-nisa li vvjaġġaw ma’ Ġesù. Dawn in-nisa użaw il-flus tagħhom stess biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Ġesù u tal-appostli.—Mat. 27:​55, 56; Luqa 8:​1-3.

c Pereżempju, ara kapitlu 24 tal-ktieb Ersaq Qrib Lejn Ġeħova, u aqra l-iskritturi u l-eżempji mill-Bibbja li jissemmew taħt is-suġġett “Dubji” fil-ktieb Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja