-
Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-BniedemIt-Torri tal-Għassa—2006 | Ottubru 15
-
-
Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem
“Kien hemm festa tat-tieġ f’Kana . . . Ġesù u d-dixxipli tiegħu wkoll kienu mistidnin għall-festa tat-tieġ.”—ĠWANNI 2:1, 2.
1. Lejn xiex jiġbed l-attenzjoni r-rakkont dwar Ġesù f’Kana?
ĠESÙ, ommu, u ftit mid-dixxipli tiegħu kienu jafu x’ferħ iġib tieġ onorabbli fost il-poplu t’Alla. Kristu saħansitra għamel tieġ minnhom jispikka minħabba li fih wettaq l-ewwel miraklu dokumentat tiegħu, u b’hekk għamel lil din il-ġrajja iktar pjaċevoli. (Ġwanni 2:1-11) Forsi int attendejt u gawdejt tiġijiet taʼ Kristjani li jridu jaqdu lil Ġeħova bħala koppja miżżewġa u ferħana. Jew forsi qed tħares ’il quddiem biex ikollok tieġ bħal dan għalik jew li tgħin lil xi ħbieb jagħmlu t-tieġ tagħhom taʼ suċċess. X’jistaʼ jgħin biex jintlaħaq dan l-għan?
2. Liema informazzjoni fiha l-Bibbja dwar it-tiġijiet?
2 Il-Kristjani jafu li l-pariri misjubin fil-Kelma ispirata t’Alla huma tassew utli meta raġel u mara jkunu qed jippjanaw li jiżżewġu. (2 Timotju 3:16, 17) Huwa minnu li l-Bibbja ma ssemmix proċeduri dettaljati dwar kif għandu jsir tieġ Kristjan. Dan huwa raġunevoli ladarba d-drawwiet u saħansitra l-ħtiġijiet legali jvarjaw skond il-post u ż-żmien. Per eżempju, f’Iżrael tal-qedem ma kienx hemm ċerimonja formali tat-tieġ. Fil-ġurnata tat-tieġ, l-għarus kien jieħu lill-għarusa fid-dar tiegħu jew f’dik taʼ missieru. (Ġenesi 24:67; Isaija 61:10; Mattew 1:24) Dan il-pass pubbliku kien iseħħ bħala t-tieġ, mingħajr ċerimonja formali li hija komuni f’ħafna tiġijiet illum.
3. Ġesù għal liema ġrajja f’Kana kkontribwixxa?
3 L-Iżraelin irrikonoxxew li dan il-pass kien ifisser iż-żwieġ jew it-tieġ. Wara, huma setgħu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni taʼ festa, bħal dik imsemmija fi Ġwanni 2:1. Ħafna verżjonijiet tal-Bibbja jittraduċu dan il-vers b’dan il-mod: “Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana.” Imma fil-lingwa oriġinali spiss il-kelma tiġi tradotta “festa tat-tieġ” jew “ikla tat-tieġ.”a (Mattew 22:2-10; 25:10; Luqa 14:8) Ir-rakkont jurina biċ-ċar li Ġesù kien preżenti u li kkontribwixxa f’festa konnessa maʼ tieġ Lhudi. Però, punt importanti hu li tieġ taʼ dak iż-żmien kien differenti mit-tiġijiet li jsiru llum.
4. Liema tip taʼ tieġ jagħżlu xi Kristjani, u għala?
4 F’ħafna pajjiżi llum, il-Kristjani li jridu jiżżewġu jridu jilħqu ċerti ħtiġijiet legali. Ladarba jagħmlu dan, huma jkunu jistgħu jiżżewġu bi kwalunkwe mod li jkun aċċettat legalment. Dan jistaʼ jkun b’ċerimonja żgħira u sempliċi li tkun immexxija minn imħallef, sindku, jew ministru reliġjuż awtorizzat mill-Istat. Xi wħud jistgħu jagħżlu li jiżżewġu b’dan il-mod, forsi billi jistaqsu lil ftit qraba jew ħbieb Kristjani biex ikunu preżenti bħala xhieda legali jew sempliċement biex jaqsmu magħhom il-ferħ taʼ din l-okkażjoni importanti. (Ġeremija 33:11; Ġwanni 3:29) B’mod simili, Kristjani oħrajn jistgħu jagħżlu li ma jkollhomx festa tat-tieġ kbira jew riċeviment kbir li jkun jeħtieġ ammont konsiderevoli taʼ ppjanar u spejjeż. Minflok, huma forsi jħejju ikla għall-kwiet maʼ xi ħbieb tal-qalb. Huma x’inhuma l-preferenzi persunali tagħna f’dan ir-rigward, aħna għandna nirrikonoxxu li Kristjani maturi oħrajn jistgħu jkollhom ħarsa differenti minn tagħna.—Rumani 14:3, 4.
5. Ħafna Kristjani għala jkunu jridu taħdita tat-tieġ meta jiżżewġu, u din dwar xiex tkun?
5 Ħafna koppji Kristjani jagħżlu li fit-tieġ tagħhom ikollhom taħdita bbażata fuq il-Bibbja.b Huma jirrikonoxxu li Ġeħova oriġina ż-żwieġ u jipprovdi l-Kelma tiegħu biex tagħtina pariri għaqlin dwar kif iż-żwieġ jistaʼ jirnexxi u jġib il-ferħ. (Ġenesi 2:22-24; Marku 10:6-9; Efesin 5:22-33) U ħafna koppji jridu li l-qraba u l-ħbieb Kristjani jieħdu sehem f’din l-okkażjoni taʼ ferħ. Madankollu, kif għandna nħarsu lejn il-varjetà kbira taʼ ħtiġijiet legali, proċeduri, u anki drawwiet lokali komuni? Dan l-artiklu se jikkunsidra sitwazzjonijiet f’postijiet differenti. Xi wħud għandhom mnejn ikunu differenti ħafna minn dawk li taf bihom int jew minn dak li jsir f’pajjiżek. Minkejja dan, tistaʼ tinnota ċerti prinċipji jew aspetti prattiċi li huma importanti għall-qaddejja t’Alla.
Żwieġ Onorabbli —Żwieġ Legali
6, 7. Għala għandna nkunu interessati fl-aspetti legali taż-żwieġ, u kif nistgħu nuru dan l-interess?
6 Filwaqt li Ġeħova oriġina ż-żwieġ, il-gvernijiet umani għandhom ammont taʼ kontroll fuq l-azzjonijiet taʼ dawk li jkunu se jiżżewġu. Dan hu xieraq. Ġesù qal: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Marku 12:17) B’mod simili l-appostlu Pawlu ta din id-direzzjoni: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri, għax m’hemm l-ebda awtorità jekk mhux minn Alla; l-awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla.”—Rumani 13:1; Titu 3:1.
7 F’ħafna pajjiżi, Ċesari, jew l-awtoritajiet ċivili, jiddetermina min hu eliġibbli għaż-żwieġ. Għalhekk, meta żewġ Kristjani li huma liberi Skritturalment jagħżlu li jiżżewġu, huma jobdu l-liġijiet lokali konnessi maż-żwieġ. Dan jistaʼ jinvolvi li tinkiseb liċenzja, li jintuża aġent li jżewweġ awtorizzat mill-Istat, u forsi li jiġi reġistrat iż-żwieġ li jkun sar. Meta Ċesari Awgustu kien jeħtieġ “reġistrazzjoni,” Marija u Ġużeppi obdew, u vvjaġġaw lejn Betlehem “biex jiġu reġistrati.”—Luqa 2:1-5.
8. Iż-żwieġ b’liema mod jorbot lill-koppja, u liema prattika tax-Xhieda taʼ Ġeħova tirrifletti dan il-fatt?
8 Meta żewġ Kristjani jiżżewġu b’tali mod li jkun legali u rikonoxxut, huma jidħlu f’rabta dejjiema mill-ħarsa t’Alla. Għalhekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jirripetux il-wegħdi taż-żwieġ permezz taʼ ċerimonji legali ripetuti, lanqas ma jġeddu l-wegħdi taż-żwieġ tagħhom, bħal meta koppja tagħlaq 25 jew 50 sena miżżewġa. (Mattew 5:37) (Xi reliġjonijiet jinjoraw ċerimonja taż-żwieġ biċ-ċivil li huwa rikonoxxut legalment, għaliex jgħidu li dan m’huwiex il-mod xieraq kif wieħed jiżżewweġ sakemm qassis jew membru tal-kleru ma jagħmilx ir-ritwal jew sakemm dan ma jiddikjarax lill-koppja bħala li huma miżżewġin.) F’ħafna pajjiżi, il-gvern jagħti l-permess li ministru tax-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmel iċ-ċerimonja solenni taż-żwieġ. Jekk dan hu possibbli, hu x’aktarx li jkun irid jagħmel dan flimkien maʼ taħdita tat-tieġ fis-Sala tas-Saltna. Dan hu l-post lokali fejn tingħata qima vera u hu post xieraq għal taħdita dwar dan l-arranġament, li oriġina minn Alla Ġeħova.
9. (a) Fil-każ taʼ żwieġ ċivili, koppja Kristjana x’tistaʼ tagħżel li tagħmel? (b) Kif għandhom mnejn ikunu involuti l-anzjani fil-pjanijiet tat-tieġ?
9 F’pajjiżi oħrajn, il-liġi titlob li koppja tiżżewweġ f’uffiċċju tal-gvern, bħal per eżempju fil-kunsill lokali, jew quddiem aġent ċivili li jkun ġie inkarigat. Il-Kristjani spiss jagħżlu li jsegwu dan il-pass legali b’taħdita tat-tieġ fis-Sala tas-Saltna fl-istess jum jew l-għada. (Huma mhux se jippermettu li jgħaddu ħafna ġranet bejn iċ-ċerimonja ċivili u t-taħdita Biblika, għaliex huma kunsidrati bħala miżżewġin quddiem Alla u l-bniedem, inkluż quddiem il-kongregazzjoni Kristjana.) Jekk koppja li jkun se jkollha żwieġ ċivili tixtieq li jkollha t-taħdita f’ċerta Sala tas-Saltna, din għandha titlob il-permess minn qabel lill-anzjani li jifformaw il-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni. Minbarra li jikkonfermaw li l-koppja għandha reputazzjoni tajba, dawn l-indokraturi se jkunu jridu jaċċertaw ruħhom li l-ħin tat-tieġ ma jkunx waqt il-ħin tal-laqgħat regulari u taʼ programmi li jkunu fl-iskeda tas-sala. (1 Korintin 14:33, 40) Huma se jirrivedu wkoll kwalunkwe tħejjijiet li l-koppja tistaʼ titlob u se jiddeċiedu jekk għandux ikun hemm avviż dwar l-użu tas-Sala.
10. Jekk ikun hemm bżonn żwieġ biċ-ċivil, dan kif se jeffettwa t-taħdita tat-tieġ?
10 L-anzjan li jagħti t-taħdita tat-tieġ se jistinka biex jagħmel id-diskussjoni waħda dħulija, li tibni spiritwalment, u dinjituża. Jekk il-koppja l-ewwel daħlet fir-rabta taż-żwieġ permezz taʼ żwieġ ċivili, hu se juri ċar u tond li huma żżewġu fi qbil mal-liġi taʼ Ċesari. Jekk il-wegħdi taż-żwieġ ikunu għadhom ma sarux fiċ-ċerimonja ċivili, il-koppja għandha mnejn tkun trid tagħmel dan matul it-taħdita.c Jekk din iċ-ċerimonja ċivili tkun inkludiet il-wegħdi imma l-koppja li tkun għadha kif iżżewġet tkun trid tgħid il-wegħdi quddiem Ġeħova u l-kongregazzjoni, huma jistgħu jagħmlu dan billi jgħiduhom fil-passat, u juru lil kulħadd li huma diġà ġew ‘magħqudin flimkien.’—Mattew 19:6; 22:21.
11. F’ċerti postijiet, koppja kif tiżżewweġ, u dan kif jeffettwa t-taħdita tat-tieġ?
11 F’ċerti postijiet, il-liġi forsi ma titlobx li koppja tiżżewweġ b’xi ċerimonja, lanqas quddiem aġent tal-gvern. Iż-żwieġ iseħħ meta jippreżentaw reġistrazzjoni taż-żwieġ iffirmata lil xi uffiċjal. Minn dakinhar joħroġ ċertifikat reġistrat. B’dan il-mod il-koppja titqies bħala raġel u mara miżżewġin, u din tkun id-data taż-żwieġ tagħhom. Bħalma nnotajna qabel, il-koppja li jiżżewġu b’dan il-mod għandhom mnejn ikunu jridu li eżatt wara r-reġistrazzjoni jkun hemm taħdita bbażata fuq il-Bibbja fis-Sala tas-Saltna. Il-ħu matur spiritwalment li jintgħażel biex jagħti t-taħdita se jinforma lil kulmin jattendi li l-koppja huma miżżewġin minħabba r-reġistrazzjoni li tkun għadha kif saret. Kwalunkwe wegħda se ssir bħalma hu msemmi fil-paragrafu 10 u n-nota taʼ taħt tiegħu. Dawk fl-attendenza fis-Sala tas-Saltna se jifirħu mal-koppja u jibbenefikaw mill-parir li jingħata mill-Kelma t’Alla.—Għanja taʼ Salamun 3:11.
Żwiġijiet Ċivili u Tradizzjonali
12. Xi jkun żwieġ tradizzjonali, u x’parir jingħata li għandu jiġi applikat wara żwieġ bħal dan?
12 F’xi pajjiżi, il-koppji jagħmlu dak li jistaʼ jissejjaħ żwieġ tradizzjonali (jew, tribwali). Dan ma jirreferix għal żewġ individwi li jkunu sempliċement qed jgħixu flimkien, lanqas ma jirreferi għal min jgħix flimkien mingħajr żwieġ legali li jistaʼ jkun rikonoxxut sa ċertu punt f’xi postijiet imma ma jkunx żwieġ legali għalkollox.d Qed nitkellmu dwar żwieġ li koppja tidħol fih billi timxi skond it-tradizzjoni, tat-tribù jew tan-nies tal-post, li jkollha rikonoxximent pubbliku. Dan jistaʼ jinvolvi ħlas komplet u rikonoxximent tal-prezz taʼ l-għarusa, li bih il-koppja tkun miżżewġa legalment u Skritturalment. Il-gvern iħares lejn dan iż-żwieġ li jkun tradizzjonali bħala li hu validu, legali, u li ma jistax jinbidel. Wara dan ġeneralment ikun possibbli li ż-żwieġ tradizzjonali jiġi mniżżel bil-miktub jew reġistrat, u meta tagħmel dan il-koppja tistaʼ tingħata ċertifikat uffiċjali. Ir-reġistrazzjoni tistaʼ toffri l-protezzjoni lill-koppja jew lill-mara jekk tormol u lit-tfal li jistgħu jitwieldu fil-futur. Il-kongregazzjoni għandha tħeġġeġ lil kulmin jidħol fi żwieġ bħal dan biex jirreġistrah malajr kemm jistaʼ jkun. Huwa taʼ interess li taħt il-Liġi Mosajka, iż-żwiġijiet u t-twelid kienu jiġu reġistrati uffiċjalment.—Mattew 1:1-16.
13. Wara żwieġ tradizzjonali, xi jkun xieraq għat-taħdita tat-tieġ?
13 Il-koppja li tidħol f’rabta legali b’dan il-proċess tradizzjonali jsiru raġel u mara miżżewġin meta dan iż-żwieġ iseħħ. Bħalma nnotajna qabel, il-Kristjani li jidħlu fi żwieġ legali bħal dan għandhom mnejn ikunu jixtiequ li jkollhom taħdita taż-żwieġ, billi jagħmlu l-wegħdi taż-żwieġ, fis-Sala tas-Saltna. Jekk dan isir, il-kelliemi jirrikonoxxi li l-koppja diġà żżewġet fi qbil mal-liġi taʼ Ċesari. Ikun hemm biss taħdita waħda bħal din. Hemm żwieġ wieħed biss, f’dan il-każ iż-żwieġ tradizzjonali (tribwali) validu legalment, u taħdita waħda bbażata fuq l-Iskrittura. Ikun aħjar li ż-żewġ aspetti jsiru qrib xulxin kemm jistaʼ jkun, preferibbilment fl-istess ġurnata, għaliex dan se jikkontribwixxi biex jonora liż-żwieġ Kristjan fil-komunità.
14. Kristjan x’jistaʼ jagħmel jekk ikun possibbli li jiżżewweġ kemm b’mod tradizzjonali u kemm biċ-ċivil?
14 F’ċerti pajjiżi fejn iż-żwieġ tradizzjonali jkun rikonoxxut legalment, ikun hemm ukoll provvedimenti biex isir żwieġ ċivili (jew, statutarju). Żwieġ ċivili ġeneralment isir quddiem aġent tal-gvern, u dan jistaʼ jinkludi kemm il-wegħdi taż-żwieġ u kemm l-iffirmar tar-reġistru. Xi koppji Kristjani jippreferu dan iż-żwieġ ċivili milli wieħed tradizzjonali. M’hemm ebda ħtieġa legali li jsiru t-tnejn; kull proċedura hija valida legalment. Dak li ssemma f’paragrafi 9 u 10 dwar it-taħdita tat-tieġ u l-wegħdi taż-żwieġ japplikaw anki f’dan il-każ. L-iktar ħaġa importanti hi li ż-żwieġ tal-koppja jkun onorabbli quddiem Alla u l-bniedem.—Luqa 20:25; 1 Pietru 2:13, 14.
Żomm iż-Żwieġ Onorabbli
15, 16. L-unur kif għandu jkun parti essenzjali miż-żwieġ?
15 Meta qamet problema fiż-żwieġ taʼ sultan Persjan, wieħed kap li jagħti l-pariri bl-isem taʼ Memukan ta parir li setaʼ kellu effett pożittiv—li “n-nisa kollha . . . jweġġħu ’l żwieġhom.” (Ester 1:20, Saydon) Fiż-żwiġijiet Kristjani, dan il-parir m’għandux għalfejn joħroġ minn xi sultan uman; in-nisa jkunu jridu jweġġħu, jew jonoraw, lil żwieġhom. B’mod simili, l-irġiel Kristjani jonoraw lin-nisa tagħhom u jfaħħruhom. (Proverbji 31:11, 30; 1 Pietru 3:7) Aħna m’għandniex nonoraw iż-żwieġ tagħna biss wara li jgħaddu ħafna snin. Għandna nibdew nonoraw lil xulxin mill-ewwel, tabilħaqq, mill-ġurnata tat-tieġ ’il quddiem.
16 Mhux biss ir-raġel u l-mara li jkunu se jiżżewġu għandhom juru unur dakinhar tat-tieġ. Jekk anzjan Kristjan ikun se jagħti taħdita tat-tieġ, din għandha tingħata b’mod onorabbli. It-taħdita trid tkun indirizzata lill-koppja. Ladarba t-taħdita trid tonora lill-koppja, il-kelliemi mhux se juża ċajt jew qwiel tad-dinja. Hu m’għandux jinkludi affarijiet li osserva li huma persunali żżejjed u li jistgħu jimbarazzaw lill-koppja u lis-semmiegħa. Minflok, hu se jistinka biex juri mħabba u jinkuraġġixxi, waqt li jenfasizza lill-Oriġinatur taż-żwieġ u l-pariri Tiegħu li jispikkaw. Iva, it-taħdita tat-tieġ dinjituża li jagħti l-anzjan se tikkontribwixxi biex iż-żwieġ iġib unur lil Alla Ġeħova.
17. Għala hemm aspett legali fiż-żwieġ Kristjan?
17 Probabbilment innotajt li f’dan l-artiklu hawn ħafna punti dwar id-dettalji legali taż-żwieġ. Ċerti aspetti jistgħu ma japplikawx direttament għal-lokalità tiegħek. Però, ilkoll kemm aħna rridu nkunu attenti għal kemm hu importanti li l-arranġamenti tat-tieġ fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova juru rispett lejn il-liġijiet lokali, lejn il-ħtiġijiet taʼ Ċesari. (Luqa 20:25) Pawlu ħeġġiġna: “Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jitlob it-taxxa, it-taxxa; lil min jitlob id-dazju, id-dazju; . . . lil min jirrikjedi l-unur, l-unur.” (Rumani 13:7) Iva, huwa xieraq li l-Kristjani, mill-bidunett fil-ġurnata tat-tieġ, jonoraw l-arranġament li Alla għandu fil-preżent.
18. Liema aspett ieħor li jistaʼ jseħħ f’tieġ jistħoqqlu li nikkunsidrawh, u fejn nistgħu nsibu informazzjoni fuq dan is-suġġett?
18 Ħafna żwiġijiet Kristjani jkunu segwiti minn laqgħa soċjali—festa tat-tieġ, ikla, jew riċeviment. Ftakar li Ġesù għażel li jkun preżenti f’festa bħal din. Jekk se jkun hemm riċeviment bħal dan, kif jistgħu l-pariri tal-Bibbja jgħinuna nkunu ċerti li dan ukoll se jonora lil Alla u se jirrifletti b’mod favorevoli fuq il-koppja l-ġdida u fuq il-kongregazzjoni Kristjana? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra eżattament din il-kwistjoni.e
[Noti taʼ taħt]
a L-istess kelma tistaʼ tintuża għal festa li ma kinitx konnessa maʼ żwieġ.—Ester 9:22, Settanta.
b Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw outline għal taħdita taż-żwieġ taʼ 30 minuta bl-isem “Żwieġ Onorabbli mill-Ħarsa t’Alla.” Din fiha pariri Skritturali mill-aqwa meħudin mill-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja u pubblikazzjonijiet oħrajn tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Id-diskussjoni hija taʼ benefiċċju għall-koppja li tkun se tiżżewweġ u għal dawk kollha li jattendu t-tieġ.
c Sakemm il-liġi lokali ma tkunx tgħid mod ieħor, jintużaw dawn il-wegħdi li jonoraw lil Alla. Għall-għarus: “Jien [l-isem taʼ l-għarus] nieħu lilek [l-isem taʼ l-għarusa] biex tkun marti; biex inħobbok u ngħożżok fi qbil mal-liġi divina kif miktuba fl-Iskrittura Mqaddsa għall-irġiel miżżewġin Kristjani, sakemm it-tnejn li aħna ngħixu flimkien fuq l-art skond l-arranġament t’Alla għaż-żwieġ.” Għall-għarusa: “Jien [l-isem taʼ l-għarusa] nieħu lilek [l-isem taʼ l-għarus] biex tkun żewġi; biex inħobbok u ngħożżok u nirrispettak profondament fi qbil mal-liġi divina kif miktuba fl-Iskrittura Mqaddsa għan-nisa miżżewġin Kristjani, sakemm it-tnejn li aħna ngħixu flimkien fuq l-art skond l-arranġament t’Alla għaż-żwieġ.”
d The Watchtower taʼ l-1 taʼ Mejju, 1962, paġna 287, joffri kummenti dwar min jgħix flimkien mingħajr żwieġ legali.
e Ara wkoll l-artiklu “Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek,” f’paġna 28.
Tiftakar Int?
• Għala għandhom jinteressawna kemm l-aspetti legali kif ukoll spiritwali tat-tiġijiet?
• Jekk żewġ Kristjani jiżżewġu b’ċerimonja ċivili, x’jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu eżatt wara?
• It-taħditiet tat-tieġ għala jingħataw fis-Sala tas-Saltna?
[Stampa f’paġna 18]
F’tieġ f’Iżrael tal-qedem, l-għarus kien iġib lill-għarusa f’daru jew f’dar missieru
[Stampa f’paġna 21]
Wara żwieġ tradizzjonali, il-Kristjani jistgħu jagħżlu li jkollhom taħdita fis-Sala tas-Saltna
-
-
Uri l-Fidi Tiegħek bil-Mod Kif Tgħix ĦajtekIt-Torri tal-Għassa—2006 | Ottubru 15
-
-
Uri l-Fidi Tiegħek bil-Mod Kif Tgħix Ħajtek
“Il-fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.”—ĠAKBU 2:17.
1. Il-Kristjani tal-bidu għala qagħdu attenti kemm għall-fidi u kemm għall-għemejjel?
B’MOD ġenerali, il-Kristjani tal-bidu taw prova tal-fidi tagħhom bil-mod kif għexu ħajjithom. Id-dixxiplu Ġakbu ħeġġeġ lill-Kristjani kollha: “Qisu li tagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss.” Hu żied: “Bħalma l-ġisem mingħajr l-ispirtu hu mejjet, hekk ukoll il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.” (Ġakbu 1:22; 2:26) Xi 35 sena wara li kiteb dan, ħafna Kristjani kienu għadhom qed jagħtu prova tal-fidi tagħhom permezz t’għemejjel xierqa. Imma b’dispjaċir, xi wħud ma kinux qed jagħmlu dan. Ġesù faħħar lill-kongregazzjoni taʼ Żmirna; però, lil ħafna wħud fil-kongregazzjoni f’Sardi, hu qalilhom: “Naf l-għemejjel tiegħek, li għandek il-fama li int ħaj, imma int mejjet.”—Rivelazzjoni 2:8-11; 3:1.
2. Il-Kristjani x’għandhom jistaqsu lilhom infushom dwar il-fidi tagħhom?
2 Minħabba f’hekk, Ġesù inkuraġġixxa lil dawk f’Sardi—u b’mod iktar estensiv lil dawk kollha li iktar tard qraw kliemu—biex jagħtu prova taʼ l-ewwel imħabba tagħhom għall-verità Kristjana u biex ikunu mqajmin spiritwalment. (Rivelazzjoni 3:2, 3) Kull wieħed minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu: ‘X’nistaʼ ngħid dwar l-għemejjel tiegħi? L-azzjonijiet tiegħi juru ċar u tond li qed nagħmel l-almu tiegħi biex nagħti prova tal-fidi tiegħi b’dak kollu li nagħmel, anki f’aspetti li m’humiex konnessi direttament max-xogħol taʼ l-ippridkar jew mal-laqgħat tal-kongregazzjoni?’ (Luqa 16:10) Ħafna aspetti tal-ħajja jistgħu jiġu kunsidrati, imma ejja nittrattaw aspett wieħed biss: il-laqgħat soċjali, inkluż dawk li spiss jiġu wara t-tiġijiet Kristjani.
Laqgħat Soċjali Żgħar
3. X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar li nattendu laqgħat soċjali?
3 Ħafna minna nieħdu gost meta niġu mistidnin biex niltaqgħu maʼ Kristjani henjin. Ġeħova hu “l-Alla l-hieni,” li jrid li l-qaddejja tiegħu jkunu henjin. (1 Timotju 1:11) Hu ried li Salamun jinkludi fil-Bibbja din ir-realtà: “Jien infaħħar it-tgawdija, għax il-bniedem m’għandux hena ieħor taħt ix-xemx ħlief li jiekol u jixrob, u jkun ferħan; ħa jkunu dawn sħabu fit-taħbit tiegħu tul l-għomor [tiegħu].” (Koħèlet 3:1, 4, 13; 8:15) Dan l-hena jistaʼ jitgawda waqt ikla tal-familja jew waqt xi laqgħa soċjali żgħira oħra m’aduraturi veri.—Ġob 1:4, 5, 18; Luqa 10:38-42; 14:12-14.
4. Persuna li tkun qed tħejji laqgħa soċjali dwar xiex għandha toqgħod attenta?
4 Jekk qed tħejji laqgħa bħal din u int responsabbli għaliha, għandek taħseb sew dwar dak li tippjana, anki jekk qed tistieden biss lil ftit minn ħutek fit-twemmin għal ikla jew għal konversazzjoni pjaċevoli. (Rumani 12:13) Int se tkun trid tara li “jsir kollox bid-deċenza,” gwidat mill-“għerf li ġej minn fuq.” (1 Korintin 14:40; Ġakbu 3:17) L-appostlu Pawlu kiteb: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla. Tkunux taʼ tfixkil.” (1 Korintin 10:31, 32) Liema huma xi aspetti li jirrikjedu attenzjoni partikulari? Ikkunsidrahom minn qabel biex tkun ċert li dak li tagħmel int jew il-mistidnin tiegħek juri li int tipprattika dak li temmen.—Rumani 12:2.
Kif Se Tkun il-Laqgħa?
5. Għala għandu l-wieħed li jistieden jaħseb bir-reqqa dwar jekk hux se jservi x-xorb alkoħoliku u jekk għandux ikun hemm il-mużika?
5 Ħafna wħud li jilqgħu lill-mistidnin iffaċċjaw il-kwistjoni dwar jekk għandhomx iservu xorb alkoħoliku. Dan ix-xorb m’huwiex neċessarju biex laqgħa tkun inkuraġġanti. Ftakar li Ġesù pprovda ikla għal grupp kbir mhux ħażin taʼ nies li marru jisimgħuh—hu kattar il-ħobż u l-ħut. Ir-rakkont ma jgħidx li pprovda l-inbid b’mod mirakoluż, għalkemm nafu li hu kien kapaċi jagħmel dan. (Mattew 14:14-21) Jekk tiddeċiedi li sservi x-xorb alkoħoliku f’laqgħa, kun moderat dwar l-ammont li se sservi, u kun ċert li jkun hemm xorb tajjeb ieħor li m’huwiex alkoħoliku għal dawk li jippreferuh. (1 Timotju 3:2, 3, 8; 5:23; 1 Pietru 4:3) Qatt tagħmel pressjoni fuq dak li jkun biex jixrob xi ħaġa li tistaʼ tkun tigdem “bħal serp.” (Proverbji 23:29-32) Xi ngħidu għall-mużika jew il-kant? Jekk il-laqgħa se tkun tinkludi l-mużika, żgur li se tagħżel id-diski bir-reqqa, u se tikkunsidra kemm ir-ritmu u kemm il-kliem. (Kolossin 3:8; Ġakbu 1:21) Ħafna Kristjani sabu li meta jdoqqu jew anki jkantaw l-Għanjiet tas-Saltna jkollhom atmosfera pjaċevoli. (Efesin 5:19, 20) U m’għandniex xi ngħidu, oqgħod attent għall-volum b’mod regulari ħalli l-mużika ma ttellifx il-konversazzjoni pjaċevoli u lanqas ma ddejjaq lill-ġirien.—Mattew 7:12.
6. Kif jistaʼ min jistieden juri li għandu fidi ħajja permezz tal-konversazzjoni tiegħu jew f’attivitajiet oħrajn?
6 F’laqgħa soċjali, il-Kristjani jistgħu jitkellmu dwar diversi suġġetti, jaqraw xi materjal b’leħen għoli, jew jirrakkontaw esperjenzi interessanti. Jekk il-konversazzjoni ma tibqax skond il-livelli Kristjani, il-wieħed li jistieden għandu jdawwar id-diskors bit-tattika. Hu għandu wkoll ikun attent li ebda persuna ma tiddomina l-konversazzjoni. Jekk jara li dan iseħħ, hu jistaʼ jesprimi ruħu b’mod diskret u jinkludi lill-oħrajn fil-konversazzjoni, forsi billi jistieden liż-żgħar biex jesprimu ruħhom jew jintroduċi suġġett li jqanqal lil kulħadd biex jikkummenta. Kemm il-kbar u kemm iż-żgħar se jieħdu gost b’dan l-aspett tal-laqgħa. Jekk int, bħala l-wieħed li torganizza, tiggwida l-affarijiet bl-għaqal u bit-tattika, kulmin hu preżenti ‘se jkun jaf kemm int raġunevoli.’ (Filippin 4:5) Se jindunaw li l-fidi tiegħek hi ħajja, waħda li teffettwa lil kull aspett taʼ ħajtek.
It-Tiġijiet u r-Riċevimenti
7. Għala huwa xieraq li nikkunsidraw l-ippjanar tat-tiġijiet u r-riċevimenti konnessi magħhom?
7 Tieġ Kristjan hu okkażjoni speċjali taʼ ferħ. Il-qaddejja t’Alla tal-qedem, inkluż Ġesù u d-dixxipli tiegħu, minn qalbhom ħadu sehem fi ġrajjiet taʼ ferħ bħal dawn, anki fl-iffesteġġjar konness magħhom. (Ġenesi 29:21, 22; Ġwanni 2:1, 2) Madankollu, dan l-aħħar l-esperjenza wriet li l-ippjanar taʼ riċeviment konness mat-tiġijiet jeħtieġ sforz speċjali jekk dan se jirrifletti r-raġunevolezza u l-bilanċ Kristjan. Però, dawn huma aspetti normali tal-ħajja li jagħtu lil Kristjan opportunità biex juri l-fidi tiegħu.
8, 9. Il-prattiki f’ħafna tiġijiet kif jikkonfermaw dak li hemm miktub fl-1 Ġwanni 2:16, 17?
8 Ħafna nies li la jafu l-prinċipji t’Alla u lanqas jimpurtahom minnhom iħarsu lejn it-tieġ bħala okkażjoni biex imorru fl-estrem, jew forsi okkażjoni fejn l-estremi jiġu tollerati. F’rivista Ewropea, mara li kienet għadha kif iżżewġet qalet dan dwar it-tieġ “irjali” tagħha: ‘Irkibna fuq il-karozzella tagħna b’erbat iżwiemel segwiti minn tnax-il karozzin miġbudin miż-żwiemel, u karozzella ġarret il-grupp li kien qed idoqq il-mużika. Imbagħad kellna ikla delizzjuża u mużika eċċellenti; kollox kien tassew meraviljuż. Eżatt kif xtaqt, kont reġina għal ġurnata waħda.’
9 Waqt li l-prattiki jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, dawn is-sentimenti sempliċement jikkonfermaw b’mod ċar dak li kiteb l-appostlu Ġwanni: “Kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja.” Tistaʼ timmaġina li koppja Kristjana matura tkun trid tieġ “irjali” b’riċeviment lussuż bħal taʼ l-istejjer? Minflok, fil-ħarsa tagħha għandha tikkunsidra li “min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:16, 17.
10. (a) L-ippjanar għala huwa neċessarju biex tieġ ikun raġunevoli? (b) Kif għandhom isiru deċiżjonijiet dwar dawk li jiġu mistidnin?
10 Il-koppji Kristjani jridu jkunu kemm realistiċi u kemm raġunevoli, u l-Bibbja tistaʼ tgħinhom. Għalkemm il-ġurnata tat-tieġ hija importanti, huma jafu li hija biss il-bidu tal-ħajja miżżewġa taʼ żewġ Kristjani li għandhom il-ħajja taʼ dejjem quddiemhom. Huma m’humiex obbligati li jkollhom riċeviment kbir. Jekk jagħżlu li jkollhom riċeviment, huma se jkunu jridu jikkalkulaw l-ispejjeż u jikkunsidraw x’tip taʼ riċeviment se jkun. Fil-ħajja Kristjana tagħhom flimkien, ir-raġel se jkun il-kap skond l-Iskrittura. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:22, 23) Allura l-għarus huwa primarjament responsabbli għar-riċeviment tat-tieġ. M’għandniex xi ngħidu, hu bl-imħabba se jikkonsulta maʼ dik li se tkun martu dwar kwistjonijiet bħal lil min jixtiequ jew jistgħu jistiednu għar-riċeviment tat-tieġ. Għandu mnejn ma jkunx possibbli jew prattiku li jistiednu lil sħabhom u l-qraba tagħhom kollha; għalhekk, ikollhom jieħdu ċerti deċiżjonijiet bil-modestja. Il-koppja għandu jkollha fiduċja li jekk ma tistax tistieden lil xi Kristjani sħabha, dawn se jifhmuha u mhux se jieħdu għalihom.—Koħèlet 7:9.
“Il-Kap tal-Festa”
11. “Il-kap tal-festa” liema rwol jistaʼ jkollu fit-tieġ?
11 Jekk koppja tagħżel li jkollha riċeviment biex tiċċelebra t-tieġ, kif tistaʼ tkun ċerta li l-okkażjoni tibqaʼ waħda dinjituża? Għal ħafna snin, ix-Xhieda taʼ Ġeħova fehmu kemm hu għaqli li jinkludu aspett imsemmi b’konnessjoni mar-riċeviment li Ġesù attenda f’Kana. F’din l-okkażjoni kien hemm “il-kap tal-festa,” li żgur kien ħu fit-twemmin li kien responsabbli. (Ġwanni 2:9, 10) Bl-istess mod, għarus li jkun għaqli se jagħżel ħu Kristjan matur u responsabbli għal dan l-irwol importanti. Malli jkun jaf eżatt x’inhuma x-xewqat u l-gosti taʼ l-għarus, il-kap tal-festa jistaʼ jsegwi d-dettalji kemm qabel ir-riċeviment u kemm matulu.
12. L-għarus x’għandu jikkunsidra dwar l-użu tax-xorb alkoħoliku?
12 Fi qbil maʼ dak li ddiskutejna f’paragrafu 5, xi koppji jagħżlu li jħallu barra x-xorb alkoħoliku mir-riċeviment biex ma jkunx hemm xi abbuż li jtellef il-ferħ u s-suċċess taʼ l-okkażjoni. (Rumani 13:13; 1 Korintin 5:11) Però, jekk jinkludu x-xorb alkoħoliku, l-għarus għandu jara li dan jiġi servut jew ikun disponibbli b’moderazzjoni. Fil-festa tat-tieġ li attenda Ġesù f’Kana kien hemm l-inbid, u hu pprovda nbid taʼ kwalità tajba. Huwa interessanti li l-kap tal-festa kkummenta: “Kulħadd joħroġ l-ewwel l-aħjar inbid, u meta n-nies ikunu xurbana, imbagħad joħroġ l-inferjuri. Int żammejt l-aħjar inbid s’issa.” (Ġwanni 2:10) Żgur li Ġesù ma inkuraġġiex is-sokor, għaliex hu kien jarah bħala li m’huwiex aċċettabbli. (Luqa 12:45, 46) Meta baqaʼ sorpriż minħabba l-kwalità taʼ l-inbid, il-kap wera biċ-ċar li kien osserva xi okkażjonijiet meta xi mistidnin għat-tieġ kienu fis-sakra. (Atti 2:15; 1 Tessalonikin 5:7) Għalhekk, kemm l-għarus u kemm il-Kristjan taʼ min jafdah li jiġi inkarigat bħala l-kap tal-festa għandhom ikunu ċerti li kulmin ikun preżenti jsegwi d-direzzjoni ċara: “Tiskrux bl-inbid, li fih hemm il-ħajja bla rażan.”—Efesin 5:18; Proverbji 20:1; Hosegħa 4:11.
13. Koppja x’għandha tikkunsidra jekk se jkollha l-mużika fir-riċeviment tat-tieġ, u għala?
13 Bħalma hu minnu fil-każ taʼ laqgħat oħrajn, jekk għandu jkun hemm il-mużika, trid tingħata attenzjoni għall-volum sabiex dak li jkun jistaʼ jsibha faċli jkellem lil oħrajn. Anzjan Kristjan wieħed innota: “Hekk kif jidħol il-lejl, meta l-konversazzjoni ssir iktar allegra u jibda ż-żfin, kultant il-volum tal-mużika jogħla. Dik li tibda bħala mużika fl-isfond tistaʼ ssir tant għolja li ma tkunx tistaʼ titkellem sew. Riċeviment tat-tieġ joffri opportunità għal sħubija pjaċevoli. X’ħasra li kieku l-mużika għolja kellha ttellef din l-opportunità!” F’dan il-każ ukoll, l-għarus u l-kap tal-festa jridu jaġixxu b’mod responsabbli, mhux iħallu r-responsabbiltà f’idejn il-mużiċisti biex jikkontrollaw it-tip taʼ mużika li tindaqq u l-volum tagħha, kemm jekk dawn ikunu mikrijin u kemm jekk le. Pawlu kiteb: “Kulma tgħidu jew tagħmlu, agħmluh f’isem il-Mulej Ġesù.” (Kolossin 3:17) Meta l-mistidnin imorru lura d-dar wara riċeviment tat-tieġ, se jiftakru huma fil-mużika bħala li tirrifletti fuq il-koppja bħala li huma wħud li kienu qed jagħmlu kollox f’isem Ġesù? Hekk għandu jkun.
14. Il-Kristjani liema memorji għandhom jgħożżu dwar tieġ?
14 Iva, tieġ imħejji sew jistaʼ jħalli memorja pjaċevoli. Adam u Edyta, li ilhom miżżewġin 30 sena, ikkummentaw hekk dwar tieġ li attendew: “Tassew stajt tħoss l-atmosfera Kristjana. Kien hemm għanjiet li jfaħħru lil Ġeħova imma wkoll xi divertiment sabiħ ieħor. Iż-żfin u l-mużika kienu taʼ importanza sekondarja. Kienet ġrajja pjaċevoli u inkuraġġanti, u kollox kien fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja.” Jidher ċar li hemm ħafna x’jistgħu jagħmlu l-għarus u l-għarusa biex juru l-fidi tagħhom b’għemilhom.
Rigali tat-Tieġ
15. Liema parir tal-Bibbja għandu jiġi applikat rigward ir-rigali tat-tieġ?
15 F’ħafna pajjiżi huwa komuni li l-ħbieb u l-qraba jagħtu rigal lil dawk li jkunu se jiżżewġu. Jekk int tagħżel li tagħmel dan, x’inhuma xi affarijiet li għandek iżżomm f’moħħok? Ftakar fil-kumment taʼ l-appostlu Ġwanni dwar “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” Hu ma qabbilx dan l-iffanfrar maʼ Kristjani li juru l-fidi tagħhom bl-għemil, imma mad-‘dinja li qed tgħaddi.’ (1 Ġwanni 2:16, 17) Meta tqis l-osservazzjoni ispirata taʼ Ġwanni, għandha l-koppja ġdida tħabbar pubblikament l-isem taʼ kulmin jagħti rigal? Il-Kristjani mill-Maċedonja u mill-Akaja għamlu kontribuzzjonijiet għall-aħwa f’Ġerusalemm, imma m’hemm ebda indikazzjoni li isimhom ġie rikonoxxut fil-pubbliku. (Rumani 15:26) Ħafna Kristjani li jagħtu rigal tat-tieġ ikunu jixtiequ li jibqgħu anonimi minflok ma jiġbdu attenzjoni żejda lejhom infushom. F’dan ir-rigward, irrivedi l-kliem taʼ Ġesù misjub f’Mattew 6:1-4.
16. Kif tistaʼ koppja li tkun għadha kif iżżewġet tevita li tweġġaʼ s-sentimenti t’oħrajn b’konnessjoni mar-rigali tat-tieġ?
16 Il-fatt li dak li jkun jidentifika lil min jagħti r-rigali jistaʼ ‘jqanqal il-kompetizzjoni’ dwar liema rigal hu l-aqwa u liema jiswa l-iktar flus. Għalhekk, koppja Kristjana li tkun għadha kif iżżewġet tuża l-għaqal meta toqgħod lura milli tħabbar pubblikament l-isem taʼ min jagħti r-rigali. It-tħabbir taʼ dawk li taw ir-rigali jistaʼ jimbarazza lill-oħrajn li forsi ma kinux jaffordjaw jagħtu rigal. (Galatin 5:26; 6:10) Huwa minnu li m’huwiex ħażin li l-għarus u l-għarusa jkunu jafu min ta ċertu rigal. Dan jistgħu jsiru jafuh minn kartolina adattata li takkumpanja lir-rigal imma li ma tinqarax fil-pubbliku. Meta nixtru, nagħtu, jew naqilgħu rigal tat-tieġ, aħna lkoll għandna ċ-ċans nagħtu prova li anki f’affarijiet privati bħal dawn, il-fidi tagħna teffettwa l-għemejjel tagħna.a
17. Il-Kristjani liema mira għandu jkollhom rigward il-fidi u l-għemejjel tagħhom?
17 Il-fatt li nagħtu prova tal-fidi tagħna żgur li jinvolvi iktar milli ngħixu ħajja b’morali għoljin, nattendu l-laqgħat Kristjani, u nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Jalla lkoll kemm aħna jkollna fidi ħajja li teffettwa lil dak kollu li nagħmlu. Iva, nistgħu nuru l-fidi tagħna bl-għemejjel tagħna “mwettqin bis-sħiħ,” inkluż fl-aspetti tal-ħajja li ddiskutejna f’dan l-artiklu.—Rivelazzjoni 3:2.
18. Kif jistaʼ l-kliem fi Ġwanni 13:17 ikun minnu b’konnessjoni mat-tiġijiet u l-laqgħat soċjali Kristjani?
18 Wara li Ġesù ħalla eżempju mill-aqwa għall-appostli leali tiegħu minħabba l-għemil umli tiegħu meta ħaslilhom saqajhom, hu qal: “Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.” (Ġwanni 13:4-17) Fil-post fejn ngħixu llum, jistaʼ jkun li m’huwiex neċessarju jew normali li naħslu s-saqajn taʼ individwu ieħor, bħal xi mistieden f’darna. Però, bħalma kkunsidrajna f’dan l-artiklu, hemm aspetti oħrajn fil-ħajja li fihom nistgħu nuru l-fidi tagħna permezz t’azzjonijiet kollhom imħabba u konsiderazzjoni, inkluż dawk konnessi mal-laqgħat soċjali u t-tiġijiet Kristjani. Dan hu minnu kemm jekk se niżżewġu u kemm jekk aħna mistidnin għal tieġ jew għar-riċeviment hieni taʼ wara maʼ Kristjani li jridu juru l-fidi tagħhom permezz t’għemilhom.
[Nota taʼ taħt]
a Aspetti oħrajn tat-tiġijiet u r-riċevimenti relatati huma diskussi fl-artiklu li jmiss, “Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek.”
Int Kif Twieġeb?
Kif tistaʼ tagħti prova tal-fidi tiegħek
• meta torganizza laqgħa soċjali?
• meta torganizza tieġ jew riċeviment?
• meta tagħti jew tirċievi rigali tat-tieġ?
[Stampa f’paġna 24]
Anki meta tistieden biss ftit nies, kun gwidat mill-“għerf li ġej minn fuq”
-
-
Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ TiegħekIt-Torri tal-Għassa—2006 | Ottubru 15
-
-
Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek
“IL-ĠURNATA tat-tieġ tiegħi kienet waħda mill-iktar ġranet sinifikanti u ferħanin taʼ ħajti,” qal Gordon, li ilu miżżewweġ kważi 60 sena. Il-ġurnata tat-tieġ għala hija daqshekk importanti għall-Kristjani veri? Dan hu jum meta jagħmlu wegħda qaddisa lil dawk li tassew iħobbu—lill-imseħbin tagħhom u lil Alla Ġeħova. (Mattew 22:37; Efesin 5:22-29) Iva, il-koppji li jippjanaw li jiżżewġu jridu jgawdu l-ġurnata tat-tieġ tagħhom, imma huma jridu wkoll jonoraw lill-Oriġinatur taż-żwieġ.—Ġenesi 2:18-24; Mattew 19:5, 6.
Kif jistaʼ għarus iżid mad-dinjità taʼ din l-okkażjoni taʼ ferħ? X’tistaʼ tagħmel għarusa biex tonora lil żewġha u lil Ġeħova? Oħrajn li jattendu kif jistgħu jżidu mal-ferħ tal-ġurnata tat-tieġ? Ikkunsidra xi prinċipji Bibliċi li se jgħinuna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet, u kif meta napplikaw dawn il-prinċipji se nnaqqsu l-problemi li jistgħu jtellfu mill-ferħ taʼ din l-okkażjoni speċjali.
Min Hu Responsabbli?
F’ħafna pajjiżi, iċ-ċerimonja legali taż-żwieġ tistaʼ ssir minn ministru tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Anki f’postijiet fejn il-pass legali jrid isir minn aġent ċivili, il-koppja għandha mnejn tkun trid li jkollha taħdita bbażata fuq il-Bibbja. F’din it-taħdita, ġeneralment l-għarus jintalab jimmedita fuq l-irwol mogħti minn Alla lill-kap tal-familja. (1 Korintin 11:3) Minħabba f’hekk, l-għarus għandu r-responsabbiltà primarja taʼ dak li jiġri fit-tieġ. M’għandniex xi ngħidu, l-arranġamenti għaċ-ċerimonja tat-tieġ stess u għal kwalunkwe riċeviment li jistaʼ jiġi wara ġeneralment isiru ħafna minn qabel. Dan għala jistaʼ jkun taʼ sfida?
Raġuni waħda hi li l-qraba minn xi naħa jew oħra jistgħu jipprovaw jinfluwenzaw b’mod dominanti l-pjanijiet tat-tieġ. Rodolfo, li għamel ħafna ċerimonji tat-tieġ, jinnota: “Kultant, l-għarus jiffaċċja pressjoni enormi mill-qraba, speċjalment jekk ikunu qed jgħinuh iħallas għar-riċeviment tat-tieġ. Huma jistaʼ jkollhom opinjonijiet qawwija dwar dak li għandu jiġri waqt iċ-ċerimonja tat-tieġ u waqt ir-riċeviment. Dan jistaʼ jfixkel l-irwol Skritturali taʼ l-għarus bħala l-wieħed responsabbli għall-okkażjoni.”
Max, li ilu jagħmel iċ-ċerimonji tat-tieġ għal iktar minn 35 sena, josserva: “Innotajt it-tendenza li l-għarusa tibda tieħu d-deċiżjonijiet dwar dak li se jseħħ fit-tieġ u r-riċeviment, u l-għarus ma tantx ikollu opportunità biex jagħti l-opinjoni tiegħu.” David, li wkoll għamel ħafna ċerimonji tat-tieġ, jikkummenta: “L-għarus għandu mnejn ma jkunx imdorri jieħu t-tmexxija u ġeneralment ma jkunx involut biżżejjed fit-tħejjijiet tat-tieġ.” Kif jistaʼ l-għarus jieħu ħsieb ir-responsabbiltà tiegħu b’mod effettiv?
Il-Komunikazzjoni Żżid il-Ferħ
Sabiex l-għarus iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu sew fit-tħejjijiet tat-tieġ, hu għandu jikkomunika b’mod effettiv. Il-Bibbja tgħid b’mod ċar: “Il-ħsibijiet ifallu fejn m’hemmx ftehim.” (Proverbji 15:22, Karm Żammit) Madankollu, tistaʼ tiġi evitata ħafna frustrazzjoni jekk l-għarus l-ewwel jiddiskuti t-tħejjijiet tat-tieġ maʼ l-għarusa tiegħu, mal-membri tal-familja, u m’oħrajn li jistgħu jagħtu parir tajjeb mill-Bibbja.
Iva, hu vitali li l-għarajjes l-ewwel jiddiskutu flimkien il-pjanijiet u l-possibbiltajiet. Biex naraw għala, ejja naraw xi kummenti minn Ivan u martu, Delwyn, li ilhom magħqudin fi żwieġ hieni għal ħafna snin imma li trabbew f’kulturi differenti. Meta jiftakar fil-pjanijiet tat-tieġ tagħhom, Ivan jgħid: “Jien kelli ideat ċari dwar dak li ridt għat-tieġ tiegħi, inkluż riċeviment bil-ħbieb tiegħi kollha preżenti, kejk tat-tieġ, u l-għarusa tiegħi liebsa libsa bajda tat-tieġ. Delwyn, min-naħa l-oħra, riedet tieġ sempliċi u żgħir mingħajr kejk tat-tieġ. Hi saħansitra kkunsidrat li tilbes xi ħaġa oħra minflok libsa tat-tieġ.”
Din il-koppja kif irnexxielha tieħu ħsieb dawn id-differenzi? Permezz taʼ komunikazzjoni onesta u b’qalb tajba. (Proverbji 12:18) Ivan iżid: “Aħna studjajna artikli bbażati fuq il-Bibbja dwar is-suġġett tat-tiġijiet, bħal dawk pubblikati fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 1984.a Dan il-materjal għenna biex ikollna ħarsa spiritwali lejn l-okkażjoni. Minħabba l-isfondi differenti tagħna, kellna nagħmlu kompromess f’diversi aspetti tal-preferenzi persunali tagħna. It-tnejn li aħna sibna t-triq tan-nofs.”
Aret u Penny għamlu xi ħaġa simili. Dwar il-ġurnata tat-tieġ tagħhom, Aret jgħid: “Jien u Penny iddiskutejna x-xewqat differenti tagħna għat-tieġ, u rnexxielna nilħqu ftehim bejnietna. Tlabna lil Ġeħova biex ibierek il-ġurnata. Jien tlabt ukoll il-parir tal-ġenituri tagħna u taʼ xi koppji miżżewġin u maturi fil-kongregazzjoni. Is-suġġerimenti tagħhom kienu tassew t’għajnuna. B’hekk, it-tieġ tagħna kien tassew sabiħ.”
Żomm id-Dinjità fl-Ilbies u d-Dehra
M’għandniex xi ngħidu, kemm l-għarusa u kemm l-għarus jixtiequ jkunu lebsin sew għat-tieġ tagħhom. (Salm 45:9-16 [45:8-15, NW]) Huma għandhom mnejn iqattgħu l-ħin, jagħmlu sforz, u jonfqu l-flus biex ikollhom ilbies xieraq. Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuhom jagħżlu dak li hu kemm dinjituż u kemm attraenti?
Ikkunsidra dak li tilbes l-għarusa għall-okkażjoni. Waqt li l-gosti jvarjaw minn persuna għall-oħra u minn pajjiż għall-ieħor, it-twissija tal-Bibbja tapplika kullimkien. In-nisa għandhom “jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku.” Dan japplika għan-nisa Kristjani f’kull żmien, u żgur li jinkludi l-ġurnata tat-tieġ. Il-fatt hu li biex tieġ ikun hieni m’hemmx bżonn taʼ “ħwejjeġ li jiswew ħafna flus.” (1 Timotju 2:9; 1 Pietru 3:3, 4) X’sodisfazzjon ikun hemm meta dan il-parir jiġi applikat!
David, li ssemma qabel, jikkummenta: “Ħafna koppji jistinkaw biex isegwu l-prinċipji tal-Bibbja, u huma taʼ min ifaħħarhom. Però, kien hemm każi meta l-ilbies taʼ l-għarusa u l-bridesmaids ma kienx modest, skullat minn quddiem jew trasparenti.” Meta jiltaqaʼ maʼ l-għarus u l-għarusa minn qabel, anzjan Kristjan matur jgħinhom iżommu ħarsa spiritwali. Kif? Billi jistaqsihom dwar l-ilbies li bi ħsiebhom jilbsu, jekk huwiex modest biżżejjed biex jintlibes għal xi laqgħa Kristjana. Huwa minnu li l-istil taʼ l-ilbies jistaʼ jkun differenti mill-ilbies normali tal-laqgħat, u dak li jintlibes għat-tieġ jistaʼ jirrifletti d-drawwiet lokali, imma l-livell tal-modestja għandu jkun fi qbil mal-livelli Kristjani tad-dinjità. Anki jekk xi wħud fid-dinja jistgħu jqisu l-kodiċi morali tal-Bibbja bħala li huwa strett wisq, il-Kristjani veri huma kuntenti li jirreżistu l-isforzi tad-dinja biex tagħġinhom skond il-modi tagħha.—Rumani 12:2; 1 Pietru 4:4.
“Minflok ma ħarisna lejn il-ħwejjeġ jew ir-riċeviment bħala l-iktar ħaġa importanti,” tgħid Penny, “jien u Aret iffokajna fuq iċ-ċerimonja, il-parti spiritwali taʼ l-okkażjoni. Kienet l-iktar parti importanti tal-ġurnata. L-affarijiet speċjali li niftakar huma, mhux xi lbist u x’kilt, imma maʼ min qattajt il-ġurnata u l-ferħ li ħassejt għaliex iżżewwiġt lir-raġel li nħobb.” Koppja Kristjana tagħmel tajjeb jekk iżżomm dawn il-ħsibijiet f’moħħha meta tippjana t-tieġ tagħha.
Is-Sala tas-Saltna—Post Dinjituż
Ħafna koppji Kristjani jixtiequ li jkollhom ċerimonja tat-tieġ fis-Sala tas-Saltna jekk din tkun disponibbli. Għala jippreferu jagħmlu dan? Koppja waħda spjegat l-irraġunar tagħha: “Aħna nirrealizzaw li ż-żwieġ hu l-arranġament sagru taʼ Ġeħova. Minħabba li żżewwiġna fis-Sala tas-Saltna, il-post fejn nagħtu qima, ġejna megħjunin inżommu f’moħħna mill-bidunett li Ġeħova kellu jkun parti miż-żwieġ tagħna. Benefiċċju ieħor li jkollok iċ-ċerimonja fis-Sala tas-Saltna minflok f’post ieħor kien li dan wera lill-qraba tagħna li m’humiex taʼ l-istess twemmin u li attendew kemm hi importanti għalina l-qima lil Ġeħova.”
Jekk l-anzjani tal-kongregazzjoni responsabbli mis-Sala tas-Saltna jagħtu l-permess biex it-tieġ isir f’dan il-post, il-koppja għandha tavżahom minn qabel dwar il-preparazzjonijiet li jkunu qed jiġu kunsidrati. Mod wieħed kif l-għarus u l-għarusa jistgħu juru r-rispett xieraq lejn il-mistidnin hu billi jkunu determinati sew li jaslu fil-ħin għat-tieġ. U huma żgur li se jkunu jridu jaċċertaw ruħhom li kollox isir b’mod dinjituż.b (1 Korintin 14:40) Għalhekk, se jkunu jridu jevitaw li jiġbdu ħafna attenzjoni żejda li hija karatteristika taʼ ħafna tiġijiet tad-dinja.—1 Ġwanni 2:15, 16.
Dawk li jattendu t-tieġ jistgħu wkoll juru li għandhom il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn iż-żwieġ. Per eżempju, huma mhux se jistennew li t-tieġ ikun aqwa minn tiġijiet Kristjani oħrajn, bħallikieku kien hemm xi kompetizzjoni dwar liema tieġ kien l-iktar elaborat. Il-Kristjani maturi jirrealizzaw ukoll li huwa iktar importanti u taʼ benefiċċju li jkunu fis-Sala tas-Saltna għat-taħdita bbażata minn fuq il-Bibbja milli jkunu preżenti għall-festa tat-tieġ jew għar-riċeviment li jkun hemm wara. Jekk il-ħin jew iċ-ċirkustanzi jippermettu li Kristjan ikun preżenti biss għal waħda minnhom, żgur li jkun aħjar jekk inkunu preżenti fis-Sala tas-Saltna. Anzjan li jismu William jgħid: “Jekk il-mistidnin ma jattendux bla bżonn fis-Sala tas-Saltna imma jkunu preżenti iktar tard għar-riċeviment, ikun qed jintwera nuqqas t’apprezzament għall-qdusija taʼ l-okkażjoni. Anki jekk ma nkunux mistidnin għar-riċeviment, nistgħu nuru l-appoġġ tagħna lill-għarus u l-għarusa u fit-tieġ nagħtu xiehda mill-aqwa lill-qraba li m’humiex taʼ l-istess twemmin billi nattendu ċ-ċerimonja fis-Sala tas-Saltna.
Ferħ li Jibqaʼ Wara l-Ġurnata tat-Tieġ
Id-dinja kummerċjali għamlet industrija enormi miċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ. Skond rapport reċenti, iż-żwiġijiet fl-Istati Uniti bħala medja “jiswew $22,000 (madwar Lm7,500), jew nofs id-dħul [annwali] taʼ familja Amerikana.” Minħabba li jiġu influwenzati mill-propaganda kummerċjali, ħafna koppji li jkunu għadhom kif jiżżewġu jew il-familji tagħhom jidħlu f’dejn kbir għal dik il-ġurnata waħda, li jdumu jġorruh għal snin sħaħ. Huwa għaqli li dak li jkun jidħol għaż-żwieġ b’dan il-mod? Dawk li ma jafux il-prinċipji Bibliċi jew li ma jimpurtahomx minnhom għandhom mnejn jagħżlu li jberbqu flushom b’dan il-mod, imma kemm huma differenti l-affarijiet fost il-Kristjani veri!
Minħabba li llimitaw id-daqs tat-tieġ tagħhom għal dak li hu raġunevoli u li jaffordjaw u billi ffokaw fuq l-aspett spiritwali taʼ l-okkażjoni, ħafna koppji Kristjani rnexxielhom jużaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom fi qbil mad-dedikazzjoni tagħhom lil Alla. (Mattew 6:33) Ikkunsidra l-eżempju taʼ Lloyd u Alexandra, li komplew jaqdu fil-ministeru full-time għal 17-il sena minn meta żżewġu. Lloyd jikkummenta: “Xi wħud forsi ħarsu lejn it-tieġ tagħna bħala okkażjoni kemxejn sempliċi, imma jien u Alexandra konna tassew kuntenti. Ħassejna li l-ġurnata tat-tieġ tagħna kellha tkun ċelebrazzjoni taʼ l-arranġament taʼ Ġeħova li jġib ferħ kbir lil tnejn min-nies, mhux piż finanzjarju li rridu nġorru.”
Alexandra żżid: “Jien kont qed naqdi bħala pijuniera qabel ma żżewwiġna, u ma ridtx nitlaq dan il-privileġġ sempliċement biex ikolli tieġ kollu tlellix. Il-ġurnata tat-tieġ tagħna kienet tassew speċjali. Però, kienet biss l-ewwel ġurnata tal-bqija taʼ ħajjitna flimkien. Aħna applikajna l-parir li nevitaw li nikkonċentraw iżżejjed fuq l-att taʼ li nidħlu fiż-żwieġ u fittixna l-gwida taʼ Ġeħova dwar il-ħajja taʼ li nkunu miżżewġin. Dan żgur li ġabilna l-barka taʼ Ġeħova.”c
Iva, il-ġurnata tat-tieġ tagħkom hi okkażjoni speċjali. L-attitudnijiet u l-azzjonijiet evidenti dakinhar jistgħu jkunu t’eżempju għall-ħajja miżżewġa tagħkom fis-snin li jkunu ġejjin wara. Għalhekk, strieħu fuq Ġeħova għall-gwida. (Proverbji 3:5, 6) Żommu l-ewwel f’moħħkom is-sinifikat spiritwali tal-ġurnata tat-tieġ. Appoġġaw lil xulxin fl-irwoli tagħkom mogħtijin minn Alla. B’hekk, intom tkunu tistgħu tpoġġu bażi b’saħħitha għaż-żwieġ tagħkom, u bil-barka taʼ Ġeħova se jkollkom il-ferħ li jdum ħafna wara l-ġurnata tat-tieġ tagħkom.—Proverbji 18:22.
[Noti taʼ taħt]
a Iktar informazzjoni dehret fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2002, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Jekk il-koppja tippjana li jkollha lil xi ħadd biex jieħu r-ritratti jew jirrekordja ċ-ċerimonja fis-Sala tas-Saltna, għandha tkun ċerta minn qabel li ma jsir xejn li se jnaqqas mid-dinjità tat-tieġ.
c Ara paġna 26 tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 29]
Koppja għandha tikkomunika bil-miftuħ imma bir-rispett waqt li tippjana għat-tieġ tagħha
[Stampa f’paġna 31]
Żommu l-ewwel f’moħħkom is-sinifikat spiritwali tal-ġurnata tat-tieġ
-