ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 49
GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket
Il-Ktieb taʼ Ġob Jistaʼ Jgħinek Meta Tagħti Parir
“Issa, jekk jogħġbok Ġob, ismaʼ kliemi.”—ĠOB 33:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif il-ktieb taʼ Ġob se jgħinna naraw x’għandna ngħidu u kif għandna ngħiduh meta nagħtu parir.
1-2. Liema sfida jiffaċċjaw it-tlett iħbieb taʼ Ġob u Eliħu?
L-AĦBAR dwar Ġob malajr ġriet u n-nies bdew jisimgħu li Ġob kien tilef kollox. Meta tlieta mill-ħbieb tiegħu, Elifaż, Bildad, u Sofar semgħu dan, marru Uż biex ifarrġuh. Imma xħin wasslu baqgħu xxokkjati b’dak li raw.
2 Immaġina x’ġara. Ġob kien tilef kollox. Il-baqar, l-iġmla, u n-nagħaġ kienu nqatlu jew ġew misruqa. Il-qaddejja tiegħu kważi kollha nqatlu u t-tfal kollha tiegħu kienu mietu meta d-dar tagħhom waqgħet fuqhom. Wara dan kollu Ġob jimrad. Ġismu mtela msiemer kbar u taʼ wġigħ. Mill-bogħod, it-tlett irġiel jaraw lil Ġob bilqiegħda fl-irmied u mdejjaq ħafna. X’għamlu? Għal sebat ijiem, lanqas qalu kelma lil dan ir-raġel muġugħ ħafna. (Ġob 2:12, 13) F’xi ħin, jasal raġel ieħor li kien iżgħar fl-età jismu Eliħu u jpoġġi ħdejhom. Fl-aħħar, Ġob jitkellem u jibda jisħet il-ġurnata taʼ meta twieled u jibda jgħid li jixtieq imut. (Ġob 3:1-3, 11) Huwa ovvju li Ġob għandu bżonn l-għajnuna u li din hi taʼ sfida għall-ħbieb tiegħu! Kienu dawn l-irġiel se jieħdu din l-opportunità u jinkuraġġixxu lil Ġob, u juru li huma ħbieb veri li jimpurtahom minnu? Ejja naraw.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Ġeħova ispira lil Mosè jikteb x’għamlu t-tlett iħbieb taʼ Ġob u Eliħu. Taʼ interess li Eliħu qal affarijiet li Ġeħova xtaqu jgħid imma Elifaż qal xi affarijiet li x’aktarx spirtu ħażin qallu biex jgħid. (Ġob 4:12-16; 33:24, 25) Mhux taʼ b’xejn li għalkemm il-ktieb taʼ Ġob fih uħud mill-aqwa pariri li qatt intqalu, fih ukoll pariri ħżiena. F’dan l-artiklu se niddiskutu kif il-ktieb taʼ Ġob jistaʼ jgħinna meta jkollna bżonn nagħtu parir lil xi ħabib. Minn Elifaż, Bildad, u Sofar se nitgħallmu x’m’għandniex ngħidu u nagħmlu. Imbagħad minn Eliħu se naraw x’għandna ngħidu u nagħmlu. F’kull każ se naraw x’setgħu tgħallmu l-Iżraelin u x’nistgħu nitgħallmu aħna llum.
KIF IT-TLETT IĦBIEB TAʼ ĠOB TAWH PARIR
4. It-tlett iħbieb taʼ Ġob għala ma rnexxilhomx jgħinuh iħossu aħjar? (Ara wkoll l-istampa.)
4 Il-Bibbja tgħid li minħabba dak kollu li ġralu, it-tlett iħbieb taʼ Ġob marru biex “juruh li jinteressahom minnu u jgħinuh iħossu aħjar.” (Ġob 2:11) Però ma rnexxilhomx. Għala? Minn tal-inqas minħabba tliet raġunijiet. L-ewwel, huma qabdu u qabżu għal konklużjoni żbaljata. Pereżempju, huma assumew li Ġob kien qed jiġi kkastigat minħabba li għamel xi ħaġa ħażina.a (Ġob 4:7; 11:14) It-tieni, ħafna mill-pariri li tawh kienu bla ħsieb, bla qalb, u li jweġġgħu. Pereżempju, it-tlieta li huma qalu affarijiet li dehru li għamlu sens imma m’għenuhx lil Ġob. (Ġob 13:12) Bildad darbtejn qallu li kien qed jitkellem ħafna. (Ġob 8:2; 18:2) U Sofar ta x’jifhem li Ġob kien “iblah.” (Ġob 11:12) It-tielet, għalkemm m’għajtux maʼ Ġob, b’dak li qalu spiss ġegħluh iħossu ħati u wrew li ma kinux iħobbuh u jirrispettawh. (Ġob 15:7-11) Dawn l-irġiel kien iktar moħħhom biex juru li Ġob kien għamel xi ħaġa ħażina milli biex jgħinuh iħossu aħjar jew isaħħuh.
Meta tagħti parir lil xi ħadd, iġġegħlux jaħseb li int aħjar minnu. Il-mira tiegħek għandha tkun li tgħinu (Ara paragrafu 4)
5. Bil-pariri li tawh Elifaż, Bildad, u Sofar, Ġob kif ħassu?
5 Mhux taʼ b’xejn li bil-pariri li tawh, Ġob ħassu agħar milli kien. Hu ħassu mweġġaʼ bi kliemhom. (Ġob 19:2) Iktar m’akkużawh li għamel affarijiet ħżiena, Ġob iktar ħass li kellu jiddefendi lilu nnifsu. Nistgħu nifhmu għala saret daqshekk importanti għal Ġob li juri li hu ġust u spiss qal affarijiet li ma riedx jgħid. (Ġob 6:3, 26) Dak li qalu l-ħbieb tiegħu ma kienx ibbażat fuq kif jaħseb Ġeħova u m’għenuhx iħossu aħjar. Minħabba f’hekk, Satana użahom biex jiskuraġġixxu lil Ġob. (Ġob 2:4, 6) Dan ir-rakkont kif setaʼ għen lill-Iżraelin u kif jistaʼ jgħin lilna?
6. L-anzjani f’Iżrael x’lezzjonijiet setgħu tgħallmu mill-eżempju ħażin tat-tlett iħbieb taʼ Ġob?
6 L-Iżraelin kif setgħu bbenefikaw. Meta Ġeħova ta l-Liġi lill-Iżraelin, hu għażel irġiel bħala anzjani biex jiġġudikaw lill-poplu u jgħinuhom jobdu l-Liġi. (Dewt. 1:15-18; 27:1) Dawn l-irġiel kellhom jisimgħu sew qabel ma jagħtu parir jew jiġġudikaw lil xi ħadd. (2 Kron. 19:6) Kellhom ukoll isaqsu mistoqsijiet, mhux jassumu li jafu l-fatti kollha. (Dewt. 19:18) Huma kellhom jitkellmu b’qalb tajba maʼ dawk li jmorru għandhom għal parir. Għala? Għax il-persuna l-oħra ma kinitx se tħossha komda tiftaħ qalbha jekk l-anzjani ma jurux qalb tajba jew paċenzja. (Eżo. 22:22-24) Dawn huma xi ftit mil-lezzjonijiet li setgħu jitgħallmu l-anzjani f’Iżrael mir-rakkont taʼ Ġob.
7. Apparti l-anzjani f’Iżrael, min setaʼ jagħti parir, u kif setgħu jibbenefikaw mir-rakkont taʼ Ġob? (Proverbji 27:9)
7 Ovvjament, mhux l-anzjani t’Iżrael biss setgħu jagħtu parir. Kull Iżraeli—kbir jew żgħir, raġel jew mara—setaʼ jagħti parir lill-ħabib tiegħu biex jgħinu jtejjeb il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova u jikkoreġih meta jagħmel xi ħaġa ħażina. (Slm. 141:5) Ħbieb veri lesti li jgħinu lil xulxin b’dan il-mod. (Aqra Proverbji 27:9.) L-eżempju ħażin tat-tlett iħbieb taʼ Ġob setaʼ għen lill-Iżraelin ikunu jafu x’m’għandhomx jgħidu u jagħmlu meta jagħtu parir.
8. Meta nagħtu parir x’għandna nevitaw? (Ara wkoll l-istampi.)
8 Kif nistgħu nibbenefikaw. Bħala Kristjani, aħna rridu ngħinu lill-aħwa meta jkunu għaddejjin minn provi. Però, biex nagħmlu dan, irridu nevitaw dak li għamlu t-tlett iħbieb taʼ Ġob. L-ewwel, irridu nkunu ċerti li għandna l-fatti kollha qabel nagħtu parir. It-tieni, il-parir għandu jkun ibbażat fuq il-verità tal-Kelma t’Alla, mhux nagħmlu bħal Elifaż u ngħidu x’naħsbu aħna. (Ġob 4:8; 5:3, 27) It-tielet, irridu nevitaw li ngħidu affarijiet li jweġġgħu jew li bihom inkunu qed nikkritikaw. Ftakar li kien hemm xi affarijiet li Elifaż u l-ħbieb tiegħu qalu li kienu veri; fil-fatt iktar tard l-appostlu Pawlu kkwota xi kliem li qal Elifaż. (Qabbel Ġob 5:13 mal-1 Korintin 3:19.) Però, ħafna minn dak li qalu Elifaż, Bildad, u Sofar dwar Alla ma kienx veru u weġġaʼ lil Ġob. Kien għalhekk li Ġeħova qal li ma kinux qed jgħidu l-verità. (Ġob 42:7, 8) Meta nagħtu parir qatt m’għandna npinġu lil Ġeħova bħala li mhux raġunevoli jew inġiegħlu lill-qaddejja tiegħu jħossuhom li Ġeħova ma jistax iħobbhom. Issa ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Eliħu.
Meta tagħti parir, (1) kun ċert li għandek il-fatti kollha, (2) uża l-Kelma t’Alla, u (3) tkellem b’qalb tajba (Ara paragrafu 8)
KIF ELIĦU TA PARIR LIL ĠOB
9. Spjega għala wara li Ġob u sħabu waqfu jitkellmu, Ġob kellu bżonn l-għajnuna u kif Ġeħova għenu.
9 Xħin Ġob u t-tlett irġiel waqfu jargumentaw, xorta kien hemm tensjoni fl-arja. Tant qalu affarijiet li hemm 28 kapitlu fil-Bibbja b’dak li qalu. Ħafna minn dak li qalu juri li kienu rrabjati jew frustrati. Mhux taʼ b’xejn li Ġob kien għadu skuraġġit! Hu xorta kien għad għandu bżonn iħossu aħjar u jingħata parir. Ġeħova kif għen lil Ġob? Hu uża lil Eliħu biex jagħtih parir. Eliħu għala stenna li l-irġiel jieqfu jargumentaw qabel tkellem? Hu qal: “Jien għadni żgħir u intom imdaħħlin fiż-żmien. Għalhekk, b’rispett żammejt lura milli nitkellem.” (Ġob 32:6, 7) Eliħu kien fehem li nies kbar fl-età spiss ikollhom l-għerf għax ikunu għexu iktar u esperjenzaw iktar affarijiet f’ħajjithom. Imma wara li semaʼ bil-paċenzja lil Ġob u lill-ħbieb tiegħu, hu ma setax jibqaʼ kwiet. Hu qal: “Iż-żmien biss ma jagħmilx wieħed għaref, u mhux l-irġiel kbar fl-età biss jifhmu x’inhu tajjeb.” (Ġob 32:9) Eliħu x’qal wara, u kif qalu?
10. Eliħu x’għamel qabel ta parir lil Ġob? (Ġob 33:6, 7)
10 Qabel ma Eliħu tah parir, hu ried li Ġob ikun kalm u lest biex jismaʼ dak li kien se jgħidlu. X’għamel Eliħu? L-ewwel, ikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu. Aħna nafu li għamel hekk għax il-Bibbja tgħid li għall-ewwel hu kien irrabjat. (Ġob 32:2-5) Dan għenu biex qatt ma jitkellem bl-aħrax jew b’mod li jweġġaʼ lil Ġob. Minflok, bħal ħabib veru hu tkellem maʼ Ġob b’umiltà. Pereżempju, hu qallu: “Jien bħalek f’għajnejn l-Alla l-veru.” (Aqra Ġob 33:6, 7.) Imbagħad, Eliħu wera ċar lil Ġob li hu kien semgħu sew. Fil-fatt, qabel ma tah il-parir hu rrepeta xi affarijiet li kienu fuq moħħ Ġob għax Ġob tkellem iktar minn darba dwarhom. (Ġob 32:11; 33:8-11) Eliħu għamel xi ħaġa simili meta ta pariri lil Ġob.—Ġob 34:5, 6, 9; 35:1-4.
11. Eliħu kif tah parir lil Ġob? (Ġob 33:1)
11 Meta ta parir lil Ġob, Eliħu għamel dan b’rispett u wrieh li hu kien prezzjuż għal Ġeħova. Pereżempju, Eliħu uża isem Ġob, xi ħaġa li t-tlett irġiel milli jidher m’għamlux. (Aqra Ġob 33:1.) Eliħu ma nesiex kemm hu xtaq jitkellem meta Ġob u t-tlett iħbieb tiegħu bdew jargumentaw, allura ta ċans lil Ġob jitkellem. (Ġob 32:4; 33:32) Ukoll Eliħu wera b’mod ċar lil Ġob għala xi affarijiet li qal u għamel ma kinux sew u b’qalb tajba fakkru kemm Ġeħova hu għaref, qawwi, ġust, u mimli mħabba u lealtà. (Ġob 36:18, 21-26; 37:23, 24) Il-parir tajjeb taʼ Eliħu x’aktarx għen lil Ġob ikun preparat għal iktar pariri mingħand Ġeħova. (Ġob 38:1-3) L-eżempju taʼ Eliħu kif setaʼ għen lill-qaddejja tal-passat, u kif jistaʼ jgħin lilna llum?
12. Ġeħova kif uża l-profeti biex jgħin lin-nies tiegħu, u dawn kif setgħu bbenefikaw mill-eżempju tajjeb taʼ Eliħu?
12 Kif setgħu bbenefikaw l-Iżraelin. Ġeħova spiss uża profeti biex jgħallem u jikkoreġi lill-Iżraelin. Pereżempju, fi żmien l-Imħallfin, Ġeħova uża lill-profetessa Debora biex tagħti gwida lin-nies tiegħu. Ġeħova anki uża lil Samwel, li avolja kien għadu żgħir, għallem lill-Iżraelin. (Imħ. 4:4-7; 5:7; 1 Sam. 3:19, 20) Imbagħad fi żmien ir-rejiet, Ġeħova uża profeta wara ieħor biex l-Iżraelin ikomplu jaqduh kif irid hu. U meta n-nies ma kinux ikunu ubbidjenti kien jibgħat il-profeti biex jikkoreġihom. (2 Sam. 12:1-4; Atti 3:24) L-eżempju tajjeb taʼ Eliħu li hemm imniżżel fil-ktieb taʼ Ġob setaʼ għen irġiel u nisa leali jkunu jafu meta u kif jagħtu parir b’mod tajjeb.
13. Il-Kristjani llum kif jinkuraġġixxu lill-aħwa?
13 Kif nistgħu nibbenefikaw. Bħala Kristjani, anki aħna ngħidu lin-nies mill-Kelma t’Alla dwar x’se jagħmel Alla. Ukoll, mod ieħor kif nagħmlu dan hu billi nitkellmu mal-aħwa bi kliem li jsaħħaħhom u li jinkuraġġihom. (1 Kor. 14:3) L-anzjani b’mod speċjali jridu joqogħdu attenti li ‘jikkonslaw’ lill-aħwa rġiel u nisa, anki meta dawn ikunu inkwetati jew jaf jgħidu kliem “bla ħsieb.”—1 Tes. 5:14; Ġob 6:3.
14-15. Agħti eżempju taʼ kif anzjan jistaʼ jimita lil Eliħu meta jagħti parir.
14 Immaġina din is-sitwazzjoni. Anzjan isir jaf li oħt fil-kongregazzjoni tiegħu qed tħossha mdejqa ħafna. Hu u ħu ieħor jagħmlu arranġament biex imorru jżuruha ħalli jkunu jistgħu jinkuraġġuha. Dan hu tajjeb ħafna. Matul il-ħin li tkun magħhom, l-oħt tispjegalhom li avolja għadha toħroġ service u tmur il-laqgħat, mhijiex qed tħossha ferħana. L-anzjan kif għandu jaġixxi f’din is-sitwazzjoni?
15 L-ewwel nett, hu għandu jipprova jifhem iktar is-sitwazzjoni tal-oħt. Biex jagħmel hekk, jistaʼ jkun li jkun hemm bżonn li jsaqsi ċertu mistoqsijiet u mbagħad jismaʼ sew. Jistaʼ jkun li l-oħt mhux qed tħossha tajba biżżejjed jew mhijiex ċerta jekk Ġeħova jħobbhiex? Jew jistaʼ jkun li qed tħossha ansjuża “żżejjed dwar l-affarijiet tal-ħajja,” u b’hekk mhux qed tħossha kapaċi tagħmel l-affarijiet taʼ kuljum? (Luqa 21:34) It-tieni, l-anzjan għandu jfaħħarha għall-affarijiet tajbin kollha li tkun qed tagħmel. Pereżempju, hu jistaʼ jfaħħarha talli baqgħet tattendi l-laqgħat u toħroġ service avolja mhux dejjem ikun faċli għax forsi tħossha mdejqa. It-tielet, meta l-anzjan jifhem is-sitwazzjoni tagħha u għala tkun qiegħda tħossha mdejqa, hu għandu juża l-Bibbja biex jgħinha tkun ċerta li Ġeħova jħobbha.—Gal. 2:20.
KOMPLI TGĦALLEM MILL-KTIEB TAʼ ĠOB
16. Kif tistaʼ tkompli tibbenefika mill-ktieb taʼ Ġob?
16 B’mod ċar, stajna naraw li hemm ħafna affarijiet x’nistgħu nitgħallmu billi nistudjaw il-ktieb taʼ Ġob! Fl-artiklu taʼ qabel dan tgħallimna li l-ktieb taʼ Ġob juri għala Alla qed jippermetti t-tbatija u kif aħna nistgħu nibqgħu leali lejh waqt li nissaportu. U f’dan l-artiklu tgħallimna kif kollha kemm aħna nistgħu nagħtu parir tajjeb billi nimitaw l-eżempju taʼ Eliħu minflok ma nimitaw lil Elifaż, Bildad, u Sofar. Forsi d-darba li jmiss qabel tagħti parir, tistaʼ terġaʼ tara l-lezzjonijiet li tgħallimna mill-ktieb taʼ Ġob. U jekk ilek ma taqra l-ktieb taʼ Ġob, forsi tistaʼ terġaʼ taqrah fiż-żmien li ġej u tieħu pjaċir b’dan ir-rakkont sabiħ. Wisq probabbli se tinduna li hemm ħafna iktar affarijiet importanti x’tistaʼ titgħallem minn dan il-ktieb.
GĦANJA 125 “Henjin dawk li jħennu!”
a Milli jidher kien demonju li kkonvinċa lil Elifaż li Ġeħova ma jara lil ħadd ġust u b’hekk l-ebda bniedem ma jistaʼ jagħmlu ferħan. Peress li Elifaż emmen din il-gidba, hu rripetieha lil Ġob kull darba li kellmu.—Ġob 4:17; 15:15, 16; 22:2.