IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif nistaʼ nkellem lill-ġenituri tiegħi dwar ir-regoli tagħhom?
“Ir-regoli tal-ġenituri tiegħi kienu jagħmlu sens meta kelli 15-il sena, imma issa li għandi 19-il sena nħoss li għandu jkolli iktar libertà.”—Sylvia.
Tħossok int bħal Sylvia? Jekk iva, dan l-artiklu se jgħinek biex titkellem dwar kif tħossok mal-ġenituri tiegħek.
Dak li għandek tkun taf
Qabel ma titkellem mal-ġenituri tiegħek dwar ir-regoli tagħhom, ikkunsidra dan li ġej:
Ħajja bla regoli tkun ħajja taʼ diżordni. Aħseb ftit dwar triq traffikuża. X’jiġri jekk ma jkunx hemm tabelli, traffic lights, jew limiti tal-veloċità? Ir-regoli fid-dar, bħar-regoli fit-triq, jgħinu biex tinżamm l-ordni.
Ir-regoli jagħtu prova li l-ġenituri tiegħek jimpurtahom minnek. Kieku huma ma jagħmlu l-ebda regola, dan jistaʼ jfisser li ma jinteressahomx minnek. Kieku jkunu qed juru li mhumiex ġenituri tajbin.
KONT TAF? Anki l-ġenituri għandhom regoli li jridu jżommu magħhom! Jekk għandek xi dubju dwar dan, aqra Ġenesi 2:24; Dewteronomju 6:6, 7; Efesin 6:4; u l-1 Timotju 5:8.
Imma xi ngħidu jekk inti xorta tħoss li r-regoli tal-ġenituri mhumiex ġusti?
Dak li tistaʼ tagħmel
Aħseb dwar dan li ġej qabel ma titkellem mal-ġenituri tiegħek. Tobdihom normalment ir-regoli tal-ġenituri tiegħek? Jekk le, allura mhuwiex il-waqt xieraq biex titlobhom iktar libertà. Minflok, ara l-artiklu, “X’nistaʼ nagħmel biex il-ġenituri jafdawni?”
Jekk normalment tobdi r-regoli tal-ġenituri tiegħek, ipprepara minn qabel dak li se tgħidilhom. Li taħseb minn qabel dwar dak li se tgħid, se jgħinek tinduna jekk dak li qed titlob hux raġonevoli. Wara, staqsi lill-ġenituri tiegħek biex issibu ħin u post fejn intom tistgħu tkunu rilassati u komdi. Imbagħad, meta tkun qed titkellem mal-ġenituri tiegħek ftakar f’dan li ġej:
Uri rispett. Il-Bibbja tgħid: “Kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-rabja.” (Proverbji 15:1) Mela fakkar lilek innifsek: Jekk inti targumenta mal-ġenituri tiegħek jew takkużahom li mhux qed jimxu fair, il-konversazzjoni mhux se tmur tajjeb.
“Iktar ma jkolli rispett lejn il-ġenituri tiegħi, huma iktar se jkollhom rispett lejja. Huwa iktar faċli għalina biex niftiehmu meta nuru rispett lejn xulxin.”—Bianca, 19-il sena.
Ismaʼ. Il-Bibbja tgħidilna biex ‘inkunu ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu.’ (Ġakbu 1:19) Ftakar, inti qed tagħmel konversazzjoni mal-ġenituri tiegħek, allura m’għandekx titkellem int biss imma tismaʼ lilhom ukoll.
“Meta nibdew nikbru, nistgħu nibdew naħsbu li nafu iktar mill-ġenituri tagħna, imma dan żgur li mhux minnu. Nagħmlu tajjeb jekk nieħdu l-pariri tagħhom.”—Devan, 20 sena.
Ipprova ifhimhom. Ipprova poġġi lilek innifsek fiż-żarbun tal-ġenituri tiegħek u ara l-affarijiet mill-ħarsa tagħhom. Segwi l-parir tal-Bibbja biex ma ‘tfittixx l-interessi persunali tiegħek biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn’—f’dan il-każ, l-interessi personali tal-ġenituri tiegħek.—Filippin 2:4.
Liema minn dawn il-metodi taħseb li se jkollu riżultati tajbin?
“Jien kont naħseb li l-ġenituri tiegħi kienu kontrija u li ma kinux qed jappoġġjawni. Imma issa rrealizzajt li huma kienu qed jitgħallmu kif ikunu ġenituri tajbin bħalma jiena kont qed nitgħallem insir adult responsabbli. Dak kollu li għamlu kien għax iħobbuni.”—Joshua, 21 sena.
Offri soluzzjonijiet. Pereżempju, ejja ngħidu li l-ġenituri tiegħek għamlu din ir-regola: Huma ma jridukx tmur get-together li se jsir tard filgħaxija. Sir af ir-raġuni prinċipali għala ma jridukx tmur—il-problema hija l-ħin jew il-get-together?
Jekk hu l-ħin, jistgħu huma jerġgħu jikkunsidrawha jekk ikun hemm xi ħadd ieħor miegħek?
Jekk hu l-get-together, ikun t’għajnuna li tgħidilhom min se jkun hemm u jekk hux se jkun hemm adult responsabbli li jieħu ħsieb?
Ftakar li għandek titkellem b’rispett u tismaʼ bil-paċenzja dak li l-ġenituri jridu jgħidulek. Uri li inti ‘tonora lil missierek u lil ommok’ kemm bil-kliem kif ukoll bl-attitudni tiegħek. (Efesin 6:2, 3) Se jbiddlu huma l-opinjoni tagħhom? Kemm jekk iva u kemm jekk le, int għandek bżonn tagħmel dan li ġej:
Aċċetta b’rispett id-deċiżjoni tal-ġenituri tiegħek. Spiss ma nirrealizzawx li dan il-pass huwa importanti ħafna biex eventwalment jgħin lill-ġenituri tiegħek jagħtuk iktar libertà. Jekk inti ma tiħux dak li tkun trid u tibda targumenta mal-ġenituri tiegħek, se tagħmilha iktar diffiċli għad-darba li jmiss biex jagħtuk iktar libertà. Mill-banda l-oħra, jekk inti tikkopera magħhom, probabbilment se jkunu lesti li jagħtuk iktar libertà.