Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jitħalltu maʼ reliġjonijiet oħra fil-qima tagħhom?
Bħala Xhieda taʼ Ġeħova nieħdu pjaċir niddiskutu dwar il-fidi maʼ nies taʼ kull reliġjon, imma aħna ma nitħalltux maʼ reliġjonijiet oħra, jiġifieri ma niħdux sehem fil-qima maʼ dawk li għandhom twemmin differenti minn tagħna. Il-Bibbja turi li l-Kristjani veri huma “magħqudin,” u r-raġuni għala huma magħqudin hi għax ilkoll jemmnu l-istess. (1 Korintin 1:10; Efesin 4:16; Filippin 2:2) Dan jinvolvi iktar milli sempliċiment naqblu fuq il-valur taʼ kwalitajiet importanti bħalma huma l-imħabba, il-ħniena, u l-maħfra. It-twemmin reliġjuż tagħna hu bbażat fuq għarfien eżatt tal-Bibbja, u li kieku mhux hekk, dak li nemmnu jkun għalxejn.—Rumani 10:2, 3.
Fil-Bibbja, li wieħed jingħaqad f’qima ma’ nies taʼ reliġjonijiet oħra, ikun bħallikieku dan qiegħed taħt madmad mhux indaqs. Dan iwassal biex ma jkunx hemm qbil u jagħmel ħsara lill-fidi taʼ Kristjan. (2 Korintin 6:14-17) Għalhekk, Ġesù ma ppermettiex li d-dixxipli tiegħu jitħalltu ma’ reliġjonijiet oħra fil-qima tagħhom. (Mattew 12:30; Ġwanni 14:6) Bl-istess mod, il-Liġi t’Alla permezz taʼ Mosè ma ppermettietx lill-Iżraelin tal-passat biex jingħaqdu fil-qima man-nies tal-pajjiżi tal-madwar. (Eżodu 34:11-14) Iktar tard, Iżraelin leali rrifjutaw li jingħataw għajnuna li setgħet twassalhom f’li jingħaqdu fil-qima maʼ nies taʼ reliġjonijiet oħra.—Esdra 4:1-3.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu sehem f’diskussjonijiet maʼ dawk taʼ reliġjonijiet oħra?
Iva. Bħall-appostlu Pawlu, aħna jinteressana li nifhmu lil kemm jistaʼ jkun nies fil-ministeru tagħna dwar dak li jaħsbu u jemmnu. (1 Korintin 9:19-22) Matul id-diskussjonijiet tagħna, aħna nipprovaw b’mod sinċier li napplikaw il-parir tal-Bibbja biex nuru “rispett profond” lejn il-persuna l-oħra.—1 Pietru 3:15.