Nimitaw lil Ġeħova—Alla li jagħti l-inkuraġġiment
“Ikun imbierek Alla . . . li jfarraġna [jew, “jinkuraġġina”a] fit-tribulazzjoni kollha tagħna.”—2 KORINTIN 1:3, 4.
1. Meta Adam u Eva rribellaw, Ġeħova kif ta inkuraġġiment u tama lill-umanità?
ĠEĦOVA hu Alla li jagħti l-inkuraġġiment. Hu ilu jagħmel dan mindu l-bnedmin dinbu u saru imperfetti. Fil-fatt, eżatt wara li Adam u Eva rribellaw kontrih, Hu pprovda profezija li, ladarba tiġi mifhuma, kienet se tagħti kuraġġ u tama lill-bnedmin li kienu se jitwieldu fil-futur. Din il-profezija tinsab f’Ġenesi 3:15 u twiegħed li Satana x-Xitan u l-għemejjel mill-agħar kollha tiegħu se jinqerdu.—1 Ġwanni 3:8; Rivelazzjoni 12:9.
ĠEĦOVA INKURAĠĠIXXA LILL-QADDEJJA TIEGĦU FIL-PASSAT
2. Ġeħova kif inkuraġġixxa lil Noè?
2 Aħseb dwar kif Ġeħova inkuraġġixxa lill-qaddej tiegħu Noè. In-nies li kienu jgħixu fi żmienu kienu vjolenti u immorali, u Noè u familtu biss kienu jqimu lil Ġeħova. Noè setaʼ skuraġġixxa ruħu. (Ġenesi 6:4, 5, 11; Ġuda 6) Imma Ġeħova ta lil Noè l-kuraġġ li kellu bżonn biex ikompli jqimu u jagħmel dak li hu tajjeb. (Ġenesi 6:9) Ġeħova qal lil Noè li Hu kien se jeqred dik id-dinja mill-agħar, u spjegalu dak li kellu jagħmel sabiex familtu setgħet issalva. (Ġenesi 6:13-18) Ġeħova kien Alla taʼ inkuraġġiment għal Noè.
3. Ġeħova kif inkuraġġixxa lil Ġożwè? (Ara l-ewwel stampa.)
3 Iktar tard, Ġeħova inkuraġġixxa lill-qaddej tiegħu Ġożwè, li kellu biċċa xogħol kbira ħafna tistennieh. Hu kellu jwassal lill-poplu t’Alla fl-Art Imwiegħda u jegħleb l-armati setgħanin tal-ġnus li kienu jgħixu hemm. Ġeħova kien jaf li Ġożwè kellu kull raġun biex jibżaʼ, allura qal lil Mosè: “Inkariga lil Ġożwè u inkuraġġih u saħħu, għaliex hu dak li se jaqsam quddiem dan il-poplu u dak li se jġegħelhom jirtu l-art li se tara int.” (Dewteronomju 3:28) Imbagħad Ġeħova nnifsu inkuraġġixxa lil Ġożwè billi qallu: “Ma kkmandajtekx jien? Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.” (Ġożwè 1:1, 9) Kif taħseb li ħassu Ġożwè b’dan il-kliem?
4, 5. (a) Ġeħova kif inkuraġġixxa lill-poplu tiegħu fil-passat? (b) Ġeħova kif inkuraġġixxa lil Ibnu?
4 Ġeħova inkuraġġixxa wkoll lill-poplu tiegħu bħala grupp. Pereżempju, Ġeħova kien jaf li l-Lhud kien se jkollhom bżonn l-inkuraġġiment bħala lsiera f’Babilonja, u għalhekk tahom profezija inkuraġġanti, billi qal: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.” (Isaija 41:10) Iktar tard, Ġeħova inkuraġġixxa lill-Kristjani tal-bidu, u hu qed jinkuraġġixxi lilna bl-istess mod.—Aqra t-2 Korintin 1:3, 4.
5 Ġeħova inkuraġġixxa wkoll lil Ibnu. Wara li Ġesù tgħammed, hu semaʼ leħen mis-sema jgħid: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Tistaʼ timmaġina kemm saħħu dan il-kliem lil Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq l-art?
ĠESÙ INKURAĠĠIXXA LIL OĦRAJN
6. Il-parabbola tat-talenti li qal Ġesù kif tistaʼ tinkuraġġina?
6 Ġesù imita lil Missieru billi inkuraġġixxa lil oħrajn biex ikunu leali. Hu għamel dan fil-parabbola tat-talenti, fejn semma li s-sid qal lil kull ilsir leali: “Prosit, ilsir tajjeb u leali! Int urejt fedeltà fi ftit. Jien se naħtrek fuq ħafna. Ifraħ maʼ sidek.” (Mattew 25:21, 23) Dan il-kliem inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova lealment!
Ġesù inkuraġġixxa lil Pietru u saħansitra inkarigah biex isaħħaħ lil oħrajn
7. Ġesù kif inkuraġġixxa lill-appostli, speċjalment lil Pietru?
7 Għalkemm l-appostli spiss argumentaw dwar min minnhom kien l-akbar, Ġesù dejjem kien paċenzjuż magħhom. Hu inkuraġġiehom biex ikunu umli u jaqdu lil oħrajn, minflok ma jkunu jridu li oħrajn jaqduhom. (Luqa 22:24-26) Għal diversi drabi Pietru żbalja u ddiżappunta lil Ġesù. (Mattew 16:21-23; 26:31-35, 75) Imma Ġesù qatt ma ċaħdu lil Pietru. Minflok, hu inkuraġġieh u saħansitra inkarigah biex isaħħaħ lil oħrajn.—Ġwanni 21:16.
L-INKURAĠĠIMENT FI ŻMIEN IL-QEDEM
8. Ħeżekija kif inkuraġġixxa lill-kapijiet militari u lin-nies taʼ Ġuda?
8 Anke qabel ma kellhom l-eżempju taʼ Ġesù xi jsegwu, il-qaddejja taʼ Ġeħova kienu jafu li kellhom jinkuraġġixxu lil xulxin. Aħseb dwar Ħeżekija. Meta l-Assirjani kienu waslu biex jattakkaw Ġerusalemm, hu ġabar il-kapijiet militari u n-nies biex jinkuraġġihom, u dawn ‘bdew iqawwu qalbhom malli semgħu kliemu.’—Aqra t-2 Kronaki 32:6-8.
9. X’nistgħu nitgħallmu dwar li nagħtu l-inkuraġġiment minn Ġob?
9 Ukoll, aħna nistgħu nitgħallmu dwar li nagħtu l-inkuraġġiment minn Ġob. Għalkemm hu stess kellu bżonn jiġi inkuraġġit, hu għallem lil oħrajn kif jinkuraġġixxu. Lill-irġiel li marru biex ifarrġuh, Ġob qalilhom li kieku hu kien qed jipprova jfarraġhom, kien jgħid affarijiet biex isaħħaħhom u jġegħelhom iħossuhom aħjar, mhux affarijiet li jweġġgħuhom. (Ġob 16:1-5) Imma fl-aħħar mill-aħħar Ġob ġie inkuraġġit minn Eliħu u Ġeħova nnifsu.—Ġob 33:24, 25; 36:1, 11; 42:7, 10.
10, 11. (a) Bint Ġefta għala kellha bżonn l-inkuraġġiment? (b) Illum, lil min nistgħu ninkuraġġixxu?
10 Bint Ġefta wkoll kellha bżonn l-inkuraġġiment. Missierha, l-Imħallef Ġefta, kien sejjer jiġġieled kontra l-Għammonin. Hu għamel wegħda li jekk Ġeħova jgħinu jirbaħ il-battalja, l-ewwel persuna li toħroġ tiltaqaʼ miegħu meta jerġaʼ lura daru kienet se taqdi lil Ġeħova fit-tabernaklu. Iżrael rebaħ il-battalja, u l-ewwel persuna li ħarġet tiltaqaʼ maʼ Ġefta kienet bintu, li ma kellux ħliefha. Qalb Ġefta kienet maqsuma. Imma hu żamm kelmtu u bagħat lil bintu biex taqdi fit-tabernaklu għall-kumplament taʼ ħajjitha.—Imħallfin 11:30-35.
11 Għalkemm dan kien diffiċli għal Ġefta, żgur li kien ħafna iktar diffiċli għal bintu. Minkejja dan, hi kienet lesta tagħmel dak li wiegħed missierha. (Imħallfin 11:36, 37) Dan kien ifisser li qatt ma kienet se tiżżewweġ jew ikollha tfal. Il-linja tal-familja kienet se tispiċċa. Hi kellha bżonn il-faraġ u l-inkuraġġiment. Il-Bibbja tgħid: “Dan sar regola f’Israel: Minn sena għal sena l-bniet taʼ Israel kienu jmorru jfaħħru lil bint Ġefta l-Gilegħadi, erbat ijiem fis-sena.” (Imħallfin 11:39, 40) Bint Ġefta tgħinna naħsbu dwar Kristjani llum li jibqgħu single sabiex ikunu jistgħu jagħmlu iktar għal Ġeħova. Nistgħu aħna nfaħħruhom u ninkuraġġuhom?—1 Korintin 7:32-35.
L-APPOSTLI INKURAĠĠEW LIL ĦUTHOM
12, 13. Pietru kif ‘saħħaħ lil ħutu’?
12 Fil-lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù qal lill-appostlu Pietru: “Xmun, Xmun, ara! Satana riedkom f’idejh biex jgħarbilkom bħal qamħ. Imma jien tlabt bil-ħerqa għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.”—Luqa 22:31, 32.
L-ittri tal-appostli inkuraġġew lill-Kristjani tal-ewwel seklu, u għadhom jinkuraġġixxu lilna llum (Ara paragrafi 12-17)
13 Pietru kien wieħed minn dawk li ħadu t-tmexxija fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu. (Galatin 2:9) Hu inkuraġġixxa lill-aħwa bl-eżempju kuraġġuż tiegħu f’Pentekoste u wara. Lejn l-aħħar tal-ministeru twil tiegħu, hu kiteb lil ħutu: “Ktibtilkom bi ftit kliem biex ninkuraġġikom u nixhed bil-ħeġġa li din hi l-qalb tajba mhix mistħoqqa vera t’Alla; żommu sod fiha.” (1 Pietru 5:12) L-ittri taʼ Pietru inkuraġġew lill-Kristjani taʼ żmienu. U dawn l-ittri għadhom qed jinkuraġġixxu lilna llum hekk kif nistennew il-wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu bis-sħiħ.—2 Pietru 3:13.
14, 15. Il-kotba tal-Bibbja li kiteb l-appostlu Ġwanni kif jinkuraġġuna?
14 Anke l-appostlu Ġwanni kien wieħed li ħa t-tmexxija fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu. Hu kiteb rakkont tal-Evanġelju interessanti ħafna dwar il-ministeru taʼ Ġesù. Dan il-ktieb tal-Bibbja inkuraġġixxa lill-Kristjani għal mijiet taʼ snin u jkompli jinkuraġġixxi lilna llum. Pereżempju, fir-rakkont taʼ Ġwanni biss naqraw l-istqarrija taʼ Ġesù li l-imħabba hi l-kwalità li tidentifika lid-dixxipli veri tiegħu.—Aqra Ġwanni 13:34, 35.
15 It-tliet ittri li Ġwanni kiteb ukoll fihom veritajiet prezzjużi. Meta nħossuna skuraġġiti minħabba l-iżbalji tagħna, ma nkunux aħna mfarrġin meta naqraw li s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa “jnaddafna minn kull dnub”? (1 Ġwanni 1:7) U jekk nibqgħu nħossuna ħatjin, ma nitfarrġux aħna meta naqraw li “Alla hu akbar minn qlubna”? (1 Ġwanni 3:20) Ġwanni hu l-uniku kittieb tal-Bibbja li kiteb li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8, 16) It-tieni u t-tielet ittra tiegħu jfaħħru lill-Kristjani li jibqgħu “mexjin fil-verità.”—2 Ġwanni 4; 3 Ġwanni 3, 4.
16, 17. L-appostlu Pawlu kif inkuraġġixxa lill-Kristjani tal-bidu?
16 L-appostlu Pawlu kien eżempju eċċellenti f’li jinkuraġġixxi lil ħutu. Ftit wara l-mewt taʼ Ġesù, il-biċċa l-kbira tal-appostli baqgħu Ġerusalemm, fejn kien hemm il-ġemgħa li tiggverna. (Atti 8:14; 15:2) Il-Kristjani fil-Lhudija ppritkaw dwar Kristu lil nies li diġà kienu jemmnu li hemm Alla wieħed. Imma l-ispirtu qaddis idderieġa lil Pawlu biex jipprietka lill-Griegi, lir-Rumani, u oħrajn li qiemu ħafna allat.—Galatin 2:7-9; 1 Timotju 2:7.
17 Pawlu vvjaġġa fl-inħawi fejn illum hemm it-Turkija, il-Greċja, u l-Italja. Hu pprietka lin-nies li kienu jgħixu hemm u li ma kinux Lhud, u fforma kongregazzjonijiet Kristjani. Il-ħajja ma kinitx faċli għal dawk li kienu għadhom kemm saru Kristjani. In-nies taʼ pajjiżhom ippersegwitawhom, allura kienu jeħtieġu l-inkuraġġiment. (1 Tessalonikin 2:14) Madwar is-sena 50, Pawlu kiteb ittra inkuraġġanti lill-kongregazzjoni ġdida taʼ Tessalonika. Hu qal: “Aħna dejjem irroddu ħajr lil Alla meta nsemmukom ilkoll fit-talb tagħna, għax bla waqfien inżommu f’moħħna l-għemil tagħkom li ġej mill-fidi u t-taħbit tagħkom bl-imħabba u s-sabar tagħkom.” (1 Tessalonikin 1:2, 3) Ukoll, hu talabhom biex isaħħu lil xulxin u kiteb: “Ibqgħu farrġu [jew, “inkuraġġixxu”b] lil xulxin u ibnu lil xulxin.”—1 Tessalonikin 5:11.
IL-ĠEMGĦA LI TIGGVERNA TAGĦTI L-INKURAĠĠIMENT
18. Il-ġemgħa li tiggverna fl-ewwel seklu kif inkuraġġiet lil Filippu?
18 Fl-ewwel seklu, Ġeħova uża l-ġemgħa li tiggverna biex jinkuraġġixxi lill-Kristjani kollha, inkluż dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjonijiet. Meta Filippu pprietka lis-Samaritani dwar Kristu, il-ġemgħa li tiggverna appoġġjatu. Din bagħtet lil Pietru u Ġwanni, żewġ membri tal-ġemgħa li tiggverna, biex jitolbu għal dawk li kienu għadhom kemm saru Kristjani ħalli jirċievu l-ispirtu qaddis. (Atti 8:5, 14-17) Filippu u dawn l-aħwa ġodda kienu inkuraġġiti ferm mill-appoġġ tal-ġemgħa li tiggverna!
19. Il-Kristjani tal-bidu kif ħassewhom meta qraw l-ittra mingħand il-ġemgħa li tiggverna?
19 Iktar tard, il-ġemgħa li tiggverna kellha bżonn tieħu deċiżjoni importanti. Kellhom il-Kristjani li ma kinux Lhud jiġu ċirkonċiżi bħalma kienet titlob il-Liġi taʼ Mosè mil-Lhud? (Atti 15:1, 2) Wara li l-ġemgħa li tiggverna talbet għall-ispirtu qaddis u rraġunat mill-Iskrittura, iddeċidiet li ma kienx għad hemm bżonn taʼ ċirkonċiżjoni. Imbagħad, kitbet ittra biex tispjega d-deċiżjoni li ttieħdet u bagħtet aħwa rġiel biex iwassluha lill-kongregazzjonijiet. Meta l-Kristjani qraw din l-ittra, huma “ferħu bl-inkuraġġiment.”—Atti 15:27-32.
20. (a) Illum, il-Ġemgħa li Tiggverna kif tinkuraġġina lkoll? (b) Liema mistoqsija se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
20 Illum, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova tinkuraġġixxi lill-Beteliti, lill-qaddejja full-time speċjali li jaqdu fil-ministeru, u lilna lkoll. Bħall-aħwa tal-ewwel seklu, aħna nifirħu bl-inkuraġġiment! Barra minn hekk, biex il-Ġemgħa li Tiggverna tinkuraġġixxi lil dawk li telqu mill-verità jerġgħu lura, fl-2015 ipprovdiet il-browxer Erġaʼ lura għand Ġeħova. Imma l-inkuraġġiment għandu jiġi biss mingħand dawk li jieħdu t-tmexxija, jew għandu jiġi mingħandna lkoll? Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu din il-mistoqsija.
a Skont it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż, edizzjoni tal-2013.
b Skont it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż, edizzjoni tal-2013.