LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Ħabib li Mhux Veru
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
    • Ħabib li Mhux Veru

      Int għandek “ħabib” li ilek tafu minn meta kont żagħżugħ. Hu ġiegħlek tħossok li kbirt u aċċettat mill-​ħbieb tiegħek. Meta kont stressjat, dejjem stajt iddur fuqu biex iġiegħlek tħossok “aħjar.” Inti spiċċajt tiddependi minnu f’ħafna sitwazzjonijiet.

      Maż-​żmien, bdejt tinnota l-​kwalitajiet koroh tiegħu. Hu jkun irid ikun miegħek il-​ħin kollu, anki jekk f’xi postijiet ma jkunux iriduk miegħu. Waqt li ġiegħlek tħossok li kbirt, għamel il-​ħsara lil saħħtek. U fuq kollox, ħadlek ħafna mill-​flus.

      Dan l-​aħħar, provajt ma tibqax ħbieb miegħu, imma hu ma ħalliekx. U issa jikkontrollak. Int jiddispjaċik li qatt iltqajt miegħu.

      DAN HU kif iħossuhom in-​nies li jpejpu fuq is-​sigaretti. Wara 50 sena tpejjep, mara jisimha Earline tiftakar: “Is-​sigaretti kienu jgħinuni iktar milli setaʼ jgħinni xi ħadd. Kienu aħjar minn ħabib tal-​qalb u ġieli lilhom biss kelli.” Earline indunat li s-​sigaretti huma ħbieb ħżiena u perikolużi. Il-​kliem t’hawn fuq setaʼ kien dwar kif tħossha hi. Imma meta tgħallmet li t-​tipjip għal Alla hu ħażin għax iħammeġ lil ġisimna, hi waqfet tpejjep.​—2 Korintin 7:1.

      Raġel jismu Frank ukoll iddeċieda li jieqaf ipejjep biex jogħġob lil Alla. Ġurnata wara li ħa l-​aħħar sigarett, beda jfittex kullimkien għal trufijiet taʼ sigaretti antiki. Frank qal: “Dak il-​ħin iddeċidejt x’kont se nagħmel. Ħassejtni diżgustat kif spiċċajt mal-​art inqalleb ġot-​trab għal trufijiet taʼ sigaretti antiki. Qatt ma rġajt pejjipt.”

      Għala daqshekk diffiċli tieqaf tpejjep? Xi studjużi sabu numru taʼ raġunijiet: (1) Bħalma d-​drogi jistgħu jsiru vizzju, l-​istess it-​tabakk. (2) Meta tpejjep in-​nikotina, l-​effetti tagħha jaslu fil-​moħħ f’sebaʼ sekondi biss. (3) It-​tipjip jiġi parti importanti fil-​ħajja, għax tpejjep meta tiekol, tixrob, titkellem, u biex tnaqqas l-​istress.

      Bħalma wrew Earline u Frank huwa possibbli li twaqqaf dal-​vizzju. Jekk tpejjep u tixtieq tieqaf, dawn l-​artikli li ġejjin se jgħinuk tagħmel dan.

  • X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
    • X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?

      “L-​iżjed ħaġa importanti għal dawk li rnexxielhom jaqtgħu s-​sigaretti hi li vera kienu lesti li jaqtgħuhom.”​—Il-​ktieb “Stop Smoking Now!”

      FI KLIEM ieħor, jekk veru trid tieqaf tpejjep, irid ikollok raġuni tajba. Ejja naraw x’raġunijiet tajbin jistaʼ jkollok.

      Se tiffranka l-​flus. Pakkett sigaretti kuljum jiswielek eluf taʼ ewro kull sena. “Qatt ma rrealizzajt kemm kont nonfoq flus fit-​tabakk.”​—Gyanu, in-​Nepal.

      Il-​ħajja tiegħek se tkun ħafna aħjar. “Meta waqaft inpejjep, ħajti bdiet tmur għall-​aħjar.” (Regina, l-​Afrika t’Isfel) Meta n-​nies jieqfu jpejpu, jibdew ixommu u jtiegħmu ħafna aħjar. Normalment ikollhom iktar enerġija u jidhru li jkollhom saħħa aħjar.

      Saħħtek se tmur għall-​aħjar. “Irġiel u nisa taʼ kull età li jieqfu jpejpu jaraw benefiċċji kbar u mill-​ewwel.”​—Iċ-​Ċentri fl-​Istati Uniti għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard.

      Se tħossok li għandek iktar kontroll taʼ ħajtek. “Waqaft inpejjep għax ma ridtx nibqaʼ niġi kkontrollat mit-​tabakk. Ridt li jkolli kontroll u ma nċedix għax-​xewqat tiegħi.”​—Henning, id-​Danimarka.

      Se jkun aħjar għall-​familja u l-​ħbieb. “It-​tipjip . . . jagħmel ħsara lil dawk taʼ madwarek. . . . Studji juru li eluf taʼ nies imutu kull sena mill-​kanċer tal-​pulmun u problemi tal-​qalb għax jibilgħu d-​duħħan tan-​nies li jpejpu ħdejhom.”​—Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer.

      Se togħġob lill-​Ħallieq tiegħek. ’Maħbubin, ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam.’ (2 Korintin 7:1) ‘Ippreżentaw ġisimkom qaddis, aċċettabbli għal Alla.’​—Rumani 12:​1.

      “Malli fhimt li Alla jdejquh affarijiet li jħammġu lil ġismi, iddeċidejt li nieqaf inpejjep.”​—Sylvia, Spanja.

      Li jkollok raġuni tajba għala tkun tixtieq tieqaf tpejjep mhuwiex biżżejjed. Ikollna bżonn ukoll l-​għajnuna t’oħrajn, bħall-​familja u l-​ħbieb. Kif jistgħu jgħinuna?

  • Fittex l-​Għajnuna
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
    • Fittex l-​Għajnuna

      “Wieħed li jkun waħdu jistaʼ jingħeleb minn xi ħadd, imma jekk ikunu tnejn flimkien jistgħu jiqfulu.”​—Ekkleżjasti 4:​12.

      META jkollna l-​għajnuna t’oħrajn se jkollna iżjed ċans biex nirnexxu. Allura biex tieqaf tpejjep ikun tajjeb li ssaqsi l-​familja u l-​ħbieb għall-​għajnuna.

      Tistaʼ ssaqsi wkoll lil xi ħadd li waqaf ipejjep biex jgħinek. Dan żgur se jifhmek ħafna. Torben, Kristjan li jgħix id-​Danimarka, jgħid: “L-​għajnuna tal-​oħrajn kienet importanti ħafna għalija.” Abraham, li jgħix l-​Indja, kiteb: “L-​imħabba ġenwina li wrewni tal-​familja u ħuti l-​Kristjani għenitni biex naqtaʼ l-​vizzju.” Imma xi kultant, lanqas l-​għajnuna tal-​familja u l-​ħbieb mhi biżżejjed.

      Raġel jismu Bhagwandas qal: “Jien pejjipt għal 27 sena, imma meta tgħallimt x’tgħid il-​Bibbja fuq vizzji mhux nodfa, iddeċidejt li nieqaf. Provajt innaqqas. Biddilt ma’ min nagħmilha. Anki fittixt għajnuna professjonali. Xejn ma rnexxa. Imbagħad, darba waħda ftaħt qalbi ma’ Ġeħova u tlabtu jgħinni nieqaf. Fl-​aħħar irnexxieli!”

      Xi ħaġa oħra importanti li għandek tagħmel hi li tipprepara għall-​isfidi li tistaʼ tiffaċċja. Dawn x’inhuma? L-​artiklu li jmiss se jispjega.

      [Kaxxa]

      GĦANDEK TUŻA MEDIĊINA?

      Mediċini biex jgħinuk tieqaf tpejjep, bħan-​nicotine patch, saru popolari u qed jinbiegħu lil ħafna nies. Qabel tiddeċiedi, aħseb fuq dawn il-​mistoqsijiet:

      Kif se jgħinuk? Jgħidu li ħafna terapiji jnaqqsulek is-​sintomi koroh li jkollok meta tieqaf tpejjep. Mhux kulħadd jaqbel li dawn jibqgħu jaħdmu meta tiħodhom fit-​tul.

      X’inhuma r-​riskji? Xi mediċini jaf idardruk, iqabbduk dipressjoni, jew anki jġegħluk taħseb biex tagħmel suwiċidju. Żomm f’moħħok li dawn it-​terapiji xorta huma mod ieħor kif tieħu n-​nikotina, u xorta se jkollok il-​problemi tagħha. Fil-​verità, persuna li qed tagħmel dawn it-​terapiji xorta għadha bil-​vizzju.

      X’għażliet oħra hemm? Skont survey, 88 fil-​mija taʼ nies li waqfu jpejpu, waqfu f’daqqa mingħajr l-​għajnuna taʼ mediċini.

  • Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
    • Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli

      “Jien iddeċidejt nieqaf inpejjep għax kont naf li hu ħażin għat-​tarbija tagħna. Allura d-​dar għamilt tabella tan-​‘No Smoking.’ Imma siegħa wara, tant xtaqt inpejjep li qabbadt sigarett.”—Yoshimitsu, il-​Ġappun.

      BĦALMA turina l-​esperjenza taʼ Yoshimitsu, meta persuna tipprova tieqaf tpejjep, se jkollha l-​isfidi. Xi studjużi sabu li kważi 90 fil-​mija taʼ dawk li jerġgħu jaqgħu għas-​sigaretti jispiċċaw ikomplu jpejpu. Allura se jkun iżjed faċli biex tieqaf tpejjep jekk tkun lest għall-​isfidi li se jkollok. X’jistgħu jkunu?

      Ix-​xewqa kbira għan-​nikotina: Din ix-​xewqa l-​iżjed li tkun kbira tlett ijiem wara li tieqaf tpejjep u tibda titlaq wara ġimagħtejn. Raġel li waqaf ipejjep qal li “f’dak iż-​żmien ġieli jkollok ix-​xewqa u ġieli le.” Imma anki snin wara forsi tkun trid terġaʼ tpejjep. Jekk jiġri hekk, taqax għax-​xewqa li tpejjep. Ipprova stenna ħames minuti u suppost ix-​xewqa għandha titlaq.

      Sfidi oħra: Għall-​bidu, tistaʼ ssibha diffiċli biex tibqaʼ mqajjem jew tikkonċentra u jistaʼ jkun li żżid il-​piż. Jistaʼ jkollok uġigħ f’ġismek jew problemi tal-​ġilda, tistaʼ togħroq jew tisgħol. Forsi tħossok ukoll bla paċenzja, iktar irrabjat, u jkollok ħafna dwejjaq. Imma bejn erbaʼ u sitt ġimgħat, ħafna sintomi jibdew jonqsu.

      F’dan iż-​żmien diffiċli tistaʼ tagħmel xi affarijiet li se jgħinuk. Pereżempju:

      ● Ipprova orqod iżjed.

      ● Ixrob ħafna ilma jew juice. Kul ikel tajjeb.

      ● Agħmel ftit exercise.

      ● Ħu nifsijiet kbar u immaġina arja nadifa dieħla fil-​pulmun.

      X’jistaʼ jwaqqgħek: Se jkun hemm affarijiet li se jġegħluk terġaʼ tpejjep. Pereżempju, forsi kont tieħu sigarett meta tixrob xi ħaġa, bħal te jew kafè. Jekk iva, ipprova ddumx ħafna biex tixrob. Meta mbagħad tieqaf tpejjep, tistaʼ terġaʼ tibda tieħu pjaċir tixrob bil-​mod.

      Anki wara li tieqaf tixtieq in-​nikotina, xorta tistaʼ tħoss li għandek bżonn tpejjep meta tagħmel xi affarijiet. Torben, li ssemma qabel, jgħid: “Ili dsatax-​il sena li waqaft, imma meta nieħu l-​kafè waqt il-​brejk xorta nitħajjar inpejjep.” Imma maż-​żmien, din ix-​xewqa tibqaʼ dejjem tonqos.

      Imma meta tixrob l-​alkoħol, trid toqgħod iżjed attent. Jekk qed tipprova tieqaf tpejjep, forsi jkollok bżonn tieqaf tixrob l-​alkoħol jew tmur f’postijiet fejn ikun hemm l-​alkoħol. Dan għax ħafna nies jerġgħu jibdew ipejpu meta jixorbu l-​alkoħol. Għala?

      ● Anki jekk tixrob ftit alkoħol se tieħu pjaċir iżjed bin-​nikotina.

      ● Ħafna drabi n-​nies iżjed ipejpu meta jixorbu l-​alkoħol mal-​ħbieb tagħhom.

      ● Meta tixrob l-​alkoħol mhux dejjem se tieħu deċiżjonijiet tajbin u jaf tagħmel affarijiet li normalment ma tagħmilhomx. Il-​Bibbja tgħid: ‘L-​inbid ineħħi l-​motiv tajjeb.’​—Ħosea 4:​11.

      Il-​ħbieb: Oqgħod attent ħafna ma’ min tagħmilha. Pereżempju, ipprova tagħmilhiex ma’ nies li jpejpu jew li jistgħu jħajruk biex tpejjep. U tagħmilhiex ma’ nies li se jidħqu bik għax qed tipprova tieqaf tpejjep.

      Kif tħossok: Studju juri li tnejn minn kull tlieta reġgħu bdew ipejpu għax ħassewhom stressjati jew irrabjati. Jekk tħoss li trid tpejjep, agħmel xi ħaġa oħra bħal li tixrob l-​ilma, tomgħod iċ-​chewing gum, jew tmur mixja. Ipprova aħseb f’affarijiet sbieħ, billi titlob lil Alla għall-​għajnuna jew taqra ftit mill-​Bibbja.​—Salm 19:14.

      Tagħmilx Skużi

      ● Ħa nieħu nifs wieħed biss.

      Il-​verità: Nifs wieħed jagħtik nofs in-​nikotina li jkollok bżonn għal tliet sigħat. Għalhekk, xi nies li jipprovaw jieħdu nifs wieħed biss jerġgħu jibdew ipejpu.

      ● Jien inpejjep biex ma nkunx stressjat.

      Il-​verità: Xi studji juru li n-​nikotina tagħmlek iżjed stressjat. Ħafna nies ma jħossux l-​istress għax ikunu ħadu n-​nikotina li jkollhom bżonn.

      ● Ili wisq inpejjep biex nieqaf.

      Il-​verità: Jekk taħseb li mhux se jirnexxilek tieqaf, se jkun iżjed diffiċli. Il-​Bibbja tgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” (Proverbji 24:10) Tkunx negattiv. Kull min jixtieq jieqaf ipejjep u jimxi ma’ pariri tajbin, bħalma kien hawn f’dawn l-​artikli, se jirnexxilu.

      ● Meta nipprova nieqaf ikolli ħafna sintomi.

      Il-​verità: Is-​sintomi huma b’saħħithom, imma wara ftit ġimgħat jibdew jonqsu. Mela taqtax qalbek! Jekk wara xi xhur jew snin tħoss li trid tpejjep, wara ftit minuti probabbli mhux se tibqaʼ tħossok l-​istess. Imma dan se jiġri biss jekk ma tqabbadx sigarett.

      ● Għandi problema mentali.

      Il-​verità: Jekk tbati minn mard bħal depression jew schizophrenia, staqsi t-​tabib biex jgħinek tieqaf tpejjep. It-​tabib żgur li se jkun lest li jgħinek, forsi billi jbiddillek il-​mediċina li tieħu.

      ● Jekk nerġaʼ npejjep inħoss li mhux se jirnexxili.

      Il-​verità: Jekk taqaʼ għal sigarett mhux l-​aħħar tad-​dinja. Taqtax qalbek imma ibqaʼ pprova. Anki jekk tieħu sigarett, ma jfissirx li mhux se jirnexxilek. Imma żgur mhux se jirnexxilek jekk taqtaʼ qalbek. Mela ibqaʼ pprova. Fl-​aħħar se taqtagħhom!

      Aħseb fl-​esperjenza taʼ Romualdo, li pejjep għal 26 sena u li ilu iktar minn 30 sena li qatagħhom. Hu kiteb: “Ma nafx kemm-​il darba rġajt bdejt inpejjep. Kull darba li pejjipt kont inħossni ħażin. Ħsibt li qatt ma se jirnexxili naqtagħhom. Meta daħħaltha f’moħħi li jrid ikolli ħbiberija tajba m’Alla Ġeħova u bqajt nitolbu biex jgħinni, imbagħad stajt naqtagħhom.”

      Fl-​artiklu li jmiss se naraw suġġerimenti oħra li se jgħinuk tibqaʼ ferħan mingħajr ma tpejjep.

      [Kaxxa/​Stampa]

      PERIKOLUŻ B’KULL MOD

      It-​tabakk jintuża b’ħafna modi differenti. Xi prodotti tat-​tabakk jinbiegħu fi ħwienet tal-​mediċina naturali jew health shops. Imma l-​Għaqda Dinjija tas-​Saħħa tgħid li “kull tip taʼ tabakk huwa perikoluż ħafna.” Mard li jistaʼ jiġi mit-​tabakk, bħal kanċer u problemi fil-​qalb, jistgħu jwasslu għall-​mewt. Ommijiet li jpejpu jistgħu jagħmlu ħsara lit-​trabi li għadhom ma twildux. Kif jintuża normalment it-​tabakk?

      Bidis: Dawn huma sigaretti żgħar imremblin. L-​aktar li huma użati huma f’pajjiżi fl-​Asja. Nies li jpejpu l-​bidis jieħdu iktar tartru, nikotina, u carbon monoxide minn sigaretti normali.

      Sigarri: Dawn huma magħmulin minn tabakk imrembel f’werqa tat-​tabakk jew f’karta magħmula mit-​tabakk. Il-​mod kif jagħmlu s-​sigarri jagħmilha possibbli biex tieħu n-​nikotina minn ħalqek anki jekk ma tqabbdux.

      Kreteks, jew sigaretti bl-​imsiemer tal-​qronfol: Normalment ikun fihom 60 fil-​mija tabakk u 40 fil-​mija msiemer tal-​qronfol. Min ipejjiphom jieħu iktar tartru, nikotina, u carbon monoxide minn sigaretti normali.

      Pipa: Li tpejjep il-​pipa mhux aħjar minn sigarett għax it-​tnejn iqabbdu l-​kanċer u mard ieħor.

      Tabakk li ma tpejpux: Dan jinkludi li tomgħod it-​tabakk, snuff (trab tat-​tabakk), u l-​gutkha, li hu tabakk b’togħmiet differenti. In-​nikotina mill-​ħalq tispiċċa fid-​demm. Li tuża tabakk mingħajr ma tpejpu hu perikoluż daqs tabakk ieħor.

      Pipa tal-​ilma (bongs, hookahs, narghiles, shishas): Meta tpejjep minn pipa bħal dawn, id-​duħħan tat-​tabakk l-​ewwel jgħaddi minn ġol-​ilma. Dan jaf xorta ma jnaqqasx ir-​riskju taʼ mard bħall-​kanċer.

      [Kaxxa/​Stampa]

      GĦIN LIL ĦADDIEĦOR BIEX JIEQAF IPEJJEP

      ● Kun pożittiv. Ikun aħjar li tgħid xi ħaġa pożittiva milli tmaqdar. Se tgħin iżjed jekk tgħid, “Naħseb darb’oħra se jirnexxilek” milli tgħid “Erġajt waqajt!”

      ● Aħfer. Kun paċenzjuż ma’ dawk li qed jipprovaw jaqtgħu s-​sigaretti u jkunu rrabjati. Tkellem bil-​ħlewwa magħhom. Pereżempju, “Naf li diffiċli imma vera kburi bik.” Qatt tgħid, “Nippreferik meta kont tpejjep!”

      ● Kun ħabib tajjeb. Il-​Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.” (Proverbji 17:17) “Il-​ħin kollu” trid tipprova turi mħabba u paċenzja ma’ dawk li qed jipprovaw jaqtgħu s-​sigaretti, anki jekk ikollhom burdata ħażina.

  • Jistaʼ Jirnexxilek!
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
    • Jistaʼ Jirnexxilek!

      WASAL iż-​żmien li ‘tkun kuraġġuż u taġixxi.’ (1 Kronaki 28:10) X’tistaʼ tagħmel iktar biex ikollok iżjed ċans li jirnexxilek?

      Agħżel ġurnata. Id-​Dipartiment tas-​Saħħa u tas-​Servizzi Umani tal-​Istati Uniti jissuġġerixxi li malli tiddeċiedi li tieqaf tpejjep, l-​ewwel ġurnata mingħajr sigaretti għandha tkun fi żmien ġimagħtejn. Jekk tagħmel hekk ma tkunx ilħaqt tlift l-​entużjażmu. Immarka l-​ġurnata fuq il-​kalendarju, għid lill-​ħbieb tiegħek, u żomm mad-​data anki jekk iċ-​ċirkustanzi jinbidlu.

      Ħu nota t’affarijiet li ħa jgħinuk ma terġax tpejjep. Tistaʼ tikteb id-​dettalji li ġejjin u kull ħaġa li ħa tgħinek iżżomm il-​mira tiegħek:

      ● Ir-​raġunijiet għala waqaft tpejjep

      ● Numri tat-​telefown taʼ nies li tistaʼ ċċempel meta tħoss il-​bżonn li tpejjep

      ● Ħsibijiet li se jgħinuk tilħaq il-​mira tiegħek, bħall-​iskrittura taʼ Galatin 5:​22, 23

      Żomm din in-​nota miegħek il-​ħin kollu, u aqraha ħafna drabi matul il-​ġurnata. Anki meta tieqaf tpejjep, kompli aqra din in-​nota meta jkollok aptit tpejjep.

      Sir af xi jqabbdek aptit tpejjep u evitah. Qabel tasal il-​ġurnata li fiha se tieqaf, waqqaf id-​drawwiet li jwassluk biex tpejjep. Pereżempju, jekk tpejjep malli tqum kull filgħodu, prova stenna siegħa qabel tpejjep. Jekk tpejjep waqt li tiekol jew eżatt wara, biddel ir-​rutina. Evita postijiet fejn in-​nies ipejpu. U meta tkun waħdek, b’leħen għoli pprattika biex tgħid: “Le grazzi. Jien waqaft inpejjep.” Billi tagħmel hekk ħa tkun preparat għal dik il-​ġurnata meta tieqaf tpejjep. Hekk se tiftakar li inti daqt mhux se tpejjep aktar.

      Ipprepara biex tieqaf. Hekk kif il-​ġurnata toqrob, ixtri affarijiet li tistaʼ tieħu minflok: bħal karrotti, chewing gum, u lewż. Fakkar lill-​ħbieb u l-​familja fid-​data meta se tieqaf u kif jistgħu jgħinuk. Ġurnata qabel tieqaf, neħħi l-​ashtrays, lighters, jew sigaretti li għandek id-​dar, fil-​karozza, fil-​bwiet, u fejn taħdem. Dan se jagħmilhielek iktar faċli. Kompli itlob lil Alla biex jgħinek, speċjalment wara l-​aħħar sigarett.​—Luqa 11:13.

      Ħafna nies irnexxielhom jieqfu jpejpu. Int jistaʼ jirnexxilek ukoll. Se jkollok saħħa aħjar meta teħles minn dan il-​vizzju.

      [Stampa]

      Żomm din in-​nota miegħek il-​ħin kollu, u aqraha ħafna drabi matul il-​ġurnata

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja