LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 12/15 pp. 3-8
  • Ġeħova, l-Alla li jikkomunika

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova, l-Alla li jikkomunika
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ALLA JIKKOMUNIKA MAN-​NIES
  • ALLA JIPPROTEĠI L-​MESSAĠĠ TIEGĦU
  • KIEN HEMM BŻONN TAʼ TRADUZZJONI ĠDIDA TAL-​BIBBJA
  • Traduzzjoni tal-Bibbja li hi faċli biex tinftiehem u li hi taʼ benefiċċju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • ‘Il-kelma t’Alla tagħna tibqaʼ għal dejjem’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • In-New World Translation Apprezzata minn Miljuni fid-Dinja Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġrajja Sinjifikanti Għal Dawk Li Jħobbu l-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 12/15 pp. 3-8
Ir-raġġi tax-xemx qed jiddu fuq Adam li qiegħed fil-ġnien tal-Għeden

Ġeħova, l-​Alla li jikkomunika

“Ismaʼ, jekk jogħġbok, u jien nitkellem.”—ĠOB 42:4.

GĦANJIET: 113, 114

INT KIF TWIEĠEB?

  • Alla għala juża kliem sempliċi meta jikkomunika man-​nies?

  • Il-​fatt li n-​nies jitkellmu lingwi differenti, għala mhijiex problema għal Ġeħova?

  • X’kien l-​iskop tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova meta ppubblikat it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida?

1-3. (a) Il-​ħsibijiet u l-​lingwa t’Alla għala huma superjuri għal dawk tan-​nies? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA ħalaq l-​anġli u iktar tard in-​nies. Għamel hekk għax ried jaqsam il-​ħajja u l-​ferħ magħhom. (Salm 36:9; 1 Timotju 1:11) L-​ewwel li ħalaq Ġeħova kien dak li l-​appostlu Ġwanni jsejjaħlu “l-​Kelma,” jiġifieri Ġesù. (Ġwanni 1:1; Rivelazzjoni 3:14) Ġeħova kkomunika maʼ dan u esprima l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħu miegħu. (Ġwanni 1:14, 17; Kolossin 1:15) L-​appostlu Pawlu jgħid li l-​anġli wkoll jikkomunikaw u li għandhom lingwa, waħda li hi differenti ħafna mil-​lingwa tan-​nies.—1 Korintin 13:1.

2 Ġeħova jaf kollox dwar il-​biljuni taʼ anġli u nies li ħalaq. Hu jistaʼ jismaʼ t-​talb taʼ miljuni taʼ nies fl-​istess ħin, u hu jifhem it-​talb tagħhom tkun xi tkun il-​lingwa li jitolbu biha. Waqt li qed jismaʼ dan it-​talb kollu, Ġeħova qed jikkomunika wkoll mal-​anġli u jidderiġihom. Biex jagħmel dan kollu, il-​ħsibijiet u l-​lingwa taʼ Ġeħova bilfors li huma superjuri għall-​ħsibijiet u l-​lingwa tan-​nies. (Aqra Isaija 55:8, 9.) Allura, meta jikkomunika man-​nies, hu jissimplifika l-​messaġġ tiegħu ħalli aħna nkunu nistgħu nifhmuh.

3 F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu kif Ġeħova jikkomunika man-​nies b’mod ċar. Se naraw ukoll kif ibiddel il-​mod kif jikkomunika skont iċ-​ċirkustanzi.

ALLA JIKKOMUNIKA MAN-​NIES

4. (a) Ġeħova liema lingwa uża biex jikkomunika maʼ Mosè, Samwel, u David? (b) X’tinkludi l-​Bibbja?

4 Meta kkomunika mal-​ewwel bniedem, Adam, fil-​ġnien tal-​Għeden, Ġeħova probabbilment uża forma antika tal-​lingwa Ebrajka. Iktar tard, Ġeħova kkomunika maʼ wħud bħal Mosè, Samwel, u David. Għalkemm kitbu l-​kliem tagħhom bl-​Ebrajk u bl-​istil tagħhom stess, kienu fil-​fatt qegħdin jiktbu l-​ħsibijiet t’Alla. Huma kitbu kelma b’kelma stqarrijiet li qal Alla u kitbu wkoll dwar l-​istorja tar-​relazzjoni t’Alla mal-​poplu tiegħu. Pereżempju, fil-​Bibbja naqraw dwar il-​fidi u l-​imħabba li kellhom għal Alla, u kif ukoll dwar meta żbaljaw u ma baqgħux leali. Din l-​informazzjoni kollha nkitbet għall-​ġid tagħna.—Rumani 15:4.

Kittieba tal-​Bibbja kitbu kelma b’kelma stqarrijiet li qal Ġeħova u kitbu wkoll l-​istorja tar-​relazzjoni t’Alla mal-​poplu tiegħu

5. Il-​lingwa Ebrajka kienet l-​unika lingwa li Alla uża biex jikkomunika man-​nies? Spjega.

5 Ġeħova mhux dejjem ikkomunika man-​nies bl-​Ebrajk. Sakemm l-​Iżraelin ġew meħlusin minn Babilonja, uħud minnhom kienu jitkellmu bl-​Aramajk fil-​ħajja taʼ kuljum. Forsi kien għalhekk li Danjel, Ġeremija, u Esdra kitbu partijiet mill-​Bibbja bl-​Aramajk.a—Ara n-​nota taʼ taħt.

It-traduzzjoni tal-Kelma t’Alla mill-kitbiet oriġinali sat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida riveduta bl-Ingliż tal-2013

6. L-​Iskrittura Ebrajka għala kienet tradotta bil-​Grieg?

6 Alessandru l-​Kbir iktar tard rebaħ ħafna pajjiżi, u l-​Grieg komuni, jiġifieri l-​Koine, sar l-​iktar lingwa mitkellma f’ħafna pajjiżi. Ħafna Lhud bdew jitkellmu l-​Grieg, u maż-​żmien l-​Iskrittura Ebrajka ġiet maqluba għall-​Grieg. Din it-​traduzzjoni tissejjaħ is-​Settanta. Kienet l-​ewwel traduzzjoni tal-​Bibbja u waħda mill-​iktar importanti. L-​esperti jemmnu li s-​Settanta tlestiet minn 72 traduttur.b (Ara n-​nota taʼ taħt.) Xi wħud ittraduċew mill-​Iskrittura Ebrajka kelma b’kelma, waqt li oħrajn m’għamlux hekk. Minkejja dan, Lhud u Kristjani li kienu jitkellmu bil-​Grieg emmnu li s-​Settanta kienet il-​Kelma t’Alla.

7. Ġesù liema lingwa kien juża biex jgħallem lid-​dixxipli tiegħu?

7 Meta Ġesù kien fuq l-​art, probabbilment tkellem bl-​Ebrajk. (Ġwanni 19:20; 20:16; Atti 26:14) Hu forsi uża wkoll xi espressjonijiet Aramajċi li kienu jintużaw spiss dak iż-​żmien. Imma kien jaf ukoll il-​lingwa antika Ebrajka li kienu jitkellmu biha Mosè u l-​profeti, li l-​kitba tagħhom kienet tinqara fis-​sinagogi kull ġimgħa. (Luqa 4:17-​19; 24:44, 45; Atti 15:21) U għalkemm fi żmien Ġesù, kien hemm nies li kienu jitkellmu bil-​Grieg u l-​Latin, il-​Bibbja ma tgħidx jekk Ġesù kienx jitkellem b’dawn il-​lingwi wkoll.

8, 9. Għala ħafna Kristjani tkellmu bil-​Grieg, u dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?

8 L-​ewwel segwaċi taʼ Ġesù tkellmu bl-​Ebrajk, imma wara l-​mewt tiegħu, id-​dixxipli tiegħu tkellmu b’lingwi oħra. (Aqra Atti 6:1.) Hekk kif it-​tagħlim Kristjan infirex, ħafna Kristjani tkellmu bil-​Grieg iktar milli bl-​Ebrajk. Minħabba li l-​Grieg kien l-​iktar lingwa mitkellma, il-​kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni ġew imqassmin bil-​Grieg.c (Ara n-​nota taʼ taħt.) Barra minn hekk, l-​ittri tal-​appostlu Pawlu u kotba oħrajn tal-​Bibbja kienu miktubin bil-​Grieg.

9 Taʼ interess hu li meta l-​kittieba tal-​Iskrittura Griega Kristjana kkwotaw mill-​Iskrittura Ebrajka, huma spiss użaw is-​Settanta. Kultant, dawn il-​kwotazzjonijiet kienu ftit differenti minn kif il-​kliem kien impoġġi bl-​Ebrajk oriġinali. Allura, ix-​xogħol taʼ tradutturi imperfetti sar parti mill-​Bibbja li għandna llum. Dan jgħallimna li Ġeħova ma jqisx lingwa jew kultura aħjar minn oħra.—Aqra Atti 10:34.

Alla ma jistenniex minna li nitkellmu b’lingwa partikulari sabiex insiru nafuh jew insiru nafu l-​iskopijiet tiegħu

10. X’tgħallimna minn kif Ġeħova jikkomunika man-​nies?

10 Aħna tgħallimna li Ġeħova jikkomunika man-​nies skont iċ-​ċirkustanzi tagħhom. Hu ma jistenniex minna li nitkellmu b’lingwa partikulari sabiex insiru nafuh jew insiru nafu l-​iskopijiet tiegħu. (Aqra Żakkarija 8:23; Rivelazzjoni 7:9, 10.) Aħna tgħallimna wkoll li Ġeħova nebbaħ lill-​kittieba tal-​Bibbja, imma ħalliehom jiktbu l-​ħsibijiet tiegħu fi kliemhom stess.

ALLA JIPPROTEĠI L-​MESSAĠĠ TIEGĦU

11. Il-​fatt li n-​nies jużaw ħafna lingwi differenti, għala mhijiex problema għal Ġeħova?

11 In-​nies jużaw ħafna lingwi differenti, imma din mhijiex problema għal Ġeħova. Kif nafu dan? Il-​Bibbja fiha biss ftit mill-​kliem taʼ Ġesù bil-​lingwa oriġinali li tkellem biha. (Mattew 27:46; Marku 5:41; 7:34; 14:36) Imma Ġeħova għamel ċert li l-​messaġġ taʼ Ġesù jiġi miktub u maqlub għall-​Grieg, u maż-​żmien, għal lingwi oħra. Barra minn hekk, minħabba li l-​Kelma t’Alla ġiet ikkopjata ħafna drabi mil-​Lhud u l-​Kristjani, il-​messaġġ t’Alla baqaʼ protett. Dawn il-​kopji mbagħad ġew tradotti f’ħafna lingwi oħra. Madwar 400 sena wara Kristu (WK), John Chrysostom qal li t-​tagħlim taʼ Ġesù kien ġie tradott bil-​lingwi tas-​Sirjani, Eġizzjani, Indjani, Persjani, Etjopjani, u f’ħafna lingwi oħra.

12. Il-​Bibbja kif ġiet attakkata?

12 Matul l-​istorja, kien hemm ħafna attakki kontra l-​Bibbja u kontra dawk li ttraduċewha u qassmuha lin-​nies. Xi 300 sena wara li twieled Ġesù, l-​Imperatur Ruman Dijoklezjanu ordna biex jiġu meqruda l-​kopji kollha tal-​Bibbja. Madwar 1,200 sena wara, William Tyndale beda jittraduċi l-​Bibbja bl-​Ingliż. Hu qal li jekk Alla jħallih jgħix biżżejjed, kien se jagħmel ċert li anki tifel tal-​għalqa jsir jaf il-​Bibbja aħjar minn qassis. Minħabba l-​persekuzzjoni, Tyndale kellu jaħrab mill-​Ingilterra ħalli jkun jistaʼ jittraduċi u jistampa l-​Bibbja tiegħu. Għalkemm il-​kleru pprova jaħraq il-​kopji kollha li setaʼ jsib, it-​traduzzjoni taʼ Tyndale laħqet ġiet imqassma lil ħafna nies. Maż-​żmien, Tyndale ġie mgħallaq u maħruq maʼ zokk. Imma t-​traduzzjoni tiegħu rnexxielha tibqaʼ f’idejn in-​nies minkejja l-​attakki mill-​kleru, u ntużat biex tiġi ppreparata traduzzjoni tal-​Bibbja li tissejjaħ King James Version.—Aqra t-​2 Timotju 2:9.

13. X’wera l-​istudju tal-​manuskritti antiki tal-​Bibbja?

13 Huwa minnu li fost xi kopji antiki tal-​Bibbja hemm ftit żbalji u differenzi. Madankollu, esperti tal-​Bibbja studjaw bir-​reqqa eluf taʼ manuskritti, partijiet taʼ manuskritti, u traduzzjonijiet antiki tal-​Bibbja. Wara li qabbluhom flimkien, sabu li kien hemm biss ftit versi li għandhom differenzi żgħar, u li dawn mhumiex sinifikanti. Imma l-​messaġġ tal-​Bibbja ma nbidilx. Studji bħal dawn jikkonvinċu studenti tal-​Bibbja sinċieri li l-​Bibbja li għandhom illum hi l-​Kelma mnebbħa taʼ Ġeħova.—Isaija 40:8.d (Ara n-​nota taʼ taħt.)

14. Il-​Bibbja kemm hi disponibbli llum?

14 Minkejja l-​ħafna attakki kontra l-​Bibbja, din ġiet tradotta f’iktar minn 2,800 lingwa. Jiġifieri iktar minn kwalunkwe ktieb disponibbli llum. Għalkemm ħafna nies m’għandhomx fidi f’Alla, il-​Kelma tiegħu qed tkompli tkun l-​iktar ktieb fl-​istorja li ġie mqassam mad-​dinja. Għalkemm xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja mhumiex daqstant faċli biex jinqraw jew mhumiex preċiżi ħafna, kważi kollha kemm huma jagħtu l-​messaġġ sempliċi taʼ tama u ħajja taʼ dejjem.

KIEN HEMM BŻONN TAʼ TRADUZZJONI ĠDIDA TAL-​BIBBJA

15. (a) Il-​letteratura Biblika tagħna kif inbidlet mill-​1919? (b) Il-​letteratura tagħna għala hi miktuba l-​ewwel bl-​Ingliż?

15 Fl-​1919, grupp żgħir taʼ studenti tal-​Bibbja ġew maħturin bħala “l-​ilsir leali u għaqli.” Dak iż-​żmien, l-​ilsir leali l-​iktar li kkomunika man-​nies t’Alla kien bl-​Ingliż. (Mattew 24:45) Imma llum, il-​letteratura Biblika hi provduta f’iktar minn 700 lingwa. Bħalma kien jintuża l-​Grieg fil-​passat, issa hu normali li jintuża l-​Ingliż fejn jidħol negozju u edukazzjoni u hu magħruf minn ħafna nies. Allura, il-​letteratura tagħna l-​ewwel tinkiteb bl-​Ingliż u mbagħad tinqaleb għal lingwi oħra.

16, 17. (a) X’kellhom bżonn in-​nies t’Alla? (b) Il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida x’għamel? (ċ) X’kienet ix-​xewqa taʼ Ħuna Knorr?

16 Il-​letteratura kollha tagħna hi bbażata fuq il-​Bibbja. Għall-​ewwel, in-​nies t’Alla użaw il-​King James Version, li tlestiet fis-​sena 1611. Madankollu, il-​kliem li ntuża kien antik u diffiċli biex jinftiehem. L-​isem t’Alla ntuża ftit drabi biss, avolja fil-​manuskritti antiki ħafna ntuża eluf taʼ drabi. Dik il-​verżjoni wkoll kellha żbalji fit-​traduzzjoni u versi miżjuda li ma kinux jinsabu fl-​eqdem manuskritti. Traduzzjonijiet oħrajn tal-​Bibbja bl-​Ingliż kellhom problemi simili.

17 B’mod ċar, in-​nies t’Alla kellhom bżonn traduzzjoni tal-​Bibbja li kienet eżatta u faċli biex tinftiehem. Allura, ġie fformat il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida, u l-​aħwa f’dan il-​kumitat ippubblikaw partijiet mill-​Bibbja bl-​Ingliż mill-​1950 sal-​1960. L-​ewwel mis-​sitt volumi ġie ppubblikat f’konvenzjoni fit-​2 t’Awwissu 1950. F’dik il-​konvenzjoni, Ħuna Knorr qal li n-​nies t’Alla kellhom bżonn traduzzjoni moderna tal-​Bibbja li kienet eżatta u faċli biex tinftiehem u waħda li tgħinhom jitgħallmu l-​verità b’mod iktar ċar. Kellhom bżonn traduzzjoni sempliċi biex tinqara u tinftiehem bħalma kienu l-​kitbiet oriġinali tad-​dixxipli taʼ Kristu. Ix-​xewqa taʼ Ħuna Knorr kienet li t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tgħin lil miljuni taʼ nies isiru jafu lil Ġeħova.

18. X’għen fit-​traduzzjoni tal-​Bibbja?

18 Sal-​1963, ix-​xewqa taʼ Ħuna Knorr saret realtà. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana kienet disponibbli bil-​Franċiż, il-​Ġermaniż, l-​Ispanjol, l-​Olandiż, il-​Portugiż, u t-​Taljan. Fl-​1989, il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fformat dipartiment ġdid fil-​kwartieri ġenerali biex jagħti l-​għajnuna fit-​traduzzjoni tal-​Bibbja. Imbagħad fl-​2005, ingħata l-​permess biex tiġi tradotta l-​Bibbja fil-​lingwi li It-​Torri tal-​Għassa diġà kien qed jiġi tradott fihom. B’riżultat taʼ dan, it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida issa hi disponibbli, sħiħa jew parti minnha, f’iktar minn 130 lingwa.

19. Liema ġrajja importanti seħħet fl-​2013, u x’se nitgħallmu fl-​artiklu li jmiss?

19 Il-​lingwa Ingliża tbiddlet minn meta ġiet ippubblikata l-​ewwel edizzjoni tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida, u allura sar neċessarju li jsir aġġornament tal-​kliem. Fil-​5 u s-​6 t’Ottubru 2013, udjenza taʼ 1,413,676 f’31 pajjiż attendiet jew kienet f’kollegament elettroniku mal-​129 laqgħa annwali tal-​organizzazzjoni tagħna. Membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna ħabbar il-​ħarġa tar-​reviżjoni bl-​Ingliż tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. L-​udjenza kienet eċċitata, u ħafna bkew meta ngħatatilhom il-​kopja personali tagħhom tat-​traduzzjoni riveduta. Hekk kif dawk li taw it-​taħditiet qraw versi mill-​Bibbja l-​ġdida, kien ċar għal kulħadd li l-​edizzjoni l-​ġdida hi eħfef biex tinqara u tinftiehem. Fl-​artiklu li jmiss se nitgħallmu iktar dwar din ir-​reviżjoni, u kif ukoll kif qed tiġi tradotta f’lingwi oħra.

a Esdra 4:8; 7:12; Ġeremija 10:11, u Danjel 2:4 oriġinarjament kienu nkitbu bl-​Aramajk.

b Is-​Settanta tfisser “Sebgħin.” Jidher li t-​traduzzjoni bdiet minn xi 300 sena qabel Kristu (QK) u spiċċat 150 sena wara. Din it-​traduzzjoni għadha importanti llum minħabba li tgħin esperti jifhmu kliem diffiċli bl-​Ebrajk jew versi sħaħ.

c Xi wħud iħossu li Mattew kiteb il-​ktieb tiegħu bl-​Ebrajk u li dan imbagħad ġie maqlub għall-​Grieg, forsi minn Mattew innifsu.

d Ara l-​appendiċi A3 fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida riveduta bl-​Ingliż; ukoll Ktieb Għan-​Nies Kollha, paġni 7-​9, “Kif Baqaʼ Jeżisti l-​Ktieb?”

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Ġeħova jikkomunika man-​nies b’mod li jkun faċli għalihom biex jifhmu. Fil-​bidu, kien juża Ebrajk antik biex jikkomunika m’Adam, imma Ġeħova jistaʼ jikkomunika man-​nies bi kwalunkwe lingwa. Dak li hu importanti għalih hu li nifhmu l-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u d-​direzzjoni li jagħti lill-​qaddejja tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja