LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 3/15 pp. 17-23
  • Tgħallmu mit-tixbiha tat-talenti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallmu mit-tixbiha tat-talenti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • RAĠEL JAGĦTI LILL-​ILSIERA TIEGĦU ĦAFNA FLUS
  • L-​ILSIERA JUŻAW IT-​TALENTI FIŻ-​ŻMIEN TAT-​TMIEM
  • META SE JIĠI S-​SID?
  • ILSIR MILL-​AGĦAR U GĦAŻŻIEN
  • B’lealtà nappoġġaw lil ħut Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Qiegħed Tagħti Kas l-Eżempji li Qal Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Għassu u Ishru!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Se ‘tibqa’ għassa’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 3/15 pp. 17-23
L-ilsir b’ħames talenti u l-ilsir b’żewġ talenti jirdoppjaw it-talenti, imma l-ilsir b’talent wieħed jaħbih fl-art u jorqod

Tgħallmu mit-tixbiha tat-talenti

“Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed.”—MATTEW 25:15.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġesù għala qal it-​tixbiha tat-​talenti?

  • Is-​Sid meta se jiġi jagħmel il-​kontijiet?

  • X’lezzjonijiet nitgħallmu minn din it-​tixbiha?

1, 2. Ġesù għala qal it-​tixbiha tat-​talenti?

ĠESÙ qal it-​tixbiha tat-​talenti biex jagħmilha ċara x’inhi r-​responsabbiltà tas-​segwaċi midlukin tiegħu. Imma t-​tixbiha teffettwa lid-​dixxipli kollha taʼ Ġesù. Allura, kemm jekk għandna t-​tama għas-​sema u kemm jekk għall-​art, hemm bżonn li nifhmu t-​tifsira taʼ din it-​tixbiha.

2 Ġesù meta qal it-​tixbiha? Meta kien qed jagħti sinjal lid-​dixxipli tiegħu li kellu juri li hu kien sar Sultan u li ż-​żmien tal-​aħħar kien beda. (Mattew 24:3) B’hekk, it-​tixbiha tat-​talenti hi parti minn dan is-​sinjal u qed titwettaq fi żmienna.

3. X’nitgħallmu mit-​tixbihat li nsibu fil-​kapitli 24 u 25 taʼ Mattew?

3 Meta Ġesù qal it-​tixbiha tat-​talenti, hu qal tliet tixbihat oħra li wkoll huma parti mis-​sinjal taż-​żmien tal-​aħħar. Dawn it-​tixbihat kollha jiddeskrivu kwalitajiet partikulari li s-​segwaċi tiegħu għandu jkollhom. Aħna nistgħu naqraw dawn it-​tixbihat minn Mattew 24:45 sa 25:46. L-​ewwel tixbiha hi dwar l-​ilsir leali, jiġifieri l-​grupp żgħir taʼ wħud midlukin li għandhom ir-​responsabbiltà li jgħallmu n-​nies taʼ Ġeħova. Hemm bżonn li jkunu leali u għaqlin.a It-​tixbiha taʼ warajha hi dwar l-​għaxar verġni. Hawnhekk, Ġesù wissa lill-​midlukin kollha li għandhom bżonn ikunu ppreparati u għassa għax mhux se jkunu jafu l-​jum jew is-​siegħa meta għandu jiġi.b Imbagħad, Ġesù qal it-​tixbiha tat-​talenti biex jgħallem lill-​midlukin kollha li hemm bżonn jaħdmu iebes biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet Kristjani tagħhom. Wara dan, Ġesù qal it-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, li tiffoka fuq dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art. Hu reġaʼ enfasizza li għandhom bżonn ikunu leali u jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinu lil ħutu l-​midlukin.c Dan l-​artiklu jispjega t-​tifsira tat-​tixbiha tat-​talenti.

RAĠEL JAGĦTI LILL-​ILSIERA TIEGĦU ĦAFNA FLUS

4. Għal min qed jirreferi r-​raġel fit-​tixbiha?

4 Aqra Mattew 25:14-​30. Fit-​tixbiha tat-​talenti, Ġesù tkellem dwar raġel li siefer. F’tixbiha simili, Ġesù tkellem dwar raġel li vvjaġġa biex isir sultan.d (Luqa 19:12) Għal ħafna snin, il-​pubblikazzjonijiet tagħna qalu li fiż-​żewġ tixbihat dan ir-​raġel jirreferi għal Ġesù li mar fis-​sema fis-​sena 33 wara Kristu (WK). Imma Ġesù ma sarx Sultan mill-​ewwel meta telaʼ s-​sema. Hu stenna sal-​1914, meta l-​għedewwa tiegħu ‘tqiegħdu bħala banketta għal saqajh.’—Ebrej 10:12, 13.

5. X’inhu talent?

5 Ġesù qal li r-​raġel fit-​tixbiha kellu tmien talenti. Dan ifisser ħafna flus.e Qabel ma r-​raġel telaq, hu ta dawn il-​flus lill-​ilsiera tiegħu. Qalilhom biex jużawhom ħalli jagħmlu iktar flus għalih. Bħalma l-​flus kienu taʼ valur kbir għal dan ir-​raġel, kien hemm xi ħaġa li kienet taʼ valur kbir għal Ġesù. X’kienet? Kien ix-​xogħol li għamel waqt li kien fuq l-​art.

“Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad”

6, 7. It-​talenti għal xiex jirreferu?

6 L-​ippritkar kien importanti ħafna għal Ġesù. Minħabba l-​ippritkar tiegħu, ħafna saru dixxipli tiegħu. (Aqra Luqa 4:43.) Imma kien jaf li kien għad hemm ħafna iktar xogħol xi jsir u li aktar nies kienu se jaċċettaw l-​aħbar tajba. Fil-​fatt, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.” (Ġwanni 4:35-​38) Bidwi tas-​sengħa ma jabbandunax għalqa li tkun lesta għall-​ħsad. Ġesù kellu l-​istess attitudni. Għalhekk, eżatt qabel ma telaʼ lura s-​sema, Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli.” (Mattew 28:18-​20) B’dan il-​mod, Ġesù tahom teżor prezzjuż—ir-​responsabbiltà importanti taʼ li jippritkaw.—2 Korintin 4:7.

7 Bħalma r-​raġel ta flusu lill-​ilsiera, Ġesù ta lis-​segwaċi midlukin tiegħu x-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 25:14) Allura, it-​talenti jirreferu għar-​responsabbiltà taʼ li jippritkaw u jagħmlu dixxipli.

8. Għalkemm kull ilsir irċieva ammont differenti taʼ flus, xi stenna s-​sid?

8 Ġesù qal li s-​sid ta ħames talenti lill-​ewwel ilsir, żewġ talenti lit-​tieni lsir, u talent lit-​tielet ilsir. (Mattew 25:15) Is-​sid ta lil kull ilsir ammont differenti taʼ flus, imma stenna li kollha kemm huma jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex irendulu aktar flus. Bl-​istess mod, Ġesù stenna li s-​segwaċi midlukin tiegħu jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex jippritkaw. (Mattew 22:37; Kolossin 3:23) F’Pentekoste tas-​sena 33 WK, is-​segwaċi taʼ Ġesù bdew jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha. U meta naqraw il-​ktieb Bibliku tal-​Atti, naraw ċar kemm ħadmu iebes.f—Atti 6:7; 12:24; 19:20.

L-​ILSIERA JUŻAW IT-​TALENTI FIŻ-​ŻMIEN TAT-​TMIEM

9. (a) Iż-​żewġ ilsiera leali, x’għamlu bil-​flus, u x’nitgħallmu minn dan? (b) X’għandhom jagħmlu dawk li għandhom it-​tama għall-​art?

9 L-​ewwel żewġ ilsiera li użaw sew il-​flus tas-​sid jirrappreżentaw lill-​aħwa rġiel u nisa midlukin leali matul iż-​żmien tal-​aħħar. Partikularment mill-​1919 ’il hawn, għamlu l-​aħjar tagħhom biex jippritkaw. Fit-​tixbiha, iż-​żewġ ilsiera rċivew ammonti differenti taʼ flus, imma dan ma jfissirx li hemm żewġ gruppi differenti taʼ midlukin leali. Iż-​żewġ ilsiera ħadmu iebes u rdoppjaw il-​flus. Imma huma biss il-​midlukin li għandhom jaħdmu iebes f’li jippritkaw u f’li jgħallmu? Le. It-​tixbiha taʼ Ġesù tan-​nagħaġ u l-​mogħoż tgħallimna li dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art għandhom jgħinu lil ħuthom il-​midlukin fl-​ippritkar u għandhom ikunu leali lejhom. Huma jħossu li hu unur għalihom li jgħinuhom. Iva, in-​nies taʼ Ġeħova huma “merħla waħda,” u lkoll kemm huma jaħdmu iebes biex jippritkaw u biex jagħmlu dixxipli.—Ġwanni 10:16.

10. X’inhi parti waħda mis-​sinjal li turi li qegħdin ngħixu fiż-​żmien tal-​aħħar?

10 Ġesù jistenna li s-​segwaċi kollha tiegħu jaħdmu iebes biex jagħmlu iktar dixxipli. Hekk għamlu d-​dixxipli fl-​ewwel seklu. F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, qed titwettaq it-​tixbiha tat-​talenti li qal Ġesù. Imma, qegħdin is-​segwaċi tiegħu jwettqu dan ix-​xogħol? Iva, qatt qabel ma kien hawn daqshekk nies li semgħu bl-​aħbar tajba u saru dixxipli! Minħabba x-​xogħol iebes li qed isir mis-​segwaċi kollha taʼ Ġesù, mijiet taʼ eluf taʼ nies qed jitgħammdu kull sena. Huma wkoll qed jippritkaw. Din l-​attività kollha u r-​riżultati tajbin juru biċ-​ċar li l-​ippritkar hu parti importanti mis-​sinjal li Ġesù ta dwar iż-​żmien tal-​aħħar. Bla dubju, Ġesù hu kuntent bil-​ħaddiema tiegħu!

Il-qaddejja taʼ Ġeħova jieħdu sehem f’diversi aspetti tax-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli

Ġesù ta lill-qaddejja tiegħu teżor prezzjuż—ir-responsabbiltà importanti taʼ li jippritkaw (Ara paragrafu 10)

META SE JIĠI S-​SID?

11. Kif nafu li Ġesù se jiġi matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?

11 Ġesù qal: “Wara żmien twil ġie sid dawk l-​ilsiera u għamel il-​kontijiet magħhom.” (Mattew 25:19) Is-​Sid, Ġesù, se jagħmel dan lejn l-​aħħar tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Kif nafuh dan? Fil-​profezija tiegħu li tinsab f’kapitli 24 u 25 taʼ Mattew, Ġesù kemm-​il darba qal li ġej. Pereżempju, hu qal li n-​nies se “jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema.” Dan qed jirreferi għaż-​żmien meta Ġesù se jiġġudika lin-​nies waqt it-​tribulazzjoni l-​kbira. Barra minn hekk, lis-​segwaċi tiegħu li se jkunu qed jgħixu fl-​aħħar żminijiet wissiehom biex joqogħdu għassa. Hu qal: “Ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.” Qal ukoll: “F’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.” (Mattew 24:30, 42, 44) Għaldaqstant, fit-​tixbiha tat-​talenti, Ġesù kien qed jirreferi wkoll għaż-​żmien meta se jiġi biex jiġġudika lin-​nies u biex jeqred id-​dinja taʼ Satana.g

12, 13. (a) Is-​sid x’jgħidilhom liż-​żewġ ilsiera, u għala? (b) Il-​midlukin meta se jirċievu l-​aħħar immarkar bis-​siġill? (Ara wkoll il-​kaxxa “Iġġudikati bħala wħud leali meta jmutu.”) (ċ) Xi premju se jirċievu dawk li jappoġġaw il-​midlukin?

12 Meta s-​sid ġie lura mill-​vjaġġ tiegħu, ra li l-​ilsir b’ħames talenti qalaʼ ħamsa oħra u li l-​ilsir b’żewġ talenti qalaʼ żewġ talenti oħra. Is-​sid qal lil kull wieħed minn dawn it-​tnejn: “Prosit, ilsir tajjeb u leali! Int urejt fedeltà fi ftit. Jien se naħtrek fuq ħafna.” (Mattew 25:21, 23) X’se jagħmel is-​Sid, Ġesù, meta jiġi fil-​futur?

13 Eżatt qabel it-​tribulazzjoni l-​kbira, Alla se jagħti l-​aħħar approvazzjoni lill-​midlukin li jkunu qed jaħdmu iebes u li jkunu għadhom fuq l-​art f’dak iż-​żmien. Dan hu l-​aħħar immarkar bis-​siġill. (Rivelazzjoni 7:1-​3) Imbagħad, qabel Armageddon, Ġesù se jippremjahom billi jtellagħhom fis-​sema. Imma xi ngħidu dwar dawk bit-​tama għall-​art li jappoġġaw il-​midlukin fl-​ippritkar? Se jiġu ġġudikati bħala nagħaġ. U dawn se jiġu premjati b’ħajja fuq l-​art taħt it-​tmexxija tas-​Saltna t’Alla.—Mattew 25:34.

ILSIR MILL-​AGĦAR U GĦAŻŻIEN

14. X’attitudni wera l-​ilsir li kellu talent wieħed?

14 It-​tixbiha ssemmi wkoll l-​ilsir li kellu talent wieħed. Hu m’użahx biex jaqlaʼ iktar flus għas-​sid jew poġġa t-​talent il-​bank biex jaqlaʼ l-​imgħax. Minflok, hu ħeba l-​flus. Is-​sid qal li l-​ilsir kien mill-​agħar u għażżien. Hu ħa t-​talent mingħand l-​ilsir mill-​agħar u tah lill-​ewwel ilsir. Imbagħad tefaʼ ’l barra lill-​ilsir mill-​agħar “fid-​dlam,” u hemmhekk l-​ilsir ‘beka u għażżaż snienu’.—Mattew 25:24-​30; Luqa 19:22, 23.

15. Kien Ġesù qed jgħid li ħafna mill-​midlukin kienu se jkunu mill-​agħar u għażżenin? Spjega.

15 Meta Ġesù qal li wieħed mit-​tliet ilsiera kien mill-​agħar u għażżien, ma riedx ifisser li terz mill-​midlukin kienu se jkunu bħal dan l-​ilsir. Ngħidu hekk għax inqabblu din it-​tixbiha maʼ tnejn oħra. Fit-​tixbiha tal-​ilsir leali u għaqli, Ġesù jsemmi ilsir mill-​agħar li ppersegwita lill-​ilsiera l-​oħra. Ġesù ma kienx qed jgħid li wħud mill-​ilsir leali u għaqli se jsiru mill-​agħar. Minflok, kien qed iwissi lill-​midlukin li m’għandhomx isiru bħall-​ilsir mill-​agħar. Imbagħad, fit-​tixbiha tal-​għaxar verġni, Ġesù semma ħames verġni boloh. Ma kienx qed jgħid li nofs il-​midlukin se jkunu boloh. Minflok, Ġesù wissa x’se jiġri jekk ma jkunux preparati u għassa.h B’mod simili, fit-​tixbiha tat-​talenti, Ġesù ma kienx qed jgħid li ħafna mill-​midlukin fl-​aħħar żminijiet se jkunu mill-​agħar u għażżenin. Le, hu kien qed iwissi lill-​midlukin ħalli ma jsirux bħall-​ilsir mill-​agħar, imma biex ikomplu jaħdmu iebes fl-​ippritkar.—Mattew 25:16.

Ġesù se jippremja lid-​dixxipli tiegħu li jaħdmu iebes fl-​ippritkar

16. (a) Liema żewġ lezzjonijiet nitgħallmu mit-​tixbiha tat-​talenti? (b) Dan l-​artiklu kif għenna nifhmu t-​tixbiha tat-​talenti? (Ara l-​kaxxa “Kif għandna nifhmu t-​tixbiha tat-​talenti?”)

16 Liema żewġ lezzjonijiet nitgħallmu mit-​tixbiha tat-​talenti? L-​ewwel, Ġesù ta lid-​dixxipli midlukin tiegħu teżor prezzjuż—ir-​responsabbiltà importanti taʼ li jippritkaw u jagħmlu dixxipli. It-​tieni, Ġesù jistenna li lkoll kemm aħna naħdmu iebes fl-​ippritkar. Jekk nissaportu b’lealtà f’dan ix-​xogħol u nibqgħu ubbidjenti u leali lejn Ġesù, nistgħu nkunu ċerti li se jippremjana.—Mattew 25:21, 23, 34.

It-​tixbiha tat-​talenti, kif inhi simili għat-​tixbiha tal-​miniet?

Is-sid jagħmel il-kontijiet mal-ilsiera

It-​tixbiha tat-​talenti hi simili ħafna għat-​tixbiha tal-​miniet. It-​tnejn li huma jitkellmu dwar sid li għandu l-​ilsiera. Eżatt qabel ma jibda jivvjaġġa, jagħtihom il-​flus u jgħidilhom biex jaqilgħu iktar flus għalih. Meta jiġi lura, isaqsi lill-​ilsiera tiegħu x’għamlu bi flusu. (Mattew 25:14-​30; Luqa 19:12-​27) Xi jfissru dawn it-​tixbihat? Fiż-​żewġ tixbihat, is-​sid (1) jirreferi għal Ġesù. L-​ilsiera (2) jirreferu għad-​dixxipli midlukin tiegħu. Il-​flus (3) jirreferu għar-​responsabbiltà prezzjuża taʼ li jagħmlu dixxipli. Iż-​żewġ tixbihat iwissu l-​Kristjani midlukin li m’għandhomx isiru mill-​agħar u għażżenin.

Iġġudikati bħala wħud leali meta jmutu

Mill-​ewwel seklu ’l quddiem, id-​dixxipli midlukin jingħatawlhom it-​talenti—ir-​responsabbiltà taʼ li jippritkaw. Huma se jiġu ġġudikati skont kif iwettqu din ir-​responsabbiltà. Il-​midlukin leali li jmutu qabel it-​tribulazzjoni l-​kbira jkunu rċivew l-​aħħar immarkar bis-​siġill tagħhom sa ma jmutu. Imma fit-​tixbiha tat-​talenti, Ġesù kien qed jitkellem dwar meta jiġi biex jagħmel il-​kontijiet mal-​midlukin li jkunu għadhom ħajjin fuq l-​art matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.

Kif għandna nifhmu t-​tixbiha tat-​talenti?

Is-​Sid meta se jippremja lill-​ilsiera, jiġifieri jagħmel il-​kontijiet magħhom?

Is-sid ifaħħar liż-żewġ ilsiera leali

Spjegazzjoni antika: Fl-​1919, Ġesù ppremja lill-​ilsiera midlukin tiegħu li kienu fuq l-​art billi tahom iktar responsabbiltà.

Spjegazzjoni ġdida: Meta jiġi Kristu fil-​futur, se jippremja lill-​ilsiera midlukin leali tiegħu billi jtellagħhom fis-​sema.

Min hu l-​ilsir mill-​agħar u għażżien?

Is-sid jordna li l-ilsir mill-agħar jiġi mitfugħ fid-dlam taʼ barra

Spjegazzjoni antika: L-​ilsir mill-​agħar u għażżien jirreferi għal midlukin li kienu qed jgħixu madwar is-​sena 1914 u li rrifjutaw li jippritkaw.

Spjegazzjoni ġdida: Ġesù ma kienx qed jipprofetizza li kellu jkun hemm grupp speċifiku taʼ midlukin li kellu jsir mill-​agħar u għażżien. Minflok, kien qed iwissi lill-​Kristjani midlukin dwar x’kien se jiġri jekk isiru mill-​agħar u għażżenin.

a It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, paġni 21-​22, paragrafi 8-​10, jispjega min hu l-​ilsir leali u għaqli.

b L-​artiklu taʼ qabel dan jispjega min huma l-​verġni.

c It-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż hi spjegata fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru 1995, paġni 17-​22, u fl-​artiklu li jmiss taʼ din ir-​rivista.

d Ara l-​kaxxa “It-​tixbiha tat-​talenti, kif inhi simili għat-​tixbiha tal-​miniet?”

e Fi żmien Ġesù, talent kien ammont kbir taʼ flus. Ħaddiem kien ikollu jaħdem 20 sena biex jaqlaʼ talent.

f Ftit wara li l-​appostli mietu, l-​apostasija tferrxet mal-​kongregazzjonijiet kollha. Għal ħafna sekli, ftit li xejn sar ippritkar. “Fi żmien il-​ħsad,” jew fiż-​żmien tal-​aħħar, l-​ippritkar kien se jerġaʼ jieħu spinta. (Mattew 13:24-​30, 36-​43) Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, paġni 9-​12.

g Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, paġni 7-​8, paragrafi 14-​18.

h Ara paragrafu 13 fl-​artiklu taʼ qabel f’din ir-​rivista, “Se ‘tibqaʼ għassa’?”

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Tixbiha: Storja dettaljata li tgħallem lezzjoni

  • Talent: Ammont kbir taʼ flus fi żmien Ġesù. Ħaddiem kellu jaħdem 20 sena biex ikollu talent wieħed biss

  • L-​aħħar immarkar bis-​siġill: Il-​midlukin jirċievu l-​aħħar immarkar bis-​siġill mingħand Ġeħova meta jiġġudikahom bħala leali u japprovahom biex jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem fis-​sema

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja