LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • 1 Għala Hemm Bżonn Nitolbu?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 1 Għala Hemm Bżonn Nitolbu?

      IT-​TALB. Ħafna nies jinteressahom ħafna x’tgħid il-​Bibbja dwar it-​talb. Ejja naraw sebaʼ mistoqsijiet dwar it-​talb u x’tgħid il-​Bibbja dwarhom. Dawn l-​artikli se jgħinuk biex tibda titlob. Jekk ġa titlob, se jgħinuk tkun ċert kif Alla jismaʼ t-​talb tiegħek.

      MADWAR id-dinja, nies minn kull kultura u reliġjon jitolbu. Jitolbu waħedhom u anki fi gruppi. Biex jitolbu lil Alla jmorru f’postijiet bħal knejjes u tempji, u forsi jużaw affarijiet differenti.

      It-​talb jagħmilna differenti minn kull ħaġa ħajja oħra fuq l-​art. Veru li għandna ħafna affarijiet l-​istess bħall-​annimali. Bħalhom għandna bżonn l-​ikel, l-​arja, u l-​ilma. Bħalhom, nitwieldu, ngħixu, u mmutu. (Ekkleżjasti 3:19) Imma għala n-​nies biss jitolbu?

      It-​tweġiba hi, għax hemm bżonn li nitolbu. Ħafna min-​nies, meta jitolbu, ikunu jridu jitkellmu mal-​alla li jqimu. Il-​Bibbja turina li aħna ġejna maħluqin b’dan il-​bżonn. (Ekkleżjasti 3:11) Ġesù qal: ‘Ferħanin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.’—Mattew 5:3.

      Kollha kemm aħna għandna dan il-​“bżonn spiritwali.” Għalhekk hawn ħafna reliġjonijiet u postijiet fejn in-​nies imorru jqimu u jitolbu. Imma ħafna nies jaħsbu li m’għandhomx bżonn lil Alla. Taħseb li dan hu vera? Peress li aħna limitati b’ħafna modi, ngħixu ħajja qasira, u hemm ħafna affarijiet li ma nifhmuhomx, għandna bżonn lil xi ħadd biex jgħinna. Xi ħadd li hu intelliġenti, b’saħħtu, u jgħix iżjed minna. X’għajnuna għandna bżonn?

      Aħseb fuq dan: Qatt kellek bżonn għajnuna, ridt tifhem xi ħaġa, jew ridt tweġibiet għall-​mistoqsijiet li ħadd ma setaʼ jwieġeb? Qatt kellek bżonn lil xi ħadd ikun hemm għalik, pereżempju meta miet xi ħadd li tħobb? Kellek bżonn għajnuna biex tieħu deċiżjoni importanti jew biex tinħafer taʼ ħaġa li għamilt?

      Skont il-​Bibbja, dawn huma kollha raġunijiet tajbin biex titlob. Il-​Bibbja tgħinna biex inkunu nafu kif u dwar xiex nitolbu, għax fiha nistgħu nsibu ħafna talb taʼ rġiel u nisa leali. Huma talbu għall-​faraġ, għall-​għajnuna, għall-​maħfra, u għat-​tweġibiet taʼ mistoqsijiet diffiċli.—Salm 23:3; 71:21; Danjel 9:4, 5, 19; Ħabakkuk 1:3.

      Dan it-​talb kellu xi ħaġa simili. Dawn l-​irġiel u n-​nisa kienu jafu xi ħaġa importanti dwar it-​talb, li llum il-​ġurnata ħafna nsewha. Huma kienu jafu lil min kellhom jitolbu.

  • 2 Lil Min Għandna Nitolbu?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 2 Lil Min Għandna Nitolbu?

      ALLA jismaʼ t-​talb kollu? Ħafna nies jaħsbu li iva. Ħafna jaħsbu li r-​reliġjonijiet kollha huma tajbin, għalhekk jirraġunaw li ma tagħmilx differenza liema alla titlob. Imma dan veru?

      Il-​Bibbja tgħidilna li n-​nies ħafna drabi ma jitolbux lill-​Alla l-​veru. Meta nkitbet il-​Bibbja, kienet xi ħaġa komuni li n-​nies jitolbu lill-​istatwi. Imma Alla kemm-​il darba kien avżahom dwar din id-​drawwa ħażina. Eżempju wieħed insibuh f’​Salm 115:4-​6, fejn jgħid hekk dwar l-​istatwi: “Widnejn għandhom, imma ma jistgħux jisimgħu.” Mela hawnhekk jurina b’mod ċar li huwa għalxejn li titlob lil alla li ma jistax jisimgħek.

      Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont li ġej. Il-​profeta Elija qal lill-​profeti taʼ Bagħal biex jitolbu lill-​alla tagħhom. Imbagħad hu kien se jitlob lil Alla tiegħu. Elija qal li l-​Alla l-​veru kien se jwieġeb u l-​wieħed falz le. Il-​profeti taʼ Bagħal damu jitolbu għal ħin twil, anki jgħajtu lill-​alla tagħhom, imma hu ma wiġibx! Ir-​rakkont jgħid: “Ma nstemaʼ l-​ebda leħen, u ħadd ma wiġibhom.” (1 Slaten 18:29) Imma x’ġara meta talab Elija?

      Wara li Elija talab, l-​Alla tiegħu wieġbu mill-​ewwel billi bagħat nar mis-​sema u ħaraq l-​offerta tiegħu. Alla għala wieġeb it-​talba tiegħu? Aħna nistgħu nifhmu għala meta naqraw it-​talba t’Elija miktuba fl-​1 Slaten 18:36, 37. Hija talba qasira ħafna, imma fiha Elija juża tliet darbiet l-​isem t’Alla, Ġeħova.

      Il-​Kangħanin kienu jqimu lil Bagħal u kienu jtuh ismijiet differenti skont fejn kienu joqogħdu. Imma Ġeħova hu l-​uniku isem tal-​Alla l-​veru. Hu qal lin-​nies tiegħu: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-​glorja tiegħi.”—Isaija 42:8.

      Għala t-​talba t’Elija ġiet imwieġba u t-​talb tal-​profeti taʼ Bagħal le? Il-​prostituzzjoni u s-​sagrifiċċji tan-​nies kienu parti mill-​qima lil Bagħal. Il-​qima lil Ġeħova kienet differenti. Hu ma riedx lin-​nies tiegħu jimitaw dawn id-​drawwiet diżgustanti. Minflok, hu riedhom iqimuh b’mod nadif. Ukoll, aħseb dwar dan: Jekk ikollok tibgħat ittra lil ħabib, trid tuża l-​isem tiegħu. Jekk tuża isem taʼ xi ħaddieħor, il-​ħabib qatt mhu se jirċievi l-​ittra.

      It-​talb t’Elija u tal-​profeti taʼ Bagħal wera li mhux it-​talb kollu jinstemaʼ

      Jekk titlob lil Ġeħova, tkun qed titlob lil Missierna li ħalaq kollox.a Il-​profeta Isaija talab: “O Ġeħova, int Missierna.” (Isaija 63:16) Ġesù kien qed jitkellem dwar Ġeħova meta qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (Ġwanni 20:17) Ġesù talab lil Alla Ġeħova li jiġi missieru. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Ġeħova.—Mattew 6:9.

      Tgħidilna l-​Bibbja biex nitolbu lil Ġesù, lil Marija, lill-​qaddisin, jew l-​anġli? Le, lil Ġeħova biss. Ejja naraw żewġ raġunijiet. L-​ewwel, it-​talb huwa tip taʼ qima, u l-​Bibbja tgħidilna li lil Ġeħova biss għandna nqimu. (Eżodu 20:5) It-​tieni, il-​Bibbja tgħid li hu “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Għalkemm Ġeħova jagħti ħafna responsabbiltajiet lil oħrajn, hu qatt ma ta din ir-​responsabbiltà lil ħaddieħor. Hu jwegħedna li hu stess se jismaʼ t-​talb tagħna.

      Jekk trid li Alla jismaʼ t-​talb tiegħek, ftakar x’tgħid il-​Bibbja: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.” (Atti 2:21) Imma Ġeħova jismaʼ t-​talb kollu? Jew hemm xi ħaġ’oħra li rridu nkunu nafu biex Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħna?

      a Xi reliġjonijiet jgħidu li hu ħażin li tgħid l-​isem personali t’Alla, anki fit-​talb. Meta nkitbet il-​Bibbja, l-​isem Ġeħova kien intuża madwar 7,000 darba. Pereżempju, kemm-​il darba nsibu ismu fit-​talb u s-​salmi.

  • 3 Kif Għandna Nitolbu?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 3 Kif Għandna Nitolbu?

      ĦAFNA reliġjonijiet jgħallmu li affarijiet bħal kif toqgħod u xi kliem tuża huma importanti ħafna meta titlob. Imma l-​Bibbja tgħinna nifhmu xi ħaġa iktar importanti minn dan: kif għandna nitolbu.

      Fil-​Bibbja naqraw li l-​qaddejja t’Alla talbuh f’pożizzjonijiet u postijiet differenti. Kien hemm min talab f’qalbu u oħrajn b’leħen għoli. Kien hemm min talab iħares ’il fuq u oħrajn b’rashom baxxuta. Huma ma użawx affarijiet bħal statwi, kuruni, jew affarijiet oħra. Minflok, talbu minn qalbhom. Alla għala semaʼ t-​talb tagħhom?

      Kif rajna fl-​artiklu taʼ qabel, huma talbu lil Ġeħova biss. Raġuni oħra għala Alla semaʼ t-​talb tagħhom insibuha fl-​1 Ġwanni 5:14: “Din hi l-​fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” It-​talb tagħna jrid jaqbel maʼ dak li jrid Alla. Dan xi jfisser?

      Irridu nistudjaw il-​Bibbja biex inkunu nafu xi jrid Alla u dwar xiex nistgħu nitolbu. M’hemmx għalfejn inkunu nafu kollox dwar il-​Bibbja qabel Alla jismaʼ t-​talb tagħna. Imma Alla jistenna li nipprovaw nitgħallmu dwar dak li jrid hu, nipprovaw nifhmuh, u nagħmluh f’ħajjitna. (Mattew 7:21-​23) Irridu nitolbu b’mod li jaqbel maʼ dak li qed nitgħallmu.

      Jekk irridu li Alla jismaʼ t-​talb tagħna, irridu nitolbu skont dak li jrid hu, irid ikollna l-​fidi, u rridu nitolbu f’isem Ġesù

      Hekk kif nitgħallmu dwar Ġeħova u dak li jrid hu, il-​fidi tagħna se tikber. Din hija raġuni oħra biex nitolbu. Ġesù qal: “Jekk ikollkom il-​fidi, kulma titolbu taqilgħuh.” (Mattew 21:22) Li jkollna l-​fidi ma jfissirx li nemmnu kollox. Minflok, ifisser li għandna provi tajbin għal dak li nemmnu għalkemm ma nistgħux narawhom. (Ebrej 11:1) Il-​Bibbja mimlija provi li juru li Ġeħova, għalkemm ma nistgħux narawh, jeżisti, nistgħu noqogħdu fuqu, u lest li jismaʼ t-​talb taʼ dawk kollha li għandhom fidi fih. Xorta nistgħu nitolbu biex ikollna iżjed fidi, u Ġeħova jieħu pjaċir itina dak li għandna bżonn.—Luqa 17:5; Ġakbu 1:17.

      Hemm xi ħaġa importanti oħra li rridu niftakru meta nitolbu. Ġesù qal: “Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Mela permezz taʼ Ġesù biss nistgħu nitolbu lil Ġeħova. Għalhekk, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu f’ismu. (Ġwanni 14:13; 15:16) Dan ma jfissirx li rridu nitolbu lil Ġesù, minflok, li nitolbu f’isem Ġesù. B’hekk niftakru li Ġesù hu l-​unika raġuni kif nistgħu nkellmu lil Missierna tas-​sema.

      L-​appostli taʼ Ġesù darba staqsewh: “Mulej, għallimna nitolbu.” (Luqa 11:1) Huma diġà kienu jafu ħafna dwar it-​talb, allura huma riedu jkunu jafu dwar xiex setgħu jitolbu.

  • 4 Dwar Xiex Għandna Nitolbu?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 4 Dwar Xiex Għandna Nitolbu?

      IT-​TALBA li Ġesù ħallielna bħala eżempju, li hi magħrufa wkoll bħala t-​Talba tal-​Missierna, hi talba li l-​Kristjani jgħidu ħafna iżjed minn kull talba oħra. Għalkemm ħafna nies jirrepetu dan il-​kliem, ma jafux xi jfisser. Imma Ġesù ma riedx li n-​nies joqogħdu jirrepetu dik it-​talba. Kif nafu?

      Qabel ma Ġesù qalilhom dik it-​talba, hu qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Allura, Ġesù għala tana din it-​talba bħala eżempju? Hu ma ridniex niftakruha bl-​amment u nirrepetuha. Minflok, Ġesù kien qed jgħallimna dwar xiex għandna nitolbu u liema huma l-​iżjed affarijiet importanti li għandna nitolbu dwarhom. Ejja naraw iżjed fid-​dettall x’qal. Din it-​talba nsibuha f’​Mattew 6:9-​13.

      “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.”

      Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu li għandhom jitolbu lil Missieru, Ġeħova. Imma taf għala isem Alla huwa daqshekk importanti u jrid jiġi mqaddes?

      Minn kemm ilhom jeżistu n-​nies, kien hemm ħafna gideb dwar Alla li ħammeġ ir-​reputazzjoni tiegħu. L-​għadu t’Alla, Satana, iridna nemmnu li Ġeħova hu egoist, giddieb, u li m’għandux id-​dritt imexxi fuq in-​nies. (Ġenesi 3:1-​6) Ħafna nies jaqblu ma’ Satana u jgħidu li Alla hu bla qalb, kattiv, u ma jaħfirx. Xi nies jgħidu wkoll li Alla lanqas biss jeżisti. Oħrajn neħħew ismu mill-​Bibbja u lanqas ħallew lin-​nies jużawh.

      Il-​Bibbja turi li Alla se jneħħi din l-​inġustizzja kollha. (Eżekjel 39:7) Billi jagħmel dan, se jtik dak kollu li għandek bżonn u jneħħi l-​problemi li għandek. Kif? It-​tweġiba nsibuha f’dak li jkompli jgħid Ġesù.

      “Ħa tiġi saltnatek.”

      Illum, għalliema reliġjużi ma jaqblux dwar x’inhi s-​Saltna t’Alla. Dawk li semgħu t-​talba taʼ Ġesù kienu diġà jafu li Alla wiegħed li se jibgħat Messija biex jagħmel Saltna li se tbiddel id-​dinja. (Isaija 9:6, 7; Danjel 2:44) Din is-​Saltna se tnaddaf ir-​reputazzjoni t’Alla, turi li Satana hu giddieb, u tneħħi lil Satana u l-​ħsara kollha li għamel. Is-​Saltna t’Alla se tneħħi l-​gwerer, il-​mard, il-​ġuħ, u anki l-​mewt. (Salm 46:9; 72:12-​16; Isaija 25:8; 33:24) Għalhekk, meta inti titlob biex tiġi s-​Saltna t’Alla, int tkun qed titlob biex jiġru dawn il-​wegħdi.

      “Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”

      Il-​kliem taʼ Ġesù juri li Alla jrid jagħmel ċert li jsir dak li jrid hu fuq l-​art bħalma hu fis-​sema. Kif nistgħu nkunu ċerti? Għax Iben Alla ġa keċċa lil Satana u d-​demonji tiegħu mis-​sema għal fuq l-​art. (Rivelazzjoni 12:9-​12) Għalhekk, dak li jrid Alla ġa qed isir fis-​sema. Dak li talab għalih Ġesù jgħinna nifhmu li dak li jrid Alla hu iżjed importanti minn dak li rridu aħna. Dak li jrid Alla dejjem hu l-​aħjar għalina. Anki Ġesù qal lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.”—Luqa 22:42.

      “Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum.”

      Ġesù wriena li nistgħu nitolbu wkoll għal dak li jkollna bżonn fil-​ħajja taʼ kuljum. Meta nagħmlu hekk, ifakkarna li Ġeħova hu l-​wieħed li “jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:25) Il-​Bibbja turina li hu bħal missier li jħobb lit-​tfal tiegħu u minn qalbu lest li jtihom x’għandhom bżonn. Imma bħal missier tajjeb, jekk insaqsuh għal xi ħaġa li mhijiex tajba għalina, hu mhux se jtihielna.

      “Aħfrilna d-​djun tagħna.”

      Għandna bżonn li Alla jaħfrilna? Ħafna llum ma jafux x’inhu dnub u kemm hu serju. Il-​Bibbja tgħallimna li aħna mmutu u għandna dawn il-​problemi kollha minħabba d-​dnub. Peress li aħna twilidna bid-​dnub u taʼ spiss niżbaljaw, l-​unika mod kif nistgħu ngħixu għal dejjem hu jekk Alla jaħfrilna dnubietna. (Rumani 3:23; 5:12; 6:23) Kemm inħossuna aħjar meta naqraw dak li tgħid il-​Bibbja: “Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—Salm 86:5.

      “Eħlisna mill-​Ħażin.”

      Tifhem eżatt kemm għandek bżonn il-​protezzjoni t’Alla? Ħafna ma jridux jemmnu li vera jeżisti “l-​Ħażin,” li hu Satana. Imma Ġesù għallem li Satana vera jeżisti, anki rrefera għalih bħala “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” (Ġwanni 12:31; 16:11) Satana qed jinfluwenza ħażin din id-​dinja li hu jikkontrolla. Hu jrid jinfluwenza b’mod ħażin lilek ukoll għax ma jridx li jkollok ħbiberija maʼ Missierek, Ġeħova. (1 Pietru 5:8) Imma Ġeħova hu iżjed b’saħħtu minn Satana u jrid jipproteġi lil dawk kollha li jħobbuh.

      Tgħallimna ħafna mit-​Talba tal-​Missierna, imma hemm ħafna iżjed affarijiet li nistgħu nitolbu dwarhom. Tinsiex, l-​1 Ġwanni 5:14 jgħid hekk dwar Alla: “Kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” Mela qatt taħseb li l-​problemi tiegħek mhumiex importanti biżżejjed biex titlob dwarhom.—1 Pietru 5:7.

      Tagħmel differenza fejn u meta nitlob?

  • 5 Fejn u Meta Għandna Nitolbu?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 5 Fejn u Meta Għandna Nitolbu?

      ĦAFNA reliġjonijiet jgħidulek fejn u meta trid titlob. Tgħidilna l-​Bibbja biex nitolbu f’ċerti postijiet u ħinijiet biss?

      Il-​Bibbja tgħidilna li hemm ħinijiet partikolari meta għandna nitolbu. Pereżempju Ġesù, qabel ma beda jiekol mad-​dixxipli tiegħu, irringrazzja ’l Alla bit-​talb. (Luqa 22:17) U d-​dixxipli tiegħu wkoll talbu meta ltaqgħu flimkien biex jitgħallmu dwar Alla. Huma kienu qed jagħmlu kif għamlu l-​Lhud għal ħafna snin fis-​sinagogi u fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Alla ried li t-​tempju jkun “dar tat-​talb għall-​ġnus kollha.”—Marku 11:17.

      Meta l-​qaddejja t’Alla jiltaqgħu flimkien u jitolbu, hu jismaʼ t-​talb tagħhom. Jekk jitolbu b’attitudni tajba u dak li jitolbu jaqbel maʼ dak li jrid Alla, hu jismagħhom. Dan it-​talb jistaʼ jimmotiva lil Alla biex jagħmel xi ħaġa. (Ebrej 13:18, 19) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jibdew u jispiċċaw il-​laqgħat tagħhom b’talba. Aħna nistidnuk minn qalbna biex tiġi għal dawn il-​laqgħat.

      Imma l-​Bibbja ma tgħidilniex li rridu nitolbu f’ċerti postijiet u ħinijiet biss. Fil-​Bibbja, aħna naqraw li l-​qaddejja t’Alla kienu jitolbu f’ħinijiet u postijiet differenti. Ġesù qal: “Meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-​bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-​moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.”—Mattew 6:6.

      Aħna nistgħu nitolbu kullimkien u xħin irridu

      Din hija stedina sabiħa! Inti tistaʼ titlob lill-​iżjed Persuna b’awtorità fl-​univers fi x’ħin trid, anki meta tkun waħdek, u tistaʼ tkun ċert li jisimgħek. Ġesù għalhekk kemm-​il darba ried ikun waħdu meta kien jitlob! Darba minnhom għamel lejl sħiħ jitlob qabel ħa deċiżjoni importanti.—Luqa 6:12, 13.

      Il-​Bibbja titkellem dwar irġiel u nisa li kienu jitolbu meta kellhom jieħdu deċiżjonijiet importanti jew meta kellhom problemi kbar. Ġieli talbu b’leħen għoli u ġieli f’qalbhom. Talbu fi gruppi u anki weħidhom. L-​iżjed ħaġa importanti hi li talbu. Alla jistieden lill-​qaddejja tiegħu biex ‘jitolbu bla waqfien.’ (1 Tessalonikin 5:17) Jitolbu kemm jitolbu l-​qaddejja tiegħu, hu dejjem lest li jismagħhom. Dan jurina kemm Ġeħova jixtieq li nitolbuh.

      Illum, ħafna nies ma jemmnux li t-​talb huwa importanti. Forsi ssaqsi lilek innifsek, ‘It-​talb vera jgħinni?’

  • 6 It-Talb Jistaʼ Jgħinek?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 6 It-Talb Jistaʼ Jgħinek?

      IL-​BIBBJA turi li t-​talb jgħin lill-​qaddejja leali t’Alla. (Luqa 22:40; Ġakbu 5:13) It-​talb jgħinna nersqu eqreb t’Alla, inħossuna aħjar, u jkollna saħħa aħjar. Kif?

      Pereżempju, meta nirċievu rigal inkunu rridu nirringrazzjaw lil dak li jkun. Għala huwa importanti? Għax meta nuru kif inħossuna se napprezzaw iżjed. Huwa l-​istess meta nkellmu lil Alla! Ejja naraw xi eżempji.

      Nitolbu biex nirringrazzjawh. Meta nirringrazzjaw lil Alla tal-​affarijiet tajbin li jkollna, se niffokaw fuq il-​barkiet li għandna. Imbagħad se nkunu iżjed ferħanin, pożittivi, u napprezzaw iżjed.—Filippin 4:6.

      Eżempju: Ġesù wera li apprezza l-​mod kif Missieru semaʼ u wieġeb it-​talb tiegħu.—Ġwanni 11:41.

      Nitolbu biex jaħfrilna. Meta nitolbu lil Alla biex jaħfrilna, se nifhmu aħjar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, jiddispjaċina iżjed għall-​iżbalji tagħna, u nifhmu l-​importanza taʼ li nobdu lil Alla. Dan se jgħinna ma nħossuniex daqshekk ħażin dwar dak li nkunu għamilna.

      Eżempju: David talab biex juri kemm ħassu ħażin għal dak li kien għamel u li vera kien iddispjaċieh.—Salm 51.

      Nitolbu biex nieħdu deċiżjonijiet. Meta nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, se jgħinna nibqgħu umli. Dan se jfakkarna li dejjem għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova u li rridu nistrieħu fuqu.—Proverbji 3:5, 6.

      Eżempju: Salamun talab lil Ġeħova biex jgħinu jkun sultan tajjeb fuq Iżrael.—1 Slaten 3:5-​12.

      Nitolbu meta jkollna problemi serji. Aħna nistgħu niftħu qalbna m’Alla meta jkollna problemi kbar u ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu. Imbagħad se nħossuna aħjar u se nistrieħu iżjed fuq Ġeħova milli fuqna nfusna.—Salm 62:8.

      Eżempju: Is-​Sultan Asa talab meta ffaċċja problema li vera inkwetatu.—2 Kronaki 14:11.

      Nitolbu għal min hu fil-​bżonn. Meta nitolbu għal oħrajn se jgħinna biex ma nkunux egoisti. Minflok, jgħinna nħossu u nifhmu lil ħaddieħor.

      Eżempju: Ġesù talab għad-​dixxipli tiegħu.—Ġwanni 17:9-​17.

      Nitolbu biex infaħħruh. Meta nfaħħru lil Ġeħova għax-​xogħol sabiħ li għamel u għall-​kwalitajiet tiegħu, aħna se nirrispettawh u napprezzawh iżjed. Meta nitolbu hekk se jgħinna nersqu eqreb taʼ Missierna fis-​sema.

      Eżempju: David wera kemm kien japprezza l-​ħolqien t’Alla.—Salm 8.

      Meta nitolbu se nibbenefikaw ukoll għax nirċievu l-​paċi t’Alla, li hija ikbar mill-​ħsibijiet tagħna. (Filippin 4:7) Mhuwiex faċli li ssib il-​paċi f’din id-​dinja. Iżda meta ssib il-​paċi se jkollok saħħa aħjar. (Proverbji 14:30) Imma nistgħu nsibu l-​paċi t’Alla weħidna? Jew hemm xi ħaġa oħra importanti li rridu nagħmlu?

      It-​talb jgħinna biex ikollna saħħa aħjar, inħossuna aħjar, u nkunu eqreb t’Alla

  • 7 Alla Jismaʼ u Jwieġeb it-Talb Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa: Sebaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Talb
    • 7 Alla Jismaʼ u Jwieġeb it-Talb Tiegħek?

      ĦAFNA nies iridu jkunu jafu jekk Alla jismax u jwiġibx it-​talb. Il-​Bibbja turina li llum il-​ġurnata Alla jismaʼ t-​talb tagħna. Imma minna jiddependi jekk jismax it-​talb tagħna jew le.

      Ġesù qal li l-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu kienu eżempju ħażin. Hu qalilhom ipokriti għax kienu jitolbu biss biex jimpressjonaw lin-​nies. Hu qal li huma kienu se jirċievu “l-​premju tagħhom.” Dan ifisser li n-​nies kienu se jammirawhom, imma Alla ma kienx se jismaʼ t-​talb tagħhom. (Mattew 6:5) Anki llum il-​ġurnata, ħafna huma egoisti u jitolbu biss għall-​affarijiet li jridu, imma ma jagħtux kas dak li jrid Alla. Jekk in-​nies ma jobdux il-​Bibbja, Alla mhux se jismaʼ t-​talb tagħhom.

      Imma Alla jismaʼ u jwieġeb it-​talb tiegħek? It-​tweġiba ma tiddependix minn fejn int jew x’jaħsbu oħrajn fuqek. Il-​Bibbja tgħidilna: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Int tipprova tagħmel kif jgħid il-​vers? Li tibżaʼ minn Alla jfisser li tirrispettah ħafna u li ma tkunx trid tagħmel xi ħaġa li tweġġgħu. Li tagħmel is-​sewwa jfisser li tagħmel dak li Alla jgħid li hu tajjeb, u mhux tagħmel dak li trid int jew li jgħidu nies oħra. Inti vera trid li Alla jismaʼ t-​talb tiegħek? Il-​Bibbja turik kif trid titlob ħalli Alla jisimgħek.

      Ħafna jridu li Alla jwieġeb it-​talb tagħhom b’miraklu. Imma anki fiż-​żminijiet tal-​Bibbja, Alla kemm-​il darba ma weġibx it-​talb b’mirakli. Ġieli għaddew mijiet taʼ snin bejn miraklu u ieħor. Ukoll, il-​Bibbja qalet li l-​mirakli kienu se jispiċċaw mal-​appostli. (1 Korintin 13:8-​10) Allura dan ifisser li Alla ma jweġibx it-​talb tagħna? Żgur li le! Ejja naraw xi talb li jwieġeb.

      Alla jagħti l-​għerf. L-​għerf kollu jiġi mingħand Ġeħova. Hu lest li jagħti l-​għerf tiegħu lil dawk li jitolbu għalih u lesti li jużawh f’ħajjithom.—Ġakbu 1:5.

      Alla jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu. L-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva t’Alla. M’hemmx qawwa iżjed b’saħħitha minn din. Jistaʼ jgħinna nissaportu l-​problemi jew itina l-​paċi meta nkunu inkwetati. Jistaʼ jgħinna biex ikollna kwalitajiet sbieħ. (Galatin 5:22, 23) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li Alla ma jżommx lura milli jagħti dan ir-​rigal.—Luqa 11:13.

      Alla jgħin lil dawk li jfittxuh. (Atti 17:26, 27) Madwar id-​dinja hemm nies li qed ifittxu l-​verità. Iridu jsiru jafu x’inhu isem Alla, x’inhu l-​iskop tiegħu għall-​art u għan-​nies, u kif jistgħu jsiru ħbieb tiegħu. (Ġakbu 4:8) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kemm-​il darba jiltaqgħu maʼ nies hekk, u huma lesti li jwieġbu dawn il-​mistoqsijiet mill-​Bibbja.

      Int ukoll qed tfittex il-​verità? Qed tfittex lil Alla? Forsi b’dawn l-​artikli Alla qed iwieġeb it-​talb tiegħek.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja