LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 8/15 pp. 15-20
  • Ipprepara issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipprepara issa għall-ħajja fid-dinja l-ġdida
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF TIPPREPARA?
  • IFFOKA FUQ LI TAQDI LIL ĠEĦOVA
  • L-​AQWA MOD TAʼ ĦAJJA ISSA
  • Ibqaʼ qrib taʼ Ġeħova
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Żgħażagħ, il-Ħallieq tagħkom iridkom tkunu ferħanin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Żgħażagħ, iffokati intom fuq miri spiritwali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Lest Int Għal Jum Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 8/15 pp. 15-20
Koppja fil-Ġenna tal-art jitkellmu dwar id-dar futura tagħhom

Ipprepara issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida

‘Ordnalhom biex jagħmlu l-​ġid sabiex jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.’—1 TIMOTJU 6:17-​19.

GĦANJIET: 125, 40

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’se jferraħna l-​iktar fid-​dinja l-​ġdida?

  • X’inhuma xi modi kif tipprepara issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida?

  • Il-​miri fis-​servizz taʼ Ġeħova kif jistgħu jgħinuna nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida t’Alla?

1, 2. (a) Għal xiex qed tħares ’il quddiem fil-​Ġenna tal-​art? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’se jferraħna l-​iktar fid-​dinja l-​ġdida?

AĦNA għandna sebaʼ mitt sena biex ikollna “l-​ħajja taʼ dejjem.” L-​appostlu Pawlu jiddeskriviha bħala “l-​ħajja vera.” (Aqra l-​1 Timotju 6:12, 19.) Għall-​biċċa l-​kbira min-​nies, dan se jfisser li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. Hu diffiċli li timmaġinak tqum kull filgħodu u tħossok f’saħħtek, ferħan, u sodisfatt. (Isaija 35:5, 6) Aħseb f’kemm ħa tieħu gost tqattaʼ l-​ħin mal-​familja u l-​ħbieb tiegħek, inkluż dawk li se jiġu rxoxtati. (Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15) Se jkollok il-​ħin biex titgħallem abbiltajiet ġodda u biex titjieb fl-​affarijiet li tħobb tagħmel. Pereżempju, tistaʼ titgħallem iktar dwar ix-​xjenza. Jew tistaʼ titgħallem kif iddoqq strumenti mużikali jew kif tiddisinnja l-​pjanta tad-​dar tiegħek stess.

2 Għalkemm inħarsu ’l quddiem għal dawn l-​affarijiet sbieħ kollha, l-​iktar li se jferraħna hu li nqimu lil Ġeħova. Ġib quddiem għajnejk kif se tkun il-​ħajja meta n-​nies kollha se jittrattaw lill-​isem taʼ Ġeħova bħala li hu qaddis u meta kulħadd se jaċċetta lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħhom. (Mattew 6:9, 10) Se nkunu eċċitati li naraw l-​art mimlija b’nies perfetti, sewwasew kif kien l-​iskop t’Alla. U aħseb ftit kemm se jkun iktar faċli li nkabbru l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova hekk kif bil-​mod il-​mod insiru perfetti!—Salm 73:28; Ġakbu 4:8.

3. Għal liema ħaġa għandna nippreparaw minn issa stess?

3 Aħna fiduċjużi li Ġeħova se jagħmel dawn l-​affarijiet meraviljużi kollha, għax “għal Alla kollox hu possibbli.” (Mattew 19:25, 26) Jekk irridu ngħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida, issa hu ż-​żmien li ‘naqbdu qabda soda’ mal-​ħajja taʼ dejjem. Aħna nafu li t-​tmiem dalwaqt se jiġi, u allura rridu ngħixu b’tali mod li juri li qed nistennew li t-​tmiem se jiġi mil-​lum għal għada. Irridu nagħmlu kulma nistgħu issa stess biex nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida. Ejja naraw kif.

KIF TIPPREPARA?

4. Kif nistgħu nippreparaw issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida? Agħti eżempju.

4 Kif nistgħu nippreparaw issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida? Li kieku konna beħsiebna mmorru ngħixu pajjiż ieħor, abbli konna nagħmlu xi affarijiet biex inħejju ruħna għall-​ħajja f’dak il-​pajjiż. Pereżempju, forsi nibdew nitgħallmu l-​lingwa u d-​drawwiet tan-​nies li jgħixu hemm. Għandna mnejn induqu xi ftit mill-​ikel tagħhom. B’mod simili, nistgħu nippreparaw issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida billi nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu qisna diġà qegħdin hemm. Ejja neżaminaw xi modi kif nistgħu nagħmlu dan.

5, 6. Il-​fatt li nitgħallmu nobdu d-​direzzjoni mingħand l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif se jgħinna nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida?

5 F’din id-​dinja, Satana jrid li n-​nies jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jfettlilhom. Ħafna nies iħossu li hu importanti li jkunu indipendenti u li m’hemmx għalfejn jobdu lil Alla. Dan għal xiex wassal? Wassal għal ħafna tbatija u nuqqas taʼ ferħ. (Ġeremija 10:23) Imma Ġeħova hu Mexxej kollu mħabba. Kemm se tkun aħjar il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida meta kulħadd jobdih!

6 Fid-​dinja l-​ġdida, se nieħdu pjaċir insegwu d-​direzzjoni mingħand l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex ngħinu ħalli nbiddlu din l-​art f’ġenna mill-​isbaħ u ħalli ngħallmu lil dawk li se jiġu rxoxtati. Ġeħova se jkollu ħafna xogħol għalina. Imma xi ngħidu jekk dawk li jieħdu t-​tmexxija jistaqsuna biex nagħmlu xi ħaġa li ma tantx togħġobna? Se nobdu aħna? Se nagħmlu ħilitna biex inwettqu u ngawdu l-​inkarigu tagħna? Biex nippreparaw għall-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida, irridu nobdu d-​direzzjoni mingħand l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova issa stess.

7, 8. (a) Għala għandna nikkooperaw maʼ dawk li jieħdu t-​tmexxija? (b) Liema bidliet esperjenzaw xi Kristjani? (ċ) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti fid-​dinja l-​ġdida?

7 Jekk irridu nkunu lesti għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida, irridu nitgħallmu nkunu kuntenti b’li għandna u nikkooperaw mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u maʼ xulxin. Pereżempju, meta ningħataw inkarigu ġdid, aħna minn qalbna nikkooperaw u nagħmlu l-​almu tagħna biex inkunu ferħanin u kuntenti. Jekk nitgħallmu minn issa biex nikkooperaw maʼ dawk li qed jieħdu t-​tmexxija, x’aktarx li se nagħmlu l-​istess ħaġa fid-​dinja l-​ġdida. (Aqra Ebrej 13:17.) Meta l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, intqalilhom fejn kellhom jgħixu. (Numri 26:52-​56; Ġożwè 14:1, 2) Ma nafux fejn kull wieħed u waħda minna forsi se jiġi mitlub jgħix fid-​dinja l-​ġdida. Imma jekk inkunu tgħallimna nikkooperaw, se nkunu ferħanin li nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, ngħixu fejn ngħixu.

8 Immaġina ftit x’unur se jkun li taqdi fid-​dinja l-​ġdida t’Alla taħt it-​tmexxija tas-​Saltna! Għaldaqstant, aħna ferħanin li nikkooperaw mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova issa u nagħmlu dak kollu li niġu mitlubin nagħmlu. Imma kultant l-​inkarigi tagħna jafu jinbidlu. Pereżempju, xi Beteliti fl-​Istati Uniti ngħataw l-​inkarigu ġdid li jaqdu f’oqsma oħra tal-​ministeru full-​time. U minħabba l-​età jew ċirkustanzi oħra, xi indokraturi li jivvjaġġaw ġew inkarigati jaqdu bħala pijunieri speċjali. Huma ferħanin bl-​inkarigi l-​ġodda tagħhom, u Ġeħova qed iberikhom. Jekk nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova, nagħmlu kulma nistgħu biex naqduh, u nitgħallmu nkunu kuntenti bi kwalunkwe inkarigu li ningħataw, se nkunu ferħanin u Ġeħova se jberikna. (Aqra Proverbji 10:22.) Xi ngħidu jekk fid-​dinja l-​ġdida nkunu veru nixtiequ ngħixu f’ċertu post. Aħna sempliċement se nkunu grati li qed ngħixu fid-​dinja l-​ġdida.—Neħemija 8:10.

9, 10. (a) Għala jaf ikollna nkunu paċenzjużi fid-​dinja l-​ġdida? (b) Kif nistgħu nuru minn issa li aħna paċenzjużi?

9 Fid-​dinja l-​ġdida, kultant se jkollna nkunu paċenzjużi. Pereżempju, forsi nisimgħu li xi wħud huma eċċitati ħafna għax il-​qraba u l-​ħbieb tagħhom ġew irxoxtati. Però, forsi jkollna nistennew biex il-​maħbubin tagħna jiġu rxoxtati. Jekk jiġri dan, se nifirħu aħna mal-​oħrajn u nkunu paċenzjużi? (Rumani 12:15) Jekk nitgħallmu issa biex nistennew bil-​paċenzja ħalli Ġeħova jwettaq il-​wegħdi tiegħu, dan se jgħinna nkunu paċenzjużi f’dak iż-​żmien.—Ekkleżjasti 7:8.

10 Nistgħu nippreparaw għad-​dinja l-​ġdida wkoll billi nkunu paċenzjużi meta nirċievu aġġustamenti għall-​mod kif nifhmu l-​verità tal-​Bibbja. Nistudjaw aħna dan il-​materjal ġdid, u paċenzjużi aħna jekk ma nifhmuhx bis-​sħiħ? Jekk iva, mela fid-​dinja l-​ġdida se jkun eħfef għalina li nkunu paċenzjużi kull meta Ġeħova jagħtina istruzzjonijiet ġodda.—Proverbji 4:18; Ġwanni 16:12.

11. Għala għandna nitgħallmu naħfru lil xulxin issa, u dan kif jistaʼ jgħinna fid-​dinja l-​ġdida?

11 Mod ieħor kif nistgħu nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida hu billi nitgħallmu naħfru. Matul it-​Tmexxija t’Elf Sena taʼ Kristu, se jgħaddi ftit taż-​żmien biex kulħadd isir perfett. (Atti 24:15) Se nħobbu u naħfru lil xulxin? Jekk nitgħallmu naħfru lil xulxin u jkollna relazzjoni tajba m’oħrajn issa, se jkun eħfef għalina li nagħmlu dan fid-​dinja l-​ġdida.—Aqra Kolossin 3:12-​14.

Fid-​dinja l-​ġdida, se jkollna bżonn l-​istess kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru issa

12. Għala għandna nippreparaw minn issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida?

12 Fid-​dinja l-​ġdida jaf mhux dejjem se nieħdu dak li rridu, jew forsi jkollna nistennew qabel ma niħduh. Se jkollna bżonn inkunu grati u kuntenti nkunu f’liema sitwazzjoni nkunu. Infatti, se jkollna bżonn l-​istess kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru issa. Għalhekk, billi nitgħallmu nuru dawn il-​kwalitajiet minn issa, se nuru li d-​dinja l-​ġdida hi reali għalina u li qed nippreparaw għall-​ħajja taʼ dejjem. (Ebrej 2:5; 11:1) Ukoll, se nuru li verament irridu ngħixu f’dinja fejn kulħadd jobdi lil Ġeħova.

IFFOKA FUQ LI TAQDI LIL ĠEĦOVA

Xhud taʼ Ġeħova jaqsam l-aħbar tajba maʼ kollega waqt il-brejk

Ipprietka l-aħbar tajba b’żelu

13. X’se npoġġu l-​ewwel f’ħajjitna fid-​dinja l-​ġdida?

13 Fid-​dinja l-​ġdida, se jkollna kulma jkollna bżonn biex ingawdu l-​ħajja. Imma l-​akbar ferħ tagħna se jiġi mir-​relazzjoni mill-​qrib li se jkollna maʼ Ġeħova. (Mattew 5:3) Se jkollna ħafna x’nagħmlu fis-​servizz taʼ Ġeħova, u se nieħdu pjaċir naqduh. (Salm 37:4) Għalhekk, meta npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna issa, inkunu qed nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida.—Aqra Mattew 6:19-​21.

14. Iż-​żgħażagħ liema miri jistgħu jagħmlu fis-​servizz taʼ Ġeħova?

14 Kif nistgħu nieħdu saħansitra iktar pjaċir f’li naqdu lil Ġeħova? Mod wieħed hu billi nagħmlu l-​miri. Jekk għadek żgħir, aħseb bis-​serjetà dwar li tuża ħajtek biex taqdi lil Ġeħova. Għala ma tagħmilx xi riċerka fil-​pubblikazzjonijiet tagħna dwar it-​tipi differenti taʼ servizz full-​time? Tistaʼ tagħmel wieħed minn dawn bħala l-​mira tiegħek.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Tkellem maʼ xi ħadd li qeda lil Ġeħova fis-​servizz full-​time għal bosta snin. Jekk tuża ħajtek biex taqdi lil Ġeħova, se tirċievi taħriġ li m’hemmx prezzu. Din l-​esperjenza se tgħinek taqdi lil Ġeħova fid-​dinja l-​ġdida.

Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu sehem fi proġett taʼ kostruzzjoni teokratiku

Agħmel miri fis-servizz taʼ Ġeħova

15. Liema miri oħra jistaʼ jkollna fis-​servizz taʼ Ġeħova?

15 Hemm ħafna miri li nistgħu nagħmlu fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Pereżempju, nistgħu nagħmluha mira li nitgħallmu xi abbiltà ġdida fil-​ministeru. Jew nistgħu nipprovaw nifhmu aħjar il-​prinċipji tal-​Bibbja u nitgħallmu kif nistgħu napplikawhom f’ħajjitna. Nistgħu nipprovaw intejbu l-​qari pubbliku tagħna jew it-​taħditiet u l-​kummenti li nagħtu fil-​laqgħat. Il-​punt hu dan: Meta tagħmel miri fis-​servizz tiegħek lil Ġeħova, dan se jgħinek biex ikollok iktar żelu u biex tipprepara għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida.

L-​AQWA MOD TAʼ ĦAJJA ISSA

Xhud taʼ Ġeħova jagħmel studju persunali tal-Bibbja

Kun grat għal dak kollu li jagħtik Ġeħova

16. Li taqdi lil Ġeħova għala hu l-​aqwa mod taʼ ħajja?

16 Meta nużaw il-​ħin tagħna biex nippreparaw għad-​dinja l-​ġdida t’Alla, inkunu aħna qed nitilfu milli jkollna ħajja tajba issa? Lanqas xejn! Li naqdu lil Ġeħova hu l-​aqwa mod taʼ ħajja. Aħna ma naqduhx għax xi ħadd iġegħelna jew sempliċement biex ngħaddu ħajjin mit-​tribulazzjoni l-​kbira. Meta jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, il-​ħajja tagħna tkun aħjar u nkunu iktar ferħanin. Hekk ħalaqna biex ngħixu. Il-​fatt li jkollna l-​imħabba t’Alla u li nirċievu d-​direzzjoni tiegħu f’ħajjitna hu ħafna aħjar minn kwalunkwe ħaġ’oħra. (Aqra Salm 63:1-​3.) Ilkoll kemm aħna nistgħu nħossu l-​ferħ li jiġi milli nqimu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Xi wħud li qdewh għal ħafna snin jistgħu b’wiċċhom minn quddiem jgħidu li din hi l-​aqwa mod taʼ ħajja.—Salm 1:1-​3; Isaija 58:13, 14.

Xhud taʼ Ġeħova jfittex gwida spiritwali billi jitkellem m’anzjan

Fittex għall-gwida tal-Bibbja

17. Kemm se jkunu importanti l-​interessi persunali u r-​rikreazzjoni fil-​Ġenna tal-​art?

17 Fil-​Ġenna tal-​art, se nieħdu gost inqattgħu ftit mill-​ħin tagħna fuq l-​interessi persunali u fir-​rikreazzjoni. Wara kollox, Ġeħova kien li ħalaqna bix-​xewqa li nieħdu pjaċir, u hu jwiegħed li se ‘jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’ (Salm 145:16; Ekkleżjasti 2:24) Aħna għandna bżonn ir-​rikreazzjoni u għandna bżonn il-​mistrieħ, imma iktar nieħdu pjaċir bihom meta npoġġu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna. Se jkun l-​istess fid-​dinja l-​ġdida. Allura jkun għaqli li ‘nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​saltna’ u li niffokaw fuq il-​barkiet li nirċievu meta naqdu lil Ġeħova.—Mattew 6:33.

Meta jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, il-​ħajja tagħna tkun aħjar u nkunu iktar ferħanin

18. Kif nistgħu nuru li qed nippreparaw biex ngħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art?

18 Fid-​dinja l-​ġdida, il-​ħajja se tkun bil-​wisq iktar aħjar milli qatt stajna nimmaġinaw. Jalla nuru kemm nixtiequ nkunu hemm billi nippreparaw għall-​“ħajja vera” minn issa. Ejja niżviluppaw il-​kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru u ejja b’żelu nippritkaw l-​aħbar tajba. Jalla nesperjenzaw il-​ferħ li jiġi meta npoġġu l-​qima taʼ Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna. Aħna għandna fiduċja sħiħa li fid-​dinja l-​ġdida, Ġeħova se jagħmel dak kollu li wiegħed li se jagħmel. Għalhekk, ejja ngħixu bħallikieku diġà qegħdin hemm!

a Ara l-​ktieb Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, paġni 311-​318.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Aħna nikkooperaw maʼ dawk li jieħdu t-​tmexxija billi minn qalbna nobduhom u nagħmlu kulma nistgħu biex nappoġġaw id-​deċiżjonijiet tagħhom

  • Inkunu kuntenti meta nkunu grati għal dak kollu li jagħtina Ġeħova. Aħna ferħanin li naqduh fi kwalunkwe post li jrid hu u nkunu sodisfatti bi kwalunkwe inkarigu li jagħtina

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja