LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Għala għandek taqra l-​Bibbja?
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2017 | Nru. 1
    • Mara tieħu l-Bibbja minn fuq xkaffa

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIBBENEFIKA IKTAR MILL-QARI TAL-BIBBJA

      Għala għandek taqra l-​Bibbja?

      “Jien kont naħseb li l-​Bibbja hi tqila wisq biex tifhimha.”—Jovy

      “Ħsibt li kont se niddejjaq naqraha.”—Queennie

      “Meta rajt kemm il-​Bibbja hi ktieb oħxon, qtajt qalbi naqraha.”—Ezekiel

      Ġieli għaddielek minn moħħok li taqra l-​Bibbja imma żżomm lura minħabba li tħossok bħal dawn l-​uħud? Għal ħafna, li jaqraw il-​Bibbja tidher biċċa xogħol iebsa. Imma xi ngħidu jekk issir taf li l-​Bibbja tistaʼ tgħinek biex ikollok ħajja iktar hienja u sodisfaċenti? U xi ngħidu jekk issir taf li hemm xi metodi li jistgħu jagħmlu l-​qari iktar interessanti? Se tkun lest li tara dak li l-​Bibbja qed toffrilek?

      Ikkunsidra ftit kummenti minn dawk li meta bdew jaqraw il-​Bibbja sabu li kienet taʼ ġid għalihom.

      Ezekiel, li għandu fuq l-​20 sena, jgħid: “Fil-​passat, kont qisni xi ħadd li jsuq karozza mingħajr ma jkollu destinazzjoni f’moħħu. Imma l-​qari tal-​Bibbja għenni biex ikolli ħajja sinifikanti. Fiha pariri prattiċi li nistaʼ nużahom fil-​ħajja taʼ kuljum.”

      Frieda, li wkoll għandha fuq l-​20 sena, tispjega: “Jien kienu jitilgħuli malajr. Imma peress li naqra l-​Bibbja, tgħallimt nikkontrolla lili nnifsi. Dan għamilhieli iktar faċli biex ningwalaha m’oħrajn, allura issa għandi iktar ħbieb.”

      Eunice li għandha fuq il-​50 sena tgħid hekk dwar il-​Bibbja, “Qed tgħinni nsir persuna aħjar u nbiddel id-​drawwiet tiegħi li mhumiex daqstant tajbin.”

      Bħalma saru jafu dawn il-​qarrejja u miljuni oħrajn, li taqra l-​Bibbja jistaʼ jgħinek biex ikollok ħajja iktar pjaċevoli. (Isaija 48:17, 18) Fost affarijiet oħrajn, il-​qari tal-​Bibbja jistaʼ jgħinek biex (1) tieħu deċiżjonijiet tajbin, (2) tagħmel ħbieb taʼ veru, (3) tkampa mal-​istress, u (4) titgħallem il-​verità dwar Alla, li hi l-​iktar ħaġa importanti. Il-​pariri tal-​Bibbja ġejjin mingħand Alla, allura dejjem jaqbillek issegwihom. Alla qatt ma jagħti pariri ħżiena.

      L-​importanti hu li tibda. Liema suġġerimenti prattiċi jistgħu jgħinuna biex jagħmluhielna iktar faċli u nieħdu iktar pjaċir?

  • Kif nistaʼ nibda?
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2017 | Nru. 1
    • SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIBBENEFIKA IKTAR MILL-QARI TAL-BIBBJA

      Kif nistaʼ nibda?

      Mara titlob qabel ma taqra l-Bibbja

      Liema metodu se jgħinek tieħu pjaċir taqra l-​Bibbja u tibbenefika l-​iktar minnha? Ikkunsidra ħames suġġerimenti li ħafna sabuhom tajbin.

      Oħloq ambjent addattat. Ipprova sib post għall-​kwiet. Naqqas l-​affarijiet li jistgħu jaljenawk ħalli tkun tistaʼ tiffoka fuq dak li tkun qed taqra. Li jkollok dawl tajjeb u arja friska se jgħinuk biex tibbenefika iktar mill-​qari tiegħek.

      Ipprepara lil moħħok. Peress li l-​Bibbja hi minn Missierna tas-​sema, se tibbenefika l-​iktar jekk ikollok attitudni taʼ tifel li lest li jitgħallem minn ġenitur kollu mħabba. Jekk diġà għandek xi ideat negattivi dwar il-​Bibbja, ipprova warrabhom ħalli Alla jkun jistaʼ jgħallmek.—Salm 25:4.

      Itlob qabel taqra. Il-​Bibbja fiha l-​ħsibijiet t’Alla, allura ma niħduhiex bi kbira li għandna bżonn l-​għajnuna tiegħu biex nifhmuha. Alla jwiegħed li jagħti “l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Luqa 11:13) L-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinek tifhem il-​ħsibijiet t’Alla. Maż-​żmien, se jgħinek biex tifhem “saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 Korintin 2:10.

      Aqra biex tifhem. Taqrax biex sempliċement tgħid li qed taqra l-​Bibbja. Aħseb sew dwar dak li tkun qed taqra. Saqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Liema kwalitajiet qed nara fil-​persunaġġ li qed naqra dwaru? Kif nistaʼ napplika dan f’ħajti?’

      Agħmel miri speċifiċi. Biex il-​qari tal-​Bibbja jkun taʼ ġid għalik, kun lest li titgħallem xi ħaġa li biha ħajtek ikollha iktar valur. Tistaʼ tagħmel miri bħal: ‘Nixtieq insir naf iktar dwar Alla nnifsu.’ ‘Irrid insir persuna aħjar, raġel jew mara miżżewġa aħjar.’ Imbagħad agħżel xi siltiet mill-​Bibbja li jgħinuk tilħaq dawn il-​miri.a

      Dawn il-​ħames suġġerimenti se jgħinuk tibda. Imma kif tistaʼ tagħmel il-​qari saħansitra iktar interessanti? L-​artiklu li ġej fih xi suġġerimenti.

      a Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti li jgħinuk bil-​qalb kollha jekk m’intix ċert liema siltiet mill-​Bibbja se jkunu l-​iktar addattati f’dan ir-​rigward.

      IBBENEFIKA IKTAR MILL-​QARI TIEGĦEK

      • Ħu l-​ħin biex taqra, tgħaġġilx

      • Intefaʼ b’ruħek u ġismek f’dak li tkun qed taqra—ġib ir-​rakkont quddiem għajnejk

      • Ipprova ara kif il-​versi għandhom x’jaqsmu mal-​kuntest

      • Ipprova tgħallem xi ħaġa minn dak li tkun qed taqra

  • X’se jagħmel il-​qari interessanti?
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2017 | Nru. 1
    • Mara qed tuża għodod li jgħinu biex tistudja l-Bibbja waqt li qed taqra l-Bibbja

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIBBENEFIKA IKTAR MILL-QARI TAL-BIBBJA

      X’se jagħmel il-​qari interessanti?

      X’se jkun il-​qari tal-​Bibbja għalik? Taʼ dwejjaq? Jew xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmilha? Jiddependi ħafna minn x’metodi tuża biex taqra. Ejja naraw x’tistaʼ tagħmel biex tieħu iktar pjaċir taqra u żżid l-​interess.

      Agħżel traduzzjoni li tistaʼ tafdaha u li għandha lingwa moderna. Jekk taqra xi ktieb li jkun fih ħafna kliem diffiċli jew kliem antikwat li m’intix familjari miegħu, x’aktarx li m’intix se tieħu pjaċir taqrah. Allura fittex Bibbja li tuża lingwa li hi faċli biex tifhimha u li tmiss il-​qalb. Fl-​istess ħin, għandha tkun tradotta bir-​reqqa u b’mod eżatt.a

      Uża teknoloġija moderna. Illum il-​Bibbja mhijiex disponibbli biss bħala ktieb stampat imma wkoll bħala ktieb diġitali. Xi Bibbji tistaʼ taqrahom onlajn jew tniżżilhom fuq il-​kompjuter, it-​tablet, jew il-​mowbajl tiegħek. Xi verżjonijiet ikun fihom għodod oħra li, mingħajr telf taʼ ħin, iħalluk tiċċekkja versi oħra tal-​Bibbja fuq l-​istess suġġett jew saħansitra tqabbel diversi traduzzjonijiet. Jekk tippreferi tismaʼ minflok taqra, il-​Bibbja hi disponibbli wkoll rekordjata f’xi lingwi. Ħafna nies jieħdu pjaċir jisimgħu waqt li jkunu qed jivvjaġġaw bit-​trasport pubbliku, jagħmlu xi faċendi, jew jieħdu sehem f’xi attività oħra li fiha jkunu jistgħu jisimgħu. Għala ma tipprovax metodu li jgħodd għalik?

      Uża għodod li jgħinuk tistudja l-​Bibbja. Għodod li jgħinuk tistudja l-​Bibbja jistgħu jgħinuk tibbenefika iktar mill-​qari tiegħek. Hemm mapep tal-​pajjiżi tal-​Bibbja li se jgħinuk issib il-​postijiet li tiltaqaʼ magħhom int u taqra, u b’hekk tkun tistaʼ tara l-​ġrajjiet iktar reali. Artikli bħal dawk li ssib f’din ir-​rivista jew fis-​sezzjoni “Tagħlim tal-​Bibbja” minn fuq il-​websajt jw.org, jistgħu jgħinuk teżamina xi jfissru ħafna siltiet mill-​Bibbja.

      Varja l-​metodi tiegħek. Jekk li taqra l-​Bibbja minn qoxra sa qoxra hi xi ħaġa li taqtagħlek qalbek, għala ma tqanqalx l-​interess billi l-​ewwel tibda minn siltiet li jogħġbuk? Pereżempju, jekk tixtieq issir taf dwar nies famużi fil-​Bibbja, tistaʼ tibda l-​qari tiegħek billi taqra dwar dawn il-​karattri. Eżempju taʼ kif tagħmel dan hu inkluż fil-​kaxxa “Ħaffer fil-​Bibbja billi ssir taf in-​nies li hemm fiha.” Jew forsi tkun tixtieq taqra l-​Bibbja suġġett suġġett jew skont l-​ordni kif seħħew il-​ġrajjiet. Għala ma tipprovax wieħed minn dawn il-​metodi?

      a Ħafna sabu li t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa hi eżatta, taʼ min jafdaha, u wkoll faċli biex tinqara. Din il-​Bibbja, li hi ppubblikata mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hi disponibbli f’iktar minn 130 lingwa. Tistaʼ tniżżel kopja mill-​websajt jw.org jew billi tniżżel l-​app tal-​JW Library. Jew jekk tippreferi, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jġibulek kopja stampata d-​dar tiegħek.

      ĦAFFER FIL-​BIBBJA BILLI SSIR TAF IN-​NIES LI HEMM FIHA

      Xi nisa leali

      Abigajl

      1 Samwel kapitlu 25

      Ester

      Ester kapitli 2-5, 7-9

      Ħanna

      1 Samwel kapitli 1-2

      Marija

      (omm Ġesù) Mattew kapitli 1-2; Luqa kapitli 1-2; ara wkoll Ġwanni 2:1-12; Atti 1:12-14; 2:1-4

      Raħab

      Ġożwè kapitli 2, 6; ara wkoll Ebrej 11:30, 31; Ġakbu 2:24-26

      Rebekka

      Ġenesi kapitli 24-27

      Sara

      Ġenesi kapitli 17-18, 20-21, 23; ara wkoll Ebrej 11:11; 1 Pietru 3:1-6

      Xi rġiel li spikkaw

      Abraham

      Ġenesi kapitli 11-24; ara wkoll 25:1-11

      David

      1 Samwel kapitli 16-30; 2 Samwel kapitli 1-24; 1 Slaten kapitli 1-2

      Ġesù

      L-​Evanġelji taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni

      Mosè

      Eżodu kapitli 2-20, 24, 32-34; Numri kapitli 11-17, 20, 21, 27, 31; Dewteronomju kapitlu 34

      Noè

      Ġenesi kapitli 5-9

      Pawlu

      Atti kapitli 7-9, 13-28

      Pietru

      Mattew kapitli 4, 10, 14, 16-17, 26; Atti kapitli 1-5, 8-12

      GĦODOD MIX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA LI JGĦINUK TISTUDJA L-​BIBBJA

      • JW.ORG—Din il-​websajt fiha ħafna għodod taʼ studju, inkluż “Mistoqsijiet dwar il-​Bibbja mweġbin.” Fiha wkoll istruzzjonijiet kif tniżżel l-​app JW Library

      • “See the Good Land”—Dan il-​browxer fih mapep u ritratti taʼ postijiet li jissemmew fil-​Bibbja

      • Insight on the Scriptures—Enċiklopedija tal-​Bibbja f’żewġ volumi li fiha spjegazzjonijiet dwar in-​nies, il-​postijiet, u t-​termini li nsibu fil-​Bibbja

      • “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial”—Dan il-​ktieb jispjega meta, fejn, u għala nkiteb kull ktieb tal-​Bibbja u jagħti sommarju taʼ x’fih kull ktieb

      • Il-​Bibbja—Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem?—Dan il-​ktieb żgħir li għalih saret riċerka bir-​reqqa jeżamina l-​evidenza li l-​Bibbja hi l-​Kelma ispirata t’Alla

      • Il-​Bibbja—X’inhu l-​Messaġġ Tagħha?—Browxer li fih 32 paġna li jsemmi fil-​qosor it-​tema ġenerali tal-​Bibbja

  • Il-Bibbja kif tistaʼ tbiddilli ħajti għall-aħjar?
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2017 | Nru. 1
    • Raġel u martu qed isajru flimkien

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIBBENEFIKA IKTAR MILL-QARI TAL-BIBBJA

      Il-​Bibbja kif tistaʼ tbiddilli ħajti għall-​aħjar?

      Il-​Bibbja mhijiex ktieb bħall-​oħrajn. Fiha pariri mingħand il-​Ħallieq tagħna. (2 Timotju 3:16) Il-​messaġġ tagħha jistaʼ jħalli impatt kbir fuqna. Infatti l-​Bibbja stess tgħid: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” (Ebrej 4:12) Għandha l-​qawwa li tbiddlilna ħajjitna għall-​aħjar b’żewġ modi prinċipali—billi toffrilna gwida għall-​ħajja taʼ kuljum u tgħinna nsiru nafu lil Alla u l-​wegħdi tiegħu.—1 Timotju 4:8; Ġakbu 4:8.

      Ittejjeb il-​ħajja tiegħek issa. Il-​Bibbja tistaʼ tgħin anki f’affarijiet persunali. Tagħti pariri prattiċi dwar dan li ġej.

      • Kif taġixxi mal-​familja u m’oħrajn.—Efesin 4:31, 32; 5:22, 25, 28, 33.

      • Saħħa emozzjonali u fiżika.—Salm 37:8; Proverbji 17:22.

      • Valuri morali.—1 Korintin 6:9, 10.

      • Kif nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet bażiċi.—Proverbji 10:4; 28:19; Efesin 4:28.a

      Koppja żagħżugħa fl-​Asja tgħidx kemm apprezzat il-​valur tal-​pariri tal-​Bibbja. Bħal ħafna miżżewġin friski, huma kienu jsibuha bi tqila biex jaddattaw ruħhom għall-​personalità taʼ xulxin u biex ikollhom komunikazzjoni tajba bejniethom. Imma huma bdew japplikaw dak li kienu qed jaqraw mill-​Bibbja. X’kien ir-​riżultat? Ir-​raġel, Vicent, jgħid: “Dak li qrajt mill-​Bibbja għenni biex inkampa mal-​isfidi fiż-​żwieġ tagħna bi mħabba. Peress li ngħixu skont il-​Bibbja għandna ħajja ferħana flimkien.” Martu, Annalou, taqbel: “Sibna t’għajnuna l-​fatt li naqraw eżempji mill-​Bibbja. Issa nħossni ferħana u kuntenta biż-​żwieġ tagħna u bil-​miri li għandna fil-​ħajja.”

      Issir taf lil Alla. Minbarra l-​kummenti dwar iż-​żwieġ, Vicent jgħid ukoll: “Peress li naqra l-​Bibbja, issa nħossni ħafna eqreb lejn Ġeħova minn qatt qabel.” Dak li qal Vicent jiffoka fuq punt importanti ħafna—il-​Bibbja tistaʼ tgħinek issir taf aħjar lil Alla. Meta tagħmel hekk, mhux biss se tibbenefika mill-​pariri tiegħu imma wkoll se tara li tistaʼ ssir tafu bħala ħabib. U se tinduna li hu jikxef dettalji dwar futur aħjar, żmien fejn tkun tistaʼ tgawdi l-​“ħajja vera”—ħajja li tibqaʼ għal dejjem. (1 Timotju 6:19) Din hi xi ħaġa li l-​ebda ktieb ieħor ma jistaʼ jagħtiha.

      Jekk tibda taqra l-​Bibbja u tibqaʼ tagħmel hekk, anki int tistaʼ tgawdi dawn il-​benefiċċji—ħajja aħjar issa u ssir taf lil Alla. Però, hekk kif taqra l-​Bibbja, x’aktarx li se jkollok bosta mistoqsijiet. U meta jiġri hekk, żomm f’moħħok l-​eżempju mill-​aħjar taʼ uffiċjal Etjopjan li għex 2,000 sena ilu. Hu kellu ħafna mistoqsijiet dwar il-​Bibbja. Meta ġie mistoqsi jekk kienx qed jifhem dak li kien qed jaqra, hu wieġeb: “Tabilħaqq, kif nistaʼ nifhem, jekk xi ħadd ma jiggwidanix?”b Imbagħad hu aċċetta mill-​qalb l-​għajnuna mingħand xi ħadd li diġà kien għalliem kwalifikat tal-​Bibbja, Filippu, dixxiplu tal-​bidu taʼ Ġesù. (Atti 8:30, 31, 34) Bl-​istess attitudni, jekk int tixtieq issir taf iktar dwar il-​Bibbja, nistidnuk biex tagħmel ir-​rikjesta tiegħek onlajn fuq www.pr418.com/mt jew tibgħatha fl-​indirizz l-​iktar viċin tiegħek li hemm f’paġna 2 taʼ din ir-​rivista. Tistaʼ wkoll tikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Ġeħova li joqogħdu viċin tiegħek jew iżżur Sala tas-​Saltna qrib tiegħek. Għala ma tibdiex taqra l-​Bibbja llum u tħalliha tiggwidak għall-​ħajja aħjar?

      Jekk m’intix ċert jekk tistax tafda l-​Bibbja għalkollox, jekk jogħġbok ara l-​vidjow qasir Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​Bibbja hi vera? Tistaʼ ssibu billi tmur fuq jw.org/mt u tikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS > IL-​BIBBJA

      a Għal iktar eżempji dwar il-​pariri prattiċi tal-​Bibbja, ara l-​websajt tagħna jw.org/mt. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > MISTOQSIJIET DWAR IL-​BIBBJA MWEĠBIN.

      b Ara wkoll l-​artiklu “Tagħmel differenza jekk tifhimx sew?” li qiegħed f’din il-​ħarġa.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja