L-Erbgħa, 16 taʼ Lulju
“Ġeħova jaf li l-irraġunar taʼ l-għorrief hu fieragħ.”—1 Kor. 3:20.
Irridu noqogħdu attenti għall-mod kif jaħsbuha n-nies. Jekk naħsbuha bħan-nies li jinjoraw il-liġijiet taʼ Ġeħova, nistgħu nibdew nagħmlu bħalhom. (1 Kor. 3:19) “L-għerf taʼ din id-dinja” ħafna drabi jistaʼ jinfluwenza lin-nies biex ma jobdux lil Alla. Xi Kristjani f’Pergamu u Tjatira ġew influwenzati minn nies li kienu immorali u jqimu allat oħra. Ġesù ta parir sod lil dawn iż-żewġ kongregazzjonijiet għax bdew jaċċettaw l-immoralità sesswali. (Riv. 2:14, 20) Illum, in-nies ukoll jipprovaw jinfluwenzawna biex naċċettaw ideat li ma jogħġbux lil Ġeħova. Tal-familja u nies li jafuna jistgħu jgħidulna li aħna stretti żżejjed u jipprovaw jikkonvinċuna niksru l-liġijiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, huma jistgħu jgħidulna li mhux ħażin li nagħmlu dak li nixtiequ u li l-livelli tal-Bibbja m’għadhomx jgħoddu għalina. Kultant nistgħu naħsbu li d-direzzjoni li jtina Ġeħova mhix ċara biżżejjed. Forsi niġu mħajrin inżidu maʼ dak li hemm miktub fil-Bibbja.—1 Kor. 4:6. w23.07 16 ¶10-11
Il-Ħamis, 17 taʼ Lulju
“Ħabib veru juri mħabba l-ħin kollu. Hu bħal ħu li tistaʼ tistrieħ fuqu meta tħossok imdejjaq.”—Prov. 17:17.
Marija omm Ġesù kellha bżonn il-kuraġġ. Hi se jkollha tarbija minkejja li ma kinitx miżżewġa. Hi ma kellhiex esperjenza kif trabbi t-tfal, imma kien se jkollha tieħu ħsieb tifel li kien se jsir il-Messija. Marija kien għad qatt ma kellha relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd, imma kellha tgħid lil Ġużeppi li se jkollha tarbija. Dan żgur li kien diffiċli ħafna għaliha. (Lq. 1:26-33) Marija kif irċiviet is-saħħa? Hi talbet l-għajnuna m’għand oħrajn. Pereżempju, hi talbet lill-anġlu Gabrijel biex jagħtiha iktar informazzjoni dwar l-inkarigu. (Lq. 1:34) Imbagħad, hi vjaġġat lejn Ġuda, “pajjiż muntanjuż,” biex tara lil Eliżabetta li kienet tiġi minnha. Eliżabetta faħħret lil Marija u inkuraġġietha billi qaltilha profezija dwar it-tarbija li kien se jkollha. (Lq. 1:39-45) Marija qalet li Ġeħova ‘għamel kollox bl-id b’saħħitha tiegħu.’ (Lq. 1:46-51) Billi uża lill-anġlu Gabrijel u lil Eliżabetta, Ġeħova inkuraġġixxa lil Marija. w23.10 14-15 ¶10-12
Il-Ġimgħa, 18 taʼ Lulju
Hu għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru.—Riv. 1:6.
Uħud mid-dixxipli taʼ Kristu ġew midlukin bl-ispirtu qaddis, u għandhom ħbiberija speċjali ma’ Ġeħova. Dawn il-144,000 se jaqdu ma’ Ġesù fis-sema bħala qassisin. (Riv. 14:1) Il-Post Qaddis fit-tabernaklu jfisser li dawn il-midlukin ġew adottati bħala wlied Alla waqt li għadhom fuq l-art. (Rum. 8:15-17) L-Iktar Qaddis jirrappreżenta s-sema, il-post fejn hemm Ġeħova. “Il-purtiera” li kienet tifred il-Post Qaddis mill-Iktar Qaddis kienet tirrappreżenta l-ġisem taʼ Ġesù. Sakemm kien għadu ħaj fuq l-art, Ġesù ma setax imur fis-sema biex jidħol fit-tempju spiritwali bħala l-Qassis il-Kbir grandjuż. Billi ta ħajtu bħala sagrifiċċju, Ġesù fetaħ it-triq lill-midlukin biex ikunu jistgħu jmorru fis-sema. Huma wkoll se jkunu fis-sema bħala spirti.—Ebr. 10:19, 20; 1 Kor. 15:50. w23.10 28 ¶13