L-Istorja tal-Bibbja—Kemm Hi Eżatta?
FIL-KTIEB tagħhom Battles of the Bible (Il-Battalji tal-Bibbja), Chaim Herzog, li qabel kien president taʼ l-Istat taʼ Iżrael, u Mordechai Gichon, professur emeritu taʼ l-arkeoloġija fl-Università taʼ Tel Aviv, joħorġu dan il-punt:
‘Id-deskrizzjoni tat-tattiki tal-battalji tal-Bibbja ma jistax ikun li ġiet ivvintata iktar tard fiż-żmien. Per eżempju, huwa biżżejjed li tqabbel il-kampanja taʼ Gidgħon kontra l-Midjanin u l-alleati tagħhom, kif inhuma rakkontati fi Mħallfin, 6-8, mal-battalji tal-Gwerra taʼ Trojja, kif iddeskriviehom Omeru fl-Ilijade tiegħu. Għal dan taʼ l-aħħar, ir-rakkont setaʼ jkun ibbażat fuq kwalunkwe bajja li tistaʼ tintlaħaq faċilment u fuq xi belt fortifikata fil-viċin. Imma dan ma kienx il-każ fir-rakkont Bibliku tal-kampanja taʼ Gidgħon. Il-movimenti b’tattika u l-affarijiet li ltaqgħu magħhom iż-żewġ naħat tal-gwerra huma dettaljati ferm. Fihom toħroġ sew ir-relazzjoni taʼ bejn il-ġeografija speċifika tal-post fejn seħħew il-battalji—kamp tal-battalja twil xi 60 kilometru—u l-azzjonijiet taʼ dawk involuti fil-battalja. Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, il-movimenti sempliċement ma jistgħux jiġu ripetuti f’xi post ieħor. Għalhekk, kważi bilfors irridu naċċettaw il-verità tar-rakkonti mimli tattiki tal-battalji kif inhuma deskritti fil-Bibbja.’
Billi tuża l-browxer “See the Good Land” (“Ara l-Art Tajba”),a li hu bħal atlas, int tistaʼ tistudja l-kampanja taʼ Gidgħon permezz tal-mappa li tinsab f’paġni 18 u 19. L-istorja bdiet meta “l-Midjanin ilkoll u l-Għamalekin u n-nies tal-lvant inġabru, u ngħaqdu flimkien, u qasmu l-Ġordan, u waqqfu l-kamp fil-wita taʼ Ġiżragħel.” Gidgħon talab l-għajnuna tat-tribujiet li kienu fil-viċin. Il-ġrajjiet bdew mill-bir taʼ Ħarod u baqgħu sejrin sa l-għolja Mori, imbagħad ’l isfel lejn il-Wied tal-Ġordan. Wara li baqaʼ jiġri wara l-għedewwa minn naħa għal oħra tax-Xmara Ġordan, Gidgħon rebħilhom.—Mħallfin 6:33–8:12.
Il-mappa f’“See the Good Land” turi l-postijiet prinċipali li jissemmew u l-karatteristiċi taʼ l-art li huma involuti. Mappa oħra (f’paġna 15) tidentifika t-territorji tat-tribujiet taʼ Iżrael. Iż-żewġ mapep jistgħu jgħinuk tirrealizza kemm hu tassew eżatt ir-rakkont tal-Bibbja.
Dan jaqbel m’osservazzjoni li għamel il-mejjet Professur Yohanan Aharoni meta qal li tant huma minsuġin fil-fond il-ġeografija u l-istorja, fl-artijiet imsemmijin fil-Bibbja, li ma tistax tifhem tassew waħda minnhom mingħajr l-għajnuna taʼ l-oħra.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Mappa fl-isfond: Based on maps copyrighted by Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel