Nota taʼ Taħt
a Jekk ma jkunx hemm biżżejjed pijunieri biex jgħaqqdu klassi, xi pijunieri li ma jkunux attendew fil-ħames snin taʼ qabel jistgħu jiġu mistidnin jerġgħu jattendu.
L-Iskola għall-Anzjani tal-Kongregazzjoni
Skop: Tgħin lill-anzjani jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-kongregazzjoni u jkabbru l-ispiritwalità tagħhom.
Kemm Iddum: Ħamest ijiem.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa; ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Trid tkun anzjan maħtur.
Kif Tapplika: L-anzjani jiġu mistidnin mill-uffiċċju tal-fergħa.
Innota l-kummenti taʼ xi wħud li attendew it-92 klassi fl-Istati Uniti:
“L-iskola kienet taʼ benefiċċju kbir għalija għax għenitni neżamina lili nnifsi biex nara kif nistaʼ nieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova.”
“Issa ninsab iktar lest u determinat li nuża l-Iskrittura biex ninkuraġġixxi ’l ħaddieħor.”
“Dan it-taħriġ se ngħożżu tul għomri kollu.”
L-Iskola għall-Indokraturi li Jivvjaġġaw u n-Nisa Tagħhom
Skop: Biex l-indokraturi tas-circuit u tad-distrett ikunu iktar effettivi f’li jaqdu lill-kongregazzjonijiet hekk kif “jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu.”—1 Tim. 5:17; 1 Pt. 5:2, 3.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa.
Min Jikkwalifika: Il-ħu jrid ikun indokratur tas-circuit jew tad-distrett.
Kif Tapplika: L-uffiċċju tal-fergħa jistieden lill-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom.
“L-apprezzament tagħna għal Ġesù bħala l-kap tal-organizzazzjoni kiber. Rajna l-ħtieġa li ninkuraġġixxu lill-aħwa li naqdu u li nsaħħu l-unità f’kull kongregazzjoni. Il-kors naqqax f’moħħna l-fatt li għalkemm l-indokratur li jivvjaġġa jagħti pariri u kultant anke twiddib, il-mira prinċipali tiegħu hi li jgħin lill-aħwa jaraw li Ġeħova jħobbhom.”—Joel, l-ewwel klassi, 1999.
L-Iskola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin
Skop: Tipprepara lill-anzjani u l-qaddejja ministerjali mhux miżżewġin għal iktar responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ħafna minn dawk li jiggradwaw jiġu inkarigati biex jaqdu fejn ikun hemm il-bżonn f’pajjiżhom. Oħrajn għandhom mnejn jingħataw inkarigu f’pajjiż ieħor jekk jagħmlu lilhom infushom disponibbli. Xi gradwati jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri speċjali b’mod temporanju biex jagħtu bidu u jespandu x-xogħol fi nħawi remoti u iżolati.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Jiddeċiedi l-uffiċċju tal-fergħa; ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Aħwa rġiel mhux miżżewġin li jkollhom bejn it-23 u t-62 sena, ikollhom saħħa tajba, u jkunu jixtiequ jaqdu kull fejn il-bżonn ikun ikbar. (Mk. 10:29, 30) Iridu jkunu ilhom jaqdu bħala pijunieri regulari minn tal-inqas sentejn u jkunu qed jaqdu bħala qaddejja ministerjali jew anzjani minn tal-inqas sentejn kontinwi.
Kif Tapplika: Tinżamm laqgħa fl-assemblea tas-circuit għal dawk li jkunu interessati.
“Peress li kont medhi f’dan il-kors, l-ispirtu taʼ Ġeħova setaʼ jagħmel tibdil fil-fond taʼ qalbi,” jgħid Rick, mit-23 klassi tal-Istati Uniti. “Meta Ġeħova jagħtik inkarigu, hu jappoġġak fih. Tgħallimt li jekk niffoka fuq ir-rieda t’Alla u mhux fuqi nnifsi, hu se jsaħħaħni.”
“Tgħallimt napprezza li l-organizzazzjoni t’Alla hi bħal miraklu fi żmienna,” jgħid Andreas, li jaqdi fil-Ġermanja. “It-taħriġ għenni nipprepara għax-xogħol li hemm quddiemi. Barra minn hekk, ħafna eżempji mill-Bibbja għallmuni din il-verità bażika: Li naqdi lil ħuti u lil Ġeħova jwassal għall-ferħ veru.”
L-Iskola tal-Bibbja Għal Koppji Kristjani
Skop: Tagħti taħriġ speċjalizzat lil koppji miżżewġin sabiex ikunu jistgħu jintużaw iktar bis-sħiħ minn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Ħafna minn dawk li jiggradwaw jiġu inkarigati biex jaqdu fejn ikun hemm bżonn ikbar f’pajjiżhom. Oħrajn għandhom mnejn jingħataw inkarigu f’pajjiż ieħor jekk jagħmlu lilhom infushom disponibbli. Il-gradwati jistgħu jaqdu bħala pijunieri speċjali b’mod temporanju biex jagħtu bidu u jespandu x-xogħol fi nħawi remoti u iżolati.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Din l-iskola tinżamm fl-Istati Uniti u, b’seħħ minn Settembru 2012, se tinżamm ukoll fit-territorju taʼ fergħat magħżula madwar id-dinja, ġeneralment f’Sala tas-Saltna jew f’Sala tal-Assemblea.
Min Jikkwalifika: Koppji miżżewġin li jkollhom bejn il-25 u l-50 sena, b’saħħa tajba, b’ċirkustanzi li jippermettulhom jaqdu kull fejn ikun hemm bżonn ikbar, u b’attitudni: “Hawn jien! Ibgħat lili.” (Is. 6:8) Iridu jkunu ilhom miżżewġin minn tal-inqas sentejn u ilhom jaqdu fis-servizz full-time minn tal-inqas sentejn kontinwi. Ir-raġel irid ikun anzjan jew qaddej ministerjali għall-inqas sentejn kontinwi.
Kif Tapplika: Tinżamm laqgħa fil-konvenzjoni distrettwali biex tipprovdi informazzjoni lil dawk li jkunu interessati li japplikaw. Jekk ma tinżammx laqgħa fil-konvenzjonijiet f’pajjiżek u tkun tixtieq tapplika, ikteb lill-uffiċċju tal-fergħa tiegħek għal iktar informazzjoni.
“Kienu tmien ġimgħat li jbiddlulek ħajtek u opportunità mill-aqwa għal koppji li jridu jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova! Aħna determinati li nżommu ħajja bilanċjata li tippermettilna nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal.”—Eric u Corina (hawn taħt), l-ewwel klassi, 2011.
L-Iskola taʼ Gilegħad
Skop: Tħarreġ studenti biex jaqdu bħala missjunarji fis-servizz tal-għalqa fi nħawi fejn ikun hemm popolazzjoni kbira ħafna, biex ikunu indokraturi li jivvjaġġaw, jew biex ikunu Beteliti. L-iskop hu li jsaħħu u jistabbilizzaw l-organizzar tat-territorju u tal-fergħa.
Kemm Iddum: Ħames xhur.
Post: Watchtower Educational Center, Patterson, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika.
Min Jikkwalifika: Koppji miżżewġin li diġà jkunu qed jaqdu f’xi forma taʼ servizz speċjali full-time—jiġifieri, bħala missjunarji fis-servizz tal-għalqa li ma jkunux attendew din l-iskola, pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw, jew Beteliti. Iridu jkunu ilhom f’dan is-servizz flimkien għal imqar tliet snin mingħajr waqfien. Iridu jkunu jafu jitkellmu, jaqraw, u jiktbu tajjeb bl-Ingliż.
Kif Tapplika: Il-koppji jistgħu jiġu mistidnin mill-Kumitat tal-Fergħa tagħhom biex japplikaw.
Lade u Monique mill-Istati Uniti issa jaqdu fl-Afrika. “L-Iskola taʼ Gilegħad ħejjietna biex immorru fi kwalunkwe post fid-dinja, inxammru l-kmiem, u naħdmu mal-għeżież ħutna,” jgħid Lade.
Monique iżżid tgħid: “Meta napplika dak li tgħallimt mill-Kelma t’Alla, insib ferħ liema bħalu fl-inkarigu tiegħi. Inqis dan il-ferħ bħala iktar evidenza tal-imħabba taʼ Ġeħova.”
L-Iskola għall-Membri tal-Kumitati tal-Fergħa u n-Nisa Tagħhom
Skop: Tgħin lil dawk li jaqdu fil-Kumitati tal-Fergħa biex jieħdu ħsieb id-djar taʼ Betel, biex jagħtu attenzjoni lil kwistjonijiet tas-servizz li jeffettwaw lill-kongregazzjonijiet, u biex jieħdu ħsieb is-circuits u d-distretti. Jitgħallmu wkoll dwar it-traduzzjoni, l-istampar, u d-distribuzzjoni tal-letteratura.
Kemm Iddum: Xahrejn.
Post: Watchtower Educational Center, Patterson, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika.
Min Jikkwalifika: Il-ħu għandu jkun membru taʼ Kumitat tal-Fergħa jew Kumitat tal-Pajjiż jew ikun se jiġi inkarigat bħala tali.
Kif Tapplika: Aħwa rġiel li jikkwalifikaw u n-nisa tagħhom jiġu mistidnin mill-Ġemgħa li Tiggverna.
Lowell u Cara, mill-25 klassi, jaqdu fin-Niġerja. “Jien ġejt imfakkar li jkolli kemm ikolli x’nagħmel jew ikun xi jkun ix-xogħol li ningħata, is-sigriet biex nogħġob lil Ġeħova huwa li nagħmel l-affarijiet kif irid hu,” jgħid Lowell. “Il-kors għallimna wkoll kemm hu importanti li nimitaw l-imħabba li Ġeħova juri lejn il-qaddejja tiegħu.”
Cara tgħid: “Kumment li mmeditajt fuqu hu dan: Jekk ma nkunx nistaʼ nispjega xi ħaġa b’tali mod li tiġi mifhuma mill-ewwel, għandi nistudja s-suġġett qabel ma nipprova ngħallmu ’l ħaddieħor.”