It-Tetragrammaton fis-Settanta
L-ISEM divin, Jehovah, hu rappreżentat mit-Tetragrammaton, jiġifieri, l-erbaʼ ittri Ebrajċi יהוה (YHWH). Għal ħafna żmien kien emmnut li t-Tetragrammaton ma kienx jidher f’kopji tas-Settanta. Għalhekk, kien jinġieb l-argument li meta l-kittieba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kkwotaw mill-Iskrittura Ebrajka, ma użawx l-isem divin fil-kitba tagħhom.
Serje taʼ skoperti li saru f’dawn l-aħħar mitt sena jew iktar kixfu li l-isem t’Alla fil-fatt deher fis-Settanta. Sors wieħed jgħid: “Il-Lhud Ellenistiċi tant xtaqu jippreservaw l-isem qaddis t’Alla kif inhu li, meta ttraduċew il-Bibbja Ebrajka bil-Grieg, ikkopjaw l-ittri propja tat-Tetragrammaton f’nofs il-kitba Griega.”
Il-framment tal-papiru muri fuq ix-xellug hu biss wieħed mid-diversi eżempji li għadhom jeżistu. Dan il-framment li nstab f’Oksirinku, fl-Eġittu, u li ngħata n-numru 3522, imur lura għall-ewwel seklu E.K.a Il-kejl tiegħu hu taʼ 7 ċentimetri b’10.5 ċentimetri u fih silta minn Ġob 42:11, 12. It-Tetragrammaton, b’ċirku madwaru, jidher bl-ittri Ebrajċi antiki.b
Mela allura, deher l-isem divin f’kopji tal-bidu taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana? L-istudjuż George Howard jgħid: “Peress li t-Tetragramma kienet għadha miktuba fil-kopji tal-Bibbja Griega [is-Settanta] li kienet tifforma l-Iskrittura tal-knisja tal-bidu, huwa raġunevoli nemmnu li l-kittieba tat-T[estment] il-Ġ[did], meta kkwotaw mill-Iskrittura, ippreservaw it-Tetragramma fil-kitba biblika.” Milli jidher ftit wara dan, dawk li kkopjawha bidlu l-isem divin maʼ sostituti, bħal Kyʹri·os (Mulej) u The·osʹ (Alla).
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar il-papiri li nstabu f’Oksirinku, ara The Watchtower tal-15 taʼ Frar, 1992, paġni 26-8.
b Għal iktar eżempji taʼ l-isem divin f’verżjonijiet Griegi antiki, ara n-New World Translation of the Holy Scriptures—With References, appendiċi 1Ċ.
[Sors tal-Istampa f’paġna 30]
Bil-korteżija tas-Soċjetà taʼ l-Esplorazzjoni fl-Eġittu