Referenzi għall-Ktieb B’Kuraġġ Għix Kif Jogħġob lil Alla—L-1 Parti
© 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
KAPITLU 2
Hu Kkundanna d-Dinja
ijwbq artiklu 156 ¶2-5, kaxxa-wcgr
L-Istorja taʼ Noè u d-Dulluvju Vera Ġraw?
Il-Bibbja turina li Noè vera eżista u li d-Dulluvju vera ġara. Dawn ma kinux sempliċiment storja.
◼ Il-kittieba tal-Bibbja kienu jemmnu li Noè vera eżista. Pereżempju, il-kittieba Esdra u Luqa li kienu esperti tal-istorja, inkludew lil Noè fil-linja tan-nazzjon taʼ Iżrael. (1 Kronaki 1:4; Luqa 3:36) Il-kittieba tal-Evanġelji Mattew u Luqa kitbu dak li qal Ġesù dwar Noè u d-Dulluvju.—Mattew 24:37-39; Luqa 17:26, 27.
Il-profeta Eżekjel u l-appostlu Pawlu wkoll qalu li Noè kien raġel ġust, taʼ fidi, u taʼ min jimitah. (Eżekjel 14:14, 20; Lhud 11:7) Jagħmel sens li kieku qalulna biex nimxu fuq eżempju taʼ raġel li mhux veru eżista? Nistgħu naraw ċar li Noè, irġiel u nisa oħra taʼ fidi huma t’eżempju għalina għax vera eżistew.—Lhud 12:1; Ġakbu 5:17.
◼ Il-Bibbja ttina dettalji eżatti dwar id-Dulluvju. Ir-rakkont tal-Bibbja dwar id-Dulluvju ma jibdiex bil-kliem “Darba waħda,” bħallikieku qed tirrakkonta xi storja li mhix vera. Anzi, il-Bibbja ssemmi l-affarijiet kif ġraw fil-Dulluvju bl-eżatt, bħas-sena, ix-xahar, u l-ġurnata. (Ġenesi 7:11; 8:4, 13, 14) Tgħidilna wkoll il-qisien tal-arka. (Ġenesi 6:15) Dan jurina li l-Bibbja ssemmi storja li ġrat vera.
Stejjer u leġġendi differenti dwar id-Dulluvju
Fid-dinja hemm ħafna stejjer differenti dwar id-Dulluvju u ħafna minnhom għandhom biċċiet li huma simili għar-rakkont tal-Bibbja. Milli jidher in-nies li twieldu wara Noè baqgħu jirrakkontaw din l-istorja. Imma maż-żmien din inbidlet b’ħafna modi. Ejja naraw xi eżempji.
Leġġenda Griega: Ir-raġel u l-mara li salvaw minn dulluvju kellhom iwaddbu l-ġebel wara daharhom. Dan il-ġebel kellu jinbidel fi rġiel u nisa biex terġaʼ timtela d-dinja bin-nies.
Leġġenda tal-Ħindu: Ħuta avżat lil raġel li dulluvju kien se jeqred lin-nies. Imbagħad il-ħuta tgħidlu biex jibni dgħajsa. Ir-raġel jibqaʼ ħaj għax il-ħuta tieħdu f’post safe.
Leġġenda Babiloniża: Ir-raġel u l-mara li baqgħu ħajjin wara dulluvju, ingħataw l-immortalità u saru allat.
Leġġenda tal-Amerka Ċentrali: Raġel, il-mara tiegħu, u t-tfal tagħhom baqgħu ħajjin wara dulluvju waqt li l-irġiel l-oħra kollha saru ħut.
it “Noè” Nru. 1 ¶12-wcgr
Noè
Meta Rribella Nimrod. Wara d-Dulluvju, Noè kien l-ewwel missier li minnu ġew in-nies tal-art kollha. (Ġen 10:1-32) Minkejja dan, fi żmien Noè, Nimrod beda jmexxi u n-nies reġgħu daru għar-reliġjon falza. Dan nistgħu narawh meta rribella u pprova jibni “torri bil-quċċata tiegħu fis-sema” għax beżaʼ li n-nies se jinxterdu mad-dinja kollha. B’dan il-mod, huma kienu qed jiħduha kontra Ġeħova meta qalilhom biex ‘jimlew l-art,’ u kontra Noè bħala profeta. Noè miet xi sentejn qabel twieled Abraham. Għalhekk, Noè ra l-kastig li Alla ta lil dawk li pprovaw jibnu t-Torri taʼ Babel meta xerridhom mal-art kollha. Noè u Sem ma ħadux sehem fil-bini tat-torri, għalhekk huma baqgħu bil-lingwa li Alla ta lil Adam.—Ġen 9:1, 28, 29; 11:1-9.
KAPITLU 3
Hi Għażlet li Ma Terġax Tmur Lura
g 1/08 29 ¶4-5-wcgr
Xi Jfisser li Raġel Ikun il-Kap tal-Familja?
Meta mara tkun sottomessa lejn ir-raġel tagħha, ifisser li ma tistax tgħid l-opinjoni tagħha jew kif tkun qed tħossha? Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Sara obdiet lir-raġel tagħha, Abraham. (1 Pietru 3:5, 6) Hi kienet lesta li tissapportja lil Abraham f’kull deċiżjoni. Pereżempju, meta Abraham qalilha biex jitilqu mid-dar komda tagħhom u jmorru jgħixu fit-tined, hi kienet lesta li tobdi. Hi wriet is-sapport tagħha wkoll f’affarijiet iżgħar, bħal meta ppreparat l-ikel għal xi nies li ma kinitx qed tistenna. (Ġenesi 12:5-9; 18:6) Imma darba minnhom, meta kien hemm xi ħaġa serja li bdiet tinkwetaha, hi qalet lil Abraham kif kienet qed tħossha avolja kienet taf li Abraham kellu opinjoni differenti minn tagħha. Dan kien meta hi qaltlu biex ikeċċi lill-konkubina tiegħu, Ħagar, u l-ewwel tifel tiegħu, Ismagħel, mid-dar tagħhom. Ġeħova ma rrabjax maʼ Sara, minflok hu qal lil Abraham biex ‘jismaʼ minnha.’ Imma sadanittant, hi xorta baqgħet tagħti s-sapport tagħha lil Abraham u ħalliet lilu jieħu azzjoni minflok ma qabdet u keċċiethom hi.—Ġenesi 21:8-14.
L-eżempju taʼ Sara jgħallimna li l-mara għandha responsabbiltà importanti fil-familja. Hi “s-sieħba” tar-raġel tagħha. (Malakija 2:14) Bħala s-sieħba tiegħu, il-mara tistaʼ tgħid l-opinjoni tagħha lir-raġel biex tgħinu jieħu l-aħjar deċiżjoni. Hi għandha responsabbiltajiet oħra x’tieħu ħsieb, bħal li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja u l-flus. Però, bħala l-kap tal-familja, ir-raġel għandu jieħu l-aħħar deċiżjoni.—Proverbji 31:10-31; 1 Timotju 5:14.
KAPITLU 4
L-Ewwel Raġel li Ġġieled Gwerra għal Ġeħova
w89 7/1 5 ¶4–6 ¶1-wcgr
Abraham—Ħabib u Profeta t’Alla
Xi ngħidu dwar ir-rebħa t’Abraham kontra Kedorlagħomer, ir-re t’Għelam? Sas-sena 1800 WK in-nies ma tantx kienu jafu dwar Għelam. Uħud li jikkritikaw il-Bibbja qalu li n-nies minn Għelam qatt ma kellhom influwenza fuq Babilonja aħseb u ara fuq il-Palestina. Però, issa l-esperti jaħsbuha b’mod differenti. L-arkeoloġija turi li Għelam kien nazzjon b’saħħtu u li n-nies t’hemmhekk kienu jiġġieldu kontra oħrajn. Ktieb taʼ referenza jgħid: “Il-belt t’Ur ġiet meqruda min-nies taʼ Għelam madwar is-sena 1950 QK . . . Wara dan, kellhom influwenza kbira fuq il-mexxejja taʼ Babilonja.”—Funk & Wagnalls Standard Reference Encyclopedia.
Barra minn hekk, l-ismijiet tar-rejiet t’Għelam instabu minquxin fuq il-ġebel. Xi wħud minnhom jibdew bil-kelma “Kudur,” li hi simili għal “Kedor.” Alla mara importanti tan-nies t’Għelam kienet Lagamar, isem simili għal “lagħomer.” Issa xi wħud li jistudjaw l-istorja jemmnu li Kedorlagħomer kien mexxej li vera eżista. Ismu jistaʼ jkun li jfisser “Qaddej taʼ Lagamar.” Tlieta mill-ismijiet li jidhru minquxin fuq il-ġebel f’Babilonja huma simili għall-ismijiet li nsibu fir-rakkont tal-Bibbja—Tudhula (Tidgħal), Eri-aku (Arjok), u Kudur-lahmil (Kedorlagħomer). (Ġenesi 14:1) Ktieb ieħor taʼ referenza jispjega li dan il-ġebel minqux f’Babilonja jinkludi mhux biss dawn l-ismijiet imma jinkludi wkoll dettalji dwar dak li ġara f’Babilonja meta n-nies taʼ Għelam ħadu kontroll tal-pajjiż. Mela dan il-ġebel minqux jikkonferma r-rakkont fil-Bibbja. Għalhekk, dawk li jikkritikaw il-Bibbja raw x’jagħmlu biex jaħbu l-importanza tagħhom.—Hidden Things of God’s Revelation, Dr. A. Custance.
L-arkeoloġija tagħti prova dwar l-attakk li għamlu l-erbaʼ rejiet imsemmijin fil-Bibbja? Iva. Il-Professur Yohanan Aharoni kiteb dwar il-poplu li kien fil-pajjiż qabel l-Iżraelin issetiljaw f’Iżrael. Hu jgħid li dawn kellhom djar “impressjonanti” fin-Negeb u fil-Lvant tal-Ġordan. Hu jgħid li dan kien “madwar is-sena 2000 QK” mentri arkeoloġi oħra jgħidu li dan ġara madwar is-sena 1900 QK (The Archaeology of the Land of Israel, Professur Yohanan Aharoni). Dr. Harold Stigers jgħid: “Il-biċċiet tal-fuħħar f’dawn il-postijiet juru li n-nies flimkien mal-kultura tagħhom f’daqqa waħda ma baqgħux jeżistu u nqerdu għalkollox.” (Commentary on Genesis) Anki kritiċi tal-Bibbja bħal John Van Seters aċċetta din l-evidenza. Hu jgħid: “Problema li ma nistgħux insolvu hi fejn marru dawn in-nies jew xi ġralhom.”—Abraham in History and Tradition.
Jistaʼ jkun li Ġenesi kapitlu 14 jispjega x’kienet il-problema. Skont il-kronoloġija tal-Bibbja, Abraham wasal Kangħan fis-sena 1943 QK. L-attakk taʼ Kedorlagħomer li qered kollox, x’aktarx ġara eżatt wara. Iktar tard, wara xi snin, Alla qered il-bliet immorali taʼ Sodoma u Gomorra bin-nar. Wara li ġara dan, l-art fin-naħa t’isfel tal-Wied tal-Ġordan ma baqgħetx sinjura u tajba biex jiżirgħu fiha. (Ġenesi 13:10-13; 19:24, 25) Armati barranin ma baqgħux interessati f’dan il-post.
it “Il-Baħar il-Mielaħ” ¶6-wcgr
Il-Baħar il-Mielaħ
Sodoma u Gomorra. X’aktarx Sodoma u Gomorra kienu jinsabu qrib in-naħa t’isfel tal-Baħar il-Mielaħ. Ir-rejiet taʼ dawn il-bliet kienu fost dawk li ġġieldu “fil-Wied taʼ Siddim, jiġifieri l-Baħar il-Mielaħ,” u minn dan il-kliem nistgħu nifhmu li l-Wied taʼ Siddim sar parti mill-Baħar il-Mielaħ. (Ġen 14:3) Il-parti f’Sodoma u Gomorra fejn kien joqgħod Lot kien ‘imsoqqi tajjeb, bħall-ġnien taʼ Ġeħova.’ (Ġen 13:10-12) Anki llum, fl-art qrib il-Baħar il-Mielaħ jikber ħafna ħaxix, qamħ, barley, tamal, u anki dwieli. L-ammont kbir li hemm taʼ qatran u melħ, speċjalment fin-naħa t’isfel, jaqbel ukoll mar-rakkont taʼ Sodoma u Gomorra.—Ġen 14:10; 19:24-26.
it “Salem”-wcgr
Salem
(Saʹlem) [Paċi].
Belt antika fejn Melkisedek kien re u qassis. (Ġen 14:18) Il-kelma “Salem” bl-Ebrajk hija parti mill-isem Ġerusalemm. L-isem jistaʼ jkun li jfisser “Paċi Doppja.” Nistgħu nikkonfermaw li dan l-isem ifisser “Paċi” mill-kliem li nsibu f’Lhud 7:2.
Skont traduzzjoni antika tal-Lhud, Salem u Ġerusalemm huma l-istess post. Anki l-Bibbja taqbel maʼ dan. Abraham iltaqaʼ mar-re taʼ Sodoma u Melkisedek fil-“Wied tar-re.” It-tifel tar-Re David, Absalom, mijiet taʼ snin wara bena monument hemmhekk. Dan il-wied x’aktarx kien qrib Ġerusalemm li kienet il-belt kapitali tas-Saltna. (Ġen 14:17, 18; 2Sm 18:18) Il-kelma “Salem” fil-fatt hi parti mill-kelma “Ġerusalemm,” u s-salmista użaha wkoll għal “Sijon.”—Sa 76:2.
it “Il-Qassis il-Kbir” ¶27-28-wcgr
Il-Qassis il-Kbir
Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir. Mill-ktieb tal-Lhud naraw li minn meta Ġesù Kristu qam mill-mewt u mar fis-sema, “sar qassis bħalma kien Melkisedek u se jkun qassis għal dejjem.” (Lh 6:20; 7:17, 21) Ġesù bħala qassis hu superjuri iktar minn dawk li ġew mil-linja taʼ Aron. Huwa mxebbah maʼ Melkisedek li kien re u qassis għax għamlu Ġeħova u mhux għax kien ġej mil-linja taʼ Aron. Ġesù Kristu mhuwiex mit-tribù taʼ Levi imma mil-linja taʼ Ġuda u David. Għalhekk, hu ma kienx qassis minħabba li l-familja tiegħu kienet ġejja mil-linja tal-qassisin. Allura bħal Melkisedek, hu re u qassis għax Ġeħova ried hekk. (Lh 5:10) F’Salm 110:4 insibu l-wegħda li tgħid: “Ġeħova mhux se jibdel fehmtu dwar din il-ħalfa: ‘Int qassis bħalma kien Melkisedek u se tkun qassis għal dejjem!’” jiġifieri Ġesù hu qassis u re fis-sema. L-awtorità li għandu Kristu bħala re ġejja wkoll minħabba li hu mil-linja taʼ David u għalhekk hu wiret is-saltna minħabba l-wegħda li Ġeħova għamel maʼ David. (2Sm 7:11-16) Mela Ġesù hu re u qassis, kif kien Melkisedek.
L-appostlu Pawlu qal dwar Melkisedek: “Ma nafux min huma missieru u ommu, m’hemmx rekords tal-familja tiegħu, taʼ meta twieled, u taʼ meta miet.” Allura Melkisedek irrappreżenta lil Ġesù li hu qassis għal dejjem u li ġie rxoxtat għal “ħajja li ma tinqeridx.”—Lh 7:3, 15-17.
KAPITLU 5
Għalkemm Kien Diffiċli, Hu Obda lil Alla
g 5/12 18, kaxxa-wcgr
Il-Bibbja—Ktieb bi Profeziji li Jitwettqu Eżatt, l-1 Parti
ABRAHAM—PERSUNA LI GĦEXET ŻMIEN TWIL ILU
◼ Twavel tat-tafal li għandhom madwar 4,000 sena, għandhom miktub fuqhom ismijiet taʼ bliet li huma l-istess bħall-ismijiet taʼ nies li kienu jiġu minn Abraham. Dawn il-bliet jinkludu Peleg, Serug, Naħor, Teraħ, u Ħaran.—Ġenesi 11:17-32.
◼ F’Ġenesi 11:31 naqraw li Abraham u l-familja tiegħu emigraw minn “Ur tal-Kaldin.” Il-fdalijiet tal-belt instabu fix-Xlokk tal-Iraq. Il-Bibbja tgħid ukoll li missier Abraham, Teraħ, miet fil-belt taʼ Ħaran, li x’aktarx illum tinstab fit-Turkija, u l-mara taʼ Abraham, Sara, mietet f’Ħebron, waħda mill-iktar bliet antiki fil-Lvant Nofsani li għadhom jgħixu n-nies fiha.—Ġenesi 11:32; 23:2.
rr 20 ¶18-wcgr
“Alla Aċċetta” r-Rigali Tagħhom
18 Abraham offra ħafna sagrifiċċji matul il-ħajja twila li għex. Imma din it-tip taʼ qima dejjem kienet tingħata lil Ġeħova, l-unika wieħed li jixraqlu. (Ġen. 12:8; 13:18; 15:8-10) Kien lest Abraham li jagħti lil Ġeħova l-aqwa kwalità taʼ sagrifiċċji? Din il-mistoqsija twieġbet b’mod ċar meta Abraham kien lest li joffri bħala sagrifiċċju lil maħbub ibnu, Iżakk. Ġeħova kien qallu eżatt il-mod kif għandu joffri s-sagrifiċċju. (Ġen. 22:1, 2) U Abraham kien lest li jagħmel eżatt bħalma kien qallu. Imma Ġeħova waqqaf lil Abraham milli joqtol lil ibnu. (Ġen. 22:9-12) Ġeħova aċċetta l-qima taʼ Abraham għax il-mottivi tiegħu kienu tajbin. Pawlu kiteb: “Abraham fada f’Ġeħova, u ġie kkunsidrat ġust.”—Rum. 4:3.
KAPITLU 6
Kienet Lesta li Titlaq id-Dar u l-Familja
w97 1/1 30 ¶2-wcgr
Eligħeżer Vjaġġa Biex Isib Mara għal Iżakk
Dan ir-raġel kien il-qaddej t’Abraham, u kien “l-ixjeħ wieħed f’daru.” (Ġenesi 24:2) Avolja ismu ma jissemmiex fir-rakkont, dan x’aktarx kien Eligħeżer, minħabba li Abraham dwaru qal “qaddej minn dari [kien] se jiritni.” (Ġenesi 15:2, 3) Ovvjament, Abraham kien qal hekk għax hu u Sara kien għad ma kellhomx tfal. Imma issa Iżakk kellu 40 sena, u għalkemm Eligħeżer ma kienx għadu l-ewwel werriet taʼ Abraham, hu xorta kien il-qaddej tiegħu. Hu kien lest li jobdi meta Abraham staqsieh biex jagħmel xi ħaġa diffiċli. X’qallu jagħmel?
w97 1/1 30 ¶3-wcgr
Eligħeżer Vjaġġa Biex Isib Mara għal Iżakk
Fi żmien Abraham, iż-żwieġ ma kienx jaffettwa biss lill-familja imma lit-tribù kollu. Għalhekk, kienet xi ħaġa normali li l-ġenituri jagħżlu lil min jiżżewġu t-tfal tagħhom. Però, Abraham kellu deċiżjoni diffiċli x’jieħu meta beda jfittex mara għat-tifel tiegħu Iżakk. Hu żgur ma kienx se jagħżel mara għat-tifel tiegħu mill-Kangħanin li ma kinux jaqdu lil Ġeħova. (Dewteronomju 18:9-12) Għalkemm kienet id-drawwa li raġel jiżżewweġ lil xi ħadd mit-tribù tiegħu, il-familja t’Abraham kienu jgħixu f’Mesopotamja, li kienet mijiet taʼ kilometri ’l bogħod minn Kangħan. Hu ma setax jgħid lil Iżakk biex imur jgħix hemm minħabba li Ġeħova kien wiegħed lil Abraham: “Lid-dixxendenti tiegħek se nagħtiha din l-art,” jiġifieri l-art taʼ Kangħan. (Ġenesi 24:7) Għalhekk Abraham qal lil Eligħeżer: “Mur fil-pajjiż tiegħi u għand qrabati, u sib mara għal ibni Iżakk.”—Ġenesi 24:4.
it “Rebekka” ¶4-wcgr
Rebekka
Il-qaddej t’Abraham induna li t-talba tiegħu ġiet imwieġba, u għalhekk lil Rebekka taha misluta tal-imnieħer u żewġ ċpiepet sbieħ tad-deheb (kienu jiswew madwar €1,200 tal-lum). Dawn uriethom lil ommha u lil ħuha Laban, u anki huma wrew ospitalità maʼ Eligħeżer u maʼ dawk li kienu miegħu. (Ġen 24:22-32) Imma qabel beda jiekol hu ried jgħidilhom għala kien mar hemm. Laban u missieru, Betwel, aċċettaw li Rebekka tiżżewweġ lil Iżakk. Huma taw lil Rebekka u lill-familja tagħha rigali bħal affarijiet tad-deheb u l-fidda u ħwejjeġ sbieħ. (Ġen 24:33-54) B’hekk sar ftehim għaż-żwieġ taʼ Rebekka u Iżakk bejn il-ġenituri tagħhom, kif kienet id-drawwa dak iż-żmien. B’dan il-mod Rebekka ngħatat lil Iżakk u saret martu.
KAPITLU 7
Hu Kien Kuraġġuż u Pproteġa l-Familja Tiegħu
w95 9/15 21 ¶4, ntt.-wcgr
Dak li Nitgħallmu mill-Familji li Kienu Jaqdu lil Alla fil-Passat
Xi snin wara li Ġakobb mar jgħix fl-art taʼ Kangħan, mid-dehra ma kienx jaf li t-tifla tiegħu Dina ħaditha drawwa li tagħmilha mal-Kangħanin, li kienu jqimu allat foloz. (Ġenesi 34:1) Ukoll, hu m’għamel xejn meta nduna li fid-dar tiegħu kien hemm affarijiet li jintużaw għall-qima falza. Imma wara li Dina ġiet irrejpjata, Ġakobb ħa azzjoni. Hu qal lin-nies taʼ daru: “Neħħu l-allat barranin li għandkom f’nofskom [u] tnaddfu.”—Ġenesi 35:2-4.
[Nota taʼ taħt]
Tajjeb niftakru li qabel dan, Ġakobb ħadem biex il-familja tiegħu ma jiġux influwenzati mill-Kangħanin. Hu bena artal bi stil differenti biex b’hekk huma ma jkunux bħall-Kangħanin. (Ġenesi 33:20; Eżodu 20:24, 25) Barra minn hekk, hu rama l-kampijiet tiegħu barra l-belt taʼ Sikem u għamel bir biex ikollu l-ilma għal taʼ daru. (Ġenesi 33:18; Ġwanni 4:6, 12) Għalhekk, Dina żgur li kienet taf li missierha Ġakobb ma ridhiex tagħmilha mal-Kangħanin.
KAPITLU 9
Huma Wrew il-Fidi u Ħbew lil Mosè
g04 4/8 4 ¶4–5 ¶1-wcgr
Mosè Vera Eżista?
Ħafna studjużi ma jemmnux li dawn il-ġrajjiet vera ġraw. Rivista Kristjana tgħid li l-arkeoloġi “ma sabu l-ebda prova li l-Iżraelin għexu fl-Eġittu.” Minkejja li dan jistaʼ jkun veru, hemm evidenzi oħra li juru li dak li nsibu fil-Bibbja hu veru. Fil-ktieb Israel in Egypt l-istudjuż dwar l-Eġittu James K. Hoffmeier jgħid: “L-arkeoloġi sabu prova li nies li kienu jgħixu qrib Iżrael spiss kienu jmorru jgħixu l-Eġittu għal xi żmien, speċjalment meta kien ikun hemm in-nixfa. Għalhekk mill-1800 sal-1540 QK, ħafna nies li kellhom background u lingwa simili għal tal-Iżraelin telqu minn pajjiżhom biex imorru jgħixu l-Eġittu.”
L-istudjużi jammettu wkoll li dak li tgħid il-Bibbja dwar meta l-Iżraelin kienu skjavi taħt l-Eġizzjani huwa eżatt. Il-ktieb Moses—A Life jgħid: “Dak li tgħid il-Bibbja dwar il-mod kif l-Iżraelin kienu trattati fl-Eġittu jidher ukoll f’ħafna tpinġijiet fuq ħitan tal-oqbra mibnijin fl-istess żmien fejn juru gruppi taʼ skjavi jagħmlu l-briks bit-tajn.”
g04 4/8 6 ¶1-2-wcgr
Mosè Vera Eżista?
Il-mod kif il-Bibbja tiddeskrivi l-qoffa li użat Ġokebed hu fi qbil maʼ dak li sabu l-arkeoloġi. Il-Bibbja tgħid li kienet magħmula mill-papiru li skont Cook’s Commentary, “dan spiss kien jintuża mill-Eġizzjani biex jagħmlu dgħajjes żgħar.”
Xi wħud isibuha diffiċli biex jemmnu li xi mexxej jistaʼ jagħti kmand biex jinqatlu t-trabi kollha. L-istudjuż George Rawlinson ifakkarna: “Matul l-istorja qtil tal-massa taʼ tfal żgħar sar komuni.” Anki llum il-ġurnata naraw dawn l-affarijiet koroh jiġru. Għalkemm ir-rakkont tal-Bibbja jinstemaʼ makabru, huwa taʼ min jemmnu.
it “Majjistri”-wcgr
Majjistri (Midwives)
Majjistra tgħin lil omm waqt li tkun qed twelled, u meta titwieled it-tarbija hi taqtaʼ l-kurdun u mbagħad taħsilha. Fi żmien l-antik il-majjistra kienet ukoll togħrok it-tarbija bil-melħ u ddawwarha f’biċċa drapp.—Eże 16:4.
Ħbieb tal-qalb, tal-familja, jew nisa kbar fl-età fil-komunità xi kultant kienu jagħmlu x-xogħol taʼ majjistri. Imma minħabba l-abbiltà speċjali u l-esperjenza neċessarja, speċjalment meta l-omm li tkun se twelled ikollha xi komplikazzjonijiet, ftit nisa kienu jagħżluh bħala xogħol.—Ġen 35:16-19; Ġen 38:27-30.
Il-majjistri Lhud li kienu skjavi mal-Iżraelin fl-Eġittu kienu f’sitwazzjoni perikoluża ħafna. Il-Fargħun qabbad lil Sifra u Puwa u kkmandahom biex joqtlu t-trabi subien Lhud hekk kif jitwieldu. Dawn iż-żewġ nisa kienu responsabbli biex jgħaddu dan il-kmand lill-majjistri l-oħrajn għax x’aktarx kienu fuqhom. Madankollu, “il-majjistri kienu jirrispettaw ħafna lill-Alla l-veru, u m’għamlux kif qalilhom ir-re tal-Eġittu. Minflok, kienu jħallu lit-trabi subien ħajjin.” Minħabba f’hekk il-Fargħun sejħilhom u qalilhom: “Għala ħallejtu lit-tfal subien ħajjin?” Huma għamlu tabirruħhom li ma kellhomx kontroll u qalulu li n-nisa Lhud kienu “b’saħħithom u jkunu diġà welldu qabel ma l-majjistra tidħol ħdejhom.” (Eżo 1:15-19) Minħabba li dawn il-majjistri kellhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova, huma m’għamlux din il-ħaġa krudili u Ġeħova berikhom billi kellhom it-tfal tagħhom.—Eżo 1:20, 21.
ijwia artiklu 7 ¶14-18-wcgr
“Kantaw lil Ġeħova”!
Meta Mirjam kellha 80 sena, Mosè reġaʼ mar lura l-Eġittu. Alla bagħtu biex jeħles lill-poplu tiegħu. Aron kien il-kelliemi taʼ Mosè u għalhekk hu u Mosè marru quddiem il-Fargħun biex jitolbuh jeħles lin-nies t’Alla. Wara li l-Fargħun keċċiehom, Mirjam żgur li għamlet l-aħjar tagħha biex tgħinhom ma jaqtgħux qalbhom. Wara l-aħħar kastig, li kien il-mewt tal-ewwel tifel tal-Eġizzjani, wasal il-ħin biex l-Iżraelin joħorġu mill-Eġittu! Immaġina lil Mirjam b’determinazzjoni tgħin lin-nies waqt li Mosè ħariġhom mill-Eġittu.—Eżodu 4:14-16, 27-31; Kapitli 7 sa 12.
Iktar tard meta l-Iżraelin inqabdu bejn il-Baħar l-Aħmar u l-armata Eġizzjana, Mirjam rat lil ħuha Mosè quddiem il-baħar bil-bastun mgħolli f’idejh. Il-baħar infetaħ! Meta Mirjam rat lil Mosè jmexxi lin-nies li kienu qed jaqsmu minn nofs il-baħar fuq art niexfa, il-fidi tagħha f’Ġeħova ssaħħet iktar minn qatt qabel. Hi kienet taf li Alla tagħha setaʼ jagħmel kollox u jwettaq kull wegħda!—Eżodu 14:1-31.
Wara li n-nies qasmu u l-baħar niżel fuq il-Fargħun u l-armata tiegħu, Mirjam setgħet tara li Ġeħova kien ħafna iktar b’saħħtu mill-iktar armata b’saħħitha fid-dinja. In-nies bdew ikantaw għanja lil Ġeħova u Mirjam inkuraġġiet lin-nisa biex ikantaw dan il-kliem: “Kantaw lil Ġeħova, għax kbira hi l-glorja tiegħu. Iż-żiemel u r-rikkieb tefagħhom il-baħar.”—Eżodu 15:20, 21; Salm 136:15.
Din kienet esperjenza tal-għaġeb għal Mirjam, li żgur qatt ma kienet se tinsa fil-ħajja tagħha. F’dan ir-rakkont il-Bibbja ssejjaħ lil Mirjam bħala l-ewwel profetessa. Mirjam hija waħda mill-ftit nisa li qdew lil Ġeħova b’dan il-mod speċjali.—Imħallfin 4:4; 2 Slaten 22:14; Isaija 8:3; Luqa 2:36.
Il-Bibbja tfakkarna li Ġeħova qed jinnota kollox u jixtieq ibierek l-isforzi li nagħmlu b’umiltà, il-paċenzja li nuru, u x-xewqa tagħna li nfaħħruh. Kemm jekk aħna kbar jew żgħar, irġiel jew nisa, nistgħu nuru fidi f’Ġeħova. Ġeħova jieħu pjaċir meta nuru fidi bħal taʼ Mirjam. Qatt ma jinsa l-fidi li nuru u jkun lest li jippremjana. (Lhud 6:10; 11:6) Kemm għandna għal xiex nimitaw fidi bħal din!
KAPITLU 10
Hu Ħa l-Aħjar Deċiżjoni
it “L-Eġittu, Eġizzjan” ¶28-wcgr
L-Eġittu, Eġizzjan
Xi twemmin dwar il-mejtin. Fir-reliġjon Eġizzjana n-nies kienu jaħsbu u jagħtu importanza kbira l-ferħ wara l-mewt u x’jiġri mill-mejtin meta jmutu. Kienu jemmnu ħafna fir-riinkarnazzjoni, jiġifieri li r-ruħ tinbidel f’xi ħaġa oħra. Kienu jemmnu wkoll illi r-ruħ ma tmut qatt, u kienu jemmnu li l-ġisem tal-bniedem iridu jippreservawh ħalli r-ruħ terġaʼ tiġi lura u kultant tuża l-ġisem. Minħabba li kienu jemmnu hekk, l-Eġizzjani kienu jibbalzmaw il-mejtin tagħhom. Il-qabar li fih kienu jpoġġu l-ġisem ibbalzmat, jew mumja, kien jitqies bħala d-“dar” tal-mejjet. Il-piramidi kienu djar kbar u lussużi għal nies importanti, bħal rejiet, li kienu mietu. Fihom kien ikun hemm affarijiet bżonjużi u anki taʼ lussu bħal ġojjellerija, ilbies, għamara, u ikel biex ikun jistaʼ jużahom il-mejjet fil-futur. Biex jipproteġuhom minn spirti ħżiena kienu jpoġġu wkoll xi kitbiet, bħall-ktieb “Book of the Dead,” jagħmlu magħmul, u charms. Però, dawn l-affarijiet ma kinux jipproteġuhom mill-ħallelin li kienu jidħlu fil-piramidi biex jisirqu l-affarijiet.
it “Midjan” Nru. 2 ¶1-2-wcgr
Midjan
2. Id-dixxendenti tat-tifel t’Abraham, Midjan, jissejħu “Midjan” u “Midjanin.” (Nu 31:2, 3) Xi kultant il-Bibbja ssejħilhom Ismagħelin. (Ara l-prinċipju f’Ġen 37:25, 27, 28, 36; 39:1; Imħ 8:22, 24.) Minn dan naraw li l-ħajja li għexu Ismagħel u Midjan, li kienu t-tfal t’Abraham, kienet simili. U jistaʼ jkun li dawn iż-żewġ tribujiet ingħaqdu permezz taż-żwieġ. Jidher ukoll li xi Kenin kienu jissejħu Midjanin. Il-Kenin bħala tribù jissemmew qabel it-twelid taʼ Midjan. Dan ifisser li Ħobab, li kien jiġi minn Mosè u li kien Keni, kien jissejjaħ Midjan ukoll minħabba l-post li kien jgħix fih.—Ġen 15:18, 19; Nu 10:29; Imħ 1:16; 4:11; ara ISMAGĦELI; KENI.
Minħabba li l-Midjanin kienu dixxendenti t’Abraham il-lingwa tagħhom kienet tixbah il-lingwa Ebrajka. Pereżempju, Gidegħon ma kellux problema biex jifhem lill-Midjanin. (Imħ 7:13-15; 8:18, 19) Jistaʼ jkun ukoll li Gidegħon kien tgħallem il-lingwa tal-Midjanin minħabba li Iżrael kien taħt il-Midjanin għal sebaʼ snin.—Imħ 6:1.
KAPITLU 11
“Idħol Għand il-Fargħun”
g04 4/8 7 ¶4–9 ¶1-wcgr
Mosè Vera Eżista?
Mosè telaq minn Midjan, mar għand il-Fargħun u staqsieh biex jeħles lin-nies t’Alla. Però, ir-re kien rasu iebsa u ma riedx iħallihom jitilqu. Għalhekk, Alla bagħat għaxar kastigi fuq l-Eġittu. Wara li miet kull l-ewwel imwieled tal-Eġizzjani, fl-għaxar kastig, il-Fargħun ħalla lill-Iżraelin jitilqu.—Eżodu, kapitli 5-13.
Ħafna nies semgħu b’din l-istorja, imma vera ġrat? Xi wħud jgħidu li peress li fil-Bibbja ma jissemmiex l-isem tal-Fargħun, din mhix storja vera. Però, bħalma qal Hoffmeier, studjuż tal-Eġittu tal-qedem, l-isem tal-Fargħun mhux imniżżel għal “raġunijiet reliġjużi importanti.” Waħda mir-raġunijiet hi biex l-attenzjoni tingħata lil Alla u mhux lil Fargħun. Barra minn hekk, Hoffmeier qal li ħafna drabi l-iskribi Eġizzjani ma kinux iniżżlu l-ismijiet tal-għedewwa tal-Fargħun apposta. Hu għamel l-argument li billi l-ismijiet tar-rejiet taʼ Kades u Megiddo ma jinstabux fir-rekords, l-ebda studjuż tal-istorja mhu se jgħid li Thutmose III mhux vera mar għall-gwerra kontra Megiddo.
Minkejja dan, xi kritiċi ma jaqblux li ħareġ grupp kbir taʼ Iżraelin f’daqqa mill-Eġittu. L-istudjuż Homer W. Smith qal: “Jekk veru ħareġ grupp daqshekk kbir mill-pajjiż, bilfors li hi mniżżla bħala parti mill-istorja tal-Eġizzjani jew tas-Sirjani . . . Għalhekk, dan ir-rakkont x’aktarx hu storja esaġerata dwar ftit Lhud li telqu mill-Eġittu u ħarbu lejn il-Palestina.”
Huwa veru li ma nstab l-ebda rekord dwar dan ir-rakkont, imma ma kinitx l-ewwel darba li l-Eġizzjani ma rrekordjawx ġrajjiet li kienu jdgħajfu l-awtorità tagħhom jew li jġegħluhom jistħu. Meta Thutmose III beda jmexxi, ipprova jneħħi mir-rekords lir-Reġina Hatshepsut, li kienet tmexxi qablu. John Ray, studjuż tal-Eġittu tal-qedem, qal: “L-affarijiet kollha li kitbet jew bniet ġew moħbijin jew minsijin, u isimha tneħħa mir-rekords.” Fi żminijiet moderni xi wħud ukoll ipprovaw ibiddlu jew jaħbu ġrajjiet li jġibu mistħija.
it “Joħorġu mill-Pajjiż” ¶46-51-wcgr
Joħorġu mill-Pajjiż
Il-wisaʼ fejn qasmu u d-distanza li n-nies kienu se jieħdu wara xulxin. Peress li l-Iżraelin qasmu l-baħar f’lejl wieħed, kien ikun diffiċli għalihom li kieku t-triq kienet dejqa. It-triq probabbli kienet wiesgħa kilometru jew iktar. Jekk l-Iżraelin, il-karrijiet tagħhom, l-affarijiet kollha li kienu qed iġorru, u l-baqar kienu kollha ħdejn xulxin, kienu jieħdu spazju taʼ 8 kilometri kwadri jew iktar. Għalhekk, milli jidher it-triq kienet wiesgħa ftit mhux ħażin. Jekk kienet wiesgħa 1.5 kilometri, id-distanza li n-nies kienu se jieħdu wara xulxin kienet tkun taʼ madwar 5 kilometri jew iktar. Jekk kienet wiesgħa 2.5 kilometri, id-distanza li n-nies kienu se jieħdu wara xulxin kienet tkun taʼ madwar 3 kilometri jew iktar. L-Iżraelin setgħu damu sigħat biex jaqsmu għan-naħa l-oħra. Għalkemm ma ppanikjawx, huma żgur li kienu organizzati u għaġġlu biex qasmu.
Kieku ma kienx hemm is-sħaba, kien ikun faċli għall-Eġizzjani biex jilħquhom u joqtlu ħafna minnhom. (Eżo 15:9) L-Eġizzjani ndunaw li l-Iżraelin bdew jaqsmu l-baħar għax s-sħaba taʼ quddiemhom bdiet timxi u għalhekk telqu għal warajhom. Dan jerġaʼ jikkonferma li t-triq li qasmu minnha kienet wiesgħa u twila mhux ħażin peress li l-armata tal-Fargħun kienet kbira. Minħabba li l-Eġizzjani kienu determinati li jaqbdu lill-ilsiera li kellhom qabel, huma telqu għal warajhom. Imbagħad, matul l-għassa taʼ filgħodu, li kienet bejn is-sagħtejn u s-sitta taʼ filgħodu, Ġeħova ħares lejn l-Eġizzjani mill-kolonna tas-sħab u tefagħhom f’konfużjoni u beda jaqlgħalhom ir-roti mill-karrijiet tagħhom.—Eżo 14:24, 25.
Meta kien qed jisbaħ, l-Iżraelin irnexxielhom jaslu san-naħa l-oħra tal-Baħar l-Aħmar. Imbagħad Ġeħova kkmanda lil Mosè biex joħroġ idu lejn il-baħar ħalli jerġaʼ jinżel fuq l-Eġizzjani. Malli għamel hekk, “il-baħar ġie lura għan-normal,” u l-Eġizzjani ppruvaw jaħarbu u ma rnexxilhomx. Dan juri li l-baħar kien infetaħ mhux ħażin, għax li kieku t-triq kienet dejqa, il-baħar mill-ewwel kien se jgħattihom. L-Eġizzjani ppruvaw jaħarbu mill-baħar li kien nieżel għal fuqhom, imma l-ilmijiet għattew il-karrijiet tal-gwerra, is-suldati tal-kavallerija, u l-armata kollha tal-Fargħun. B’hekk, ħadd minnhom ma salva.
It-triq li għaddew minnha l-Iżraelin kienet wiesgħa biżżejjed biex b’hekk sa filgħodu laħqu għaddew madwar tliet miljun persuna. Il-baħar beda nieżel miż-żewġ naħat u b’hekk għatta l-Eġizzjani waqt li l-Iżraelin kienu waslu n-naħa l-oħra, grazzi għal ħelsien li tahom Ġeħova minn dik il-qawwa dinjija. Huma raw it-twettiq tal-kliem li qal Mosè: “L-Eġizzjani li qed taraw illum, qatt iktar ma terġgħu tarawhom.”—Eżo 14:13.
KAPITLU 12
Hu Baqaʼ Leali Lejn Alla
w11 3/1 15-wcgr
“Art li Tipproduċi Ħafna Ħalib u Għasel”
META Alla Ġeħova ħeles lill-Iżraelin mill-Eġizzjani, hu wegħedhom li se jiħodhom “ġo art tajba u spazjuża, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.”—Eżodu 3:8.
Hekk kif l-Iżraelin issetiljaw fl-Art Imwiegħda, huma kellhom baqar, nagħaġ, u mogħoż. B’hekk, huma kellhom ħafna ħalib. Imma xi ngħidu għall-għasel? Xi wħud jaħsbu li l-espressjoni tirreferi għall-ġulepp ħelu tat-tamal, tin, jew għeneb. Fil-biċċa l-kbira meta l-Bibbja ssemmi l-għasel tan-naħal, spiss tirreferi għan-naħal salvaġġ mhux għan-naħal li jrabbu n-nies. (Imħallfin 14:8, 9; 1 Samwel 14:27; Mattew 3:1, 4.) Kienet l-art vera “tipproduċi ħafna ħalib u għasel”?
Xi ħaġa li l-arkeoloġi sabu dan l-aħħar tagħtina stampa iktar ċara. Professur qal: “Dawn huma l-eqdem bejtiet tal-naħal magħmulin bit-tafal li qatt instabu f’Iżrael u fil-postijiet tal-madwar. Dawn saru madwar elf sena qabel Kristu.”
L-arkeoloġi sabu iktar minn 30 bejta tan-naħal magħmulin bit-tafal fi tliet ringieli, u jaħsbu li kien hemm madwar 100 minnhom b’kollox. Magħhom sabu wkoll fdalijiet tan-naħal u traċċi tax-xemaʼ li jagħmlu n-naħal. Studjużi jaħsbu li setgħu “jiġbru sa madwar 500 kilo għasel kull sena minn dawn il-bejtiet.”
Fl-antik, l-għasel mhux biss kien ikel tajjeb ħafna imma x-xemaʼ tan-naħal kienet tintuża wkoll fl-industriji tal-metall u tal-ġilda. Kienu jużawh ukoll għall-kitba. Biċċiet tal-injam ċatt kien jinkesa bix-xemaʼ biex ikunu jistgħu jiktbu fuqu. Huma setgħu jdewbu x-xemaʼ biex jerġgħu jiktbu xi ħaġa differenti. L-arkeoloġi għal liema konklużjoni waslu?
L-istudjużi jgħidu: “Għalkemm il-Bibbja ma tgħidilniex li n-nies kienu jrabbu n-naħal, dawn il-bejtiet juru li n-nies kienu jrabbu n-naħal għall-għasel fiż-żmien taʼ qabel ma l-Iżraelin ittieħdu Babilonja. Għalhekk, meta l-Bibbja ssemmi l-għasel, dan jistaʼ jirreferi għall-għasel tan-naħal.”
KAPITLU 13
Hu Obda Direzzjonijiet Strambi
w09 12/1 17 ¶4, ntt.-wcgr
Hu Jrid li Nirnexxu
Ġożwè setaʼ jkun kuraġġuż u sod minħabba l-kitbiet ispirati li kellu dak iż-żmien. Ġeħova qallu: “Obdi bir-reqqa l-liġi kollha li kkmandak Mosè, il-qaddej tiegħi.” (Ġoż. 1:7) Sa dak iż-żmien, Ġożwè x’aktarx kellu ftit kotba tal-Bibbja miktubin. Madankollu, li jkollok il-Kelma t’Alla mhux biżżejjed biex tirnexxi. Ġożwè kellu jagħmel żewġ affarijiet biex jibbenefika minnha.
[Nota taʼ taħt]
X’aktarx l-uniċi kotba li kellu Ġożwè kienu l-ħamsa li kiteb Mosè (Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju), il-ktieb taʼ Ġob u xi salm jew tnejn.
KAPITLU 14
Hi Għażlet lil Ġeħova Minflok il-Poplu Tagħha
it “Prostituta” ¶16-wcgr
Prostituta
Raħab. Raħab hija eżempju taʼ prostituta li wriet fidi f’Alla u kienet iddikjarata ġusta. (Ġk 2:25) L-ispiji li bagħat Ġożwè marru fid-dar taʼ Raħab. (Ġoż 2:1) Ma jagħmilx sens jekk ngħidu li huma marru għal skop immorali. Dwar dan, il-Professuri C. F. Keil u F. Delitzsch, fil-Commentary on the Old Testament qalu: “Ħadd ma kien se jissuspetta xejn għax daħlu f’dar taʼ persuna bħal din. Barra minn hekk, il-fatt li d-dar tagħha kienet fuq is-swar, kien se jagħmilha iktar faċli għalihom biex jaħarbu. Imma bil-mod kif il-Mulej mexxa lill-ispiji, huma ndunaw li din kienet l-iktar persuna li setgħet tgħinhom biex iwettqu l-inkarigu tagħhom. Il-mirakli li l-Alla l-ħaj kien għamel għan-nom tal-Iżraelin, tant impressjonaw lil Raħab li qalet lill-ispiji li l-Kangħanin kienu qed jibżgħu minnhom. Barra minn hekk, minħabba l-fidi li kellha fil-qawwa tal-Alla t’Iżrael, irriskjat ħajjitha u ħbiet l-ispiji minn dawk li kienu qed ifittxuhom.” (1973, Vol. II, Joshua, p. 34) Meta naħsbu dwar dak li qal Alla, li Iżrael kellu jkeċċi lill-Kangħanin minħabba l-affarijiet immorali li kienu qed jagħmlu, u dwar il-barka t’Alla fuq ir-rebħa taʼ Ġeriko u fuq Raħab stess, ma jkunx jagħmel sens li naħsbu li l-ispiji għamlu l-immoralità sesswali ma’ Raħab jew li hi kompliet tgħix bħala prostituta.—Le 18:24-30.
it “Kittien” ¶2-4-wcgr
Kittien
Din hi pjanta li ilha tiġi kultivata minn żmien l-antik, llum mill-fibri tagħha jagħmlu l-għażel (linen). Il-kittien (Linum usitatissimum) jaf jikber minn 0.3 sa 1.2 m.
Meta l-kittien jibda “joħroġ il-fjuri,” ikun lest għall-ħsad. (Eżo 9:31) Dan kienu jagħmluh billi jiġbduh jew jaqilgħuh bl-imgħażqa. Imbagħad il-kittien kienu jnixxfuh. X’aktarx, iz-zkuk tal-kittien li kien hemm fuq il-bejt taʼ Raħab kien hemm għal dan l-iskop.—Ġoż 2:6.
Il-mod taʼ kif il-Lhud kienu jaħdmu l-kittien, x’aktarx kien jaqbel mal-ispjegazzjoni li ta Pliny l-Anzjan tal-ewwel seklu fil-ktieb tiegħu li jismu Natural History (XIX, III, 17, 18) u mat-tpinġijiet li hemm preservati f’Beni Hasan l-Eġittu. Wara li jneħħu ż-żerriegħa, iz-zkuk tal-kittien kienu jgħarrquhom fl-ilma u jpoġġulhom il-ġebel fuqhom biex ma jitilgħux fil-wiċċ. Meta l-kittien jixrob l-ilma, il-parti taʼ barra taz-zokk kienet titmermer u kienu jisseparawh mill-fibri. Wara li jisseparawhom kienu jnixxfu z-zkuk fix-xemx. Imbagħad kienu joqogħdu jtuhom b’tip taʼ martell fuq biċċiet tal-ġebel. Il-fibri kienu jiġu separati u mnaddfin billi jippettnawhom. Il-fibri li ma kinux taʼ kwalità tajba kienu jintużaw biex jagħmlu l-ftejjel tal-lampi (ara Is 42:3; 43:17; Mt 12:20), waqt li l-fibri taʼ kwalità tajba, li kienu jinsabu fuq in-naħa taʼ ġewwa taz-zokk, kienu jagħmlu l-ħajt fin abjad minnhom.
KAPITLU 15
Huma Għenu lil Xulxin Matul Żminijiet Diffiċli
w16.11 3 ¶2-6-wcgr
Kelma li Kienet Tfisser Ħafna!
Għal ċertu nisa, il-Bibbja tuża kelma li tesprimi mħabba u ħlewwa. Ġesù użaha meta kien qed jitkellem maʼ mara li kienet ilha 12-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm. Skont il-Liġi t’Alla, il-kundizzjoni li kellha kienet tagħmilha mhux nadifa, u b’hekk mhux suppost kellha tmur fejn ħaddieħor. (Lev. 15:19-27) Imma hi kienet iddisprata. Fil-fatt, “hi tgħidx kemm batiet minħabba l-kura li ħadet minn ħafna tobba, u nefqet kulma kellha. Imma minflok ma marret għall-aħjar, marret għall-agħar.”—Mrk. 5:25, 26.
Hi għaddiet minn ġol-folla nkiss inkiss, resqet wara Ġesù, u messitlu t-tarf tal-libsa. Imbagħad it-tnixxija tad-demm waqfet mill-ewwel! Il-mara xtaqet li ħadd ma jinduna biha, imma Ġesù saqsa: “Min messni?” (Luqa 8:45-47) Meta semgħet dan, il-mara “resqet imbeżżgħa u titriegħed, mielet quddiemu, u qaltlu kollox.”—Mrk. 5:33.
Ġesù ried li l-mara tħossha komda u għalhekk qalilha: “Agħmel kuraġġ binti!” (Mat. 9:22) Skont studjużi tal-Bibbja, il-kelma “binti” bl-Ebrajk u bil-Grieg tistaʼ tintuża biex tintwera “qalb tajba u ħniena.” Biex tħossha iktar komda, Ġesù kompla jgħidilha: “Il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa mill-marda kerha ħafna tiegħek.”—Mrk. 5:34.
Bogħaż sejjaħ lil Rut “binti.” Hi wkoll kellha għalfejn tħossha skomda għax kienet qed tiġbor ix-xgħir (barley) mill-għalqa taʼ raġel li ma kinitx taf. Bogħaż qalilha, “Ismagħni binti.” Hu qal lil Rut biex tkompli tiġbor ix-xgħir mill-għalqa tiegħu. Hi niżlet għarkupptejha quddiemu u staqsietu għala kien qed ikun qalbu tajba magħha, peress li hi kienet barranija. Biex iġegħelha tħossha komda, Bogħaż qalilha: “Qaluli b’kulma għamilt mal-kunjata tiegħek [l-armla Nagħomi] . . . Jalla Ġeħova jippremjak għal dak li għamilt.”—Rut 2:8-12.
X’eżempju eċċellenti huma Ġesù u Bogħaż għall-anzjani tal-kongregazzjoni! Xi kultant, żewġ anzjani jaf ikollhom bżonn jiltaqgħu maʼ oħt li jkollha bżonn l-għajnuna u l-inkuraġġiment mill-Bibbja. Wara li jitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna u jisimgħu sew x’tgħidilhom l-oħt, l-anzjani se jkunu jistgħu jagħtuha l-inkuraġġiment li jkollha bżonn mill-Kelma t’Alla.—Rum. 15:4.
KAPITLU 16
“Żgur Niġi Miegħek”
w15 8/1 13 ¶1-wcgr
“Qomt Bħala Omm f’Iżrael”
L-isem biss, Sisera, kien iqajjem biżaʼ u paniku f’Iżrael. Ir-reliġjon u l-kultura tal-Kangħanin kienu tal-biżaʼ. Uħud mill-affarijiet li kienu jagħmlu kienu s-sagrifiċċji tat-tfal u l-prostituzzjoni fit-tempju. Kif kienet il-ħajja għall-Iżraelin b’kap tal-armata minn Kangħan li kien jiddomina l-art? F’għanja, Debora qalet li kien sar kważi impossibbli tivvjaġġa, u ħadd ma kien għadu jgħix fl-irħula. (Imħallfin 5:6, 7) Ipprova immaġina n-nies jistaħbew fil-foresti, jibżgħu jmorru jaħdmu fl-għelieqi u jgħixu fl-irħula, u jibżgħu jimxu fit-toroq. Kienu jibżgħu li jiġu attakkati, li jinsterqulhom it-tfal, u li n-nisa tagħhom jiġu stuprati.
[Nota taʼ taħt]
L-għanja taʼ Debora indikat li Sisera spiss kien jiġi lura mill-gwerra b’ħafna tfajliet, ġieli iktar minn waħda għal kull suldat. (Imħallfin 5:30) Il-kelma “tfajla” f’dan il-vers letteralment tfisser “ġuf.” Dan il-kliem ifakkarna li għalihom in-nisa kienu biss mod taʼ kif ikollhom it-tfal. X’aktarx kien komuni li jiġu stuprati.
w86 6/1 31 ¶6-8-wcgr
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
◼ Kemm kien hemm imħallfin bħal Sansun u Gidegħon?
Meta tgħodd kemm kien hemm imħallfin, in-numru jvarja skont kif tħares lejn ċertu Iżraelin. Imma nistgħu ngħidu li kien hemm 12-il raġel li qdew bħala mħallfin fil-perjodu li kienu jgħixu fih Ġożwè u Samwel.
Fi żmien Mosè u Ġożwè, xi rġiel kapaċi kienu qdew bħala mħallfin biex jgħinu n-nies f’każijiet legali. (Eżodu 18:21, 22; Ġożwè 8:33; 23:2) Wara li Ġożwè miet, l-Iżraelin ma baqgħux jaqdu lil Alla kif irid hu, u minħabba f’hekk ġew attakkati minn popli oħra. Imħallfin 2:16 jgħid: “Għalhekk, Ġeħova kien jagħżel imħallfin li kienu jsalvawhom minn id dawk li jaħtfulhom dak li kellhom.” L-ewwel imħallef, jew “salvatur,” kien Għotnijel. (Imħallfin 3:9) Warajh ġew Eħud, Samgar, Barak, Gidegħon, Tola, Ġajir, Ġefta, Ibsan, Elon, Għabdon, u Sansun.
Minbarra dawn it-12-il raġel, il-Bibbja ssemmi wkoll lil Debora, Għeli, u Samwel li anki dawn kienu jiġġudikaw. (Imħallfin 4:4; 1 Samwel 4:16-18; 7:15, 16) Però, l-inkarigu taʼ Debora kien taʼ profetessa u għenet lill-Imħallef Barak biex isalva lin-nies t’Alla. B’mod simili, l-irwol taʼ Għeli kien taʼ qassis il-kbir, mhux taʼ wieħed li ħeles lil Iżrael minn battalja. (Neħemija 9:27) Mela għalkemm Debora u Għeli kellhom l-irwol li jiġġudikaw lil Iżrael, hemm raġuni għala mhumiex inklużi fil-lista tat-12-il raġel li kienu magħżulin biex jaqdu bħala mħallfin li salvaw lil Iżrael. Atti 13:20 jgħid: “Hu inkariga mħallfin biex imexxihom saż-żmien il-profeta Samwel.” Dan jgħinna nifhmu meta kien iż-żmien tal-imħallfin, u dan jurina għala Samwel u t-tfal tiegħu ma jagħmlux parti mil-lista tal-imħallfin.—1 Samwel 8:1.
w15 8/1 13 ¶2-wcgr
“Qomt Bħala Omm f’Iżrael”
Is-sitwazzjoni f’Iżrael kienet tal-biżaʼ għal 20 sena. Imbagħad Ġeħova ra li n-nies tiegħu kienu lesti biex jinbidlu, jew kif tgħid l-għanja taʼ Debora u Barak fil-Bibbja, “Sakemm qomt jien, Debora, sakemm qomt bħala omm f’Iżrael.” Debora kienet il-mara taʼ raġel jismu Lappidot u ma nafux jekk kellhiex tfal. Però din l-espressjoni ma kinitx letterali. Ġeħova kien għażel lil Debora biex tipproteġi lin-nies tiegħu bħalma omm tipproteġi lit-tfal tagħha. Hu qalilha biex tibgħat għal raġel taʼ fidi kbira, l-Imħallef Barak, u tgħidlu biex jiġġieled kontra Sisera.—Imħallfin 4:3, 6, 7; 5:7.
KAPITLU 17
“Hi l-Iktar Imbierka Fost in-Nisa”
it “Ħeber” Nru. 2-wcgr
Ħeber
2. Ħeber kien jiġi mill-Kenin u kien ir-raġel taʼ Ġagħel (il-mara li qatlet lil Sisera). Hu kien jiġi “minn Ħobab il-kunjatu taʼ Mosè.” Ħeber milli jidher kien infired minn mal-Kenin l-oħrajn u kien jissapportja lil Ġabin ir-re taʼ Ħasor.—Imħ 4:11, 17, 21; 5:24.
w15 8/1 15 ¶3-wcgr
“Qomt Bħala Omm f’Iżrael”
Iktar tard, Barak mar ifittex lill-għadu tiegħu. Meta Ġagħel urietu li kienet qatlet lil Sisera, hu mill-ewwel induna li l-profezija taʼ Debora kienet ġrat. Mara kienet qatlet lill-gwerrier b’saħħtu, Sisera! Xi kritiċi llum jgħidu li Ġagħel għamlet xi ħaġa kattiva, imma Barak u Debora ma ħasbux hekk. Fl-għanja tagħhom, huma ġew ispirati jfaħħru lil Ġagħel għall-kuraġġ kbir tagħha u qalu li “hi l-iktar imbierka fost in-nisa.” (Imħallfin 4:22; 5:24) Innota l-attitudni taʼ Debora. Hi ma qagħditx tgħir għal Ġagħel talli rċiviet it-tifħir. Minflok, kienet ferħana li dak li kien qal Ġeħova kien ġara.
KAPITLU 18
Kien Attent u Kuraġġuż
it “Xgħir” ¶7-wcgr
Xgħir
Ix-xgħir, jiġifieri l-barley, kien ikel komuni u tan-nies foqra. Xi esperti jemmnu li l-“ftira tax-xgħir” li kienet fil-ħolma tas-suldat minn Midjan kienet tirrappreżenta l-armata żgħira li kellu Gidegħon.—Imħ 7:13, 14.
it “Qarn” ¶3-wcgr
Qarn
Il-qarn (bl-Ebrajk xofar) kien jindaqq biex jagħti sinjal. Kien jintuża biex jiġbor l-armata t’Iżrael, jagħti sinjal qabel ma belt tiġi attakkata, u biex jiggwida s-suldati waqt gwerra. (Imħ 3:27; 6:34; 2Sm 2:28; Ġoe 2:1; So 1:16) Meta l-għadu kien ikun se jattakka, il-qarn kien jagħti twissija. (Ne 4:18-20) Peress li kien jintuża biss biex jagħti sinjal, il-ħoss taʼ 300 qarn kien jinstemaʼ qisu hemm armata kbira. Allura meta Gidegħon u t-300 raġel daqqew il-qarn, l-armata kollha tal-Midjanin “telqet tiġri” bil-biżaʼ.—Imħ 7:15-22.
KAPITLU 19
Huma Għamlu Dak li Wiegħdu Avolja Kien Diffiċli
it “Ġefta” ¶6-wcgr
Ġefta
L-Għammonin Ilestu Biex Jiġġieldu Kontra l-Iżraelin. L-Għammonin għamlu 18-il sena jaħqru lill-Iżraelin. Alla ħalla dan jiġri għax l-Iżraelin ma baqgħux jaqduh u bdew iqimu l-allat taʼ popli oħra. Maż-żmien, huma ġew f’sensihom, iddispjaċiehom, u bdew jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna. Huma neħħew l-idoli u reġgħu bdew iqimu lil Ġeħova. F’daż-żmien, l-Għammonin inġabru f’Gilegħad biex joħorġu għal gwerra. (Imħ 10:7-17; 11:4) Dan jurina li Satana, l-għadu t’Alla, kien wara dawn l-attakki. Hu uża popli li ma jaqdux lil Ġeħova biex jipprova jwaqqaf lill-Iżraelin milli jaqdu lil Alla kif irid hu.—Ara l-prinċipju f’Ri 12:9; Sa 96:5; 1Kor 10:20.
it “Ġefta” ¶11-wcgr
Ġefta
Il-Wegħda taʼ Ġefta. Ġefta nduna li Ġeħova riedu jiġġieled kontra Għammon. Bl-għajnuna tal-ispirtu t’Alla, hu mexxa l-armata tiegħu għall-ġlieda. Ġefta għamel wegħda simili għal dak li għamel Ġakobb madwar 600 sena qabel. Din għamilha biex juri kemm jixtieq id-direzzjoni taʼ Ġeħova u li r-rebħa kienet se tkun bis-saħħa t’Alla. (Imħ 11:30, 31; Ġen 28:20-22) Ġeħova ħa pjaċir bil-wegħda taʼ Ġefta, u l-Iżraelin rebħu lill-Għammonin.—Imħ 11:32, 33.
it “Ġefta” ¶2-wcgr
Ġefta
Ġefta kien imħallef f’Iżrael mit-tribù taʼ Manasse. (Nu 26:29; Imħ 11:1; 12:7) Hu ġġudika fit-territorju taʼ Gilegħad għal sitt snin. Skont kif ġraw l-affarijiet fil-Bibbja, l-Iżraelin ħadu l-art taʼ Kangħan fis-sena 1473 QK. Allura meta Ġefta qal lill-Għammonin dwar it-“300 sena” li l-Iżraelin kienu ilhom jgħixu hemm, wisq probabbli dan qalu fis-sena 1173 QK, meta sar imħallef. (Imħ 11:26) Wara li rebaħ lill-Għammonin, Ġefta bagħat lit-tifla tiegħu fit-tabernaklu. Jistaʼ jkun li f’dak iż-żmien, Għeli kien il-qassis il-kbir u t-tfajjel Samwel kien qed jaqdi fit-tempju.
KAPITLU 20
Fl-Iktar Mument Dgħajjef Kien Kuraġġuż
it “Sansun” ¶10-wcgr
Sansun
Waqt li Sansun kien fil-ħabs, il-Filistin organizzaw sagrifiċċju kbir lill-alla tagħhom Dagon, għax huma kienu ħasbu li hu kien għenhom jaqbdu lil Sansun. Folla kbira, li kienet tinkludi lill-mexxejja tal-Filistin kollha, inġabret f’dar li kienet tintuża biex iqimu lil Dagon. Kien hemm madwar 3,000 raġel u mara fuq il-bejt. Huma ħarġu lil Sansun, li sadanittant xagħru kien reġaʼ beda jitwal, biex iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Hu qal lit-tifel li kien qed iżommlu idu biex ipoġġilu jdejh fuq mal-kolonni li d-dar kienet tistrieħ fuqhom. Imbagħad talab lil Ġeħova: “Jekk jogħġbok, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ftakar fija u saħħaħni għall-aħħar darba. Jekk jogħġbok Alla, ħallini nivvendika ruħi mill-Filistin imqar għal waħda minn għajnejja.” (Imħ 16:22-28) Jistaʼ jkun li Sansun talab biex jivvendika ruħu għal għajn waħda għax fehem li hu kellu parti mit-tort għala tilef għajnejh. Jew jistaʼ jkun li peress li kien ir-rappreżentant taʼ Ġeħova, għal dak li għamlu, il-Filistin kien ħaqqhom kastig ikbar milli jwaqqaʼ l-binja fuqhom.
KAPITLU 21
Tifel li Tkellem għal Ġeħova
it “Għeli, I” ¶5-7-wcgr
Għeli, I
Profeta ta messaġġ taʼ ġudizzju mingħand Alla. Dan kien li d-dar t’Għeli kienet se titlef is-saħħa u l-influwenza li kellha, u ma kienx se jkun hemm raġel mill-familja tiegħu li jgħix sakemm jixjieħ. Il-profeta qal ukoll li t-tfal mill-agħar tiegħu kienu se jmutu fl-istess ġurnata. (1Sm 2:27-36) Iktar tard, Alla permezz tat-tfajjel Samwel reġaʼ qal lil Għeli x’kien se jiġri. (1Sm 3:11-14) Allavolja kien qed jibżaʼ jgħid dan il-messaġġ lil Għeli, Samwel xorta qallu. Għeli b’umiltà aċċetta u qallu: “Hu dak li jrid Ġeħova. Ħa jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh.”—1Sm 3:15-18.
Ġeħova Jiġġudika d-Dar t’Għeli. Kif kien ipprofetizza Ġeħova, hu ġab ġudizzju. F’battalja kontra l-Filistin, l-Iżraelin tilfu madwar 4,000 raġel. L-Iżraelin iddeċidew biex jieħdu l-arka tal-patt minn Silo u jiħduha lura fil-kamp magħhom. Huma ħasbu li jekk jagħmlu hekk, Ġeħova kien se jgħinhom jirbħu l-battalja kontra l-għedewwa tagħhom. Imma l-Filistin saħħew l-attakk tagħhom u qatlu 30,000 Iżraeli. Huma ħadu l-arka tal-patt, u Ħofni u Fineħas, li kienu magħha, mietu. Raġel mit-tribù taʼ Benjamin telaq jiġri mill-battalja biex jgħid lil Għeli x’ġara. Għeli, li kellu 98 sena u ma kienx jara, kien qiegħed jistenna bilqiegħda mal-ġenb tat-triq għax kien qed jinkwieta ħafna fuq l-Arka. Meta semaʼ li l-Filistin ħadu l-Arka, hu waqaʼ lura minn fuq is-siġġu, u kiser għonqu u miet.—1Sm 4:2-18.
Ġeħova kompla jiġġudika d-dar t’Għeli permezz tar-Re Sawl meta ordna biex il-qassisin taʼ Nob jinqatlu. Dawn kienu jiġu minn Għeli permezz t’Aħitub it-tifel taʼ Fineħas. (1Sm 14:3; 22:11, 18) Abjatar biss, it-tifel t’Aħimelek u n-neputi t’Aħitub, salva u qeda bħala qassis fi żmien ir-Re David. (1Sm 22:20; 2Sm 19:11) Imma iktar tard, Salamun neħħa lil Abjatar minn qassis talli ssapportja lil Adonija meta ried isir re. (1Slt 1:7; 2:26, 27) B’hekk, il-profezija taʼ Ġeħova twettqet billi ħadd mill-familja t’Għeli ma baqaʼ jaqdi bħala qassis il-kbir.—1Sm 3:13, 14.