LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 5/15 p. 27-p. 28 para. 4
  • Mistoqsijiet mill-qarrejja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mistoqsijiet mill-qarrejja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Materjal Simili
  • Gog taʼ Magog dalwaqt se jinqered
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
  • Tiċċaqalqux, u Taraw is-Salvazzjoni taʼ Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 5/15 p. 27-p. 28 para. 4

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Min hu Gog taʼ Magog li jissemma fil-ktieb t’Eżekjel?

Għal ħafna snin, il-​pubblikazzjonijiet tagħna spjegaw li l-​isem Gog taʼ Magog jirreferi għal Satana wara li twaddab għal isfel mis-​sema. Għala? Għax il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juri li Satana hu dak li jmexxi l-​attakk globali kontra l-​poplu t’Alla. (Rivelazzjoni 12:1-​17) Għalhekk, ħsibna li Gog bilfors li hu isem ieħor għal Satana.

Imma kien hemm xi problemi b’din l-​ispjegazzjoni. Aħseb dwar dan: Meta jitkellem dwar il-​qerda taʼ Gog, Ġeħova qal li Gog kien se jingħata “bħala ikel lill-​għasafar tal-​priża, l-​għasafar b’kull xorta taʼ ġwienaħ, u l-​bhejjem salvaġġi tar-​rabaʼ.” (Eżekjel 39:4) Imbagħad Ġeħova żied: “Irid iseħħ dakinhar li nagħti lil Gog post hemmhekk, post taʼ dfin f’Israel.” (Eżekjel 39:11) Imma Satana, li hu ħliqa spirtu inviżibbli, kif setaʼ jittiekel mill-​għasafar u l-​bhejjem salvaġġi? Kif setaʼ jiġi midfun hawn fuq l-​art? Il-​Bibbja turi b’mod ċar li Satana se jiġi mixħut fl-​abbiss għal 1,000 sena. Mhux se jittiekel jew jiġi midfun.—Rivelazzjoni 20:1, 2.

Il-​Bibbja tgħid li fit-​tmiem tal-​1,000 sena, Satana se jiġi meħlus mill-​abbiss u se “joħroġ biex iqarraq b’dawk il-​ġnus fl-​erbaʼ rokniet taʼ l-​art, Gog u Magog, biex jiġborhom għall-​gwerra.” (Rivelazzjoni 20:8) Imma jekk Satana hu Gog, dan ifisser li Satana se jkollu jqarraq bih innifsu. Għalhekk, “Gog” ma jirreferix għal Satana, la fil-​ktieb t’Eżekjel u lanqas fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni.

Allura min hu Gog taʼ Magog? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, għandna bżonn infittxu fil-​Bibbja ħalli nsiru nafu min se jattakka l-​poplu t’Alla. Il-​Bibbja ssemmi l-​attakk taʼ ‘Gog taʼ Magog,’ l-​attakk tas-​“sultan tat-​tramuntana,” u l-​attakk tas-​“slaten taʼ l-​art.” (Eżekjel 38:2, 10-​13; Danjel 11:40, 44, 45; Rivelazzjoni 17:14; 19:19) Huma dawn attakki differenti? Wisq probabbli le. Jidher li l-​Bibbja qed tuża ismijiet differenti biex tiddeskrivi l-​istess attakk. Għala ngħidu hekk? Għax il-​Bibbja tgħidilna li l-​ġnus kollha tal-​art se jkunu parti minn dan l-​attakk finali li se jagħti bidu għall-​gwerra t’Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.

[Tabella f’paġna 27]

L-ATTAKK TAʼ GOG U MAGOG (RIVELAZZJONI 20:8, 9)

IT-TMIEM TAL-1,000 SENA

SATANA JIĠI MEĦLUS

Iġiegħel lil xi wħud biex jirribellaw kontra Ġeħova u l-poplu Tiegħu

GOG U MAGOG:

Bnedmin ribellużi li se jdawru, jew jiċċirkondaw, lill-bnedmin ġusti, bl-iskop li jeqirduhom

IT-TMIEM TAL-ĦAŻEN:

▪ Nar mis-sema jeqred lil Gog u Magog (Rivelazzjoni 20:9)

▪ Satana u d-demonji jiġu mixħutin fl-għadira tan-nar (Rivelazzjoni 20:10)

Meta nqabblu dawn ir-​referenzi Bibliċi kollha dwar l-​attakk finali fuq in-​nies t’Alla, jidher ċar li l-​isem Gog taʼ Magog ma jirreferix għal Satana. Minflok, Gog taʼ Magog jirreferi għal grupp taʼ ġnus. “Is-​sultan tat-​tramuntana” se jmexxi dan il-​grupp? Ma nistgħux ngħidu fiċ-​ċert. Imma jidher li din l-​ispjegazzjoni hi fi qbil maʼ dak li Ġeħova jgħid dwar Gog: “Int żgur li se tiġi minn postok, mill-​iktar partijiet imbegħdin tat-​tramuntana, int u ħafna popli miegħek, ilkoll kemm huma rekbin iż-​żwiemel, ġemgħa kbira, iva, qawwa militari numeruża.”—Eżekjel 38:6, 15.

Bl-​istess mod, il-​profeta Danjel, li għex fl-​istess żmien t’Eżekjel, jgħid hekk dwar is-​sultan tat-​Tramuntana: “Ikun hemm rapporti li jħawduh, minn tlugħ ix-​xemx u mit-​tramuntana, u hu joħroġ b’dagħdigħa kbira fuqu sabiex iġib fix-​xejn u jeqred lil ħafna. U jarma t-​tined irjali tiegħu bejn il-​baħar il-​kbir u l-​muntanja qaddisa tad-​Dekorazzjoni; u jkollu jiġi t-​triq kollha sa tmiemu, u ma jkunx hemm min jgħinu.” (Danjel 11:44, 45) Dan hu simili għal dak li l-​ktieb t’Eżekjel jgħid li se jagħmel Gog.—Eżekjel 38:8-12, 16.

X’se jiġri wara l-​aħħar attakk? Danjel jgħidilna: “Matul dak iż-​żmien iqum [f’Armageddon] Mikiel [Ġesù Kristu], il-​prinċep il-​kbir li jinsab wieqaf [sa mill-​1914] għan-​nom taʼ wlied il-​poplu tiegħek. U jseħħ żmien taʼ niket [it-​tribulazzjoni l-​kbira] li bħalu qatt ma seħħ mindu kien hemm ġens sa dak iż-​żmien. U matul dak iż-​żmien il-​poplu tiegħek jinħeles, kulmin jinstab miktub fil-​ktieb.” (Danjel 12:1) Naqraw deskrizzjoni simili taʼ dak li se jagħmel Ġesù f’​Rivelazzjoni 19:11-21.

Imma l-​isem “Gog u Magog” li jissemma f’​Rivelazzjoni 20:8 għal min jirreferi? Dan jirreferi għal dawk kollha li jirribellaw kontra Ġeħova u jattakkaw lill-​poplu tiegħu matul l-​aħħar prova fi tmiem tal-​1,000 sena. Se jkollhom l-​istess attitudni taʼ mibegħda bħal taʼ Gog taʼ Magog, jiġifieri l-​ġnus li jattakkaw in-​nies t’Alla fl-​aħħar tat-​tribulazzjoni l-​kbira. U l-​istess bħalma dawk il-​ġnus se jinqerdu f’Armageddon, hekk ukoll Gog u Magog se jiġi meqrud. (Rivelazzjoni 19:20, 21; 20:9) Għalhekk, jagħmel sens li dawk kollha li jirribellaw fl-​aħħar tal-​1,000 sena jissejħu “Gog u Magog.”

Bħala studenti serji tal-​Bibbja, aħna ħerqanin li fil-​futur qarib se nsiru nafu min hu “s-​sultan tat-​tramuntana.” Imma hu min hu li jmexxi l-​ġnus kontra l-​poplu t’Alla, aħna nistgħu nkunu ċerti minn żewġ affarijiet: (1) Gog taʼ Magog u l-​armati tiegħu se jiġu megħlubin u meqrudin. (2) Is-​Sultan tagħna, Ġesù Kristu, se jsalva n-​nies t’Alla u jdaħħalhom ġo dinja ġdida taʼ paċi u sigurtà vera.—Rivelazzjoni 7:14-17.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja