Ġeremija
50 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova qal dwar Babilonja, dwar l-art tal-Kaldin, permezz tiegħi, il-profeta Ġeremija:
2 “Għiduh fost il-popli u xandruh.
Għollu arblu bħala sinjal u xandruh.
Taħbu xejn!
Għidu, ‘Babilonja ntrebħet.
Bel ġie mġiegħel jistħi.
Merodak hu mwerwer.
L-istatwi tagħha ġew imġiegħla jistħu.
L-idoli moqżieża* tagħha huma mwerwrin.’
3 Għax ġie kontriha poplu mit-Tramuntana.
Dan għamilha art tal-biżaʼ;
Ħadd ma joqgħod fiha.
Ħarbu kemm in-nies u kemm l-annimali;
Telqu ’l hemm.”
4 Ġeħova jgħid: “F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien, il-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda se jiġu flimkien. Huma u mexjin se jibku, u flimkien se jfittxu l-gwida tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħhom. 5 Huma se jistaqsu għat-triq li tagħti għal Sijon u jkunu determinati li jmorru hemm, u jgħidu, ‘Ejjew ħa nerġgħu nsiru l-poplu taʼ Ġeħova permezz taʼ patt għal dejjem li ma jintesiex.’ 6 Il-poplu tiegħi sar bħal merħla nagħaġ mitlufin. Ir-ragħajja tagħhom stess ġegħluhom jintilfu. Huma ħaduhom fuq il-muntanji, jiġru minn muntanja għal għolja. Huma nesew il-post fejn kienu jistrieħu. 7 Dawk kollha li jsibuhom jibilgħuhom, u l-għedewwa tagħhom jgħidu, ‘Mhux tort tagħna, għax huma dinbu kontra Ġeħova, il-wieħed li għamel il-livelli taʼ dak li hu ġust, kontra Ġeħova, li kienu jittamaw fih missirijiethom.’”
8 “Aħarbu minn nofs Babilonja,
Oħorġu mill-art tal-Kaldin,
U kunu bħall-annimali li jkunu fuq quddiem tal-merħla.
9 Għax jien se nsejjaħ ġemgħa kbira taʼ popli mill-art tat-Tramuntana
U nġibhom kontra Babilonja.
Huma se jiġu mqassmin għall-battalja;
Hemmhekk hi se tintrebaħ.
Il-vleġeġ tagħhom huma bħal dawk taʼ gwerriera
U se joqtlulhom it-tfal;
Mhux se jiġu lura mingħajr ma jirnexxu.
10 Lill-Kaldija se jisirquha.
Dawk kollha li se jiħdulha l-affarijiet se jkunu sodisfatti għalkollox,” jgħid Ġeħova.
11 “Għax intom bqajtu tifirħu u taqbżu bil-ferħ
Meta kontu qed tisirqu l-wirt tiegħi.
Intom bdejtu tagħtu b’saqajkom bħal baqra żgħira* fil-ħaxix,
U bqajtu tiżhru bħaż-żwiemel.
12 Ommkom ġiet imġiegħla tistħi.
Dik li wilditkom ġiet iddiżappuntata.
Hi l-inqas mill-popli,
Hi xagħri bla ilma u deżert.
13 Ħadd mhu se jgħix fiha minħabba r-rabja taʼ Ġeħova;
U se ssir art abbandunata għalkollox.
Kull min jgħaddi minn ħdejn Babilonja se jistagħġeb bil-biżaʼ
U se jxengel rasu* minħabba l-kastigi kollha tagħha.
Sparawlha u tħallux vleġġa waħda,
Għax hi dinbet kontra Ġeħova.
15 Għajtu għajta tal-gwerra kontriha minn kull naħa.
Hi ċediet.
Il-kolonni tagħha waqgħu, is-swar tagħha ġġarrfu,
Għax Ġeħova għamel vendetta.
Ivvendikaw ruħkom minnha.
Agħmlulha bħalma għamlet hi.
16 Eqirdu lil min jiżraʼ minn Babilonja
U lil min juża l-minġel fi żmien il-ħsad.
Peress li x-xabla qed tintuża mingħajr ħniena,
Kull wieħed se jmur lura għand il-poplu tiegħu stess,
U kull wieħed se jaħrab lejn pajjiżu.
17 “Il-poplu t’Iżrael hu nagħaġ imxerrdin. L-iljuni ħarbtuhom. L-ewwel belagħhom ir-re tal-Assirja; imbagħad ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja mexmixilhom l-għadam tagħhom. 18 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nikkastiga lir-re taʼ Babilonja u l-pajjiż tiegħu bl-istess mod li kkastigajt lir-re tal-Assirja. 19 U se nġib lura lil Iżrael fl-art tajba tiegħu, u hu se jirgħa fuq il-Karmel u fuq il-Basan, u hu* se jiekol sa ma jixbaʼ fuq il-muntanji t’Efrajm u taʼ Gilegħad.’”
20 Ġeħova jgħid: “F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien,
Se jfittxu għall-ħtija t’Iżrael,
Imma mhux se jkun hemm.
Se jfittxu għad-dnubiet taʼ Ġuda, imma mhux se jsibuhom,
Għax jien se naħfer lil dawk li se nħalli ħajjin.”
21 “Ejja kontra l-art taʼ Meratajm u kontra n-nies taʼ Pekod.
Immassakrahom u eqridhom għalkollox,” jgħid Ġeħova.
“Agħmel kulma kkmandajtek.
22 Hemm ħoss taʼ gwerra fil-pajjiż,
Diżastru sħiħ.
23 Kif inqasam u tkisser il-martell li jfarrak il-popli tal-art kollha!
Kemm saret xi ħaġa tal-biżaʼ Babilonja fost il-popli!
24 Babilonja, jien għamiltlek nassa, u int inqbadt fiha,
U lanqas indunajt.
Lilek sabuk u qabduk,
Għax int ħadtha kontrija, Ġeħova.
25 Jien, Ġeħova, ftaħt il-maħżen tiegħi
U ħriġt l-armi biex nuri r-rabja tiegħi.
Għax jien, is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati,
Għandi biċċa xogħol x’nagħmel fl-art tal-Kaldin.
26 Ejjew kontriha minn postijiet ’il bogħod.
Iftħulha l-imħażen tal-qamħ.
Iġbru dak li serqet bħal qatet tal-qamħ.
Eqirduha għalkollox.
Jalla ma jibqgħalha ħadd ħaj fiha.
Ħażin għalihom, għax il-ġurnata tagħhom waslet,
Iż-żmien meta se jkollhom jagħtu kont!
28 Qed jinstemaʼ l-ħoss taʼ dawk li qed jaħarbu,
Taʼ dawk li qed jaħarbu mill-art taʼ Babilonja,
Biex ixandru f’Sijon li Ġeħova l-Alla tagħna qed jagħmel vendetta,
Qed jagħmel vendetta għat-tempju tiegħu.
29 Sejħu lill-arċieri kontra Babilonja,
Dawk kollha li jgħawġu l-qaws.
Ikkampjaw madwarha. Tħallu lil ħadd jaħrab.
Pattuhielha għal dak kollu li għamlet.
Agħmlulha bħalma għamlet.
Għax hi aġixxiet b’mod arroganti maʼ Ġeħova,
Mal-Qaddis t’Iżrael.
30 Dakinhar, iż-żgħażagħ tagħha se jmutu fil-pjazez,
U s-suldati kollha tagħha se jispiċċaw fix-xejn,” jgħid Ġeħova.
31 “Ja ribelluża, jien ġej kontrik,” jgħid is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati,
“Għax il-ġurnata tiegħek se tasal, iż-żmien li jien se nitlob kont minnek.
32 Ja ribelluża, int se titfixkel u taqaʼ,
U ma jkun hemm ħadd li se jqajmek.
Jien se nagħti n-nar lill-bliet tiegħek,
U dan se jaħraq kulma hemm madwarek.”
33 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:
“Il-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda huma maħqurin,
U dawk kollha li qabduhom qed iżommuhom bħala lsiera.
Ma jridux iħalluhom jitilqu.
34 Imma jien, Dak li Nixtrihom Lura, b’saħħti.
Jien jisimni Ġeħova tal-armati.
Żgur li se niddefendi l-kawża legali tagħhom,
Sabiex ikun hemm il-paċi fl-art tagħhom
U nġib konfużjoni fost in-nies taʼ Babilonja.”
35 Ġeħova jgħid, “Hemm xabla kontra l-Kaldin,
Kontra n-nies taʼ Babilonja, il-mexxejja tagħha, u l-għorrief tagħha.
36 Hemm xabla kontra dawk li jpaċpċu fil-vojt,* u huma se jaġixxu taʼ boloh.
Hemm xabla kontra l-gwerriera tagħha, u huma se jitwerwru.
37 Hemm xabla kontra ż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tagħhom,
U kontra n-nies kollha differenti li hemm f’nofsha,
U lkoll se jsiru bħal nisa.
Hemm xabla kontra t-teżori tagħha, u dawn se jiġu misruqin.
38 Ħażin għall-ilmijiet tagħha, għax se jinxfu.
Għax hi art tal-istatwi minquxin,
U minħabba l-viżjonijiet tal-biżaʼ li jkollhom, jibqgħu jaġixxu bħal imġienen.
Qatt iktar mhu se jerġgħu jgħixu fiha,
U lanqas se tkun post fejn jgħixu n-nies fiha tul il-ġenerazzjonijiet kollha.”
40 Ġeħova jgħid, “Bħalma jien qridt lil Sodoma u Gomorra u l-bliet taʼ madwarhom, ħadd mhu se jgħix hemm u l-ebda bniedem mhu se jissetilja fiha.
41 Ġej poplu mit-Tramuntana;
Ġens kbir u rejiet li jispikkaw issejħu għall-azzjoni
Mill-iżjed partijiet ’il bogħod tal-art.
42 Huma qed iżommu l-qaws u l-lanza.
Huma kattivi u mhux se juru ħniena.
Il-ħoss li jagħmlu hu bħal taʼ baħar imqalleb
Hekk kif jirkbu fuq iż-żwiemel tagħhom.
Nies taʼ* Babilonja, huma ġejjin għalikom imqassmin għall-battalja bħal raġel wieħed.
43 Ir-re taʼ Babilonja semaʼ rapport dwarhom,
U qataʼ qalbu.
Ħakmitu l-ansjetà,
U wġigħ bħal taʼ mara li qed twelled.
44 “Bħalma ljun joħroġ mill-ħafna siġar li hemm fil-Ġordan, xi ħadd se jiġi u jattakka l-postijiet siguri fejn jirgħaw l-annimali f’Edom, imma f’daqqa waħda se nġegħelhom jaħarbu minnu. U jien se ninkariga fuqu mexxej li nkun għażilt. Għax min hu bħali u min se jisfidani? Liema ragħaj jistaʼ jiħodha kontrija? 45 Għalhekk, isimgħu d-deċiżjoni li Ġeħova ħa kontra Babilonja, u x’ħaseb kontra l-art tal-Kaldin:
Il-frieħ tal-merħla żgur se jiġu mkaxkrin.
Hu se jagħmel il-post fejn jgħixu abbandunat minħabba dak li għamlu.
46 Meta Babilonja tintrebaħ, se jkun hemm ħoss, l-art titriegħed,
U tinstemaʼ għajta fost il-popli.”