L-Ewwel Kronaki
20 Fil-bidu tas-sena,* fiż-żmien li r-rejiet joħorġu għall-gwerra, Ġowab mexxa l-armata u qered l-art tal-Għammonin. Hu assedja lil Rabba, waqt li David kien Ġerusalemm. Ġowab attakka lil Rabba u waqqagħha. 2 Imbagħad David ħa l-kuruna minn fuq ras Malkam.* Din kienet tiżen talent* deheb u kellha ħaġar prezzjuż, u tqiegħdet fuq ras David. Hu ħa wkoll ammont kbir t’affarijiet mill-belt. 3 Hu ħareġ lin-nies li kienu fiha u qabbadhom jaqtgħu l-ġebel u jaħdmu b’għodod jaqtgħu tal-ħadid u bl-imnanar. Hekk għamlilhom lill-bliet kollha tal-Għammonin. Fl-aħħar, David u s-suldati kollha reġgħu lura lejn Ġerusalemm.
4 Wara dan, faqqgħet gwerra f’Geżer mal-Filistin. F’dak iż-żmien, Sibbekaj il-Ħusati qatel lil Sippaj, li kien jiġi mir-Refajin, u b’hekk il-Filistin ġew megħlubin.
5 U reġaʼ kien hemm gwerra mal-Filistin, u Elħanan bin Ġajir qatel lil Laħmi ħu Gulija l-Gitti, li l-manku tal-lanza tiegħu kien kbir bħall-injama taʼ min jinseġ bin-newl.
6 Għal darb’oħra, kien hemm gwerra f’Gat, fejn kien hemm raġel taʼ kobor straordinarju, li kellu sitt iswabaʼ fuq kull id u sieq, 24 b’kollox. Hu wkoll kien jiġi mir-Refajin. 7 Hu baqaʼ jisfida lil Iżrael. Għalhekk, Ġonatan bin Simgħi, ħu David, qatlu.
8 Dawn kienu dawk li jiġu mir-Refajin f’Gat, u nqatlu minn David u l-qaddejja tiegħu.