LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • L-anġlu Gabrijel iżur lil Marija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • L-anġlu Gabrijel iżur lil Marija

      LEZZJONI 69

      L-anġlu Gabrijel iżur lil Marija

      Anġlu jidher lil Ġużeppi f’ħolma

      Eliżabetta kellha tfajla tiġi minnha jisimha Marija, li kienet tgħix fil-​belt taʼ Nazaret fil-​Galilija. Marija kienet għarusa lil Ġużeppi li kien mastrudaxxa. Meta Eliżabetta kellha sitt xhur tqala, l-​anġlu Gabrijel ġie jżur lil Marija. Hu qalilha: ‘Il-​paċi miegħek, Marija. Int ġejt favorita bil-​kbir minn Ġeħova.’ Hi ma fehmitx x’ried ifisser Gabrijel b’dan il-​kliem. Imbagħad qalilha: ‘Int se toħroġ tqila u jkollok tifel, u trid issemmih Ġesù. Hu se jmexxi bħala Sultan u s-​Saltna tiegħu se tibqaʼ għal dejjem.’

      Marija qaltlu: ‘Imma jien verġni. Kif jistaʼ jkun li jkolli tarbija?’ Gabrijel wiġibha: ‘Għal Ġeħova kollox hu possibbli. L-​ispirtu qaddis se jiġi fuqek u int ikollok tifel. Anki Eliżabetta li tiġi minnek hi tqila.’ Imbagħad Marija qalet: ‘Jien l-​ilsira taʼ Ġeħova. Ħa jsir minni skont dak li għedt.’

      Ġużeppi jieħu lil Marija li kienet tqila bħala martu

      Marija marret iżżur lil Eliżabetta li kienet toqgħod f’belt qalb l-​għoljiet. Meta Marija sellmitilha, Eliżabetta ħasset it-​tarbija f’żaqqha taqbeż. Mimlija bl-​ispirtu qaddis, qaltilha: ‘Marija, Ġeħova bierkek. Huwa privileġġ kbir għalija li jkolli omm il-​Messija f’dari.’ Marija qalet: ‘Jien infaħħar lil Ġeħova b’qalbi kollha.’ Hi baqgħet maʼ Eliżabetta għal tliet xhur, imbagħad marret lura lejn darha f’Nazaret.

      Meta Ġużeppi sar jaf li Marija kien se jkollha tarbija, hu ma riedx jibqaʼ għarus magħha. Imma anġlu deherlu f’ħolma u qallu: ‘Tibżax tiżżewwiġha lil Marija. Hi m’għamlet xejn ħażin.’ Għalhekk, Ġużeppi ddeċieda li jiżżewwiġha.

      ‘Kulma Ġeħova jogħġbu jagħmel jagħmlu fis-​smewwiet u fl-​art.’—Salm 135:6

      Mistoqsijiet: L-​anġlu Gabrijel x’qalilha lil Marija dwar it-​tifel li kien se jkollha? Kif taħseb li ħassewhom, Eliżabetta u Marija, dwar l-​affarijiet li kienu qed jiġrulhom?

      Mattew 1:18-25; Luqa 1:26-56; Isaija 7:14; 9:7; Danjel 2:44; Galatin 4:4

  • Anġli jwasslu l-aħbar li twieled Ġesù
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Anġli jwasslu l-aħbar li twieled Ġesù lir-ragħajja

      LEZZJONI 70

      Anġli jwasslu l-aħbar li twieled Ġesù

      Il-​gvernatur Ruman, Ċesari Awgustu, ordna lil-​Lhud kollha biex jerġgħu jmorru lura f’raħal twelidhom, biex jiġu rreġistrati. Allura, Ġużeppi u Marija marru Betlem, il-​post minn fejn kienet ġejja l-​familja taʼ Ġużeppi. Kien qorob iż-​żmien biex Marija jkollha t-​tarbija.

      Meta waslu Betlem, l-​unika post li setgħu jsibu biex joqogħdu fih kien ġo stalla. Kien hemmhekk li Marija kellha t-​tarbija tagħha, Ġesù. Hi dawritlu ċ-​ċraret miegħu u poġġietu bil-​mod ġo maxtura li fiha kienu jpoġġu l-​ikel tal-​annimali.

      Qrib Betlem, xi ragħajja kienu qed iqattgħu l-​lejl barra, jieħdu ħsieb l-​imrieħel tagħhom. F’daqqa waħda, deher anġlu quddiemhom, u kien hemm dawl qawwi madwarhom. Ir-​ragħajja bdew jibżgħu ħafna, imma l-​anġlu qal: ‘Tibżgħux. Għandi aħbar sabiħa. Illum f’Betlem twieled il-​Messija.’ Dak il-​ħin dehru ħafna anġli fis-​sema, u bdew jgħidu: ‘Glorja lil Alla fis-​smewwiet, u paċi fuq l-​art.’ Imbagħad l-​anġli sparixxew. X’għamlu r-​ragħajja?

      Ir-​ragħajja qalu lil xulxin: ‘Ejja mmorru Betlem issa stess.’ Huma marru malajr u sabu lil Ġużeppi u Marija fl-​istalla mat-​tifel tagħhom li kien għadu kif twieled.

      Dawk kollha li semgħu x’kien qal l-​anġlu lir-​ragħajja baqgħu mistagħġbin. Marija ħasbet ħafna dwar il-​kliem tal-​anġlu u qatt ma nsietu. Ir-​ragħajja marru lura ħdejn l-​imrieħel tagħhom, jirringrazzjaw lil Ġeħova għal dak kollu li kienu raw u semgħu.

      “Mingħand Alla ġejt u qiegħed hawnhekk. Lanqas ma ġejt minn rajja, imma kien Hu li bagħatni.”—Ġwanni 8:42

      Mistoqsijiet: L-​anġli kif wasslu l-​aħbar li twieled Ġesù? F’Betlem, ir-​ragħajja lil min sabu?

      Luqa 2:1-20; Isaija 9:6

  • Ġeħova pproteġa lil Ġesù
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Marija u ċ-ċkejken Ġesù rekbin fuq ħmar u Ġużeppi miexi maġenbhom

      LEZZJONI 71

      Ġeħova pproteġa lil Ġesù

      F’art li kienet tinsab fil-​Lvant taʼ Iżrael, kien hemm nies li kienu jemmnu li l-​istilel setgħu jgħinuhom f’ħajjithom. Darba waħda bil-​lejl, xi rġiel mil-​Lvant raw xi ħaġa miexja fis-​sema qisha stilla tiddi, u huma mxew warajha. L-​“istilla” ħadithom Ġerusalemm. L-​irġiel bdew jistaqsu lin-​nies: ‘Fejn hu t-​tifel li se jkun is-​sultan tal-​Lhud? Aħna ġejna biex immilu quddiemu.’

      Meta Erodi, is-​sultan taʼ Ġerusalemm, semaʼ dwar sultan ġdid, beda jinkwieta ħafna. Hu staqsa lill-​qassisin ewlenin: ‘Dan is-​sultan fejn kellu jitwieled?’ Huma qalulu: ‘Il-​profeti qalu li kellu jitwieled f’Betlem.’ Allura Erodi bagħat għall-​irġiel mil-​Lvant u qalilhom: ‘Morru Betlem u sibu lil dan it-​tifel. Imbagħad ejjew lura u għiduli fejn qiegħed. Jien ukoll irrid immil quddiemu.’ Imma din kienet gidba.

      L-​“istilla” reġgħet bdiet miexja u l-​irġiel reġgħu bdew jimxu warajha sakemm waslu Betlem. L-​“istilla” waqfet fuq dar u l-​irġiel daħlu ġewwa. Huma sabu lil Ġesù m’ommu, Marija. Mielu quddiemu u tawh rigali tad-​deheb, inċens, u mirra. Veru li kien Ġeħova li bagħat lil dawn l-​irġiel biex isibu lil Ġesù? Le.

      Dak il-​lejl, Ġeħova qal lil Ġużeppi f’ħolma: ‘Erodi jrid joqtol lil Ġesù. Ħu lill-​mara tiegħek u lit-​tifel u aħarbu lejn l-​Eġittu. Ibqgħu hemmhekk sakemm ngħidilkom jien li m’għadx baqaʼ periklu f’Betlem.’ Mill-​ewwel, Ġużeppi u l-​familja tiegħu telqu lejn l-​Eġittu.

      Ġeħova qal lill-​irġiel li kienu mil-​Lvant biex ma jmorrux lura għand Erodi. Meta Erodi induna li ma kinux ġejjin, irrabja ħafna. Peress li ma setax isib lil Ġesù, hu ordna li jinqatlu t-​tfal subien kollha f’Betlem li kienu daqs Ġesù. Imma Ġesù kien qiegħed l-​Eġittu, ’il bogħod mill-​periklu.

      Maż-​żmien, Erodi miet. Ġeħova qal lil Ġużeppi: ‘Issa m’għadx hemm periklu, u għalhekk tistgħu tmorru lura.’ Ġużeppi, Marija, u Ġesù marru lura f’Iżrael, u għexu fil-​belt taʼ Nazaret.

      “Kelmti li toħroġ minn fommi . . .  żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11

      Mistoqsijiet: Ġesù għala kien fil-​periklu? Ġeħova kif ipproteġieh?

      Mattew 2:1-23; Mikea 5:2

  • Meta Ġesù kellu tnax-il sena
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù taʼ tnax-il sena qiegħed bilqiegħda f’nofs l-għalliema ġot-tempju

      LEZZJONI 72

      Meta Ġesù kellu tnax-il sena

      Ġużeppi u Marija kienu joqogħdu Nazaret maʼ Ġesù u t-​tfal subien u bniet l-​oħrajn tagħhom. Ġużeppi kien jipprovdi għall-​familja billi jagħmel xogħol taʼ mastrudaxxa, u kien jgħallimhom dwar Ġeħova u l-​Liġi Tiegħu. Bħala familja kienu jmorru b’mod regulari f’post li kienu jgħidulu sinagoga biex iqimu lil Ġeħova u jitgħallmu dwaru. U kull sena kienu jmorru Ġerusalemm għall-​festa tal-​Qbiż.

      Meta Ġesù kellu 12-​il sena, il-​familja tiegħu għamlu l-​vjaġġ twil lejn Ġerusalemm bħalma kienu jagħmlu s-​soltu. Il-​belt kienet mimlija nies li kienu ġew biex jiċċelebraw il-​Qbiż. Wara li spiċċat il-​festa, Ġużeppi u Marija bdew il-​vjaġġ tagħhom lura d-​dar, u ħasbu li Ġesù kien qiegħed mal-​grupp tagħhom. Imma meta bdew ifittxuh fost dawk li kienu jiġu minnhom, ma setgħux isibuh.

      Huma marru lura Ġerusalemm, u damu tlett ijiem ifittxu lit-​tifel tagħhom. Fl-​aħħar, marru jfittxuh fit-​tempju. Ġesù hemm kien, bilqiegħda f’nofs l-​għalliema, jismaʼ b’attenzjoni u jistaqsi mistoqsijiet tajbin. L-​għalliema tant impressjonaw ruħhom b’Ġesù li mbagħad bdew isaqsuh il-​mistoqsijiet huma. Huma baqgħu mistagħġbin bit-​tweġibiet tiegħu. Setgħu jaraw li kien jifhem il-​Liġi taʼ Ġeħova.

      Ġużeppi u Marija kienu inkwetati ħafna. Marija qaltlu: ‘Ibni, kullimkien fittixna biex insibuk! Fejn kont?’ Ġesù wieġeb: ‘Ma kontux tafu li għandi nkun hawn f’dar Missieri?’

      Ġesù mar lura d-​dar f’Nazaret mal-​ġenituri tiegħu. Ġużeppi għallem lil Ġesù kif jagħmel ix-​xogħol taʼ mastrudaxxa. X’tip taʼ persuna taħseb li kien Ġesù meta kien żagħżugħ? Hekk kif kien qed jikber, Ġesù beda jitgħallem u jifhem iktar l-​Iskrittura u wkoll beda jsir iktar maħbub minn Alla u min-​nies.

      Ġużeppi u Marija bilqiegħda madwar mejda maʼ Ġesù u ftit minn ħutu subien u bniet

      “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-​liġi tiegħek qiegħda fil-​ġewwieni tiegħi.”—Salm 40:8

      Mistoqsijiet: Ġużeppi u Marija fejn sabuh lil Ġesù? Għala kien hemmhekk?

      Mattew 13:55, 56; Marku 6:3; Luqa 2:40-52; 4:16; Dewteronomju 16:15, 16

  • Ġwanni jipprietka li ġej il-Messija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġwanni l-Battista jgħallem lin-nies ħdejn ix-Xmara Ġordan

      LEZZJONI 73

      Ġwanni jipprietka li ġej il-Messija

      Ġwanni, it-​tifel taʼ Żakkarija u Eliżabetta, meta kiber sar profeta. Ġeħova uża lil Ġwanni biex jgħallem lin-​nies dwar li kien ġej il-​Messija. Imma minflok ma qagħad jgħallem fis-​sinagogi jew fl-​irħula, Ġwanni pprietka fid-​deżert. In-​nies ġew minn Ġerusalemm u mil-​Lhudija kollha biex jitgħallmu mingħandu. Hu għallimhom li biex jogħġbu lil Alla jridu jieqfu jagħmlu affarijiet ħżiena. Wara li semgħu lil Ġwanni, ħafna ddispjaċiehom għad-​dnubiet li għamlu, u Ġwanni għammidhom fix-​Xmara Ġordan.

      Ġwanni għex ħajja sempliċi. Hu kien jilbes ħwejjeġ magħmulin mix-​xagħar tal-​ġemel u kien jiekol il-​ġurati u l-​għasel salvaġġ. In-​nies kienu kurjużi dwar Ġwanni. Anki l-​Fariżej u s-​Sadduċej ġew biex jaraw min kien. Hu qalilhom: ‘Intom għandkom tibdlu ħajjitkom u tindmu. Ara ma taħsbux li intom speċjali għax tgħidu li intom ulied Abraham. Għax dan ma jfissirx li intom ulied Alla.’

      Ħafna ġew għand Ġwanni u staqsewh: ‘Xi rridu nagħmlu biex nogħġbu lil Alla?’ Ġwanni qal lil dawn il-​Lhud: ‘Jekk għandkom żewġ ilbiesi, agħtu waħda lil min m’għandux.’ Taf għala wiġibhom hekk? Hu riedhom ikunu jafu li biex jogħġbu lil Alla jridu jħobbu lin-​nies.

      Ġwanni qal lill-​kolletturi tat-​taxxa: ‘Kunu onesti u tqarrqu b’ħadd.’ U lis-​suldati qalilhom: ‘Taċċettawx flus biex tagħmlu xi pjaċir lil xi ħadd jew tgħidu l-​gideb.’

      Anki xi qassisin u Leviti ġew għand Ġwanni, u staqsewh: ‘Int min int? Għax kulħadd irid ikun jaf.’ Ġwanni qalilhom: ‘Jien leħen taʼ xi ħadd li qed jgħajjat fid-​deżert li qed jiggwida lin-​nies lejn Ġeħova, bħalma kien bassar Isaija.’

      In-​nies kienu jieħdu pjaċir b’dak li kien jgħallimhom Ġwanni. Ħafna bdew jitħassbu jekk hu kienx il-​Messija. Imma hu qalilhom: ‘Ġej xi ħadd li hu aqwa minni. Lanqas biss jistħoqqli li nħoll is-​sandli tiegħu. Jien ngħammed bl-​ilma, imma hu se jgħammed bl-​ispirtu qaddis.’

      “Dan ġie biex jagħti xiehda, sabiex jixhed dwar id-​dawl, biex kull xorta taʼ nies jemmnu permezz tiegħu.”—Ġwanni 1:7

      Mistoqsijiet: Ġeħova għala bagħat lil Ġwanni jipprietka lin-​nies? Huma kif irreaġixxew għal dak li qalilhom?

      Mattew 3:1-11; Marku 1:1-8; Luqa 3:1-18; Ġwanni 1:19-28; Isaija 40:3

  • Ġesù jsir il-Messija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Wara li Ġesù jiġi mgħammed minn Ġwanni, l-ispirtu t’Alla jinżel fuqu f’forma taʼ ħamiema

      LEZZJONI 74

      Ġesù jsir il-Messija

      Ġwanni kien jipprietka: ‘Ġej xi ħadd li hu aqwa minni.’ Meta Ġesù kellu madwar 30 sena, hu ġie mill-​Galilija għal ħdejn ix-​Xmara Ġordan, fejn Ġwanni kien qed jgħammed lin-​nies. Ġesù ried li Ġwanni jgħammdu, imma Ġwanni qallu: ‘Mhux jien għandi ngħammed lilek imma int għandek tgħammed lili.’ Ġesù wieġbu: ‘Ġeħova jridek tgħammidni.’ Għalhekk, huma niżlu fix-​Xmara Ġordan, u Ġwanni għammed lil Ġesù billi niżżlu kollu taħt l-​ilma.

      Wara li Ġesù ġie mgħammed, hu talab. Dak il-​ħin, is-​smewwiet infetħu, u l-​ispirtu t’Alla niżel fuqu f’forma taʼ ħamiema. Imbagħad, Ġeħova tkellem mis-​sema: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.”

      Meta l-​ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq Ġesù, hu sar il-​Kristu, jew il-​Messija. Issa kien se jibda x-​xogħol li Ġeħova kien bagħtu biex jagħmel fuq l-​art.

      Eżatt wara l-​magħmudija tiegħu, Ġesù mar fid-​deżert fejn hemm qattaʼ 40 ġurnata. Meta mar lura, hu mar jara lil Ġwanni. Hekk kif kien riesaq lejh, Ġwanni qal: ‘Dan hu l-​Ħaruf t’Alla li se jneħħi d-​dnub tad-​dinja.’ B’dan il-​kliem, Ġwanni ried li n-​nies ikunu jafu li Ġesù kien il-​Messija. Trid tkun taf xi ġralu Ġesù meta kien fid-​deżert? Ejja naraw.

      “Ġie leħen mis-​smewwiet: ‘Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.’”—Marku 1:11

      Mistoqsijiet: Ġesù għala tgħammed? Ġwanni għala qal li Ġesù kien il-​Ħaruf t’Alla?

      Mattew 3:13-17; Marku 1:9-11; Luqa 3:21-23; Ġwanni 1:29-34; Isaija 42:1; Ebrej 10:7-9

  • Ix-Xitan jittanta lil Ġesù
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù jirrifjuta li jaqbeż mill-iktar parti għolja tat-tempju

      LEZZJONI 75

      Ix-Xitan jittanta lil Ġesù

      Ġesù jirrifjuta li jbiddel il-ġebel f’ħobż

      Wara li Ġesù tgħammed, l-​ispirtu qaddis ħadu fid-​deżert. Hu kellu ħafna ġuħ għax ma kien kiel xejn għal 40 ġurnata. Imbagħad, ix-​Xitan ġie biex jittanta lil Ġesù u qallu: ‘Jekk int vera l-​Iben t’Alla, għid lil dan il-​ġebel isir ħobż.’ Imma Ġesù wieġbu mill-​Iskrittura billi qallu: ‘Hu miktub li l-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma billi jismaʼ minn kull kelma li jgħid Ġeħova.’

      Wara dan, ix-​Xitan reġaʼ ttanta lil Ġesù: ‘Jekk int vera l-​Iben t’Alla, aqbeż mill-​iktar parti għolja tat-​tempju. Hemm miktub li Alla jibgħatlek l-​anġli tiegħu biex jilqgħuk.’ Imma Ġesù reġaʼ wieġbu mill-​Iskrittura billi qallu: ‘Hu miktub li m’għandekx tgħaddi lil Ġeħova minn prova.’

      Ġesù jirrifjuta l-offerta taʼ Satana li jtih is-saltniet kollha tad-dinja

      Imbagħad, Satana wera lil Ġesù s-​saltniet kollha tad-​dinja u r-​rikkezzi u l-​glorja tagħhom, u qallu: ‘Dawn is-​saltniet u l-​glorja tagħhom kollha nagħtihomlok jekk tagħmilli att wieħed taʼ qima.’ Imma Ġesù wieġbu: ‘Mur ’l hemm, Satana! Hu miktub li għandek tqim biss lil Ġeħova.’

      Wara, ix-​Xitan telaq. Imbagħad ġew l-​anġli u taw l-​ikel lil Ġesù ħalli jiekol. Minn dak inhar ’il quddiem, Ġesù pprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Dan kien ix-​xogħol li għalih hu kien intbagħat fuq l-​art biex jagħmel. In-​nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu dak li kien jgħallimhom, u kull fejn kien imur kienu jmorru warajh.

      “Meta [ix-​Xitan] jigdeb, jitkellem skond il-​karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-​gidba.”—Ġwanni 8:44

      Mistoqsijiet: X’kienu t-​tliet tentazzjonijiet taʼ Ġesù? Ġesù kif wieġbu lix-​Xitan?

      Mattew 4:1-11; Marku 1:12, 13; Luqa 4:1-15; Dewteronomju 6:13, 16; 8:3; Ġakbu 4:7

  • Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa mit-tempju
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù juża frosta biex ikeċċi l-annimali ’l barra mit-tempju u jaqleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus

      LEZZJONI 76

      Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa mit-tempju

      Madwar ix-​xahar t’April tas-​sena 30, Ġesù mar Ġerusalemm. Ħafna nies kienu ġew fil-​belt minħabba l-​festa tal-​Qbiż. Bħala parti miċ-​ċelebrazzjoni, huma kienu joffru sagrifiċċji tal-​annimali fit-​tempju. Xi nies kienu jġibu l-​annimali magħhom, imma oħrajn kienu jixtruhom minn Ġerusalemm.

      Meta Ġesù mar fit-​tempju, hu ra xi nies ibigħu l-​annimali hemmhekk. Huma kienu qed jaqilgħu l-​flus għalihom infushom fid-​dar taʼ Ġeħova! Ġesù x’għamel? Hu għamel frosta mill-​ħbula u keċċa mit-​tempju lin-​nagħaġ u l-​baqar. Qaleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u xerrdilhom il-​flus mal-​art. Ġesù qal lil dawk li kienu qed ibigħu l-​ħamiem: ‘Neħħu dawn minn hawn! Tibqgħux tagħmlu dar Missieri post tan-​negozju!’

      In-​nies li kienu fit-​tempju baqgħu mbellhin b’dak li għamel Ġesù. Id-​dixxipli tiegħu ftakru fil-​profezija dwar il-​Messija li tgħid: ‘Jien ħa jkolli mħabba kbira għad-​dar taʼ Ġeħova.’

      Iktar tard, fis-​sena 33, Ġesù keċċa l-​bejjiegħa ’l barra mit-​tempju għat-​tieni darba. Hu ma kien se jħalli lil ħadd juri nuqqas taʼ rispett lejn id-​dar taʼ Missieru.

      “Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”—Luqa 16:13

      Mistoqsijiet: X’għamel Ġesù meta ra n-​nies ibigħu l-​annimali fit-​tempju? Ġesù għala għamel hekk?

      Mattew 21:12, 13; Marku 11:15-17; Luqa 19:45, 46; Ġwanni 2:13-17; Salm 69:9

  • Il-mara ħdejn il-bir
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù jitkellem maʼ mara Samaritana ħdejn il-bir taʼ Ġakobb

      LEZZJONI 77

      Il-mara ħdejn il-bir

      Xi żmien wara l-​festa tal-​Qbiż, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu għaddew mis-​Samarija huma hu sejrin lura l-​Galilija. Qrib belt jisimha Sikar, Ġesù waqaf f’post jismu l-​bir taʼ Ġakobb. Waqt li kien qed jistrieħ hemmhekk, id-​dixxipli tiegħu marru fil-​belt jixtru l-​ikel.

      Wara ftit, ġiet mara ttellaʼ l-​ilma mill-​bir. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob.” Hi wiġbitu: ‘Dan kif qed titkellem miegħi? Jiena mara Samaritana. Il-​Lhud ma jitkellmux mas-​Samaritani.’ Ġesù qalilha: ‘Kieku taf min jien, kont tistaqsini inti biex intik tixrob u jien kont intik l-​ilma li jagħti l-​ħajja.’ Il-​mara qaltlu: ‘X’jiġifieri? Int lanqas għandek barmil.’ Ġesù wiġibha: ‘Kull min jixrob mill-​ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu l-​għatx.’ Il-​mara mbagħad talbitu: “Sinjur, agħtini minn dan l-​ilma.”

      Ġesù mbagħad qalilha: ‘Mur ġib ir-​raġel tiegħek hawn, ħdejn il-​bir.’ Hi qaltlu: ‘Jien m’iniex miżżewġa.’ Ġesù wiġibha: ‘Int qed tgħid il-​verità. Int kont miżżewġa ħames darbiet, u issa qed tgħix maʼ raġel mingħajr ma int miżżewġa.’ Il-​mara qaltlu: ‘Qed nara li int profeta. Aħna s-​Samaritani nemmnu li nistgħu nqimu lil Alla fuq din il-​muntanja, imma l-​Lhud jgħidu li nistgħu nqimuh biss f’Ġerusalemm. Jien nemmen li meta jiġi l-​Messija, hu se jgħallimna kif inqimu.’ Imbagħad Ġesù qal lil mara xi ħaġa li kien għadu ma qalha lil ħadd: ‘Jien hu l-​Messija.’

      Ġesù jitkellem mas-Samaritani

      Xħin semgħet dan, il-​mara telqet tgħaġġel lejn il-​belt tagħha biex tgħid lis-​Samaritani: ‘Naħseb sibt il-​Messija. Hu jaf kollox dwari. Ejjew u araw!’ Huma marru warajha lejn il-​bir u qagħdu jisimgħu lil Ġesù jgħallem.

      Is-​Samaritani stiednu lil Ġesù biex imur joqgħod fil-​belt tagħhom. Għal jumejn sħaħ hu qagħad jgħallimhom, u ħafna nies poġġew il-​fidi fih. Huma qalu lill-​mara Samaritana: ‘Wara li smajna lil dan ir-​raġel jgħallem, aħna ċerti li hu l-​wieħed li se jsalva d-​dinja.’

      “‘Ejja!’ U kulmin hu bil-​għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.”—Rivelazzjoni 22:17

      Mistoqsijiet: Il-​mara Samaritana għala ma stennietx li Ġesù jkellimha? Ġesù x’qalilha?

      Ġwanni 4:1-42

  • Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù u dixxiplu jippritkaw

      LEZZJONI 78

      Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna

      Ftit wara li tgħammed, Ġesù beda jipprietka: ‘Is-​Saltna t’Alla qorbot.’ Id-​dixxipli marru warajh waqt li hu kien qed idur il-​Galilija u l-​Lhudija. Meta Ġesù mar lura fejn trabba, Nazaret, hu daħal fis-​sinagoga, fetaħ l-​iskroll taʼ Isaija, u qara b’leħen għoli: ‘Ġeħova tani l-​ispirtu qaddis biex inkun nistaʼ nipprietka l-​aħbar tajba.’ Dan x’kien ifisser? Kien ifisser li għalkemm in-​nies riedu jaraw lil Ġesù jagħmel il-​mirakli, ir-​raġuni primarja għala kien irċieva l-​ispirtu qaddis kien biex jipprietka l-​aħbar tajba. Imbagħad qal lil dawk li kienu qed jisimgħuh: ‘Illum twettqet din il-​profezija.’

      Imbagħad, Ġesù mar ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija, u hemmhekk iltaqaʼ maʼ erbaʼ sajjieda. Hu stidinhom billi qalilhom: ‘Ejjew miegħi, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.’ Dawn kienu Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Huma mill-​ewwel ħallew ix-​xogħol tas-​sajd, u saru dixxipli tiegħu. Daru l-​Galilija kollha, jippritkaw dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova. Kienu jippritkaw fis-​sinagogi, f’postijiet fejn kien ikun hemm il-​monti, u fit-​toroq. Folla kbira kienet tmur warajhom kull fejn kienu jmorru. L-​aħbar dwar Ġesù xterdet maʼ kullimkien, anki sas-​Sirja.

      Maż-​żmien, Ġesù ta lil ftit mid-​dixxipli tiegħu l-​qawwa biex ifejqu lin-​nies u jkeċċu lid-​demonji. Oħrajn marru miegħu waqt li hu kien qed jipprietka minn belt għal belt u minn raħal għal raħal. Marija l-​Maddalena, Ġwanna, Susanna, u ħafna nisa leali oħra ħadu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ Ġesù u tad-​dixxipli tiegħu.

      Wara li għallem lid-​dixxipli tiegħu kif jippritkaw, Ġesù bagħathom jagħmlu dan ix-​xogħol. Hekk kif daru l-​Galilija u ppritkaw, ħafna oħrajn saru dixxipli u tgħammdu. Tant kien hemm li riedu jkunu dixxipli, li Ġesù xebbahhom m’għalqa li kienet lesta għall-​ħsad. Hu qal: ‘Itolbu lil Ġeħova biex jibgħat iktar ħaddiema għall-​ħsad.’ Imbagħad hu għażel 70 mid-​dixxipli tiegħu u bagħathom tnejn tnejn biex jippritkaw fil-​Lhudija kollha. Huma għallmu lil kull tip taʼ nies dwar is-​Saltna. Meta d-​dixxipli ġew lura, huma kienu eċċitati biex jgħidu lil Ġesù x’kien ġara. Ix-​Xitan ma setaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf ix-​xogħol tal-​ippritkar.

      Ġesù għamel ċert li d-​dixxipli tiegħu kienu se jkomplu jagħmlu dan ix-​xogħol importanti wara li hu jmur lura fis-​sema. Hu qalilhom: ‘Ippritkaw l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha. Għallmu lin-​nies dwar il-​Kelma t’Alla, u għammduhom.’

      “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Luqa 4:43

      Mistoqsijiet: Ġesù liema xogħol tahom lid-​dixxipli tiegħu? Id-​dixxipli kif ħassewhom dwar dan ix-​xogħol?

      Mattew 4:17-25; 9:35-38; 28:19, 20; Marku 1:14-20; Luqa 4:14-21; 8:1-3; 10:1-22

  • Ġesù jagħmel ħafna mirakli
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • In-nies morda jiġu għand Ġesù biex jitfejqu

      LEZZJONI 79

      Ġesù jagħmel ħafna mirakli

      Ġesù ġie fid-​dinja biex jgħid lin-​nies dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Biex juri x’kien se jagħmel Ġesù bħala Sultan, Ġeħova tah l-​ispirtu qaddis biex jagħmel il-​mirakli. Hu setaʼ jfejjaq kull tip taʼ mard. Kull fejn kien imur, in-​nies morda kienu jmorru għandu għall-​għajnuna, u hu fejjaqhom kollha. Dawk li ma kinux jaraw bdew jaraw, dawk li ma kinux jisimgħu bdew jisimgħu, dawk li kellhom paralisi bdew jimxu, u dawk li kienu maħkumin mid-​demonji nħelsu minnhom. Anke jekk kienu biss imissulu t-​tarf tal-​ħwejjeġ tiegħu, kienu jfiqu. In-​nies kienu jmorru wara Ġesù kull fejn kien imur. Anke meta xtaq li jkun waħdu, Ġesù qatt ma keċċa lil ħadd.

      Darba, in-​nies ġabu raġel li kellu ġismu paralizzat fid-​dar fejn kien qed joqgħod Ġesù. Imma tant kien hemm nies fid-​dar li ma setgħux jidħlu. Allura, għamlu toqba fis-​saqaf u niżżlu lir-​raġel ħdejn Ġesù. Imbagħad Ġesù qal lir-​raġel: ‘Qum u imxi.’ Meta għamel hekk, in-​nies baqgħu mistagħġbin.

      Darba oħra, hekk kif Ġesù daħal ġo raħal, għaxart irġiel bil-​marda tal-​ġdiem waqfu ’l bogħod u qalulu b’leħen għoli: ‘Ġesù, għinna!’ Dak iż-​żmien, dawk li kellhom il-​ġdiem ma kinux jitħallew jersqu qrib nies oħrajn. Ġesù qal lill-​irġiel biex imorru fit-​tempju, għax hekk kienet tgħid il-​Liġi taʼ Ġeħova li kellhom jagħmlu dawk li jkunu fiequ mill-​ġdiem. Xħin kienu fi triqithom lejn it-​tempju, huma fiequ. Meta wieħed minnhom induna li kien fieq, mar lura biex jirringrazzja lil Ġesù u jfaħħar lil Alla. Minn dawk l-​għaxra, dan ir-​raġel biss mar jirringrazzja lil Ġesù.

      Mara li kienet ilha marida 12-​il sena, kienet lesta tagħmel kollox biex tfiq. Hi marret ġol-​folla minn wara Ġesù, u messitlu t-​tarf tal-​libsa. Hi fieqet mill-​ewwel. F’dak il-​mument, Ġesù staqsa: “Min messni?” Il-​mara bdiet tibżaʼ ħafna imma resqet quddiemu u qaltlu l-​verità. Imma hu serrħilha moħħha billi qalilha: ‘Binti, mur fil-​paċi.’

      Kap tas-​sinagoga jismu Ġajru talab bil-​ħerqa lil Ġesù: ‘Ejja d-​dar tiegħi. It-​tifla tiegħi marida ħafna.’ Imma qabel ma Ġesù laħaq wasal id-​dar taʼ Ġajru, it-​tifla mietet. Meta wasal, ra li ħafna nies kienu ġew biex juru n-​niket tagħhom u jibku mal-​familja. Ġesù qalilhom: ‘Tibkux; hi rieqda.’ Imbagħad qabad id it-​tifla u qalilha: “Tifla, qum!” Hi qamet mill-​ewwel, u Ġesù qal lill-​ġenituri tagħha biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol. Min jaf x’ferħ ħassew il-​ġenituri tagħha!

      Ġesù jqajjem mill-mewt lit-tifla taʼ Ġajru

      “Alla dilek bl-​ispirtu qaddis u bil-​qawwa lil Ġesù, . . . u dan dar il-​pajjiż kollu jagħmel il-​ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-​Xitan, għax Alla kien miegħu.”—Atti 10:38

      Mistoqsijiet: Ġesù għala setaʼ jfejjaq kull tip taʼ mard? Xi ġralha t-​tifla taʼ Ġajru?

      Mattew 9:18-26; 14:36; Marku 2:1-12; 5:21-43; 6:55, 56; Luqa 6:19; 8:41-56; 17:11-19

  • Ġesù jagħżel tnax-il appostlu
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù u t-12-il appostlu tiegħu

      LEZZJONI 80

      Ġesù jagħżel tnax-il appostlu

      Wara li Ġesù kien ilu jipprietka għal madwar sena u nofs, kellu deċiżjoni importanti x’jieħu. Lil min kien se jagħżel biex jaħdem fil-​qrib miegħu? Lil min kien se jgħallem biex imexxi l-​kongregazzjoni Kristjana? Biex jieħu dawn id-​deċiżjonijiet, Ġesù kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Allura mar fuq muntanja biex ikun waħdu, u għamel lejl sħiħ jitlob. Filgħodu, Ġesù laqqaʼ lil ftit mid-​dixxipli tiegħu flimkien u għażel lit-​12-​il appostlu tiegħu. Taf x’kien jisimhom xi wħud minnhom? Dawn kienu Pietru, Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, Tumas, Mattew, Ġakbu bin Alfew, Taddew, Xmun, u Ġuda l-​Iskarjota.

      Indrì, Pietru, Filippu, Ġakbu

      Indrì, Pietru, Filippu, Ġakbu

      It-​Tnax kienu se jmorru kull fejn kien imur hu. Wara li għallimhom, hu bagħathom jippritkaw waħedhom. Ġeħova tahom il-​qawwa biex ikeċċu d-​demonji u jfejqu lill-​morda.

      Ġwanni, Mattew, Bartilmew, Tumas

      Ġwanni, Mattew, Bartilmew, Tumas

      Lit-​Tnax, Ġesù kien isejħilhom il-​ħbieb tiegħu, u kien jafdahom. Il-​Fariżej kienu jħarsu lejn l-​appostli bħala li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola. Imma l-​ħarsa taʼ Ġesù kienet differenti. Hu għallimhom dak li kellhom bżonn jitgħallmu għal dan ix-​xogħol. Huma kienu se jkunu maʼ Ġesù fl-​iktar żminijiet importanti f’ħajtu, bħal qabel il-​mewt u wara l-​irxoxt tiegħu. Bħal Ġesù, ħafna mit-​Tnax kienu mill-​Galilija. Ftit minnhom kienu miżżewġin.

      Ġakbu bin Alfew, Ġuda l-Iskarjota, Taddew, Xmun

      Ġakbu bin Alfew, Ġuda l-Iskarjota, Taddew, Xmun

      L-​appostli kienu rġiel imperfetti li għamlu żbalji. Xi drabi kienu jitkellmu bla ma jaħsbuha u kienu jieħdu deċiżjonijiet ħżiena. Kultant kienu wkoll bla paċenzja. Anke kienu jargumentaw bejniethom dwar min minnhom kien l-​iktar importanti. Imma kienu nies tajbin li jħobbu lil Ġeħova. Huma kienu se jkunu l-​ewwel membri tal-​kongregazzjoni Kristjana, li fiha kien se jkollhom xogħol importanti ħafna x’jagħmlu wara li Ġesù ma jkunx għadu magħhom.

      “Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.”—Ġwanni 15:15

      Mistoqsijiet: Ġesù lil min għażel bħala t-​12-​il appostlu tiegħu? Ġesù x’bagħathom jagħmlu lill-​appostli?

      Mattew 10:1-10; Marku 3:13-19; 10:35-40; Luqa 6:12-16; Ġwanni 15:15; 20:24, 25; Atti 2:7; 4:13; 1 Korintin 9:5; Efesin 2:20-22

  • Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù jagħti l-Prietka taʼ fuq il-Muntanja lil folla kbira

      LEZZJONI 81

      Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja

      Wara li Ġesù għażel l-​appostli tiegħu, li kienu 12, hu mar fejn kienu nġabru ħafna nies. Dawn kienu ġew mill-​Galilija, mil-​Lhudija, minn Tir, minn Sidon, mis-​Sirja, u min-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan. Huma ġabu nies li kienu qed ibatu minn mard differenti. Ġabu wkoll nies li kellhom demonji ġo fihom. Ġesù fejjaqhom kollha. Imbagħad hu qagħad bilqiegħda fil-​ġenb tal-​muntanja u beda jitkellem. Hu spjega x’għandna nagħmlu jekk irridu li nkunu l-​ħbieb t’Alla. Irridu nifhmu li għandna bżonn lil Ġeħova biex imexxina u li nitgħallmu nħobbuh. Imma ma nistgħux inħobbu lil Alla jekk ma nħobbux lin-​nies. Għandna nkunu qalbna tajba u nittrattaw lil kulħadd l-​istess, anke lil dawk li ma jittrattawniex sew.

      Ġesù qal: ‘Mhux biżżejjed li tħobb biss lill-​ħbieb tiegħek. Għandek bżonn tħobb ukoll lil dawk li ma jittrattawkx sew, u taħfer mill-​qalb. Jekk xi ħadd mhux qed ikellmek, mur skuża ruħek malajr miegħu. Ittratta lil oħrajn kif tixtieq li jittrattaw lilek.’

      Ġesù jagħti l-Prietka taʼ fuq il-Muntanja lil folla kbira

      Ġesù ta wkoll pariri tajbin lin-​nies dwar l-​affarijiet materjali billi qal: ‘Hu iktar importanti li tkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova milli jkollkom ħafna flus. Ħalliel jistaʼ jisirqilkom il-​flus, imma ħadd ma jistaʼ jisraq il-​ħbiberija li għandkom maʼ Ġeħova. Tkomplux tinkwetaw dwar x’se tieklu, tixorbu, jew tilbsu. Ħarsu lejn l-​għasafar. Alla dejjem jagħmel ċert li għandhom biżżejjed ikel x’jieklu. Billi tinkwetaw mhux se ttawlu ħajjitkom b’ġurnata oħra. Ftakru, Ġeħova jaf x’għandkom bżonn.’

      Il-​folol qatt ma kienu semgħu lil xi ħadd jitkellem bħal Ġesù. Il-​mexxejja reliġjużi tagħhom, jiġifieri l-​Fariżej u l-​iskribi, ma kinux għallmuhom dawn l-​affarijiet. Ġesù għala kien għalliem daqshekk tajjeb? Għax dak kollu li kien jgħallem kien ġej mingħand Ġeħova.

      “Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.”—Mattew 11:29

      Mistoqsijiet: X’għandna nagħmlu biex insiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova? Ġeħova kif iridek tittratta lil oħrajn?

      Mattew 4:24, 25; 5:1-48; 6:19-34; 7:28, 29; Luqa 6:17-31

  • Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Fariżew jitlob f’post pubbliku u n-nies jieqfu jħarsu lejh

      LEZZJONI 82

      Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu

      Dak kollu li kienu jagħmlu l-​Fariżej kien biex jiġbdu l-​attenzjoni tan-​nies. Meta kienu jagħmlu xi ħaġa tajba maʼ xi ħadd, kienu jagħmluha biex in-​nies jinnotawhom. Kienu jitolbu f’postijiet pubbliċi biex jarawhom in-​nies. Il-​Fariżej kienu jitgħallmu bl-​amment talb twil u jirripetuh fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq biex oħrajn jisimgħuhom. Allura n-​nies baqgħu sorpriżi meta Ġesù qalilhom: ‘Titolbux bħall-​Fariżej. Huma jaħsbu li Alla se jogħġbu t-​talb tagħhom għax jużaw ħafna kliem, imma mhux veru. It-​talb hu bejnkom u bejn Ġeħova. Toqogħdux tirripetu l-​istess ħaġa. Ġeħova jridkom tgħidulu kif tħossukom verament minn ġewwa.

      Tifel jinżel għarkopptejh u jitlob

      ‘Hekk għandkom titolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”’ Ġesù qalilhom ukoll biex jitolbu ħalli jkollhom l-​ikel għal dik il-​ġurnata, ħalli jinħafrulhom dnubiethom, u jitolbu fuq affarijiet persunali oħrajn.

      Ġesù qal: ‘Qatt tieqfu titolbu. Ibqgħu itolbu lil Missierkom, Ġeħova, għal affarijiet tajbin. Kull ġenitur jixtieq jagħti affarijiet tajbin lit-​tifel tiegħu. Jekk ibnek jitolbok il-​ħobż se tagħtih ġebla? Jekk jistaqsik biex ittih ħuta se tagħtih serp?’

      Imbagħad Ġesù spjega x’kienet it-​tagħlima: ‘Jekk intom tafu tagħtu rigali sbieħ lit-​tfal tagħkom, mela kemm iktar Missierkom, Ġeħova, se jagħti l-​ispirtu qaddis lilkom! Kulma għandkom tagħmlu hu li tistaqsu.’ Inti tagħmel dak li qalilna nagħmlu Ġesù? Fuq xiex titlob int?

      “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.”—Mattew 7:7

      Mistoqsijiet: Ġesù x’qal biex jgħallem lid-​dixxipli tiegħu kif jitolbu? Inti titlob dwar affarijiet li huma importanti għalik?

      Mattew 6:2-18; 7:7-11; Luqa 11:13

  • Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • L-appostli jqassmu l-ikel lil folla kbira

      LEZZJONI 83

      Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies

      Eżatt qabel il-​festa tal-​Qbiż tas-​sena 32, l-​appostli ġew lura wara ħafna sigħat jippritkaw. Kienu għajjenin, u allura Ġesù qalilhom biex imorru miegħu bid-​dgħajsa lejn Betsajda ħalli jistrieħu. Imma xħin waslu qrib ix-​xatt, Ġesù ra li kien hemm eluf taʼ nies li kienu segwewh. Għalkemm Ġesù xtaq li jkun waħdu mal-​appostli, hu laqaʼ lin-​nies b’qalb tajba. Hu fejjaq lill-​morda u beda jgħallimhom. Ġesù dam il-​ġurnata kollha jgħallimhom dwar is-​Saltna t’Alla. Meta sar filgħaxija, ġew l-​appostli ħdejh u qalulu: ‘In-​nies żgur li qabadhom il-​ġuħ. Ibgħathom ħalli jmorru jixtru xi ħaġa x’jieklu.’

      Tifel jagħti qoffa bil-ħobż u l-ħut lil Ġesù

      Ġesù qalilhom: ‘M’għandhomx għalfejn jitilqu. Agħtuhom xi ħaġa x’jieklu hawnhekk.’ L-​appostli staqsewh: ‘Tridna mmorru nixtrulhom il-​ħobż?’ Filippu, wieħed mill-​appostli, qal: ‘Anke kieku kellna ħafna flus, ma nistgħux nixtru biżżejjed ħobż għal din il-​folla kbira.’

      Ġesù staqsiehom: ‘Kemm għandna ikel?’ Indrì qal: ‘Għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar. Dan mhux biżżejjed għal dawn in-​nies kollha.’ Ġesù qal: ‘Ġibuli l-​ħobż u l-​ħut.’ Hu qal lin-​nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-​ħaxix fi gruppi taʼ 50 u 100. Ġesù ħa l-​ħobż u l-​ħut, ħares ’il fuq lejn is-​sema, u talab. Imbagħad ta l-​ikel lill-​appostli u huma qassmuh lin-​nies. Il-​5,000 raġel u wkoll nisa u tfal, kollha kielu sakemm xebgħu. Wara, l-​appostli ġabru dak li kien baqaʼ, biex ma jinħela xejn. Imlew 12-​il qoffa mimlija! Dan kien miraklu tal-​għaġeb, hux vera?

      In-​nies tant stagħġbu b’dan li riedu jagħmlu lil Ġesù s-​sultan tagħhom. Imma Ġesù kien jaf li għal Ġeħova kien għadu ma wasalx il-​waqt għalih li jkun sultan. Għalhekk bagħat lill-​folol, u qal lill-​appostli biex imorru fuq in-​naħa l-​oħra tal-​baħar tal-​Galilija. Huma rikbu fuq id-​dgħajsa, u Ġesù telaʼ fuq il-​muntanja waħdu. Għala? Għax xtaq li jkollu ħin biex jitlob lil Missieru. Għalkemm kien ikollu ħafna x’jagħmel, Ġesù dejjem għamel il-​ħin biex jitlob.

      “Taħdmux għall-​ikel li jintemm [jew, jispiċċa] imma għall-​ikel li jibqaʼ għall-​ħajja taʼ dejjem, li jagħtikom Bin il-​bniedem.”—Ġwanni 6:27

      Mistoqsijiet: Ġesù kif wera li kien jimpurtah min-​nies? Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?

      Mattew 14:14-22; Marku 6:30-44; Luqa 9:10-17; Ġwanni 6:1-15

  • Ġesù jimxi fuq l-ilma
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù jimxi fuq l-ilma u jgħid lil Pietru biex jimxi lejh

      LEZZJONI 84

      Ġesù jimxi fuq l-ilma

      Ġesù mhux biss setaʼ jfejjaq lill-​morda u jqajjem lill-​mejtin, imma setaʼ wkoll jikkontrolla r-​riħ u x-​xita. Wara li talab fuq il-​muntanja, Ġesù ħares ’l isfel lejn il-​Baħar tal-​Galilija u ra maltempata. L-​appostli tiegħu kienu fid-​dgħajsa tagħhom, jipprovaw jaqdfu bis-​saħħa kollha tagħhom kontra r-​riħ. Għalhekk, Ġesù niżel mill-​muntanja u beda miexi lejhom fuq l-​ilma. Meta l-​appostli raw lil xi ħadd miexi fuq l-​ilma, bdew jibżgħu. Imma Ġesù qalilhom: ‘Jien hu. Tibżgħux.’

      Ġesù jimxi fuq l-ilma u jgħid lil Pietru biex jimxi lejh

      Pietru qal: ‘Mulej, jekk vera int, ordnali niġi ħdejk.’ Ġesù wieġbu: ‘Ejja.’ Għalhekk, f’nofs dik il-​maltempata, Pietru niżel minn fuq id-​dgħajsa u mexa fuq l-​ilma lejn Ġesù. Imma hekk kif kien riesaq lejh, Pietru ħares lejn il-​maltemp u beda jibżaʼ. Hu beda jħossu qed jegħreq. Pietru għajjat: ‘Mulej, salvani!’ Ġesù qabdu minn idu u qallu: ‘Għala bdejt tibżaʼ? Fejn hi l-​fidi tiegħek?’

      Imbagħad, Ġesù u Pietru telgħu fid-​dgħajsa, u l-​maltempata waqfet mill-​ewwel. Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom l-​appostli? Huma qalulu: “Int tassew l-​Iben t’Alla.”

      Din ma kinitx l-​unika darba li Ġesù kkontrolla t-​temp. Darb’oħra, meta Ġesù u l-​appostli kienu qed jaqsmu għan-​naħa l-​oħra, Ġesù mar jorqod fuq wara tad-​dgħajsa. Waqt li kien rieqed, qamet maltempata kbira. Il-​mewġ beda jħabbat mad-​dgħajsa, u din bdiet timtela bl-​ilma. L-​appostli qajmu lil Ġesù, u qalulu b’leħen għoli: ‘Għalliem, se mmutu! Għinna!’ Ġesù qam u qal lill-​baħar: “Iskot!” Dak il-​ħin stess, ir-​riħ u l-​baħar ikkalmaw. Ġesù staqsa lill-​appostli: ‘Fejn hi l-​fidi tagħkom?’ Huma qalu lil xulxin: ‘Anki r-​riħ u l-​baħar jobduh.’ Huma tgħallmu li jekk jafdaw kompletament f’Ġesù, ma kellhom għalfejn jibżgħu minn xejn.

      “Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-​mustarda,  . . . xejn ma jkun impossibbli għalikom.”—Mattew 17:20

      Mistoqsijiet: Pietru għala beda jegħreq? L-​appostli x’tgħallmu minn Ġesù?

      Mattew 8:23-27; 14:23-34; Marku 4:35-41; 6:45-52; Luqa 8:22-25; Ġwanni 6:16-21

  • Ġesù jfejjaq fis-Sabat
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Il-Fariżej jistaqsu mistoqsijiet lil raġel li qabel kien agħmi

      LEZZJONI 85

      Ġesù jfejjaq fis-Sabat

      Il-​Fariżej kienu jobogħduh lil Ġesù, u allura bdew jipprovaw isibu xi ħaġa fih biex biha jkunu jistgħu jarrestawh. Huma qalu li hu m’għandux ifejjaq lin-​nies morda fis-​Sabat għax din kienet ġurnata li fiha kienu jistrieħu. Imma darba waħda, fis-​Sabat, Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel li kien twieled agħmi, jittallab fit-​triq. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Araw kif il-​qawwa t’Alla se tgħin lil dan ir-​raġel.’ Wara li qal hekk, Ġesù ħallat ftit bżieq minn tiegħu mat-​trab tal-​art u għamel taħlita, u poġġieha fuq għajnejn ir-​raġel. Ġesù mbagħad qallu: ‘Mur u aħsel għajnejk fl-​għadira taʼ Silogħam.’ Ir-​raġel hekk għamel, u mbagħad għall-​ewwel darba f’ħajtu setaʼ jara.

      In-​nies baqgħu mistagħġbin. Huma qalu: ‘Dan hu l-​istess raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab, jew xi ħadd li jixbhu?’ Ir-​raġel qalilhom: ‘Jien hu.’ In-​nies staqsewh: ‘Issa kif qed tara?’ Meta qalilhom x’kien ġara, huma ħaduh għand il-​Fariżej.

      Ir-​raġel qal lill-​Fariżej: ‘Ġesù poġġieli taħlita fuq għajnejja u qalli biex immur naħsilhom. Jien hekk għamilt, u issa nistaʼ nara.’ Il-​Fariżej qalu: ‘Jekk Ġesù qed ifejjaq fis-​Sabat, mela ma jistax ikun li l-​qawwa tiegħu ġejja minn Alla.’ Imma oħrajn qalu: ‘Li kieku l-​qawwa tiegħu mhux ġejja mingħand Alla, kieku żgur li ma kienx ikun jistaʼ jfejjaq lin-​nies.’

      Il-​Fariżej qalu lill-​ġenituri tar-​raġel biex jiġu għandhom, u staqsewhom: ‘Tistgħu tgħidulna kif it-​tifel tagħkom issa qed jara?’ Il-​ġenituri bdew jibżgħu għax il-​Fariżej kienu qalu li kull min kien se jpoġġi fidi f’Ġesù kien se jiġi mkeċċi mis-​sinagoga. Allura huma wieġbu: ‘Ma nafux. Staqsu lilu.’ Għalhekk, il-​Fariżej staqsewh iktar mistoqsijiet sakemm hu qalilhom: ‘Għedtilkom dak kollu li naf. Għala se tibqgħu tistaqsuni?’ Huma rrabjaw ħafna, u keċċewh ’il barra.

      Ġesù mar ifittex lir-​raġel u staqsieh: ‘Inti għandek fidi fil-​Messija?’ Ir-​raġel wieġbu: ‘Kieku naf min hu, kont inpoġġi fidi fih.’ Ġesù qallu: ‘Jien hu l-​Messija.’ Kemm wera qalb tajba Ġesù maʼ dan ir-​raġel, hux veru? Hu mhux biss fejqu imma għenu jpoġġi fidi fih bħala l-​Messija.

      “Għandkom żball, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla.”—Mattew 22:29

      Mistoqsijiet: Ġesù kif għen lir-​raġel agħmi? Il-​Fariżej għala kienu jobogħdu lil Ġesù?

      Ġwanni 9:1-41

  • Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Lazzru li għadu kif ġie mqajjem mill-mewt u ħutu l-bniet, Marija u Marta

      LEZZJONI 86

      Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt

      Ġesù kellu tlett iħbieb tal-​qalb li kienu jgħixu f’Betanja. Dawn kienu Lazzru u ż-​żewġ ħutu bniet, Marija u Marta. Darba waħda, waqt li Ġesù kien fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, Marija u Marta bagħtu jgħidulu: ‘Lazzru jinsab marid ħafna. Jekk jogħġbok, ejja malajr!’ Ġesù ma marx mill-​ewwel imma stenna jumejn. Sadanittant, Lazzru miet. Imbagħad Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Ejja mmorru Betanja. Lazzru rieqed imma jien se mmur inqajmu.’ L-​appostli qalulu: ‘Jekk Lazzru rieqed mela aħjar għax jgħaddilu.’ Imbagħad Ġesù qalilhom b’mod ċar: ‘Lazzru miet.’

      Meta Ġesù wasal Betanja, Lazzru kien diġà ilu midfun erbat ijiem. Folol taʼ nies kienu ġew biex jgħinu lil Marta u lil Marija jħossuhom aħjar. Meta Marta semgħet li Ġesù kien wasal, marret tgħaġġel biex tiltaqaʼ miegħu. Hi qaltlu: “Mulej, kieku kont hawnhekk, ħija ma kienx imut.” Ġesù qalilha: ‘Ħuk se jerġaʼ jgħix. Int temmnu dan, Marta?’ Wiġbitu: ‘Jien nemmen li se jqum fl-​irxoxt.’ Ġesù qalilha: “Jien l-​irxoxt u l-​ħajja.”

      Imbagħad, Marta marret għand Marija u qaltilha: ‘Ġesù wasal.’ Marija telqet tiġri lejn Ġesù, u folla nies marret warajha. Hi niżlet mal-​art ħdejn saqajh, u ma setgħetx tieqaf tibki. Hi qaltlu: ‘Mulej, kieku kont hawn, ħuna ma kienx imut.’ Ġesù ra kemm kienet imdejqa, u anki hu beda jibki. Meta n-​nies raw id-​dmugħ taʼ Ġesù, qalu: ‘Ara kemm kien iħobbu lil Lazzru!’ Imma xi wħud bdew jgħidu: ‘Għala ħallieh imut lill-​ħabib tiegħu?’ Issa x’kien se jagħmel Ġesù?

      Ġesù mar ħdejn il-​qabar, li kien magħluq b’ġebla kbira. Hu qal: ‘Neħħu l-​ġebla.’ Marta qaltlu: ‘Diġà ilu erbat ijiem! Żgur li s’issa qed jinten.’ Imma huma xorta neħħew il-​ġebla, u mbagħad Ġesù talab: ‘Missier, nirringrazzjak li smajtni. Naf li dejjem tismagħni, imma qed nitkellem b’leħen għoli ħalli n-​nies ikunu jafu li int bgħattni.’ Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Lazzru, oħroġ!” Imbagħad, ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb: Lazzru ħareġ minn ġol-​qabar bil-​faxex għadhom imdawrin miegħu. Ġesù qalilhom: “Ħolluh u ħalluh imur.”

      Ħafna li raw x’għamel Ġesù bdew ipoġġu l-​fidi fih. Imma xi wħud marru jgħidu x’ġara lill-​Fariżej. Minn dakinhar ’il quddiem, il-​Fariżej riedu joqtlu kemm lil Lazzru u kemm lil Ġesù. Wieħed mit-​12-​il appostlu, Ġuda l-​Iskarjota, bil-​moħbi mar għand il-​Fariżej u staqsiehom: ‘Kemm tħallsuni jekk ngħinkom issibu lil Ġesù?’ Huma qablu li jagħtuh 30 biċċa tal-​fidda. U għalhekk, minn dakinhar Ġuda beda jfittex opportunità biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

      “Il-​Missier iqajjem il-​mejtin u jagħtihom il-​ħajja.”—Ġwanni 5:21

      Mistoqsijiet: Għid l-​istorja taʼ kif Lazzru ġie mqajjem mill-​mewt. X’riedu jagħmlu l-​Fariżej xħin semgħu dwar Lazzru?

      Mattew 26:14-16; Ġwanni 11:1-53; 12:10

  • L-aħħar ikla taʼ filgħaxija taʼ Ġesù
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù stabbilixxa l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej mal-ħdax-il appostlu leali tiegħu

      LEZZJONI 87

      L-​aħħar ikla taʼ filgħaxija taʼ Ġesù

      Il-​Lhud kienu jiċċelebraw il-​Qbiż kull sena fl-​14 tax-​xahar taʼ Nisan. Dan kien biex ifakkarhom dwar kif Ġeħova kien ħelishom mill-​Eġittu biex ma jibqgħux ilsiera, u daħħalhom fl-​Art Imwiegħda. Fis-​sena 33, Ġesù u l-​appostli tiegħu ċċelebraw il-​Qbiż f’kamra taʼ fuq taʼ dar f’Ġerusalemm. Fl-​aħħar tal-​ikla, Ġesù qal: ‘Wieħed minnkom se jagħtini f’idejn l-​għedewwa tiegħi.’ L-​appostli nħasdu, u staqsewh: ‘Min?’ Ġesù wiġibhom: ‘Hu dak ir-​raġel li se nagħtih minn dan il-​ħobż.’ Imbagħad ta biċċa ħobż lil Ġuda l-​Iskarjota. Dak il-​ħin stess, Ġuda qam u ħareġ ’il barra mill-​kamra.

      Imbagħad, Ġesù qal talba, qabad ftit ħobż u qasmu f’biċċiet, u tahom lill-​kumplament tal-​appostli. Hu qal: ‘Kulu dan il-​ħobż. Dan jirrappreżenta ġismi, li se nagħti għalikom.’ Imbagħad qabad l-​inbid u talab, u tah lill-​appostli tiegħu. Hu qal: ‘Ixorbu dan l-​inbid. Dan jirrappreżenta d-​demm tiegħi, li se nagħti biex b’hekk id-​dnubiet ikunu jistgħu jiġu maħfura. Jien nagħmel wegħda magħkom li intom se tkunu slaten miegħi fis-​sema. Agħmlu dan kull sena biex tiftakru fija.’ Għalhekk, is-​segwaċi taʼ Ġesù għadhom jiltaqgħu flimkien f’dik il-​lejla kull sena. Dik il-​laqgħa issa hi msejħa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej.

      Wara l-​ikla, l-​appostli bdew jargumentaw dwar min minnhom kien l-​iktar importanti. Imma Ġesù qalilhom: ‘L-​akbar fostkom hu l-​wieħed li jqis lilu nnifsu bħall-​iżgħar wieħed, jiġifieri li jqis lilu nnifsu bħala l-​inqas importanti.

      ‘Intom il-​ħbieb tiegħi. Jien ngħidilkom dak kollu li Missieri jridni ngħidilkom. Dalwaqt se mmur ħdejn Missieri fis-​sema. Intom se tibqgħu hawn, u n-​nies se jaraw li intom dixxipli tiegħi mill-​imħabba li għandkom għal xulxin. Intom għandkom tħobbu lil xulxin bħalma jien ħabbejt lilkom.’

      Fl-​aħħar, Ġesù talab lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lid-​dixxipli kollha u jgħinhom jaħdmu fil-​paċi flimkien. Talab ukoll biex isem Ġeħova jiġi mqaddes. Dan ifisser li aħna nqisu isem Ġeħova bħala li hu nadif u speċjali ħafna. Imbagħad Ġesù u l-​appostli tiegħu kantaw tifħir lil Ġeħova, u ħarġu barra. Il-​waqt biex Ġesù jiġi arrestat kien viċin.

      “Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.”—Luqa 12:32

      Mistoqsijiet: Ġesù x’wegħedhom lill-​appostli? Ġesù liema lezzjonijiet importanti għallimhom lill-​appostli matul l-​aħħar ikla li kellu magħhom?

      Mattew 26:20-30; Luqa 22:14-26; Ġwanni 13:1, 2, 26, 30, 34, 35; 15:12-19; 17:3-26

  • Ġesù jiġi arrestat
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġuda jittradixxi lil Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani

      LEZZJONI 88

      Ġesù jiġi arrestat

      Ġesù u l-​appostli għaddew mill-​wied taʼ Kidron biex imorru lejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ. Kien wara nofsillejl u l-​qamar kien kwinta. Meta waslu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Ġesù qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa.” Imbagħad, Ġesù daħal ftit ’il ġewwa fil-​ġnien u niżel għarkopptejh. Bi dwejjaq kbar, hu talab lil Ġeħova: “Ħa ssir ir-​rieda tiegħek.” Imbagħad, Ġeħova bagħat anġlu biex jinkuraġġixxi lil Ġesù. Meta Ġesù mar lura ħdejn l-​appostli, hu sabhom reqdin. Qalilhom: ‘Qumu! Dan mhux ħin li torqdu! Waslet is-​siegħa biex l-​għedewwa tiegħi jiġu għalija.’

      Ġuda jingħata borża flus

      Wara ftit wasal Ġuda. Kien hemm folla kbira taʼ nies mexjin warajh armati bis-​sjuf u l-​bsaten. Hu kien jaf fejn isib lil Ġesù għax spiss kienu jiġu f’dan il-​ġnien. Ġuda kien qal lis-​suldati li kien se jurihom min kien Ġesù. Hu mar dritt fuqu, u qallu: ‘Is-​sliem għalik, Għalliem,’ u mbagħad biesu. Ġesù qallu: ‘Ġuda, b’bewsa qed tittradini?’

      Ġesù resaq lejn il-​folla rrabjata, u staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Huma qalulu: “Lil Ġesù n-​Nazzarenu.” Hu mbagħad wieġeb: “Jien hu,” u l-​irġiel resqu lura u waqgħu mal-​art. Ġesù reġaʼ staqsa lill-​folla: “Lil min qed tfittxu?” Huma reġgħu qalu: “Lil Ġesù n-​Nazzarenu.” Ġesù wieġeb: ‘Għedtilkom li jien hu. Ħallu lid-​dixxipli tiegħi jmorru.’

      Meta Pietru induna x’kien qed jiġri, ħareġ is-​sejf u qataʼ l-​widna taʼ Malku, li kien ilsir tal-​qassis il-​kbir. Imma Ġesù mess il-​widna tar-​raġel u fejqu. Imbagħad hu qal lil Pietru: ‘Daħħal is-​sejf f’postu. Jekk tiġġieled bis-​sejf, bis-​sejf tmut.’ Is-​suldati qabdu lil Ġesù u rabtulu jdejh, u l-​appostli ħarbu. Imbagħad, il-​folla ħaduh għand Anna, il-​qassis ewlieni. Anna staqsa ħafna mistoqsijiet lil Ġesù u wara bagħtu d-​dar tal-​Qassis il-​Kbir Kajfa. Imma l-​appostli x’sar minnhom?

      “Fid-​dinja qed ikollkom it-​tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.”—Ġwanni 16:33

      Mistoqsijiet: X’ġara fil-​ġnien tal-​Ġetsemani? X’tistaʼ titgħallem minn dak li Ġesù għamel f’dak il-​lejl?

      Mattew 26:36-57; Marku 14:32-50; Luqa 22:39-54; Ġwanni 18:1-14, 19-24

  • Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Fil-bitħa tad-dar taʼ Kajfa, Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù

      LEZZJONI 89

      Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù

      Meta Ġesù kien mal-​appostli tiegħu fil-​kamra taʼ fuq, hu qalilhom: ‘F’dan il-​lejl, intom kollha se titilquni.’ Pietru qal: ‘Jien le! Anki jekk l-​oħrajn kollha jitilquk, jien qatt mhu se nitilqek.’ Imma Ġesù qallu: ‘Qabel ma jidden is-​serduq, int se tgħid tliet darbiet li ma tafnix.’

      Meta s-​suldati ħadu lil Ġesù fid-​dar taʼ Kajfa, ħafna mill-​appostli kienu diġà ħarbu. Imma tnejn minnhom imxew warajh mal-​folla. Wieħed minnhom kien Pietru. Hu daħal fil-​bitħa tad-​dar taʼ Kajfa u qagħad ħdejn in-​nar biex jisħon. Fid-​dawl tan-​nar, waħda mill-​qaddejja rat lil Pietru u qalet: ‘Lilek nafek! Int kont maʼ Ġesù!’

      Pietru qal: ‘Le, ma kontx miegħu! Ma nafx dwar xiex qed titkellem!’ Imbagħad, mexa lejn il-​bieb. Imma malajr ratu qaddejja oħra, u qalet lill-​folla: ‘Dan ir-​raġel kien maʼ Ġesù!’ Pietru qal: ‘Lanqas biss nafu lil Ġesù!’ Kien hemm raġel u dan qal: ‘Int wieħed minnhom! Qed ninduna mill-​aċċent tiegħek li int mill-​Galilija, bħal Ġesù.’ Imma Pietru ħalef: ‘Jien ma nafux!’

      Dak il-​ħin stess, is-​serduq idden. Pietru ra lil Ġesù jdur u jħares lejh. Hu ftakar x’kien qallu Ġesù, u ħareġ barra u beka fuq li beka.

      Sadattant, il-​membri tas-​Sinedriju, jiġifieri l-​qorti tal-​Lhud, iltaqgħu flimkien fid-​dar taʼ Kajfa biex jistaqsu lil Ġesù ħafna mistoqsijiet. Huma kienu diġà ddeċidew li joqtlu lil Ġesù, u issa kienu qed ifittxu raġuni biex jagħmlu dan. Imma ma setgħu jsibu xejn kontra tiegħu. Fl-​aħħar, Kajfa dar lejn Ġesù u staqsieh: ‘Int l-​Iben t’Alla?’ Ġesù wieġbu: ‘Iva.’ Kajfa qal: ‘Issa m’għandniex bżonn iktar provi. Qed jidgħi!’ Il-​qorti qablet u qalet: ‘Dan ir-​raġel ħaqqu l-​mewt.’ Huma tawh daqqiet fuq wiċċu, beżqulu, għattewlu għajnejh, u tawh bil-​ponn, u qalu: ‘Jekk int profeta, għidilna min tak id-​daqqa!’

      Meta sebaħ, huma ħadu lil Ġesù fis-​sala tas-​Sinedriju u reġgħu staqsewh: ‘Int l-​Iben t’Alla?’ Ġesù wieġeb: ‘Intom stess qed tgħidu li jien.’ Imbagħad huma sabuh ħati li qed jidgħi, u ħaduh fil-​palazz taʼ Ponzju Pilatu, il-​gvernatur Ruman. X’ġara mbagħad? Ejja naraw.

      “Is-​siegħa . . . ġiet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru u tħalluni waħdi; u madankollu m’iniex waħdi, għax il-​Missier qiegħed miegħi.”—Ġwanni 16:32

      Mistoqsijiet: X’ġara fil-​bitħa tad-​dar taʼ Kajfa? Il-​qorti għala ddeċidiet li Ġesù jiġi maqtul?

      Mattew 26:31-​35, 57-​75; 27:1, 2; Marku 14:27-​31, 53-​72; 15:1; Luqa 22:55-​71; Ġwanni 13:36-​38; 18:15-​18, 25-​28

  • Ġesù jmut f’Golgota
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Waqt li Ġesù qiegħed imdendel maʼ zokk, uffiċjal tal-armata u xi wħud mid-dixxipli tiegħu, inkluż Marija u Ġwanni, qegħdin bilwieqfa viċin

      LEZZJONI 90

      Ġesù jmut f’Golgota

      Il-​qassisin ewlenin ħadu lil Ġesù fil-​palazz tal-​gvernatur. Pilatu staqsiehom: ‘X’għandkom x’tgħidu kontra dan ir-​raġel?’ Huma qalulu: ‘Hu qed jgħid li hu sultan!’ Pilatu staqsa lil Ġesù: “Int is-​sultan tal-​Lhud?” Ġesù wieġbu: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja.”

      Imbagħad, Pilatu bagħat lil Ġesù għand Erodi, il-​mexxej tal-​Galilija, biex jara jekk hu jsibx xi ħaġa kontrih. Imma Erodi ma setaʼ jsib xejn kontra Ġesù, u allura bagħtu lura għand Pilatu. Imbagħad, Pilatu qal lin-​nies: ‘Erodi u jien ma sibna xejn kontra dan ir-​raġel. Jien ħa neħilsu.’ Il-​folla nies għajtet: ‘Oqtlu! Oqtlu!’ Is-​suldati sawtu lil Ġesù bil-​frosta, beżqulu, u tawh daqqiet. Poġġewlu wkoll kuruna tax-​xewk fuq rasu u bdew iwaqqgħuh għaċ-​ċajt billi qalu: “Is-​sliem għalik, Sultan tal-​Lhud!” Għal darb’oħra Pilatu qal lill-​folla: ‘Jien ma sibt xejn ħażin f’dan ir-​raġel.’ Imma huma għajtu: “Sammru maʼ zokk!” Għalhekk, Pilatu tahulhom f’idejhom biex joqtluh.

      Is-​suldati mbagħad ħadu lil Ġesù f’post jismu Golgota, sammruh maʼ zokk, u waqqfuh dritt. Ġesù talab: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.” In-​nies bdew jidħqu bih billi jgħidulu: ‘Jekk int l-​Iben t’Alla, inżel minn fuq iz-​zokk! Salva lilek innifsek.’

      Wieħed mill-​ħallelin li kienu mdendlin ħdejn Ġesù qallu: “Ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” Ġesù wiegħdu: “Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” Waranofsinhar, waqgħet dalma kbira fuq l-​art kollha li damet tliet sigħat. Xi wħud mid-​dixxipli qagħdu ħdejn iz-​zokk, inkluż Marija, omm Ġesù. Ġesù qal lil Ġwanni biex jieħu ħsieb lil Marija daqslikieku kienet ommu stess.

      Fl-​aħħar, Ġesù qal: “Twettaq!” Hu niżżel rasu u ħa l-​aħħar nifs tiegħu. F’dak il-​ħin għamel terremot kbir. Fit-​tempju, il-​purtiera tqila li kien hemm bejn il-​Qaddis u l-​Iktar Qaddis iċċartet fi tnejn. Fizzjal tal-​armata qal: ‘Dan vera kien l-​Iben t’Alla.’

      “Il-​wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu.”—2 Korintin 1:20

      Mistoqsijiet: Pilatu għala ħalliehom joqtlu lil Ġesù? Ġesù kif wera li kien jimpurtah iktar minn oħrajn milli minnu nnifsu?

      Mattew 27:11-14, 22-31, 38-56; Marku 15:2-5, 12-18, 25, 29-33, 37-39; Luqa 23:1-25, 32-49; Ġwanni 18:28-40; 19:1-30

  • Ġesù jiġi mqajjem mill-mewt
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Nisa huma sorpriżi għax qed jaraw il-​qabar taʼ Ġesù vojt

      LEZZJONI 91

      Ġesù jiġi mqajjem mill-mewt

      Wara li Ġesù miet, raġel sinjur jismu Ġużeppi staqsa lil Pilatu biex iħallih ineħħi l-​ġisem taʼ Ġesù minn fuq iz-​zokk. Ġużeppi geżwer il-​ġisem taʼ Ġesù fl-​għażel fin bi fwejjaħ ifuħu u poġġieh f’qabar ġdid. Hu poġġa ġebla kbira quddiem id-​daħla tal-​qabar. Il-​qassisin ewlenin qalu lil Pilatu: ‘Aħna qed nibżgħu li xi wħud mid-​dixxipli taʼ Ġesù se jieħdu l-​ġisem tiegħu u jgħidu li qam mill-​mewt.’ Għalhekk, Pilatu qalilhom: ‘Araw li l-​qabar hu magħluq sew u li tpoġġu l-​għassa miegħu.’

      Tlett ijiem wara, kmieni filgħodu, xi nisa marru ħdejn il-​qabar u sabuh miftuħ. Xħin raw dan, waħda min-​nisa, Marija l-​Maddalena, telqet malajr biex issib lil Pietru u Ġwanni. In-​nisa l-​oħra daħlu fil-​qabar, u anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux. Ġesù ġie mqajjem mill-​mewt. Morru għidu lid-​dixxipli tiegħu biex jiltaqgħu miegħu fil-​Galilija.’

      Meta Marija l-​Maddalena sabet lil Pietru u Ġwanni, hi qaltilhom: ‘Xi ħadd ħa l-​ġisem taʼ Ġesù!’ Huma telqu jiġru għal ħdejn il-​qabar. Meta raw li kien vojt, marru lura d-​dar tagħhom.

      Meta Marija marret lura ħdejn il-​qabar, hi rat żewġ anġli ġewwa u qaltilhom: ‘Jien ma nafx fejn ħaduh lill-​Mulej tiegħi.’ Imbagħad, rat raġel u peress li ħasbet li kien il-​ġardinar, qaltlu: ‘Sinjur, jekk jogħġbok, għidli fejn ħadtu.’ Imma meta r-​raġel qalilha, “Marija!” hi mill-​ewwel indunat li kien Ġesù. Hi għajtet: “Għalliem!” u għannqitu. Ġesù qalilha: ‘Mur u għid lil ħuti li rajtni.’ Dak il-​ħin stess, Marija telqet tiġri tgħid lid-​dixxipli li rat lil Ġesù.

      Iktar tard fil-​ġurnata, żewġ dixxipli kienu mexjin minn Ġerusalemm għal Għemmaws. Fit-​triq kien hemm raġel li beda jimxi magħhom u staqsiehom dwar xiex kienu qegħdin jitkellmu. Huma qalulu: ‘Mela, ma smajtx? Tlett ijiem ilu, il-​qassisin ewlenin qatlu lil Ġesù. Issa xi nisa qed jgħidu li hu ħaj!’ Ir-​raġel staqsiehom: ‘Intom ma temmnux x’qalu l-​profeti? Kienu qalu li l-​Kristu kellu jmut u wara jiġi mqajjem.’ Imbagħad, hu kompla jispjegalhom l-​Iskrittura. Meta waslu Għemmaws, id-​dixxipli riduh jibqaʼ magħhom. Fl-​ikla taʼ filgħaxija, xħin qabad il-​ħobż u qal talba, huma indunaw li kien Ġesù. Imbagħad, hu sparixxa.

      Iż-​żewġ dixxipli telqu jiġru lejn Ġerusalemm, daħlu fid-​dar fejn l-​appostli kienu miġburin, u qalulhom x’kien ġara. Xħin kienu hemmhekk, Ġesù deher quddiemhom kollha. Għall-​ewwel, l-​appostli ma setgħux jemmnu li kien Ġesù. Imbagħad qalilhom: ‘Ħarsu lejn idejja; missuni. Kien miktub li Kristu kellu jiġi mqajjem mill-​mewt.’

      “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġwanni 14:6

      Mistoqsijiet: X’ġara xħin in-​nisa marru ħdejn il-​qabar taʼ Ġesù? X’ġara fit-​triq lejn Għemmaws?

      Mattew 27:57-66; 28:1-10; Marku 15:42-47; 16:1-8; Luqa 23:50-56; 24:1-43; Ġwanni 19:38-42; 20:1-23

  • Ġesù jerġaʼ jidher lid-dixxipli tiegħu
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù jitkellem mad-dixxipli tiegħu waqt li l-ħut qed isir fuq in-nar

      LEZZJONI 92

      Ġesù jerġaʼ jidher lid-dixxipli tiegħu

      Ftit taż-​żmien wara li Ġesù deher lill-​appostli, Pietru ddeċieda li jmur jistad fil-​Baħar tal-​Galilija. Tumas, Ġakbu, Ġwanni, u xi dixxipli oħra marru miegħu. Wara lejl sħiħ jistadu, huma ma qabdu xejn.

      Kmieni filgħodu, huma raw raġel wieqaf fuq xatt il-​baħar. Hu qalilhom b’leħen għoli: ‘Qbadtu xi ħaġa tal-​ħut?’ Huma wiġbuh: “Le!” Ir-​raġel qalilhom: “Itfgħu x-​xibka fuq in-​naħa tal-​lemin tad-​dgħajsa.” Xħin għamlu hekk, ix-​xibka tant imtliet bil-​ħut li ma setgħux itellgħuha fuq id-​dgħajsa. F’dak il-​mument, Ġwanni induna li dak ir-​raġel kien Ġesù, u qal: “Dak il-​Mulej!” Malli semaʼ dan, Pietru qabeż minn fuq id-​dgħajsa biex jgħum sa ħdejh. Id-​dixxipli l-​oħra daħlu warajh bid-​dgħajsa.

      Xħin waslu fuq il-​bajja, huma raw ftit ħut u ħobż isiru fuq in-​nar. Ġesù qalilhom biex iġibu ftit mill-​ħut li qabdu ħalli jsajruh ukoll. Imbagħad qal: ‘Ejjew ħa tieklu.’

      Pietru jasal ħdejn Ġesù fuq il-bajja u d-dixxipli l-oħra deħlin warajh bid-dgħajsa

      Wara li kielu, Ġesù staqsa lil Pietru: ‘Tħobbni int iktar mis-​sajd?’ Pietru wieġbu: ‘Iva, Mulej, taf li nħobbok.’ Ġesù qallu: ‘Mela itmaʼ lill-​ħrief tiegħi.’ Ġesù reġaʼ staqsieh: ‘Pietru, tħobbni int?’ Pietru wieġbu: ‘Mulej, taf li nħobbok.’ Ġesù qallu: “Irgħa n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.” Ġesù staqsieh għat-​tielet darba. Minħabba dan, Pietru ħassu mdejjaq ħafna. Hu qal lil Ġesù: ‘Mulej, int taf kollox. Int taf li jien inħobbok.’ Ġesù qallu: “Itmaʼ n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.” Imbagħad qal lil Pietru: “Ibqaʼ miexi warajja.”

      “[Ġesù] qalilhom: ‘Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.’ Mill-​ewwel abbandunaw ix-​xbieki, u marru warajh.”—Mattew 4:19, 20

      Mistoqsijiet: X’miraklu għamel Ġesù ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija? Għala taħseb li Ġesù staqsa lil Pietru tliet darbiet: “Tħobbni int?”

      Ġwanni 21:1-19, 25; Atti 1:1-3

  • Ġesù jmur lura fis-sema
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
    • Ġesù tielaʼ fis-sema waqt li l-appostli jħarsu ’l fuq lejh

      LEZZJONI 93

      Ġesù jmur lura fis-sema

      Fil-​Galilija, Ġesù ltaqaʼ mas-​segwaċi tiegħu. Hu tahom kmand importanti ħafna: ‘Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​pajjiżi kollha. Għallmuhom l-​affarijiet li għallimtkom jien, u għammduhom.’ Imbagħad wegħedhom: ‘Ftakru, jien dejjem se nkun magħkom.’

      Matul l-​40 jum taʼ wara li ġie mqajjem mill-​mewt, Ġesù deher lil mijiet taʼ dixxipli tiegħu fil-​Galilija u Ġerusalemm. Hu għallimhom lezzjonijiet importanti u għamel ħafna mirakli. Imbagħad, Ġesù ltaqaʼ mal-​appostli tiegħu għall-​aħħar darba fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ.

      Meta kienu f’Ġerusalemm, Ġesù kien qal lill-​appostli tiegħu: ‘Titilqux din il-​belt. Ibqgħu stennew dak li wiegħed il-​Missier.’ Imma huma ma kinux fehmu x’ried ifisser meta qalilhom hekk. Allura issa staqsewh: ‘Inti se ssir is-​Sultan taʼ Iżrael issa?’ Ġesù qalilhom: ‘Għadu mhuwiex il-​waqt taʼ Ġeħova biex jien insir Sultan. Intom dalwaqt se tirċievu l-​qawwa permezz tal-​ispirtu qaddis, u tkunu xhieda tiegħi. Morru ppritkaw f’Ġerusalemm, fil-​Lhudija, fis-​Samarija, u fl-​iktar partijiet ’il bogħod tal-​art.’

      Imbagħad, Ġesù beda tielaʼ ’l fuq fis-​sema u sħaba għattietu. Id-​dixxipli tiegħu baqgħu jħarsu ’l fuq imma mbagħad hu ma deherx iktar.

      Id-​dixxipli ma baqgħux fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ u marru Ġerusalemm. Huma kienu jiltaqgħu b’mod regolari f’kamra taʼ fuq taʼ dar u kienu jitolbu. Huma kienu qed jistennew lil Ġesù biex jurihom permezz tal-​ispirtu qaddis x’għandhom jagħmlu iktar.

      “U din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14

      Mistoqsijiet: Xi kmand tahom Ġesù lid-​dixxipli tiegħu? X’ġara fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ?

      Mattew 28:16-20; Luqa 24:49-53; Ġwanni 20:30, 31; Atti 1:2-14; 1 Korintin 15:3-6

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja