-
Inkwiet li Jwassal Għal TamaIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
Inkwiet li Jwassal Għal Tama
“Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”—2 TIMOTJU 3:1.
ĠIELI smajt jew saħansitra rajt xi ħaġa minn dawn il-ġrajjiet taʼ niket?
● Marda fatali tieħu l-ħajja taʼ ħafna.
● Mijiet imutu minħabba l-ġuħ.
● Terremot joqtol lil eluf taʼ nies u jħalli lil ħafna oħrajn bla djar.
Fil-paġni li ġejjin se tirrivedi xi fatti li jġegħluk taħseb dwar ġrajjiet bħal dawn. Se tara wkoll li l-Bibbja bassret li se jkun hemm kundizzjonijiet bħal dawn matul il-perijodu taʼ żmien imsejjaħ l-“aħħar jiem.”
Madankollu, l-iskop taʼ dawn l-artikli mhuwiex biex jikkonvinċik li qed ngħixu f’dinja mimlija inkwiet. X’aktarx li dan l-inkwiet int qed tarah b’għajnejk stess. Minflok, huma mħejjijin biex jagħtuk tama. Se juru li t-twettiq taʼ dawn is-sitt profeziji jfisser li l-“aħħar jiem” dalwaqt se jispiċċaw. Din is-serje se tikkunsidra wkoll xi oġġezzjonijiet komuni għal din l-evidenza u se tipprovdi raġuni tajba biex int temmen li hemm xi ħaġa aħjar fil-futur qarib.
-
-
L-1 Profezija. It-TerremotiIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
L-1 Profezija. It-Terremoti
“Ikun hemm terremoti kbar.”—LUQA 21:11.
● Winnie, li għandha 16-il xahar, tiġi salvata mit-tifrik fil-Ħaiti. Kru tat-televixin li kienu qed jirrapportaw fuq id-diżastru kienu semgħu l-krib baxx tagħha. Hi salvat mit-terremot, imma l-ġenituri tagħha ma salvawx.
X’JURU L-FATTI? Meta terremot taʼ skala 7.0 laqat lill-Ħaiti f’Jannar tal-2010, mietu iktar minn 300,000 ruħ. Barra minn dawn, iktar minn miljun ruħ spiċċaw bla dar f’ħakka t’għajn. Għalkemm kien aħrax, it-terremot fil-Ħaiti ma kienx l-uniku wieħed li seħħ. Bejn April tal-2009 u April tal-2010, seħħew minn tal-inqas 18-il terremot kbir madwar id-dinja.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? M’aħniex nesperjenzaw iktar terremoti; minħabba t-teknoloġija moderna, sempliċement sirna iktar konxji tagħhom milli kienu n-nies fil-passat.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Ikkunsidra dan il-fatt: Il-Bibbja ma tenfasizzax l-għadd taʼ terremoti matul l-aħħar jiem. Madankollu, tgħid li “terremoti kbar” se jseħħu “f’post wara l-ieħor,” u dan jagħmilhom wieħed mill-aspetti notevoli taʼ dan il-perijodu sinifikanti fl-istorja.—Marku 13:8; Luqa 21:11.
INT X’TAĦSEB? Qegħdin naraw terremoti kbar, sewwasew bħalma bassret il-Bibbja?
It-terremoti waħedhom forsi ma jidhrux li huma biżżejjed evidenza biex tikkonkludi li qed ngħixu fl-aħħar jiem. Però, mhumiex l-unika profezija li qed titwettaq. Ikkunsidra oħra.
[Kumment f’paġna 4]
“Aħna [l-ġeofiżiċi] nsejħulhom terremoti kbar. Il-bqija tan-nies isejħulhom tal-biżaʼ.”—KEN HUDNUT, STĦARRIĠ ĠEOLOĠIKU TAL-ISTATI UNITI.
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
© William Daniels/Panos Pictures
-
-
It-2 Profezija. Il-ĠuħIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
It-2 Profezija. Il-Ġuħ
“Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.”—MARKU 13:8.
● Raġel ifittex ir-refuġju fir-raħal taʼ Quaratadji, in-Niġer. Il-kuġini tar-raġel u ħutu subien u bniet ukoll ġew minn postijiet oħrajn tal-pajjiż biex jipprovaw jaħarbu mill-ġuħ. Madankollu, ir-raġel qiegħed waħdu mimdud fuq tapit mal-art. Għala qiegħed waħdu? “Ma jistax jitmaʼ [lil familtu], u għalhekk ma jistax jibqaʼ jħares f’għajnejhom,” jispjega Sidi, il-kap tar-raħal.
X’JURU L-FATTI? Madwar id-dinja, kważi 1 minn kull 7 individwi ma jkollux biżżejjed ikel kuljum. Ir-rata hi agħar fl-Afrika, fin-naħa t’isfel tas-Saħara, fejn 1 minn kull 3 individwi m’għandux biżżejjed ikel għal perijodu twil taʼ żmien. Biex nifhmu din il-figura, immaġina familja li tikkonsisti minn missier, omm, u tarbija. Jekk hemm biżżejjed ikel għal tnejn minnhom biss, min se joqgħod bil-ġuħ? Il-missier? l-omm? it-tarbija? Din hi l-għażla li familji bħal dawn iridu jagħmlu fuq bażi taʼ kuljum.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? L-art tipproduċi iktar minn biżżejjed ikel għal kulħadd. Kulma hemm bżonn hu li r-riżorsi tal-art jiġu mqassmin aħjar.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Veru, il-bdiewa jistgħu jipproduċu u jittrasportaw iktar ikel minn qatt qabel fl-istorja. Idealment, il-gvernijiet umani għandhom ikunu kapaċi jqassmu l-ikel li tipproduċi l-art biex isolvu l-problema tal-ġuħ. Madankollu, anki wara li ilhom għaxriet taʼ snin jipprovaw, ma rnexxilhomx jagħmluh dan.
INT X’TAĦSEB? Qed jitwettaq Marku 13:8? Minkejja l-avanzi fit-teknoloġija, qiegħed in-nuqqas taʼ ikel jifni lill-umanità fuq skala globali?
It-terremoti u l-ġuħ spiss jiġu qabel problemi li jqumu minħabba aspett ieħor tas-sinjal tal-aħħar jiem.
[Kumment f’paġna 5]
“Iktar minn terz mit-tfal li jmutu bil-pulmunite, id-dijarea, u mard ieħor setgħu jsalvaw kieku ma kinux malnutriti.”—ANN M. VENEMAN, L-EKS DIRETTRIĊI ESEKUTTIVA TAL-FOND TAT-TFAL TAL-ĠM.
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
© Paul Lowe/Panos Pictures
-
-
It-3 Profezija. Il-MardIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
It-3 Profezija. Il-Mard
“In-nies se . . . jbatu b’mard terribbli.”—LUQA 21:11, Contemporary English Version.
● Bonzali, uffiċjal tas-saħħa pubblika f’pajjiż Afrikan mifni bi gwerra ċivili, jagħmel il-ftit li jistaʼ biex jikkura ħaddiema tal-minjieri fil-belt tiegħu li qed imutu bil-virus Marburg.a It-talb tiegħu għall-għajnuna mingħand uffiċjali f’belt akbar waqaʼ fuq widnejn torox. Erbaʼ xhur wara, l-għajnuna fl-aħħar tasal, imma Bonzali laħaq miet. Hu ħa l-marda Marburg mill-ħaddiema tal-minjieri li pprova jsalva.
X’JURU L-FATTI? L-infezzjonijiet respiratorji (bħall-pulmunite), il-mard tad-dijarea, il-HIV/AIDS, it-tuberkulosi, u l-malarja huma fost l-iktar mard qerried li jifni lill-umanità. F’sena reċenti, dawn il-ħames kategoriji tal-mard qatlu kważi 11-il miljun ruħ. Fi kliem ieħor, il-mard qatel bejn wieħed u ieħor persuna waħda kull tliet sekondi, matul is-sena kollha.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? Il-popolazzjoni tad-dinja tkompli tikber, u allura, naturalment, hemm iktar każijiet taʼ mard. Hemm iktar nies li jistgħu jiġu infettati.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Il-popolazzjoni tad-dinja żdiedet drastikament. Imma anki l-abbiltà tal-bniedem biex jagħraf, jikkontrolla, u jikkura l-mard żdiedet. Għalhekk, loġikament, m’għandhomx il-mard u l-effetti tiegħu fuq il-familja umana jonqsu? Però, qed jiġri eżatt l-oppost.
INT X’TAĦSEB? Qegħdin in-nies ibatu b’mard terribbli bħalma bassret il-Bibbja?
It-terremoti, il-ġuħ, u l-mard jagħmlu straġi minn miljuni taʼ nies. Miljuni oħrajn ibatu taħt idejn sħabhom il-bnedmin—ħafna jiġu trattati ħażin minn dawk li suppost jipproteġuhom. Innota x’tgħid il-profezija tal-Bibbja dwar dak li kellu jiġri.
[Nota taʼ taħt]
a Il-marda Marburg Hemorrhagic Fever hi kaġunata minn virus relatat mal-Ebola.
[Kumment f’paġna 6]
“Hu orribbli li tittiekel minn barra minn xi ljun jew xi ħaġa oħra, imma daqstant ieħor hu orribbli li tittiekel minn ġewwa minn xi marda terribbli u li tara dan kollu jseħħ madwarek.”—L-EPIDEMJOLOGU MICHAEL OSTERHOLM.
[Sors tal-Istampa f’paġna 6]
© William Daniels/Panos Pictures
-
-
Ir-4 Profezija. Nuqqas taʼ Mħabba NaturaliIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
Ir-4 Profezija. Nuqqas taʼ Mħabba Naturali
“In-nies se . . . jkunu neqsin minn affezzjoni normali għall-familji tagħhom.”—2 TIMOTJU 3:1-3, God’s Word Bible.
● Chris jaħdem għal grupp li jgħin lil nies li jesperjenzaw vjolenza domestika fit-Tramuntana taʼ Wales. “Niftakar li daħlet waħda mara li tant kienet ġiet imsawta li lanqas biss stajt nagħrafha mill-aħħar darba li kont rajtha,” jgħid Chris. “Nisa oħrajn tant huma mkissrin emozzjonalment li lanqas biss jgħollu għajnejhom minn mal-art.”
X’JURU L-FATTI? F’pajjiż Afrikan, bejn wieħed u ieħor 1 minn kull 3 nisa ġiet abbużata sesswalment meta kienet għadha tifla. Stħarriġ li sar f’dan l-istess pajjiż sab li iktar minn terz mill-irġiel ħassew li kien aċċettabbli li jsawtu lin-nisa tagħhom. Madankollu, in-nisa mhumiex l-uniċi vittmi tal-vjolenza domestika. Pereżempju, fil-Kanada, kważi 3 minn kull 10 irġiel ġew imsawtin jew abbużati b’mod ieħor min-nisa tagħhom.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? Minn dejjem kien hemm il-vjolenza domestika. Sempliċement qed tingħata iktar attenzjoni llum milli kienet fil-passat.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Fi snin reċenti, sirna iktar konxji tal-vjolenza domestika. Imma dan il-fatt, naqqas in-numru taʼ inċidenti taʼ vjolenza domestika? Le, dan ma kienx il-każ. In-nuqqas t’affezzjoni naturali hu iktar komuni minn qatt qabel.
INT X’TAĦSEB? Qiegħed jitwettaq it-2 Timotju 3:1-3? Veru li ħafna nies għandhom nuqqas t’affezzjoni għall-familji tagħhom li suppost jiġi b’mod naturali?
Il-ħames profezija li qed tara titwettaq tinvolvi lil darna, l-art. Ikkunsidra dak li tgħid il-Bibbja fuq dan is-suġġett.
[Kumment f’paġna 7]
“Il-vjolenza domestika hi magħrufa bħala waħda mill-iktar delitti fis-soċjetà li kontinwament ma tiġix rapportata biżżejjed. Bħala medja, mara tiġi msawta mis-sieħeb tagħha 35 darba qabel ma tikkuntattja lill-pulizija.”—RAPPREŻENTANTA TAS-SERVIZZ TAL-GĦAJNUNA BIT-TELEFON GĦALL-ABBUŻ DOMESTIKU FʼWALES.
-
-
Il-5 Profezija. Il-Qerda tal-ArtIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
Il-5 Profezija. Il-Qerda tal-Art
‘[Alla se] jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’—RIVELAZZJONI 11:18.
● Is-Sinjur Pirri xogħlu hu li jiġbor il-meraq tal-palm fi Kpor, in-Niġerja. Is-sengħa tiegħu ġiet imħarbta mit-tixrid taʼ żejt kbir ħafna fid-Delta tan-Niġer. “Joqtol lill-ħut tagħna, jagħmel il-ħsara lill-ġilda tagħna, iħassar lix-xmajjar tagħna,” jgħid hu. “M’għadx fadalli mod kif naqlaʼ l-għajxien.”
X’JURU L-FATTI? Skont xi esperti, 6.5 miljuni tunnellata skart jidħol fl-oċeani tad-dinja kull sena. Madwar 50 fil-mija minn dan l-iskart hu plastik li se jitmexxa mill-kurrent għal mijiet taʼ snin qabel ma jitfarrak. Minbarra li jniġġsu l-art, il-bnedmin qed ibattluha mir-riżorsi naturali tagħha b’rata allarmanti. Xi studji juru li l-art għandha bżonn sena u ħames xhur biex tirrestawra dak li l-bnedmin jużaw f’sena. “Jekk ma jkunx hemm bidla fil-popolazzjoni u l-konsum, se jkollna bżonn l-ekwivalenti taʼ żewġ Dinjiet sal-2035,” tgħid il-gazzetta Awstraljana Sydney Morning Herald.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? Il-bnedmin huma intelliġenti u kapaċi jsibu soluzzjonijiet tajbin għall-problemi. Nistgħu rreġġgħu lura dawn il-problemi u nsalvaw id-dinja.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Ħafna individwi u gruppi li jaħdmu iebes qed jagħmlu lin-nies iktar konxji taʼ kwistjonijiet ambjentali. Madankollu, l-art għadha titniġġes fuq skala kbira.
INT X’TAĦSEB? Hemm bżonn li Alla jintervieni u jsalva l-pjaneta tagħna milli tinqered—sewwasew bħalma wiegħed li se jagħmel?
Minbarra l-ħames profeziji li għadna kif ikkunsidrajna, il-Bibbja bassret ukoll żviluppi pożittivi għall-aħħar jiem. Ikkunsidra eżempju wieħed fis-sitt profezija.
[Kumment f’paġna 8]
“Inħoss li fejn qabel kelli ġenna tal-art issa għandi miżbla taʼ skart tossiku.”—ERIN TAMBER, RESIDENTA TAL-KOSTA TAL-GOLF, L-ISTATI UNITI, RIGWARD L-EFFETTI TAT-TIXRID TAŻ-ŻEJT FIL-GOLF TAL-MESSIKU FL-2010.
[Kaxxa f’paġna 8]
Huwa Alla Responsabbli?
Ladarba l-Bibbja bassret il-kundizzjonijiet ħżiena li naraw illum, ifisser dan li Alla hu responsabbli għalihom? Jikkaġuna hu t-tbatija tagħna? Tistaʼ ssib tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet f’kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
U.S. Coast Guard photo
-
-
Is-6 Profezija. Xogħol taʼ Ppritkar GlobaliIt-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
Is-6 Profezija. Xogħol taʼ Ppritkar Globali
“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.”—MATTEW 24:14.
● Vaiatea tgħix fuq gżira remota tal-Paċifiku fl-Arċipelagu taʼ Tuamotu. Għalkemm Tuamotu jikkonsisti minn kważi 80 gżira tal-qroll fuq medda taʼ iktar minn 802,900 kilometru kwadru, għandu popolazzjoni taʼ xi 16,000 abitant biss. Madankollu, Vaiatea u l-ġirien tagħha ġew kuntattjati mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala? Għax ix-Xhieda jixtiequ jaqsmu l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla man-nies kollha—jgħixu fejn jgħixu.
X’JURU L-FATTI? Il-messaġġ tas-Saltna qed jilħaq kull rokna tad-dinja. Fl-2010 biss, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu iktar minn 1.6 biljun siegħa jxandru din l-aħbar tajba f’236 pajjiż. Din hi medja taʼ 30 minuta fix-xogħol tal-ippritkar kuljum minn kull Xhud. Matul l-aħħar għaxar snin ipproduċew u qassmu iktar minn 20 biljun pubblikazzjoni bbażati fuq il-Bibbja.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? Il-messaġġ tal-Bibbja ilu jiġi pritkat eluf taʼ snin.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Veru, ħafna ppritkaw xi ħaġa dwar il-messaġġ tal-Bibbja. Madankollu, il-biċċa l-kbira għamlu dan għal perijodu qasir biss u fuq skala limitata. B’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed iwettqu kampanja taʼ ppritkar globali b’mod organizzat li tilħaq mijiet taʼ miljuni taʼ nies. Ix-Xhieda pperseveraw fix-xogħol tal-ippritkar tagħhom minkejja oppożizzjoni ħarxa minn ftit mill-iktar organizzazzjonijiet setgħanin u kefrin fl-istorja tal-bniedem.a (Marku 13:13) Iżjed minn hekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex imħallsin biex jippritkaw. Minflok, minn jeddhom jagħtu mill-ħin tagħhom, u joffru l-letteratura tagħhom mingħajr ħlas. Xogħolhom hu appoġġat kompletament minn kontribuzzjonijiet volontarji.
INT X’TAĦSEB? “L-aħbar tajba tas-saltna,” qed tiġi pritkata madwar id-dinja? It-twettiq taʼ din il-profezija, jistaʼ jfisser li hemm xi ħaġa aħjar fil-futur qarib?
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara t-tliet dokumentarji fuq vidjo “Faithful Under Trials,” “Purple Triangles,” u “Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault,” imqassmin mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 9]
“Sakemm Ġeħova jippermetti, aħna se nkomplu nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna biż-żelu, billi nużaw kull mezz possibbli biex nilħqu lin-nies.”—2010 YEARBOOK OF JEHOVAH’S WITNESSES.
-
-
Żminijiet Aħjar fil-Futur Qarib!It-Torri tal-Għassa—2011 | Lulju 1
-
-
Żminijiet Aħjar fil-Futur Qarib!
“Ftit ieħor biss, u l-ħażin ma jkunx iktar . . . Imma l-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” —SALM 37:10, 11.
TIXTIEQ taraha sseħħ il-profezija kwotata hawn fuq? Bla dubju hekk tixtieq. Hemm raġunijiet sodi biex temmen li dalwaqt se sseħħ.
L-artikli taʼ qabel iddiskutew ftit biss mill-profeziji tal-Bibbja li b’mod ċar jindikaw li qed ngħixu “fl-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-5) Alla nebbaħ lill-kittieba tal-Bibbja biex ibassru dawk il-ġrajjiet sabiex aħna jkollna tama. (Rumani 15:4) It-twettiq taʼ profeziji bħal dawn ifisser li l-inkwiet li niffaċċjaw issa dalwaqt se jintemm.
X’se jkun hemm wara l-aħħar jiem? Is-Saltna t’Alla se taħkem fuq l-umanità kollha. (Mattew 6:9) Ikkunsidra d-deskrizzjoni tal-Bibbja tal-kundizzjonijiet fuq l-art f’dak iż-żmien:
● Il-ġuħ se jintemm. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art; fuq il-qċaċet tal-muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.
● Il-mard se jintemm. “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.
● L-art se tiġi mġedda. “Ix-xagħri u r-reġjun bla ilma se jifirħu, u l-pjanura tad-deżert se tifraħ u twarrad bħaż-żagħfran.”—Isaija 35:1.
Dawn huma biss ftit mill-profeziji inkuraġġanti tal-Bibbja li se jseħħu dalwaqt. Għax ma titlobx lix-Xhieda taʼ Ġeħova juruk għala huma daqstant fiduċjużi li hemm żminijiet aħjar fil-futur qarib?
-