LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Diċembru pp. 14-19
  • Imita l-Umiltà taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imita l-Umiltà taʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA DEJJEM LEST LI JISMAGĦNA
  • ĠEĦOVA HU RAĠONEVOLI
  • ĠEĦOVA HU PAĊENZJUŻ
  • ĠEĦOVA JINNOTA LIN-NIES UMLI
  • Tgħallem Aħseb bħal Ġeħova u Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Meta Tagħti lil Oħrajn Se Tkun Ferħan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Diċembru pp. 14-19

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 50

GĦANJA 48 Kuljum nimxu ma’ Ġeħova

Imita l-Umiltà taʼ Ġeħova

“Imitaw lil Alla, bħala tfal għeżież.”—EFES. 5:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Erbaʼ modi kif nimitaw l-umiltà taʼ Ġeħova.

1. L-umiltà taʼ Ġeħova għala hi tal-għaġeb?

META taħseb dwar nies li jmexxu fid-dinja tgħid li huma umli? Wisq probabbli le. Imma Ġeħova, li jistaʼ kollox, hu umli. (Slm. 113:​5-8) Hu m’għandu l-ebda kburija fil-karattru tiegħu. F’dan l-artiklu se naraw erbaʼ modi kif jaġixxi magħna. Kull mod se juri li hu umli ħafna. Se naraw ukoll kif Ġesù jimita l-umiltà taʼ Missieru. Dawn l-affarijiet se jgħinuk tersaq eqreb taʼ Ġeħova u titgħallem issir iktar umli bħalu.

ĠEĦOVA DEJJEM LEST LI JISMAGĦNA

2. Salm 62:8 x’jurina dwar Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)

2 Nies kburin normalment ikun diffiċli biex titkellem magħhom. Ħafna drabi dawn jaħsbu li huma aħjar minn oħrajn u jittrattawhom ħażin. Allura, oħrajn jippreferu jevitawhom. Imma Ġeħova hu differenti! Peress li hu umli, jgħidilna biex nitolbuh u niftħu qalbna miegħu. (Aqra Salm 62:8.) Hu bħal missier li jimpurtah minn kif iħossuhom it-tfal tiegħu u jixtieq li jismaʼ t-talb tagħna. Dan nistgħu narawh għax fil-Bibbja hemm ħafna talb miktub. (Ġoż. 10:​12-14; 1 Sam. 1:​10-18) Imma kultant forsi nħossu li ma nistgħux nitolbu lil Ġeħova minħabba li nagħmlu ħafna żbalji.

Missier qed jismaʼ bil-paċenzja lit-tifel tiegħu waqt li qed jispjegalu kif bi żball xħin kien qed jilgħab bl-ajruplan, waqqaʼ l-vażun u kissru.

Missier jimita lil Ġeħova billi b’umiltà jismaʼ lit-tifel tiegħu li kisser vażun waqt li kien qed jilgħab (Ara paragrafu 2)


3. Għala tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jridek titolbu b’mod regulari?

3 Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova anki jekk inħossu li ma jixirqilniex l-imħabba tiegħu. Għala? Fl-eżempju tat-tifel il-ħali, Ġesù qabbel lil Ġeħova ma’ missier qalbu tajba. It-tifel ħaseb li bl-iżbalji li għamel, missieru ma kienx se jaċċettah lura fil-familja. Imma x’għamel il-missier meta t-tifel reġaʼ mar id-dar? Ġesù qal li meta rah mill-ewwel “ġera lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza.” (Luqa 15:​17-20) Ġeħova hu bħal dak il-missier. Meta jismaʼ t-talb taʼ wħud imdejqin minħabba l-iżbalji li għamlu, jew għax ikunu inkwetati, hu jismagħhom. (Lam. 3:​19, 20) Ġeħova jħoss għalihom, u bħall-missier fl-eżempju li qal Ġesù, jiġri lejhom biex jaċċertahom li jħobbhom u jgħinhom ħalli jħossuhom aħjar. (Isa. 57:15) Illum kif jagħmel dan? Spiss, hu juża l-anzjani, l-aħwa, jew membri tal-familja li jaqduh biex jinkuraġġina. (Ġak. 5:​14, 15) Dan jagħmlu għax iridna nkunu l-ħbieb tiegħu.

4. Għala kien faċli għan-nies biex imorru għand Ġesù?

4 Ġesù imita lil Missieru. Bħal Missieru, Ġesù hu umli. B’hekk, meta kien fuq l-art, in-nies ħassewhom komdi jmorru għandu. Huma ma ddejqux isaqsuh il-mistoqsijiet. (Mrk. 4:​10, 11) Allura, meta Ġesù saqsa għall-opinjoni tagħhom, qalulu kif kienu qed iħossuhom. (Mat. 16:​13-16) U meta d-dixxipli tiegħu għamlu l-iżbalji, ma beżgħux li Ġesù se jirrabja magħhom għax kienu jafu li hu qalbu tajba, ħanin, u paċenzjuż. (Mat. 17:​24-27) Peress li Ġesù imita lil Ġeħova sew, id-dixxipli tiegħu saru jafu lil Ġeħova aħjar. (Ġw. 14:9) Huma raw li Ġeħova ma kienx bħall-mexxejja reliġjużi taʼ żmienhom li kienu kattivi u kburin, imma kien umli u ried ikun il-ħabib tagħhom.

5. Għala jkun iktar faċli għal oħrajn biex ikellmuna meta nkunu umli?

5 Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova? Jekk naħdmu biex inkunu iktar umli, inkunu qed nagħmluha iktar faċli għal oħrajn biex ikellmuna. L-umiltà tgħinna biex ma ngħirux, ma nkunux kburin, u ma nżommux f’qalbna, għax dawn il-kwalitajiet ibiegħdu n-nies minna. Minflok, l-umiltà tgħinna nuru kwalitajiet li jiġbdu lin-nies lejna, bħal li nkunu qalbna tajba, paċenzjużi, u naħfru lil oħrajn. (Kol. 3:​12-14) L-anzjani għandhom jagħmlu ċert li l-aħwa jħossuhom komdi jkellmuhom. Biex jagħmlu dan, għandhom ikunu spiss magħhom. Dan ifisser, li meta jkun possibbli, jippreferu jmorru l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna minflok jużaw il-videoconference. U skont iċ-ċirkustanzi tagħhom, imorru service minn dar għal dar u jaħdmu mal-aħwa. Iktar ma l-aħwa jsiru jafu lill-anzjani, iktar se jħossuhom komdi biex jitkellmu magħhom meta jkollhom bżonn.

ĠEĦOVA HU RAĠONEVOLI

6-7. Agħti eżempji li juru li Ġeħova kien lest li jbiddel dak li ddeċieda.

6 Ħafna nies kburin spiss ma jkunux raġonevoli fil-mod kif jaġixxu ma’ oħrajn. Imma Ġeħova, li dejjem ikun jaf x’inhu l-aħjar, hu differenti ħafna minnhom. Peress li hu umli, hu raġonevoli. Allura, ikun lest li jismaʼ x’jaħsbu oħrajn u anki jbiddel deċiżjoni skont dak li jismaʼ. Ara kif aġixxa m’oħt Mosè, Mirjam. Hi u Aron gergru kontra Mosè, li kien jitkellem f’isem Ġeħova. Allura, fir-realtà hi kienet qed turi diżrispett lejn Ġeħova. B’hekk, Ġeħova rrabja ħafna magħha u kkastigaha bil-ġdiem. Imma x’għamel meta Aron qal lil Mosè biex jgħinha, u Mosè talbu jfejjaqha? Hu m’għamilx bħalma jagħmel xi ħadd kburi. Peress li Ġeħova hu umli, semaʼ minn Mosè u fejjaqha.—Num. 12:​1-15.

7 Ġeħova wera kemm hu umli wkoll meta semaʼ lir-Re Ħeżekija. Hu bagħat profeta biex jgħid lil Ħeżekija li kien se jmut. Ħeżekija beka u talab lil Ġeħova mill-qalb biex ifejqu. Ġeħova semaʼ t-talba tiegħu, u b’qalb tajba qallu li se jgħix 15-il sena oħra. (2 Slat. 20:​1, 5, 6) Dan jurina kemm Ġeħova jħoss għan-nies, u peress li hu umli, lest jismagħhom.

8. Kif nafu li Ġesù hu raġonevoli? (Marku 3:​1-6)

8 Ġesù imita lil Missieru. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu għamel affarijiet tajbin għal oħrajn meta kien possibbli. Pereżempju, hu fejjaq in-nies fis-Sabat, avolja l-mexxejja reliġjużi qalu li dan ma setax isir. Ġesù ma kienx kattiv, imma kien iħoss għan-nies u kien raġonevoli. (Aqra Marku 3:​1-6.) Illum, bħala l-kap tal-kongregazzjoni, hu għadu raġonevoli. Pereżempju, meta xi ħadd jagħmel dnub serju hu juri paċenzja miegħu ħalli jtih biżżejjed ċans jinbidel.—Riv. 2:​2-5.

9. Kif nistgħu naħsbu u naġixxu b’mod raġonevoli? (Ara wkoll l-istampi.)

9 Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova? Aħna rridu naħdmu ħalli nimitaw il-mod raġonevoli kif jaħseb u jaġixxi Ġeħova. (Ġak. 3:17) Pereżempju, ġenituri raġonevoli ma jistennewx li t-tfal tagħhom jagħmlu xi ħaġa li ma jistgħux jagħmluha. Eżempju tajjeb taʼ dan hu taʼ Ġakobb li nsibu f’​Ġenesi 33:​12-14. Ġenituri umli u raġonevoli għandhom jevitaw li jqabblu lit-tfal tagħhom maʼ xulxin. Anki l-anzjani għandhom ikunu raġonevoli. Mod wieħed kif jagħmlu dan hu billi ma jinsistux fuq l-opinjoni tagħhom imma jaqblu mad-deċiżjoni tal-maġġoranza tal-anzjani l-oħra, sakemm ma tmurx kontra l-prinċipji tal-Bibbja. (1 Tim. 3:​2, 3) U kollha kemm aħna għandna nipprovaw nifhmu lil oħrajn, anki meta nkunu naħsbuha b’mod differenti. (Rum. 14:1) L-aħwa kollha fil-kongregazzjoni għandhom iħallu lil ‘kulħadd jara kemm huma raġunevoli.’—Flp. 4:5.

Grupp taʼ stampi: Missier qed jieħu pjaċir jaħdem mat-tfal fuq is-service minn dar għal dar. 1. Hu qed jitbissem waqt li t-tifel qed joffri l-browxer “Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!” lil raġel. 2. Iktar tard hu jitbissem waqt li t-tifla qed toffri kard tal-jw.org lil mara.

Missier għandu jkun raġonevoli f’dak li jistenna mit-tfal tiegħu fuq is-service (Ara paragrafu 9)


ĠEĦOVA HU PAĊENZJUŻ

10. Ġeħova b’liema modi wera paċenzja?

10 Probabbilment innotajt li nies kburin ma jiħdux pjaċir meta oħrajn iġegħluhom jistennew. Il-kburija tagħmilhom bla paċenzja. Ara Ġeħova mhuwiex hekk! Hu paċenzjuż ħafna. Pereżempju, fi żmien Noè, Ġeħova qal li se jistenna 120 sena qabel ma jeqred lin-nies il-ħżiena. (Ġen. 6:3) Noè kellu ċ-ċans li jrabbi t-tfal, u bl-għajnuna tal-familja tiegħu jibni l-arka. Iktar tard, Ġeħova semaʼ bil-paċenzja meta Abraham staqsieh dwar il-qerda taʼ Sodoma u Gomorra. Persuna kburija jaf kienet tgħidlu, ‘Inti taħseb li ma nafx x’qed nagħmel?’ Imma peress li Ġeħova hu umli, hu kien paċenzjuż m’Abraham.—Ġen. 18:​20-33.

11. Bħalma juri t-​2 Pietru 3:​9, Ġeħova għala qed juri paċenzja fi żmienna?

11 Ġeħova b’umiltà anki fi żmienna qed juri paċenzja. Hu qed jistenna l-ġurnata li ddeċieda li jeqred din is-sistema. Għala? “Għax ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem.” (Aqra 2 Pietru 3:9.) Aħseb ftit: Ġeħova għalxejn qed juri paċenzja? Le! Miljuni taʼ nies li kellhom attitudni xierqa saru l-ħbieb tiegħu u aħna nittamaw li miljuni oħra jagħmlu bħalhom. Minkejja dan, il-paċenzja taʼ Ġeħova għandha l-limiti. Ġeħova jħobbhom lin-nies, imma hu mhux se jħallihom jibqgħu jagħmlu li jridu u mhux se jħalli l-ħażen jibqaʼ għal dejjem.—Ħab. 2:3.

12. Ġesù kif qed jimita l-paċenzja taʼ Ġeħova?

12 Ġesù imita lil Missieru. Ġesù ilu eluf taʼ snin jimita l-paċenzja taʼ Ġeħova. Ġesù ra lil Satana jxerred il-gideb kemm dwar Ġeħova u kemm dwar nies leali. (Ġen. 3:​4, 5; Ġob 1:11; Riv. 12:10) Ġesù anki ra ħafna nies ibatu. Tistaʼ timmaġina x-xewqa li għandu Ġesù “biex jeqred dak li għamel ix-Xitan”? (1 Ġw. 3:8) Imma Ġesù kif qed jirnexxilu jistenna bil-paċenzja sa meta Ġeħova jgħidlu li jistaʼ jeqred dak li għamel ix-Xitan? Raġuni waħda hi li Ġesù hu umli. Hu jaf li Ġeħova hu l-wieħed li għandu d-dritt jiddeċiedi meta jiġi t-tmiem.—Atti 1:7.

13. Ġesù kif u għala kien paċenzjuż mal-appostli tiegħu?

13 Meta kien fuq l-art, Ġesù kien paċenzjuż ukoll mal-appostli tiegħu. Pereżempju, meta għal darba wara l-oħra kienu jargumentaw bejniethom dwar min minnhom kien l-aqwa, hu ma qatax qalbu minnhom u ħaseb li dawn qatt mhu se jinbidlu. Minflok, hu baqaʼ paċenzjuż magħhom. (Luqa 9:46; 22:​24-27) Hu kien fiduċjuż li maż-żmien kienu se jitgħallmu jkunu iktar umli. Inti ġieli tagħmel l-istess żball? Jekk iva, mela żgur li int grat ħafna li għandek Re umli u paċenzjuż.

14. X’se jgħinna nkunu iktar paċenzjużi?

14 Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova? Biex nitgħallmu naħsbu u naġixxu iktar bħal Ġeħova, irridu nitgħallmu naħsbu bħal Kristu. (1 Kor. 2:16) X’jistaʼ jgħinna? L-iktar mod importanti hu billi naqraw regolarment l-Evanġelji, għax dawn jitkellmu dwar il-ħajja taʼ Ġesù. Imbagħad, irridu nieħdu l-ħin biex naħsbu fil-fond fuq x’għamel Ġesù u għala għamlu. U ovvjament, irridu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nkunu umli u paċenzjużi bħal Ġesù. Iktar ma nitgħallmu naħsbu bħal Ġesù iktar se nkunu nistgħu nimitaw lil Ġeħova, billi nkunu paċenzjużi m’oħrajn u magħna nfusna.—Mat. 18:​26-30, 35.

ĠEĦOVA JINNOTA LIN-NIES UMLI

15. Agħti eżempji taʼ kif Ġeħova wera li jħobb nies umli. (Salm 138:6)

15 Aqra Salm 138:6. Aħseb ftit: Ġeħova, is-Sid tal-univers, jagħti lin-nies umli attenzjoni speċjali. Kemm hu taʼ unur dan! Matul is-snin kien hemm ħafna nies li għal oħrajn ma kinux importanti imma li Ġeħova nnotahom. Xi wħud minnhom jaf ma jiġux f’moħħna mill-ewwel, imma Ġeħova inkludiehom fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Pereżempju, Debora kienet qaddejja leali fil-familja taʼ Iżakk u Ġakobb għal madwar 125 sena! Għalkemm ma tantx nafu dwarha, Ġeħova niżżel dettall dwarha fil-Bibbja li bih wera kemm kienet maħbuba minn Ġakobb u l-familja tiegħu. (Ġen. 24:59; 35:​8, ntt.) Mijiet taʼ snin wara, Ġeħova għażel ragħaj żagħżugħ jismu David, u għamlu r-re taʼ Iżrael. (2 Sam. 22:​1, 36) Ftit wara li Ġesù twieled, Ġeħova bagħat anġlu lill-grupp taʼ ragħajja u tahom l-unur li jkunu l-ewwel nies li semgħu li f’Betlem twieled il-Messija. (Luqa 2:​8-11) U meta Ġużeppi u Marija ħadu lil Ġesù fit-tempju, Ġeħova ta lil żewġ persuni mdaħħlin fiż-żmien, Simegħon u Anna, l-unur li jaraw lil Ibnu. (Luqa 2:​25-30, 36-38) Iva, “għalkemm Ġeħova hu fl-għoli, hu jagħti kas lill-umli”!

16. Ġesù kif imita lil Missieru fil-mod kif tratta lil oħrajn?

16 Ġesù imita lil Missieru. Bħal Missieru, Ġesù jħobb nies umli. Hu għallem lil nies “komuni u taʼ ftit skola” dwar is-Saltna t’Alla. (Atti 4:13; Mat. 11:25) Hu anki fejjaq il-morda, u għamel dan b’mod li ġegħelhom iħossuhom maħbubin u rispettati. (Luqa 5:13) Fl-aħħar lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù għamel ix-xogħol taʼ qaddej u ħasel saqajn l-appostli. (Ġw. 13:5) U qabel telaʼ s-sema, hu ta l-qaddejja kollha tiegħu, inkluż lilna, l-unur li nagħmlu l-iktar xogħol importanti li bniedem qatt jistaʼ jagħmel, li ngħinu lil oħrajn ikollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem.—Mat. 28:​19, 20.

17. Kif nistgħu nuru li nħobbu u nirrispettaw lil oħrajn? (Ara wkoll l-istampa.)

17 Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova? Aħna nuru li nħobbu u nirrispettaw lin-nies meta nippritkaw l-aħbar tajba lil kulħadd, ikunu minn fejn ikunu, hu x’inhu l-kulur tal-ġilda tagħhom, jew għandhom kemm għandhom edukazzjoni. U aħna nuru li nħobbu u nirrispettaw lill-aħwa fil-kongregazzjoni billi nikkunsidrawhom aħjar minna, anki jekk għandna abbiltajiet jew responsabbiltajiet iktar minnhom. (Flp. 2:3) Ġeħova jieħu pjaċir meta aħna b’umiltà nkunu “minn taʼ quddiem biex nirrispettaw lill-oħrajn” b’dawn il-modi u oħrajn.—Rum. 12:10; Sof. 3:12.

Żewġ aħwa nisa qed jagħmlu studju tal-Bibbja maʼ mara li qiegħda l-ħabs.

Aħna nimitaw l-umiltà taʼ Ġeħova meta nippritkaw l-aħbar tajba lil kull tip taʼ nies (Ara paragrafu 17)a


18. Għala tixtieq timita l-umiltà taʼ Ġeħova?

18 Hekk kif inkomplu nipprovaw nimitaw l-umiltà li għandu Missierna tas-sema, se nkunu iktar raġonevoli u paċenzjużi, u n-nies se jħossuhom iktar komdi magħna. Barra minn hekk, se nħobbu u nirrispettaw lin-nies bħalma jagħmel Ġeħova. Ejja qatt ma ninsew li meta nipprovaw nagħmlu kulma nistgħu biex insiru umli bħal Alla Ġeħova, aħna se nsiru iktar prezzjużi għalih!—Isa. 43:4.

L-UMILTÀ KIF . . .

  • se tgħin lin-nies iħossuhom iktar komdi miegħek?

  • se tgħinek tkun raġonevoli?

  • se tgħinek tkun paċenzjuż?

GĦANJA 159 Agħti Glorja lil Ġeħova

a X’JURUNA L-ISTAMPI: Aħwa nisa jimitaw l-umiltà taʼ Ġeħova billi jgħallmu l-Bibbja lil mara li qiegħda l-ħabs.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja