LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Kif tikkontrolla d-drawwiet tiegħek
    Stenbaħ!—2016 | Nru. 4
    • Mara tara t-​televixin u tiekol ikel mhux sustanzjuż

      SUĠĠETT PRINĊIPALI

      Kif tikkontrolla d-​drawwiet tiegħek

      • Żveljarin

        META jdoqq l-​iżveljarin taʼ Austin, ikun għadu bi ngħas. Imma malajr joħroġ mis-​sodda, jilbes il-​ħwejjeġ li lesta filgħaxija, u jmur ġirja żgħira—bħalma kien qed jagħmel tliet darbiet fil-​ġimgħa għal sena sħiħa.

      • Borża ċikkulatini

        Laurie għadha kif iġġieldet mar-​raġel tagħha. Irrabjata u mifxula, tidħol tiġri fil-​kċina, toħroġ borża ċikkulatini, u tikolhom kollha—bħalma jidher li tagħmel kull darba li tkun inkwetata.

      X’għandhom komuni Austin u Laurie? Kemm jekk jirrealizzaw jew le, it-​tnejn ġew affettwati minn forza b’saħħitha—id-​drawwa.

      Xi ngħidu għalik? Hemm xi drawwiet tajbin li tixtieq li jkollok f’ħajtek? Forsi l-​mira tiegħek hi li tibda tagħmel l-​eżerċizzju regolarment, li torqod iżjed, jew li żżomm iktar kuntatt maʼ nies li huma għeżież għalik.

      Min-​naħa l-​oħra, forsi tixtieq taqtaʼ xi vizzju, bħal li tpejjep, li tiekol ħafna ikel mhux sustanzjuż, jew li tqattaʼ wisq ħin fuq l-​Internet.

      Ngħiduha kif inhi, jistaʼ jkun diffiċli tegħleb vizzju. Fil-​fatt intqal li vizzju hu bħal sodda sħuna f’ġurnata kiesħa: faċli biex tidħol fiha u diffiċli biex toħroġ minnha!

      Mela kif tistaʼ tikkontrolla d-​drawwiet tiegħek u tagħmilhom jaħdmu favurik minflok kontrik? Ikkunsidra t-​tliet suġġerimenti li ġejjin ibbażati fuq prinċipji misjubin fil-​Bibbja.

  • 1 Kun realistiku
    Stenbaħ!—2016 | Nru. 4
    • Mara tagħmel lista

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIKKONTROLLA D-DRAWWIET TIEGĦEK

      1 Kun realistiku

      Forsi tixtieq tipprova tbiddel f’daqqa l-​affarijiet kollha li tkun qed tagħmel f’ħajtek. F’qalbek tgħid, ‘Dil-​ġimgħa se nieqaf inpejjep, nieqaf nitkellem ħażin, immur norqod kmieni, nibda nagħmel l-​eżerċizzju, nibda niekol aħjar, u nibda nċempel lin-​nanniet.’ Imma jekk tipprova tilħaq il-​miri kollha tiegħek f’nifs wieħed, tistaʼ tibqaʼ ċert li ma tilħaq l-​ebda waħda minnhom!

      PRINĊIPJU BIBLIKU: “L-​għerf hu mal-​modesti.”​—Proverbji 11:2.

      Bniedem modest ikun realistiku. Hu jaf li hemm limiti għall-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tiegħu. Allura, minflok ma jipprova jbiddel kollox f’daqqa, hu jagħmel progress bil-​mod il-​mod.

      Jekk tipprova tilħaq il-​miri kollha tiegħek f’nifs wieħed, tistaʼ tibqaʼ ċert li ma tilħaq l-​ebda waħda minnhom!

      DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

      Aħdem fuq id-​drawwiet tiegħek waħda waħda, b’mod realistiku. Is-​suġġerimenti li ġejjin għandhom mnejn jgħinuk:

      1. Agħmel żewġ listi ta’ drawwiet​—⁠lista għad-drawwiet tajbin li tixtieq ikollok u lista għal xi drawwiet ħżiena li trid teħles minnhom. Inkludi kollox; fuq kull lista ikteb dak kollu li tista’ tiftakar.

      2. Poġġi numru ħdejn kull mira, skont l-importanza tagħha għalik.

      3. Agħżel ftit drawwiet—anke waħda jew tnejn biss—minn kull lista, u aħdem fuqhom. Imbagħad għaddi għad-​drawwa jew żewġ drawwiet li jmiss fuq kull lista tiegħek.

      Ħaffef il-​proċess billi tbiddel drawwa ħażina maʼ drawwa tajba. Pereżempju, jekk il-​lista tiegħek taʼ drawwiet ħżiena tinkludi li tara ħafna televixin u l-​lista taʼ drawwiet tajbin tinkludi li żżomm kuntatt maʼ qrabatek, tistaʼ tiddeċiedi: ‘Minflok ma nixgħel it-​televixin mill-​ewwel meta nasal id-​dar mix-​xogħol kuljum, se nikkuntattja lil ħabib jew lil xi ħadd tal-​familja u nkellmu ftit.’

      PRINĊIPJI BIBLIĊI RELATATI

      ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’​—Filippin 1:10.

      “Aħjar it-​tmiem taʼ xi ħaġa milli l-​bidu tagħha.”​—Ekkleżjasti 7:8.

  • 2 Kun f’ambjent li jgħinek
    Stenbaħ!—2016 | Nru. 4
    • Ħwejjeġ tal-ġiri, papoċċ tal-ġiri, kontenitur tal-ilma, u apparat elettroniku bil-lest minn filgħaxija

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIKKONTROLLA D-DRAWWIET TIEGĦEK

      2 Kun f’ambjent li jgħinek

      • Int determinat li tibda tiekol aħjar, imma dik il-​kaxxa ġelat qisha qed tgħidlek kulni.

      • Iddeċidejt li tieqaf tpejjep, imma għal darb’oħra, l-​ħabib tiegħek—li jaf li qed tipprova taqtaʼ t-​tipjip—joffrilek sigarett.

      • Illum ippjanajt li tagħmel l-​eżerċizzju, imma anke biex tfittex il-​papoċċ tal-​ġiri qed taraha biċċa xogħol żejda!

      Tistaʼ tara xi ħaġa komuni f’dawn ix-​xeni? Darba wara l-​oħra, l-​esperjenza wriet li l-​ambjent taʼ madwarna—is-​sitwazzjonijiet li npoġġu lilna nfusna fihom u n-​nies li nkunu magħhom—jinfluwenza s-​suċċess f’li nrawmu drawwiet tajbin u naqtgħu l-​ħżiena.

      PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”—Proverbji 22:3.

      Il-​Bibbja twissina biex naħsbu bil-​quddiem. B’hekk, inkunu nistgħu bil-​għaqal kollu nevitaw sitwazzjonijiet li jtellfulna l-​miri tagħna, u għalhekk inkunu nistgħu npoġġu lilna nfusna f’sitwazzjonijiet iktar favorevoli. (2 Timotju 2:22) F’kelma waħda, inkunu għaqlin jekk inkunu f’ambjent li jgħinna.

      Agħmilha iktar diffiċli biex tagħmel il-​ħaġa l-​ħażina u iktar faċli biex tagħmel il-​ħaġa t-​tajba

      DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

      • Agħmilha iktar diffiċli għalik biex tagħmel il-​ħaġa l-​ħażina. Pereżempju, jekk trid twaqqaf l-​ikel mhux sustanzjuż mid-​dieta tiegħek, ipprova żżommx ikel fil-​kċina li taf li mhux tajjeb għalik. B’hekk, meta tiġi t-​tentazzjoni, ikun iktar faċli għalik li żżomm sod.

      • Agħmilha iktar faċli għalik biex tagħmel il-​ħaġa t-​tajba. Pereżempju, jekk tkun bil-​ħsieb li tagħmel l-​eżerċizzju l-​ewwel ħaġa filgħodu, lesti l-​ħwejjeġ tal-​eżerċizzju ħdejn is-​sodda tiegħek filgħaxija. Iktar ma tagħmilha faċli biex tibda, iktar hemm ċans li tkompli bid-​drawwa t-​tajba.

      • Agħżel lil ħbiebek sew. Hemm it-​tendenza li nsiru bħan-​nies li nagħmluha magħhom. (1 Korintin 15:33) Allura naqqas il-​kuntatt man-​nies li jinkuraġġixxu drawwiet li tkun qed tipprova taqtaʼ, u fittex lil dawk li jistgħu jgħinuk issaħħaħ drawwiet tajbin.

      PRINĊIPJI BIBLIĊI RELATATI

      “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.”—Proverbji 13:20.

      “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5.

  • 3 Ħares fit-tul
    Stenbaħ!—2016 | Nru. 4
    • Mara tagħmel marki fuq kalendarju

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIKKONTROLLA D-DRAWWIET TIEGĦEK

      3 Ħares fit-​tul

      Mara tagħmel marki fuq kalendarju

      Hemm min jgħid li tieħu 21 ġurnata biex drawwa ġdida ssir parti minn ħajtek. Iżda fir-​realtà, ir-​riċerka turi li xi nies jistgħu jieħdu inqas żmien—u oħrajn ħafna iktar—biex jagħmlu xi tibdil kbir. Għandu dan jiskuraġġik?

      Mela, aħseb f’din is-​sitwazzjoni: Immaġina li tixtieq tiħodha drawwa li tagħmel l-​eżerċizzju tliet darbiet fil-​ġimgħa.

      • L-​ewwel ġimgħa, jirnexxilek.

      • It-​tieni ġimgħa, ġurnata minnhom ma jirnexxilekx.

      • It-​tielet ġimgħa, erġajt irrankajt.

      • Ir-​rabaʼ ġimgħa, bilkemm tagħmlu darba.

      • Il-​ħames ġimgħa, jerġaʼ jirnexxilek, u minn hemm ’il quddiem tibqaʼ tilħaq il-​mira tiegħek kull ġimgħa.

      Ħadt ħames ġimgħat biex tistabbilixxi d-​drawwa l-​ġdida. Forsi jidher żmien twil, imma ladarba tilħaq il-​mira tiegħek, se tkun ferħan li żviluppajt drawwa tajba ġdida.

      PRINĊIPJU BIBLIKU: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.”—Proverbji 24:16.

      Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ma naqtgħux qalbna u nkunu persistenti. Fl-​aħħar mill-​aħħar, dak li jgħodd mhuwiex kemm-​il darba naqgħu, iżda kemm-​il darba nerġgħu nqumu.

      Fl-​aħħar mill-​aħħar, dak li jgħodd mhuwiex kemm-​il darba naqgħu, iżda kemm-​il darba nerġgħu nqumu

      DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

      • Tikkonkludix li għax ma rnexxilekx darba jfisser li qatt mhu se jirnexxilek. Stenna li l-​affarijiet mhux dejjem se jimxu ħarir int u tirsisti għall-​mira tiegħek.

      • Iffoka fuq meta l-​affarijiet marru tajjeb. Pereżempju, jekk qed tipprova ttejjeb il-​mod kif tikkomunika mat-​tfal tiegħek, staqsi lilek innifsek: ‘Meta kienet l-​aħħar darba li ħassejtni rrid ngħajjat mat-​tfal tiegħi, imma m’għajjatx? X’għamilt minflok? Kif nistaʼ nerġaʼ nagħmel l-​istess?ʼ Mistoqsijiet bħal dawn jistgħu jgħinuk tkompli tibni fuq is-​suċċessi tiegħek minflok tiffoka fuq id-​diżappunti.

      Tixtieq tkun taf kif il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuk f’aspetti oħra tal-​ħajja, bħal kif tittratta mal-​ansjetà, kif ikollok familja ferħana, u kif issib il-​ferħ veru? Tkellem maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, jew żur il-​Websajt tagħna, jw.org/mt.

      PRINĊIPJI BIBLIĊI RELATATI

      “Għandek tħares fiss quddiemek.”—Proverbji 4:25.

      “Waqt li ninsa l-​affarijiet taʼ warajja u niġġebbed biex nilħaq l-​affarijiet li hemm quddiemi, qed niġri lejn il-​mira.” —Filippin 3:13, 14.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja