Ġeremija
44 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ għal-Lhud li kienu jgħixu fl-art tal-Eġittu, dawk li kienu jgħixu f’Migdol, f’Taħfanħes, f’Nof,* u fl-art taʼ Patros. Dan kien jgħid: 2 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Intom rajtu d-diżastru kollu li ġibt fuq Ġerusalemm u l-bliet kollha taʼ Ġuda, u llum huma ħerba u ma jgħix fihom ħadd. 3 Dan minħabba l-affarijiet ħżiena li qed tagħmlu biex toffenduni billi tmorru u tagħmlu sagrifiċċji u taqdu allat oħrajn li ma tafux u li lanqas missirijietkom ma kienu jafu. 4 Jien bqajt nibgħat il-qaddejja kollha tiegħi l-profeti għandkom għal darba wara l-oħra, u ngħidilkom: “Jekk jogħġobkom, tibqgħux tagħmlu din il-ħaġa moqżieża li jien nobgħod.” 5 Imma intom la smajtu u lanqas tajtu kas,* u allura bqajtu tagħmlu l-ħażin billi tagħmlu sagrifiċċji lil allat oħrajn. 6 Għalhekk, jien irrabjajt ħafna u ħraqt il-bliet taʼ Ġuda u t-toroq taʼ Ġerusalemm, u dawn saru ħerba u abbandunati bħalma huma llum.’
7 “U issa hekk jgħid Ġeħova, l-Alla tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Għala qed iġġibu dan id-diżastru kbir fuqkom biex kull raġel u mara, tifel u tarbija jispiċċaw minn Ġuda, u b’hekk lanqas fdal ma jibqaʼ? 8 Għala għandkom toffenduni b’dak li tagħmlu billi qed tagħmlu sagrifiċċji lil allat oħrajn fl-art tal-Eġittu fejn mortu tgħixu? Intom se tispiċċaw fix-xejn u se jisħtukom u jmaqdrukom fost il-popli kollha tal-art. 9 Insejtu l-affarijiet ħżiena li għamlu missirijietkom, ir-rejiet taʼ Ġuda u n-nisa tagħhom, kif ukoll l-affarijiet ħżiena li għamiltu intom stess u n-nisa tagħkom, li saru fl-art taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm? 10 Sal-lum għadkom m’umiljajtux ruħkom, ma wrejtunix rispett, u lanqas obdejtu l-liġijiet u r-regoli li tajt lilkom u lil missirijietkom.’
11 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien determinat li nġib diżastru fuqkom u neqred in-nies kollha taʼ Ġuda. 12 U n-nies li fadal minn Ġuda li huma determinati li jmorru jgħixu fl-art tal-Eġittu se jmutu hemm. Huma se jmutu bix-xabla u se jispiċċaw fix-xejn bil-ġuħ. Miż-żgħir sal-kbir, huma se jmutu bix-xabla u bil-ġuħ. U intom issiru xi ħaġa tal-biżaʼ u se tiġu ddiżonorati u mmaqdrin. 13 Jien se nikkastiga lil dawk li jgħixu fl-art tal-Eġittu, bħalma kkastigajt lil Ġerusalemm bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* 14 U n-nies li fadal minn Ġuda li marru jgħixu fl-art tal-Eġittu mhux se jeħilsuha jew jibqgħu ħajjin biex imorru lura fl-art taʼ Ġuda. Huma ħa jkunu jixtiequ jmorru u jgħixu hemm, imma mhux se jmorru, ħlief ftit li jaħarbu.’”
15 U l-irġiel kollha li kienu jafu li n-nisa tagħhom kienu qed jagħmlu sagrifiċċji lil allat oħrajn u n-nisa kollha li kienu qegħdin hemm, li fformaw grupp kbir, u l-Lhud kollha li kienu qed jgħixu f’Patros fl-art tal-Eġittu, qalu lili, Ġeremija: 16 “Aħna mhux se nisimgħu dak li qed tgħidilna f’isem Ġeħova. 17 Minflok, aħna żgur se nżommu l-wegħdi li għamilna biex nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema* u nferrgħulha offerti tax-xorb, bħalma aħna, missirijietna, ir-rejiet tagħna, u l-mexxejja tagħna għamilna fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm meta konna sodisfatti bil-ħobż, ma kien jonqosna xejn, u ma rajna l-ebda diżastru. 18 Minn mindu waqafna nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema* u noffrulha l-offerti tax-xorb, qed jonqsilna kollox u spiċċajna fix-xejn bix-xabla u bil-ġuħ.”
19 In-nisa komplew jgħidu: “Aħna bil-permess tar-raġel tagħna konna nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema,* inferrgħulha l-offerti tax-xorb, u konna nagħmlu ħobż tas-sagrifiċċju fil-forma tagħha.”
20 Imbagħad jien, Ġeremija, għedt lin-nies kollha, jiġifieri l-irġiel, in-nisa tagħhom, u n-nies kollha li kienu qed ikellmuni: 21 “Ġeħova jiftakarhom u ma nesihomx is-sagrifiċċji li intom, missirijietkom, ir-rejiet tagħkom, il-mexxejja tagħkom, u n-nies tal-pajjiż għamiltu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm. 22 Fl-aħħar, Ġeħova ma felaħx jissaporti iktar il-ħażen u l-affarijiet moqżieża li għamiltu, u l-pajjiż tagħkom sar ħerba, xi ħaġa tal-biżaʼ u taʼ saħta, mingħajr ma joqgħod fih ħadd, bħalma hu llum. 23 Hu minħabba li għamiltu dawn is-sagrifiċċji u dnibtu kontra Ġeħova billi ma smajtux minn Ġeħova u m’obdejtux il-liġijiet, ir-regoli, u t-tfakkiriet tiegħu li ġie dan id-diżastru fuqkom, bħalma hu llum.”
24 Jien, Ġeremija, bqajt ngħid lin-nies kollha, inkluż lin-nisa: “Isimgħu dak li jgħid Ġeħova, intom in-nies kollha taʼ Ġuda li qegħdin fl-art tal-Eġittu. 25 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Dak li intom u n-nisa tagħkom għedtu li se tagħmlu, għamiltuh, għax intom għedtu: “Aħna żgur li se nżommu l-wegħdi tagħna biex nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema* u nferrgħulha l-offerti tax-xorb.” Intom in-nisa żgur li se żżommu l-wegħdi tagħkom u tagħmluhom.’
26 “Għalhekk, isimgħu dak li jgħid Ġeħova, intom in-nies kollha taʼ Ġuda li qed tgħixu fl-art tal-Eġittu. Ġeħova jgħid: ‘Intom taħilfu billi tgħidu, “Naħlef b’Ġeħova s-Sid taʼ Kollox l-Alla l-ħaj.” Imma jien naħlef b’ismi l-kbir li ħadd minnkom ma jibqaʼ juża ismi meta jaħlef. 27 Jien għandi l-ħsieb li nġib fuqkom diżastru, u mhux xi ħaġa tajba. Intom in-nies kollha taʼ Ġuda fl-art tal-Eġittu se tinqerdu bix-xabla u bil-ġuħ, sakemm ma tibqgħux teżistu. 28 Ftit biss se jaħarbu mix-xabla u jmorru lura fl-art taʼ Ġuda mill-art tal-Eġittu. Imbagħad dawk kollha li jifdal minn Ġuda, li marru fl-art tal-Eġittu biex joqogħdu hemm, se jkunu jafu min qed jgħid il-verità, jekk hux jien jew huma!’”
29 “Ġeħova jgħid: ‘U se nagħtikom sinjal biex nurikom li se nikkastigakom f’dan il-post biex tkunu tafu li dak li għedt dwar id-diżastru kontrikom se jseħħ: 30 Hekk jgħid Ġeħova: “Lill-Fargħun Ħofra r-re tal-Eġittu se nagħtih f’idejn l-għedewwa tiegħu u dawk li qed jipprovaw joqtluh, bħalma tajt lir-Re Sedekija taʼ Ġuda f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja li kien l-għadu tiegħu u pprova joqtlu.”’”