-
Ġesù jsir il-MessijaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 74
Ġesù jsir il-Messija
Ġwanni kien jipprietka: ‘Ġej xi ħadd li hu aqwa minni.’ Meta Ġesù kellu madwar 30 sena, hu ġie mill-Galilija għal ħdejn ix-Xmara Ġordan, fejn Ġwanni kien qed jgħammed lin-nies. Ġesù ried li Ġwanni jgħammdu, imma Ġwanni qallu: ‘Mhux jien għandi ngħammed lilek imma int għandek tgħammed lili.’ Ġesù wieġbu: ‘Ġeħova jridek tgħammidni.’ Għalhekk, huma niżlu fix-Xmara Ġordan, u Ġwanni għammed lil Ġesù billi niżżlu kollu taħt l-ilma.
Wara li Ġesù ġie mgħammed, hu talab. Dak il-ħin, is-smewwiet infetħu, u l-ispirtu t’Alla niżel fuqu f’forma taʼ ħamiema. Imbagħad, Ġeħova tkellem mis-sema: “Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.”
Meta l-ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq Ġesù, hu sar il-Kristu, jew il-Messija. Issa kien se jibda x-xogħol li Ġeħova kien bagħtu biex jagħmel fuq l-art.
Eżatt wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù mar fid-deżert fejn hemm qattaʼ 40 ġurnata. Meta mar lura, hu mar jara lil Ġwanni. Hekk kif kien riesaq lejh, Ġwanni qal: ‘Dan hu l-Ħaruf t’Alla li se jneħħi d-dnub tad-dinja.’ B’dan il-kliem, Ġwanni ried li n-nies ikunu jafu li Ġesù kien il-Messija. Trid tkun taf xi ġralu Ġesù meta kien fid-deżert? Ejja naraw.
“Ġie leħen mis-smewwiet: ‘Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.’”—Marku 1:11
-
-
Ix-Xitan jittanta lil ĠesùLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 75
Ix-Xitan jittanta lil Ġesù
Wara li Ġesù tgħammed, l-ispirtu qaddis ħadu fid-deżert. Hu kellu ħafna ġuħ għax ma kien kiel xejn għal 40 ġurnata. Imbagħad, ix-Xitan ġie biex jittanta lil Ġesù u qallu: ‘Jekk int vera l-Iben t’Alla, għid lil dan il-ġebel isir ħobż.’ Imma Ġesù wieġbu mill-Iskrittura billi qallu: ‘Hu miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma billi jismaʼ minn kull kelma li jgħid Ġeħova.’
Wara dan, ix-Xitan reġaʼ ttanta lil Ġesù: ‘Jekk int vera l-Iben t’Alla, aqbeż mill-iktar parti għolja tat-tempju. Hemm miktub li Alla jibgħatlek l-anġli tiegħu biex jilqgħuk.’ Imma Ġesù reġaʼ wieġbu mill-Iskrittura billi qallu: ‘Hu miktub li m’għandekx tgħaddi lil Ġeħova minn prova.’
Imbagħad, Satana wera lil Ġesù s-saltniet kollha tad-dinja u r-rikkezzi u l-glorja tagħhom, u qallu: ‘Dawn is-saltniet u l-glorja tagħhom kollha nagħtihomlok jekk tagħmilli att wieħed taʼ qima.’ Imma Ġesù wieġbu: ‘Mur ’l hemm, Satana! Hu miktub li għandek tqim biss lil Ġeħova.’
Wara, ix-Xitan telaq. Imbagħad ġew l-anġli u taw l-ikel lil Ġesù ħalli jiekol. Minn dak inhar ’il quddiem, Ġesù pprietka l-aħbar tajba tas-Saltna. Dan kien ix-xogħol li għalih hu kien intbagħat fuq l-art biex jagħmel. In-nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu dak li kien jgħallimhom, u kull fejn kien imur kienu jmorru warajh.
“Meta [ix-Xitan] jigdeb, jitkellem skond il-karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-gidba.”—Ġwanni 8:44
-
-
Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa mit-tempjuLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 76
Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa mit-tempju
Madwar ix-xahar t’April tas-sena 30, Ġesù mar Ġerusalemm. Ħafna nies kienu ġew fil-belt minħabba l-festa tal-Qbiż. Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni, huma kienu joffru sagrifiċċji tal-annimali fit-tempju. Xi nies kienu jġibu l-annimali magħhom, imma oħrajn kienu jixtruhom minn Ġerusalemm.
Meta Ġesù mar fit-tempju, hu ra xi nies ibigħu l-annimali hemmhekk. Huma kienu qed jaqilgħu l-flus għalihom infushom fid-dar taʼ Ġeħova! Ġesù x’għamel? Hu għamel frosta mill-ħbula u keċċa mit-tempju lin-nagħaġ u l-baqar. Qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u xerrdilhom il-flus mal-art. Ġesù qal lil dawk li kienu qed ibigħu l-ħamiem: ‘Neħħu dawn minn hawn! Tibqgħux tagħmlu dar Missieri post tan-negozju!’
In-nies li kienu fit-tempju baqgħu mbellhin b’dak li għamel Ġesù. Id-dixxipli tiegħu ftakru fil-profezija dwar il-Messija li tgħid: ‘Jien ħa jkolli mħabba kbira għad-dar taʼ Ġeħova.’
Iktar tard, fis-sena 33, Ġesù keċċa l-bejjiegħa ’l barra mit-tempju għat-tieni darba. Hu ma kien se jħalli lil ħadd juri nuqqas taʼ rispett lejn id-dar taʼ Missieru.
“Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.”—Luqa 16:13
-
-
Il-mara ħdejn il-birLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 77
Il-mara ħdejn il-bir
Xi żmien wara l-festa tal-Qbiż, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew mis-Samarija huma hu sejrin lura l-Galilija. Qrib belt jisimha Sikar, Ġesù waqaf f’post jismu l-bir taʼ Ġakobb. Waqt li kien qed jistrieħ hemmhekk, id-dixxipli tiegħu marru fil-belt jixtru l-ikel.
Wara ftit, ġiet mara ttellaʼ l-ilma mill-bir. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob.” Hi wiġbitu: ‘Dan kif qed titkellem miegħi? Jiena mara Samaritana. Il-Lhud ma jitkellmux mas-Samaritani.’ Ġesù qalilha: ‘Kieku taf min jien, kont tistaqsini inti biex intik tixrob u jien kont intik l-ilma li jagħti l-ħajja.’ Il-mara qaltlu: ‘X’jiġifieri? Int lanqas għandek barmil.’ Ġesù wiġibha: ‘Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu l-għatx.’ Il-mara mbagħad talbitu: “Sinjur, agħtini minn dan l-ilma.”
Ġesù mbagħad qalilha: ‘Mur ġib ir-raġel tiegħek hawn, ħdejn il-bir.’ Hi qaltlu: ‘Jien m’iniex miżżewġa.’ Ġesù wiġibha: ‘Int qed tgħid il-verità. Int kont miżżewġa ħames darbiet, u issa qed tgħix maʼ raġel mingħajr ma int miżżewġa.’ Il-mara qaltlu: ‘Qed nara li int profeta. Aħna s-Samaritani nemmnu li nistgħu nqimu lil Alla fuq din il-muntanja, imma l-Lhud jgħidu li nistgħu nqimuh biss f’Ġerusalemm. Jien nemmen li meta jiġi l-Messija, hu se jgħallimna kif inqimu.’ Imbagħad Ġesù qal lil mara xi ħaġa li kien għadu ma qalha lil ħadd: ‘Jien hu l-Messija.’
Xħin semgħet dan, il-mara telqet tgħaġġel lejn il-belt tagħha biex tgħid lis-Samaritani: ‘Naħseb sibt il-Messija. Hu jaf kollox dwari. Ejjew u araw!’ Huma marru warajha lejn il-bir u qagħdu jisimgħu lil Ġesù jgħallem.
Is-Samaritani stiednu lil Ġesù biex imur joqgħod fil-belt tagħhom. Għal jumejn sħaħ hu qagħad jgħallimhom, u ħafna nies poġġew il-fidi fih. Huma qalu lill-mara Samaritana: ‘Wara li smajna lil dan ir-raġel jgħallem, aħna ċerti li hu l-wieħed li se jsalva d-dinja.’
“‘Ejja!’ U kulmin hu bil-għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.”—Rivelazzjoni 22:17
-
-
Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-SaltnaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 78
Ġesù jipprietka l-messaġġ tas-Saltna
Ftit wara li tgħammed, Ġesù beda jipprietka: ‘Is-Saltna t’Alla qorbot.’ Id-dixxipli marru warajh waqt li hu kien qed idur il-Galilija u l-Lhudija. Meta Ġesù mar lura fejn trabba, Nazaret, hu daħal fis-sinagoga, fetaħ l-iskroll taʼ Isaija, u qara b’leħen għoli: ‘Ġeħova tani l-ispirtu qaddis biex inkun nistaʼ nipprietka l-aħbar tajba.’ Dan x’kien ifisser? Kien ifisser li għalkemm in-nies riedu jaraw lil Ġesù jagħmel il-mirakli, ir-raġuni primarja għala kien irċieva l-ispirtu qaddis kien biex jipprietka l-aħbar tajba. Imbagħad qal lil dawk li kienu qed jisimgħuh: ‘Illum twettqet din il-profezija.’
Imbagħad, Ġesù mar ħdejn il-Baħar tal-Galilija, u hemmhekk iltaqaʼ maʼ erbaʼ sajjieda. Hu stidinhom billi qalilhom: ‘Ejjew miegħi, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.’ Dawn kienu Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Huma mill-ewwel ħallew ix-xogħol tas-sajd, u saru dixxipli tiegħu. Daru l-Galilija kollha, jippritkaw dwar is-Saltna taʼ Ġeħova. Kienu jippritkaw fis-sinagogi, f’postijiet fejn kien ikun hemm il-monti, u fit-toroq. Folla kbira kienet tmur warajhom kull fejn kienu jmorru. L-aħbar dwar Ġesù xterdet maʼ kullimkien, anki sas-Sirja.
Maż-żmien, Ġesù ta lil ftit mid-dixxipli tiegħu l-qawwa biex ifejqu lin-nies u jkeċċu lid-demonji. Oħrajn marru miegħu waqt li hu kien qed jipprietka minn belt għal belt u minn raħal għal raħal. Marija l-Maddalena, Ġwanna, Susanna, u ħafna nisa leali oħra ħadu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Ġesù u tad-dixxipli tiegħu.
Wara li għallem lid-dixxipli tiegħu kif jippritkaw, Ġesù bagħathom jagħmlu dan ix-xogħol. Hekk kif daru l-Galilija u ppritkaw, ħafna oħrajn saru dixxipli u tgħammdu. Tant kien hemm li riedu jkunu dixxipli, li Ġesù xebbahhom m’għalqa li kienet lesta għall-ħsad. Hu qal: ‘Itolbu lil Ġeħova biex jibgħat iktar ħaddiema għall-ħsad.’ Imbagħad hu għażel 70 mid-dixxipli tiegħu u bagħathom tnejn tnejn biex jippritkaw fil-Lhudija kollha. Huma għallmu lil kull tip taʼ nies dwar is-Saltna. Meta d-dixxipli ġew lura, huma kienu eċċitati biex jgħidu lil Ġesù x’kien ġara. Ix-Xitan ma setaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar.
Ġesù għamel ċert li d-dixxipli tiegħu kienu se jkomplu jagħmlu dan ix-xogħol importanti wara li hu jmur lura fis-sema. Hu qalilhom: ‘Ippritkaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha. Għallmu lin-nies dwar il-Kelma t’Alla, u għammduhom.’
“Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Luqa 4:43
-
-
Ġesù jagħmel ħafna mirakliLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 79
Ġesù jagħmel ħafna mirakli
Ġesù ġie fid-dinja biex jgħid lin-nies dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Biex juri x’kien se jagħmel Ġesù bħala Sultan, Ġeħova tah l-ispirtu qaddis biex jagħmel il-mirakli. Hu setaʼ jfejjaq kull tip taʼ mard. Kull fejn kien imur, in-nies morda kienu jmorru għandu għall-għajnuna, u hu fejjaqhom kollha. Dawk li ma kinux jaraw bdew jaraw, dawk li ma kinux jisimgħu bdew jisimgħu, dawk li kellhom paralisi bdew jimxu, u dawk li kienu maħkumin mid-demonji nħelsu minnhom. Anke jekk kienu biss imissulu t-tarf tal-ħwejjeġ tiegħu, kienu jfiqu. In-nies kienu jmorru wara Ġesù kull fejn kien imur. Anke meta xtaq li jkun waħdu, Ġesù qatt ma keċċa lil ħadd.
Darba, in-nies ġabu raġel li kellu ġismu paralizzat fid-dar fejn kien qed joqgħod Ġesù. Imma tant kien hemm nies fid-dar li ma setgħux jidħlu. Allura, għamlu toqba fis-saqaf u niżżlu lir-raġel ħdejn Ġesù. Imbagħad Ġesù qal lir-raġel: ‘Qum u imxi.’ Meta għamel hekk, in-nies baqgħu mistagħġbin.
Darba oħra, hekk kif Ġesù daħal ġo raħal, għaxart irġiel bil-marda tal-ġdiem waqfu ’l bogħod u qalulu b’leħen għoli: ‘Ġesù, għinna!’ Dak iż-żmien, dawk li kellhom il-ġdiem ma kinux jitħallew jersqu qrib nies oħrajn. Ġesù qal lill-irġiel biex imorru fit-tempju, għax hekk kienet tgħid il-Liġi taʼ Ġeħova li kellhom jagħmlu dawk li jkunu fiequ mill-ġdiem. Xħin kienu fi triqithom lejn it-tempju, huma fiequ. Meta wieħed minnhom induna li kien fieq, mar lura biex jirringrazzja lil Ġesù u jfaħħar lil Alla. Minn dawk l-għaxra, dan ir-raġel biss mar jirringrazzja lil Ġesù.
Mara li kienet ilha marida 12-il sena, kienet lesta tagħmel kollox biex tfiq. Hi marret ġol-folla minn wara Ġesù, u messitlu t-tarf tal-libsa. Hi fieqet mill-ewwel. F’dak il-mument, Ġesù staqsa: “Min messni?” Il-mara bdiet tibżaʼ ħafna imma resqet quddiemu u qaltlu l-verità. Imma hu serrħilha moħħha billi qalilha: ‘Binti, mur fil-paċi.’
Kap tas-sinagoga jismu Ġajru talab bil-ħerqa lil Ġesù: ‘Ejja d-dar tiegħi. It-tifla tiegħi marida ħafna.’ Imma qabel ma Ġesù laħaq wasal id-dar taʼ Ġajru, it-tifla mietet. Meta wasal, ra li ħafna nies kienu ġew biex juru n-niket tagħhom u jibku mal-familja. Ġesù qalilhom: ‘Tibkux; hi rieqda.’ Imbagħad qabad id it-tifla u qalilha: “Tifla, qum!” Hi qamet mill-ewwel, u Ġesù qal lill-ġenituri tagħha biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol. Min jaf x’ferħ ħassew il-ġenituri tagħha!
“Alla dilek bl-ispirtu qaddis u bil-qawwa lil Ġesù, . . . u dan dar il-pajjiż kollu jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-Xitan, għax Alla kien miegħu.”—Atti 10:38
-
-
Ġesù jagħżel tnax-il appostluLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 80
Ġesù jagħżel tnax-il appostlu
Wara li Ġesù kien ilu jipprietka għal madwar sena u nofs, kellu deċiżjoni importanti x’jieħu. Lil min kien se jagħżel biex jaħdem fil-qrib miegħu? Lil min kien se jgħallem biex imexxi l-kongregazzjoni Kristjana? Biex jieħu dawn id-deċiżjonijiet, Ġesù kellu bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova. Allura mar fuq muntanja biex ikun waħdu, u għamel lejl sħiħ jitlob. Filgħodu, Ġesù laqqaʼ lil ftit mid-dixxipli tiegħu flimkien u għażel lit-12-il appostlu tiegħu. Taf x’kien jisimhom xi wħud minnhom? Dawn kienu Pietru, Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, Tumas, Mattew, Ġakbu bin Alfew, Taddew, Xmun, u Ġuda l-Iskarjota.
Indrì, Pietru, Filippu, Ġakbu
It-Tnax kienu se jmorru kull fejn kien imur hu. Wara li għallimhom, hu bagħathom jippritkaw waħedhom. Ġeħova tahom il-qawwa biex ikeċċu d-demonji u jfejqu lill-morda.
Ġwanni, Mattew, Bartilmew, Tumas
Lit-Tnax, Ġesù kien isejħilhom il-ħbieb tiegħu, u kien jafdahom. Il-Fariżej kienu jħarsu lejn l-appostli bħala li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola. Imma l-ħarsa taʼ Ġesù kienet differenti. Hu għallimhom dak li kellhom bżonn jitgħallmu għal dan ix-xogħol. Huma kienu se jkunu maʼ Ġesù fl-iktar żminijiet importanti f’ħajtu, bħal qabel il-mewt u wara l-irxoxt tiegħu. Bħal Ġesù, ħafna mit-Tnax kienu mill-Galilija. Ftit minnhom kienu miżżewġin.
Ġakbu bin Alfew, Ġuda l-Iskarjota, Taddew, Xmun
L-appostli kienu rġiel imperfetti li għamlu żbalji. Xi drabi kienu jitkellmu bla ma jaħsbuha u kienu jieħdu deċiżjonijiet ħżiena. Kultant kienu wkoll bla paċenzja. Anke kienu jargumentaw bejniethom dwar min minnhom kien l-iktar importanti. Imma kienu nies tajbin li jħobbu lil Ġeħova. Huma kienu se jkunu l-ewwel membri tal-kongregazzjoni Kristjana, li fiha kien se jkollhom xogħol importanti ħafna x’jagħmlu wara li Ġesù ma jkunx għadu magħhom.
“Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.”—Ġwanni 15:15
-
-
Il-Prietka taʼ fuq il-MuntanjaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 81
Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja
Wara li Ġesù għażel l-appostli tiegħu, li kienu 12, hu mar fejn kienu nġabru ħafna nies. Dawn kienu ġew mill-Galilija, mil-Lhudija, minn Tir, minn Sidon, mis-Sirja, u min-naħa l-oħra tal-Ġordan. Huma ġabu nies li kienu qed ibatu minn mard differenti. Ġabu wkoll nies li kellhom demonji ġo fihom. Ġesù fejjaqhom kollha. Imbagħad hu qagħad bilqiegħda fil-ġenb tal-muntanja u beda jitkellem. Hu spjega x’għandna nagħmlu jekk irridu li nkunu l-ħbieb t’Alla. Irridu nifhmu li għandna bżonn lil Ġeħova biex imexxina u li nitgħallmu nħobbuh. Imma ma nistgħux inħobbu lil Alla jekk ma nħobbux lin-nies. Għandna nkunu qalbna tajba u nittrattaw lil kulħadd l-istess, anke lil dawk li ma jittrattawniex sew.
Ġesù qal: ‘Mhux biżżejjed li tħobb biss lill-ħbieb tiegħek. Għandek bżonn tħobb ukoll lil dawk li ma jittrattawkx sew, u taħfer mill-qalb. Jekk xi ħadd mhux qed ikellmek, mur skuża ruħek malajr miegħu. Ittratta lil oħrajn kif tixtieq li jittrattaw lilek.’
Ġesù ta wkoll pariri tajbin lin-nies dwar l-affarijiet materjali billi qal: ‘Hu iktar importanti li tkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova milli jkollkom ħafna flus. Ħalliel jistaʼ jisirqilkom il-flus, imma ħadd ma jistaʼ jisraq il-ħbiberija li għandkom maʼ Ġeħova. Tkomplux tinkwetaw dwar x’se tieklu, tixorbu, jew tilbsu. Ħarsu lejn l-għasafar. Alla dejjem jagħmel ċert li għandhom biżżejjed ikel x’jieklu. Billi tinkwetaw mhux se ttawlu ħajjitkom b’ġurnata oħra. Ftakru, Ġeħova jaf x’għandkom bżonn.’
Il-folol qatt ma kienu semgħu lil xi ħadd jitkellem bħal Ġesù. Il-mexxejja reliġjużi tagħhom, jiġifieri l-Fariżej u l-iskribi, ma kinux għallmuhom dawn l-affarijiet. Ġesù għala kien għalliem daqshekk tajjeb? Għax dak kollu li kien jgħallem kien ġej mingħand Ġeħova.
“Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.”—Mattew 11:29
-
-
Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbuLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 82
Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu
Dak kollu li kienu jagħmlu l-Fariżej kien biex jiġbdu l-attenzjoni tan-nies. Meta kienu jagħmlu xi ħaġa tajba maʼ xi ħadd, kienu jagħmluha biex in-nies jinnotawhom. Kienu jitolbu f’postijiet pubbliċi biex jarawhom in-nies. Il-Fariżej kienu jitgħallmu bl-amment talb twil u jirripetuh fis-sinagogi u fil-kantunieri tat-toroq biex oħrajn jisimgħuhom. Allura n-nies baqgħu sorpriżi meta Ġesù qalilhom: ‘Titolbux bħall-Fariżej. Huma jaħsbu li Alla se jogħġbu t-talb tagħhom għax jużaw ħafna kliem, imma mhux veru. It-talb hu bejnkom u bejn Ġeħova. Toqogħdux tirripetu l-istess ħaġa. Ġeħova jridkom tgħidulu kif tħossukom verament minn ġewwa.
‘Hekk għandkom titolbu: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”’ Ġesù qalilhom ukoll biex jitolbu ħalli jkollhom l-ikel għal dik il-ġurnata, ħalli jinħafrulhom dnubiethom, u jitolbu fuq affarijiet persunali oħrajn.
Ġesù qal: ‘Qatt tieqfu titolbu. Ibqgħu itolbu lil Missierkom, Ġeħova, għal affarijiet tajbin. Kull ġenitur jixtieq jagħti affarijiet tajbin lit-tifel tiegħu. Jekk ibnek jitolbok il-ħobż se tagħtih ġebla? Jekk jistaqsik biex ittih ħuta se tagħtih serp?’
Imbagħad Ġesù spjega x’kienet it-tagħlima: ‘Jekk intom tafu tagħtu rigali sbieħ lit-tfal tagħkom, mela kemm iktar Missierkom, Ġeħova, se jagħti l-ispirtu qaddis lilkom! Kulma għandkom tagħmlu hu li tistaqsu.’ Inti tagħmel dak li qalilna nagħmlu Ġesù? Fuq xiex titlob int?
“Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.”—Mattew 7:7
-
-
Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ niesLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 83
Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies
Eżatt qabel il-festa tal-Qbiż tas-sena 32, l-appostli ġew lura wara ħafna sigħat jippritkaw. Kienu għajjenin, u allura Ġesù qalilhom biex imorru miegħu bid-dgħajsa lejn Betsajda ħalli jistrieħu. Imma xħin waslu qrib ix-xatt, Ġesù ra li kien hemm eluf taʼ nies li kienu segwewh. Għalkemm Ġesù xtaq li jkun waħdu mal-appostli, hu laqaʼ lin-nies b’qalb tajba. Hu fejjaq lill-morda u beda jgħallimhom. Ġesù dam il-ġurnata kollha jgħallimhom dwar is-Saltna t’Alla. Meta sar filgħaxija, ġew l-appostli ħdejh u qalulu: ‘In-nies żgur li qabadhom il-ġuħ. Ibgħathom ħalli jmorru jixtru xi ħaġa x’jieklu.’
Ġesù qalilhom: ‘M’għandhomx għalfejn jitilqu. Agħtuhom xi ħaġa x’jieklu hawnhekk.’ L-appostli staqsewh: ‘Tridna mmorru nixtrulhom il-ħobż?’ Filippu, wieħed mill-appostli, qal: ‘Anke kieku kellna ħafna flus, ma nistgħux nixtru biżżejjed ħobż għal din il-folla kbira.’
Ġesù staqsiehom: ‘Kemm għandna ikel?’ Indrì qal: ‘Għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar. Dan mhux biżżejjed għal dawn in-nies kollha.’ Ġesù qal: ‘Ġibuli l-ħobż u l-ħut.’ Hu qal lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix fi gruppi taʼ 50 u 100. Ġesù ħa l-ħobż u l-ħut, ħares ’il fuq lejn is-sema, u talab. Imbagħad ta l-ikel lill-appostli u huma qassmuh lin-nies. Il-5,000 raġel u wkoll nisa u tfal, kollha kielu sakemm xebgħu. Wara, l-appostli ġabru dak li kien baqaʼ, biex ma jinħela xejn. Imlew 12-il qoffa mimlija! Dan kien miraklu tal-għaġeb, hux vera?
In-nies tant stagħġbu b’dan li riedu jagħmlu lil Ġesù s-sultan tagħhom. Imma Ġesù kien jaf li għal Ġeħova kien għadu ma wasalx il-waqt għalih li jkun sultan. Għalhekk bagħat lill-folol, u qal lill-appostli biex imorru fuq in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija. Huma rikbu fuq id-dgħajsa, u Ġesù telaʼ fuq il-muntanja waħdu. Għala? Għax xtaq li jkollu ħin biex jitlob lil Missieru. Għalkemm kien ikollu ħafna x’jagħmel, Ġesù dejjem għamel il-ħin biex jitlob.
“Taħdmux għall-ikel li jintemm [jew, jispiċċa] imma għall-ikel li jibqaʼ għall-ħajja taʼ dejjem, li jagħtikom Bin il-bniedem.”—Ġwanni 6:27
-
-
Ġesù jimxi fuq l-ilmaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 84
Ġesù jimxi fuq l-ilma
Ġesù mhux biss setaʼ jfejjaq lill-morda u jqajjem lill-mejtin, imma setaʼ wkoll jikkontrolla r-riħ u x-xita. Wara li talab fuq il-muntanja, Ġesù ħares ’l isfel lejn il-Baħar tal-Galilija u ra maltempata. L-appostli tiegħu kienu fid-dgħajsa tagħhom, jipprovaw jaqdfu bis-saħħa kollha tagħhom kontra r-riħ. Għalhekk, Ġesù niżel mill-muntanja u beda miexi lejhom fuq l-ilma. Meta l-appostli raw lil xi ħadd miexi fuq l-ilma, bdew jibżgħu. Imma Ġesù qalilhom: ‘Jien hu. Tibżgħux.’
Pietru qal: ‘Mulej, jekk vera int, ordnali niġi ħdejk.’ Ġesù wieġbu: ‘Ejja.’ Għalhekk, f’nofs dik il-maltempata, Pietru niżel minn fuq id-dgħajsa u mexa fuq l-ilma lejn Ġesù. Imma hekk kif kien riesaq lejh, Pietru ħares lejn il-maltemp u beda jibżaʼ. Hu beda jħossu qed jegħreq. Pietru għajjat: ‘Mulej, salvani!’ Ġesù qabdu minn idu u qallu: ‘Għala bdejt tibżaʼ? Fejn hi l-fidi tiegħek?’
Imbagħad, Ġesù u Pietru telgħu fid-dgħajsa, u l-maltempata waqfet mill-ewwel. Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom l-appostli? Huma qalulu: “Int tassew l-Iben t’Alla.”
Din ma kinitx l-unika darba li Ġesù kkontrolla t-temp. Darb’oħra, meta Ġesù u l-appostli kienu qed jaqsmu għan-naħa l-oħra, Ġesù mar jorqod fuq wara tad-dgħajsa. Waqt li kien rieqed, qamet maltempata kbira. Il-mewġ beda jħabbat mad-dgħajsa, u din bdiet timtela bl-ilma. L-appostli qajmu lil Ġesù, u qalulu b’leħen għoli: ‘Għalliem, se mmutu! Għinna!’ Ġesù qam u qal lill-baħar: “Iskot!” Dak il-ħin stess, ir-riħ u l-baħar ikkalmaw. Ġesù staqsa lill-appostli: ‘Fejn hi l-fidi tagħkom?’ Huma qalu lil xulxin: ‘Anki r-riħ u l-baħar jobduh.’ Huma tgħallmu li jekk jafdaw kompletament f’Ġesù, ma kellhom għalfejn jibżgħu minn xejn.
“Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, . . . xejn ma jkun impossibbli għalikom.”—Mattew 17:20
-
-
Ġesù jfejjaq fis-SabatLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 85
Ġesù jfejjaq fis-Sabat
Il-Fariżej kienu jobogħduh lil Ġesù, u allura bdew jipprovaw isibu xi ħaġa fih biex biha jkunu jistgħu jarrestawh. Huma qalu li hu m’għandux ifejjaq lin-nies morda fis-Sabat għax din kienet ġurnata li fiha kienu jistrieħu. Imma darba waħda, fis-Sabat, Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel li kien twieled agħmi, jittallab fit-triq. Hu qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Araw kif il-qawwa t’Alla se tgħin lil dan ir-raġel.’ Wara li qal hekk, Ġesù ħallat ftit bżieq minn tiegħu mat-trab tal-art u għamel taħlita, u poġġieha fuq għajnejn ir-raġel. Ġesù mbagħad qallu: ‘Mur u aħsel għajnejk fl-għadira taʼ Silogħam.’ Ir-raġel hekk għamel, u mbagħad għall-ewwel darba f’ħajtu setaʼ jara.
In-nies baqgħu mistagħġbin. Huma qalu: ‘Dan hu l-istess raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab, jew xi ħadd li jixbhu?’ Ir-raġel qalilhom: ‘Jien hu.’ In-nies staqsewh: ‘Issa kif qed tara?’ Meta qalilhom x’kien ġara, huma ħaduh għand il-Fariżej.
Ir-raġel qal lill-Fariżej: ‘Ġesù poġġieli taħlita fuq għajnejja u qalli biex immur naħsilhom. Jien hekk għamilt, u issa nistaʼ nara.’ Il-Fariżej qalu: ‘Jekk Ġesù qed ifejjaq fis-Sabat, mela ma jistax ikun li l-qawwa tiegħu ġejja minn Alla.’ Imma oħrajn qalu: ‘Li kieku l-qawwa tiegħu mhux ġejja mingħand Alla, kieku żgur li ma kienx ikun jistaʼ jfejjaq lin-nies.’
Il-Fariżej qalu lill-ġenituri tar-raġel biex jiġu għandhom, u staqsewhom: ‘Tistgħu tgħidulna kif it-tifel tagħkom issa qed jara?’ Il-ġenituri bdew jibżgħu għax il-Fariżej kienu qalu li kull min kien se jpoġġi fidi f’Ġesù kien se jiġi mkeċċi mis-sinagoga. Allura huma wieġbu: ‘Ma nafux. Staqsu lilu.’ Għalhekk, il-Fariżej staqsewh iktar mistoqsijiet sakemm hu qalilhom: ‘Għedtilkom dak kollu li naf. Għala se tibqgħu tistaqsuni?’ Huma rrabjaw ħafna, u keċċewh ’il barra.
Ġesù mar ifittex lir-raġel u staqsieh: ‘Inti għandek fidi fil-Messija?’ Ir-raġel wieġbu: ‘Kieku naf min hu, kont inpoġġi fidi fih.’ Ġesù qallu: ‘Jien hu l-Messija.’ Kemm wera qalb tajba Ġesù maʼ dan ir-raġel, hux veru? Hu mhux biss fejqu imma għenu jpoġġi fidi fih bħala l-Messija.
“Għandkom żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa t’Alla.”—Mattew 22:29
-
-
Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewtLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 86
Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt
Ġesù kellu tlett iħbieb tal-qalb li kienu jgħixu f’Betanja. Dawn kienu Lazzru u ż-żewġ ħutu bniet, Marija u Marta. Darba waħda, waqt li Ġesù kien fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, Marija u Marta bagħtu jgħidulu: ‘Lazzru jinsab marid ħafna. Jekk jogħġbok, ejja malajr!’ Ġesù ma marx mill-ewwel imma stenna jumejn. Sadanittant, Lazzru miet. Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Ejja mmorru Betanja. Lazzru rieqed imma jien se mmur inqajmu.’ L-appostli qalulu: ‘Jekk Lazzru rieqed mela aħjar għax jgħaddilu.’ Imbagħad Ġesù qalilhom b’mod ċar: ‘Lazzru miet.’
Meta Ġesù wasal Betanja, Lazzru kien diġà ilu midfun erbat ijiem. Folol taʼ nies kienu ġew biex jgħinu lil Marta u lil Marija jħossuhom aħjar. Meta Marta semgħet li Ġesù kien wasal, marret tgħaġġel biex tiltaqaʼ miegħu. Hi qaltlu: “Mulej, kieku kont hawnhekk, ħija ma kienx imut.” Ġesù qalilha: ‘Ħuk se jerġaʼ jgħix. Int temmnu dan, Marta?’ Wiġbitu: ‘Jien nemmen li se jqum fl-irxoxt.’ Ġesù qalilha: “Jien l-irxoxt u l-ħajja.”
Imbagħad, Marta marret għand Marija u qaltilha: ‘Ġesù wasal.’ Marija telqet tiġri lejn Ġesù, u folla nies marret warajha. Hi niżlet mal-art ħdejn saqajh, u ma setgħetx tieqaf tibki. Hi qaltlu: ‘Mulej, kieku kont hawn, ħuna ma kienx imut.’ Ġesù ra kemm kienet imdejqa, u anki hu beda jibki. Meta n-nies raw id-dmugħ taʼ Ġesù, qalu: ‘Ara kemm kien iħobbu lil Lazzru!’ Imma xi wħud bdew jgħidu: ‘Għala ħallieh imut lill-ħabib tiegħu?’ Issa x’kien se jagħmel Ġesù?
Ġesù mar ħdejn il-qabar, li kien magħluq b’ġebla kbira. Hu qal: ‘Neħħu l-ġebla.’ Marta qaltlu: ‘Diġà ilu erbat ijiem! Żgur li s’issa qed jinten.’ Imma huma xorta neħħew il-ġebla, u mbagħad Ġesù talab: ‘Missier, nirringrazzjak li smajtni. Naf li dejjem tismagħni, imma qed nitkellem b’leħen għoli ħalli n-nies ikunu jafu li int bgħattni.’ Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Lazzru, oħroġ!” Imbagħad, ġrat xi ħaġa tal-għaġeb: Lazzru ħareġ minn ġol-qabar bil-faxex għadhom imdawrin miegħu. Ġesù qalilhom: “Ħolluh u ħalluh imur.”
Ħafna li raw x’għamel Ġesù bdew ipoġġu l-fidi fih. Imma xi wħud marru jgħidu x’ġara lill-Fariżej. Minn dakinhar ’il quddiem, il-Fariżej riedu joqtlu kemm lil Lazzru u kemm lil Ġesù. Wieħed mit-12-il appostlu, Ġuda l-Iskarjota, bil-moħbi mar għand il-Fariżej u staqsiehom: ‘Kemm tħallsuni jekk ngħinkom issibu lil Ġesù?’ Huma qablu li jagħtuh 30 biċċa tal-fidda. U għalhekk, minn dakinhar Ġuda beda jfittex opportunità biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.
“Il-Missier iqajjem il-mejtin u jagħtihom il-ħajja.”—Ġwanni 5:21
-
-
L-aħħar ikla taʼ filgħaxija taʼ ĠesùLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 87
L-aħħar ikla taʼ filgħaxija taʼ Ġesù
Il-Lhud kienu jiċċelebraw il-Qbiż kull sena fl-14 tax-xahar taʼ Nisan. Dan kien biex ifakkarhom dwar kif Ġeħova kien ħelishom mill-Eġittu biex ma jibqgħux ilsiera, u daħħalhom fl-Art Imwiegħda. Fis-sena 33, Ġesù u l-appostli tiegħu ċċelebraw il-Qbiż f’kamra taʼ fuq taʼ dar f’Ġerusalemm. Fl-aħħar tal-ikla, Ġesù qal: ‘Wieħed minnkom se jagħtini f’idejn l-għedewwa tiegħi.’ L-appostli nħasdu, u staqsewh: ‘Min?’ Ġesù wiġibhom: ‘Hu dak ir-raġel li se nagħtih minn dan il-ħobż.’ Imbagħad ta biċċa ħobż lil Ġuda l-Iskarjota. Dak il-ħin stess, Ġuda qam u ħareġ ’il barra mill-kamra.
Imbagħad, Ġesù qal talba, qabad ftit ħobż u qasmu f’biċċiet, u tahom lill-kumplament tal-appostli. Hu qal: ‘Kulu dan il-ħobż. Dan jirrappreżenta ġismi, li se nagħti għalikom.’ Imbagħad qabad l-inbid u talab, u tah lill-appostli tiegħu. Hu qal: ‘Ixorbu dan l-inbid. Dan jirrappreżenta d-demm tiegħi, li se nagħti biex b’hekk id-dnubiet ikunu jistgħu jiġu maħfura. Jien nagħmel wegħda magħkom li intom se tkunu slaten miegħi fis-sema. Agħmlu dan kull sena biex tiftakru fija.’ Għalhekk, is-segwaċi taʼ Ġesù għadhom jiltaqgħu flimkien f’dik il-lejla kull sena. Dik il-laqgħa issa hi msejħa l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej.
Wara l-ikla, l-appostli bdew jargumentaw dwar min minnhom kien l-iktar importanti. Imma Ġesù qalilhom: ‘L-akbar fostkom hu l-wieħed li jqis lilu nnifsu bħall-iżgħar wieħed, jiġifieri li jqis lilu nnifsu bħala l-inqas importanti.
‘Intom il-ħbieb tiegħi. Jien ngħidilkom dak kollu li Missieri jridni ngħidilkom. Dalwaqt se mmur ħdejn Missieri fis-sema. Intom se tibqgħu hawn, u n-nies se jaraw li intom dixxipli tiegħi mill-imħabba li għandkom għal xulxin. Intom għandkom tħobbu lil xulxin bħalma jien ħabbejt lilkom.’
Fl-aħħar, Ġesù talab lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lid-dixxipli kollha u jgħinhom jaħdmu fil-paċi flimkien. Talab ukoll biex isem Ġeħova jiġi mqaddes. Dan ifisser li aħna nqisu isem Ġeħova bħala li hu nadif u speċjali ħafna. Imbagħad Ġesù u l-appostli tiegħu kantaw tifħir lil Ġeħova, u ħarġu barra. Il-waqt biex Ġesù jiġi arrestat kien viċin.
“Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.”—Luqa 12:32
-
-
Ġesù jiġi arrestatLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 88
Ġesù jiġi arrestat
Ġesù u l-appostli għaddew mill-wied taʼ Kidron biex imorru lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ. Kien wara nofsillejl u l-qamar kien kwinta. Meta waslu fil-ġnien tal-Ġetsemani, Ġesù qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa.” Imbagħad, Ġesù daħal ftit ’il ġewwa fil-ġnien u niżel għarkopptejh. Bi dwejjaq kbar, hu talab lil Ġeħova: “Ħa ssir ir-rieda tiegħek.” Imbagħad, Ġeħova bagħat anġlu biex jinkuraġġixxi lil Ġesù. Meta Ġesù mar lura ħdejn l-appostli, hu sabhom reqdin. Qalilhom: ‘Qumu! Dan mhux ħin li torqdu! Waslet is-siegħa biex l-għedewwa tiegħi jiġu għalija.’
Wara ftit wasal Ġuda. Kien hemm folla kbira taʼ nies mexjin warajh armati bis-sjuf u l-bsaten. Hu kien jaf fejn isib lil Ġesù għax spiss kienu jiġu f’dan il-ġnien. Ġuda kien qal lis-suldati li kien se jurihom min kien Ġesù. Hu mar dritt fuqu, u qallu: ‘Is-sliem għalik, Għalliem,’ u mbagħad biesu. Ġesù qallu: ‘Ġuda, b’bewsa qed tittradini?’
Ġesù resaq lejn il-folla rrabjata, u staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Huma qalulu: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” Hu mbagħad wieġeb: “Jien hu,” u l-irġiel resqu lura u waqgħu mal-art. Ġesù reġaʼ staqsa lill-folla: “Lil min qed tfittxu?” Huma reġgħu qalu: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” Ġesù wieġeb: ‘Għedtilkom li jien hu. Ħallu lid-dixxipli tiegħi jmorru.’
Meta Pietru induna x’kien qed jiġri, ħareġ is-sejf u qataʼ l-widna taʼ Malku, li kien ilsir tal-qassis il-kbir. Imma Ġesù mess il-widna tar-raġel u fejqu. Imbagħad hu qal lil Pietru: ‘Daħħal is-sejf f’postu. Jekk tiġġieled bis-sejf, bis-sejf tmut.’ Is-suldati qabdu lil Ġesù u rabtulu jdejh, u l-appostli ħarbu. Imbagħad, il-folla ħaduh għand Anna, il-qassis ewlieni. Anna staqsa ħafna mistoqsijiet lil Ġesù u wara bagħtu d-dar tal-Qassis il-Kbir Kajfa. Imma l-appostli x’sar minnhom?
“Fid-dinja qed ikollkom it-tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.”—Ġwanni 16:33
-
-
Pietru jgħid li ma jafx lil ĠesùLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 89
Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù
Meta Ġesù kien mal-appostli tiegħu fil-kamra taʼ fuq, hu qalilhom: ‘F’dan il-lejl, intom kollha se titilquni.’ Pietru qal: ‘Jien le! Anki jekk l-oħrajn kollha jitilquk, jien qatt mhu se nitilqek.’ Imma Ġesù qallu: ‘Qabel ma jidden is-serduq, int se tgħid tliet darbiet li ma tafnix.’
Meta s-suldati ħadu lil Ġesù fid-dar taʼ Kajfa, ħafna mill-appostli kienu diġà ħarbu. Imma tnejn minnhom imxew warajh mal-folla. Wieħed minnhom kien Pietru. Hu daħal fil-bitħa tad-dar taʼ Kajfa u qagħad ħdejn in-nar biex jisħon. Fid-dawl tan-nar, waħda mill-qaddejja rat lil Pietru u qalet: ‘Lilek nafek! Int kont maʼ Ġesù!’
Pietru qal: ‘Le, ma kontx miegħu! Ma nafx dwar xiex qed titkellem!’ Imbagħad, mexa lejn il-bieb. Imma malajr ratu qaddejja oħra, u qalet lill-folla: ‘Dan ir-raġel kien maʼ Ġesù!’ Pietru qal: ‘Lanqas biss nafu lil Ġesù!’ Kien hemm raġel u dan qal: ‘Int wieħed minnhom! Qed ninduna mill-aċċent tiegħek li int mill-Galilija, bħal Ġesù.’ Imma Pietru ħalef: ‘Jien ma nafux!’
Dak il-ħin stess, is-serduq idden. Pietru ra lil Ġesù jdur u jħares lejh. Hu ftakar x’kien qallu Ġesù, u ħareġ barra u beka fuq li beka.
Sadattant, il-membri tas-Sinedriju, jiġifieri l-qorti tal-Lhud, iltaqgħu flimkien fid-dar taʼ Kajfa biex jistaqsu lil Ġesù ħafna mistoqsijiet. Huma kienu diġà ddeċidew li joqtlu lil Ġesù, u issa kienu qed ifittxu raġuni biex jagħmlu dan. Imma ma setgħu jsibu xejn kontra tiegħu. Fl-aħħar, Kajfa dar lejn Ġesù u staqsieh: ‘Int l-Iben t’Alla?’ Ġesù wieġbu: ‘Iva.’ Kajfa qal: ‘Issa m’għandniex bżonn iktar provi. Qed jidgħi!’ Il-qorti qablet u qalet: ‘Dan ir-raġel ħaqqu l-mewt.’ Huma tawh daqqiet fuq wiċċu, beżqulu, għattewlu għajnejh, u tawh bil-ponn, u qalu: ‘Jekk int profeta, għidilna min tak id-daqqa!’
Meta sebaħ, huma ħadu lil Ġesù fis-sala tas-Sinedriju u reġgħu staqsewh: ‘Int l-Iben t’Alla?’ Ġesù wieġeb: ‘Intom stess qed tgħidu li jien.’ Imbagħad huma sabuh ħati li qed jidgħi, u ħaduh fil-palazz taʼ Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman. X’ġara mbagħad? Ejja naraw.
“Is-siegħa . . . ġiet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru u tħalluni waħdi; u madankollu m’iniex waħdi, għax il-Missier qiegħed miegħi.”—Ġwanni 16:32
-
-
Ġesù jmut f’GolgotaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 90
Ġesù jmut f’Golgota
Il-qassisin ewlenin ħadu lil Ġesù fil-palazz tal-gvernatur. Pilatu staqsiehom: ‘X’għandkom x’tgħidu kontra dan ir-raġel?’ Huma qalulu: ‘Hu qed jgħid li hu sultan!’ Pilatu staqsa lil Ġesù: “Int is-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġbu: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.”
Imbagħad, Pilatu bagħat lil Ġesù għand Erodi, il-mexxej tal-Galilija, biex jara jekk hu jsibx xi ħaġa kontrih. Imma Erodi ma setaʼ jsib xejn kontra Ġesù, u allura bagħtu lura għand Pilatu. Imbagħad, Pilatu qal lin-nies: ‘Erodi u jien ma sibna xejn kontra dan ir-raġel. Jien ħa neħilsu.’ Il-folla nies għajtet: ‘Oqtlu! Oqtlu!’ Is-suldati sawtu lil Ġesù bil-frosta, beżqulu, u tawh daqqiet. Poġġewlu wkoll kuruna tax-xewk fuq rasu u bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt billi qalu: “Is-sliem għalik, Sultan tal-Lhud!” Għal darb’oħra Pilatu qal lill-folla: ‘Jien ma sibt xejn ħażin f’dan ir-raġel.’ Imma huma għajtu: “Sammru maʼ zokk!” Għalhekk, Pilatu tahulhom f’idejhom biex joqtluh.
Is-suldati mbagħad ħadu lil Ġesù f’post jismu Golgota, sammruh maʼ zokk, u waqqfuh dritt. Ġesù talab: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.” In-nies bdew jidħqu bih billi jgħidulu: ‘Jekk int l-Iben t’Alla, inżel minn fuq iz-zokk! Salva lilek innifsek.’
Wieħed mill-ħallelin li kienu mdendlin ħdejn Ġesù qallu: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” Ġesù wiegħdu: “Int tkun fil-Ġenna miegħi.” Waranofsinhar, waqgħet dalma kbira fuq l-art kollha li damet tliet sigħat. Xi wħud mid-dixxipli qagħdu ħdejn iz-zokk, inkluż Marija, omm Ġesù. Ġesù qal lil Ġwanni biex jieħu ħsieb lil Marija daqslikieku kienet ommu stess.
Fl-aħħar, Ġesù qal: “Twettaq!” Hu niżżel rasu u ħa l-aħħar nifs tiegħu. F’dak il-ħin għamel terremot kbir. Fit-tempju, il-purtiera tqila li kien hemm bejn il-Qaddis u l-Iktar Qaddis iċċartet fi tnejn. Fizzjal tal-armata qal: ‘Dan vera kien l-Iben t’Alla.’
“Il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu.”—2 Korintin 1:20
-
-
Ġesù jiġi mqajjem mill-mewtLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 91
Ġesù jiġi mqajjem mill-mewt
Wara li Ġesù miet, raġel sinjur jismu Ġużeppi staqsa lil Pilatu biex iħallih ineħħi l-ġisem taʼ Ġesù minn fuq iz-zokk. Ġużeppi geżwer il-ġisem taʼ Ġesù fl-għażel fin bi fwejjaħ ifuħu u poġġieh f’qabar ġdid. Hu poġġa ġebla kbira quddiem id-daħla tal-qabar. Il-qassisin ewlenin qalu lil Pilatu: ‘Aħna qed nibżgħu li xi wħud mid-dixxipli taʼ Ġesù se jieħdu l-ġisem tiegħu u jgħidu li qam mill-mewt.’ Għalhekk, Pilatu qalilhom: ‘Araw li l-qabar hu magħluq sew u li tpoġġu l-għassa miegħu.’
Tlett ijiem wara, kmieni filgħodu, xi nisa marru ħdejn il-qabar u sabuh miftuħ. Xħin raw dan, waħda min-nisa, Marija l-Maddalena, telqet malajr biex issib lil Pietru u Ġwanni. In-nisa l-oħra daħlu fil-qabar, u anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux. Ġesù ġie mqajjem mill-mewt. Morru għidu lid-dixxipli tiegħu biex jiltaqgħu miegħu fil-Galilija.’
Meta Marija l-Maddalena sabet lil Pietru u Ġwanni, hi qaltilhom: ‘Xi ħadd ħa l-ġisem taʼ Ġesù!’ Huma telqu jiġru għal ħdejn il-qabar. Meta raw li kien vojt, marru lura d-dar tagħhom.
Meta Marija marret lura ħdejn il-qabar, hi rat żewġ anġli ġewwa u qaltilhom: ‘Jien ma nafx fejn ħaduh lill-Mulej tiegħi.’ Imbagħad, rat raġel u peress li ħasbet li kien il-ġardinar, qaltlu: ‘Sinjur, jekk jogħġbok, għidli fejn ħadtu.’ Imma meta r-raġel qalilha, “Marija!” hi mill-ewwel indunat li kien Ġesù. Hi għajtet: “Għalliem!” u għannqitu. Ġesù qalilha: ‘Mur u għid lil ħuti li rajtni.’ Dak il-ħin stess, Marija telqet tiġri tgħid lid-dixxipli li rat lil Ġesù.
Iktar tard fil-ġurnata, żewġ dixxipli kienu mexjin minn Ġerusalemm għal Għemmaws. Fit-triq kien hemm raġel li beda jimxi magħhom u staqsiehom dwar xiex kienu qegħdin jitkellmu. Huma qalulu: ‘Mela, ma smajtx? Tlett ijiem ilu, il-qassisin ewlenin qatlu lil Ġesù. Issa xi nisa qed jgħidu li hu ħaj!’ Ir-raġel staqsiehom: ‘Intom ma temmnux x’qalu l-profeti? Kienu qalu li l-Kristu kellu jmut u wara jiġi mqajjem.’ Imbagħad, hu kompla jispjegalhom l-Iskrittura. Meta waslu Għemmaws, id-dixxipli riduh jibqaʼ magħhom. Fl-ikla taʼ filgħaxija, xħin qabad il-ħobż u qal talba, huma indunaw li kien Ġesù. Imbagħad, hu sparixxa.
Iż-żewġ dixxipli telqu jiġru lejn Ġerusalemm, daħlu fid-dar fejn l-appostli kienu miġburin, u qalulhom x’kien ġara. Xħin kienu hemmhekk, Ġesù deher quddiemhom kollha. Għall-ewwel, l-appostli ma setgħux jemmnu li kien Ġesù. Imbagħad qalilhom: ‘Ħarsu lejn idejja; missuni. Kien miktub li Kristu kellu jiġi mqajjem mill-mewt.’
“Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġwanni 14:6
-
-
Ġesù jerġaʼ jidher lid-dixxipli tiegħuLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 92
Ġesù jerġaʼ jidher lid-dixxipli tiegħu
Ftit taż-żmien wara li Ġesù deher lill-appostli, Pietru ddeċieda li jmur jistad fil-Baħar tal-Galilija. Tumas, Ġakbu, Ġwanni, u xi dixxipli oħra marru miegħu. Wara lejl sħiħ jistadu, huma ma qabdu xejn.
Kmieni filgħodu, huma raw raġel wieqaf fuq xatt il-baħar. Hu qalilhom b’leħen għoli: ‘Qbadtu xi ħaġa tal-ħut?’ Huma wiġbuh: “Le!” Ir-raġel qalilhom: “Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa.” Xħin għamlu hekk, ix-xibka tant imtliet bil-ħut li ma setgħux itellgħuha fuq id-dgħajsa. F’dak il-mument, Ġwanni induna li dak ir-raġel kien Ġesù, u qal: “Dak il-Mulej!” Malli semaʼ dan, Pietru qabeż minn fuq id-dgħajsa biex jgħum sa ħdejh. Id-dixxipli l-oħra daħlu warajh bid-dgħajsa.
Xħin waslu fuq il-bajja, huma raw ftit ħut u ħobż isiru fuq in-nar. Ġesù qalilhom biex iġibu ftit mill-ħut li qabdu ħalli jsajruh ukoll. Imbagħad qal: ‘Ejjew ħa tieklu.’
Wara li kielu, Ġesù staqsa lil Pietru: ‘Tħobbni int iktar mis-sajd?’ Pietru wieġbu: ‘Iva, Mulej, taf li nħobbok.’ Ġesù qallu: ‘Mela itmaʼ lill-ħrief tiegħi.’ Ġesù reġaʼ staqsieh: ‘Pietru, tħobbni int?’ Pietru wieġbu: ‘Mulej, taf li nħobbok.’ Ġesù qallu: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” Ġesù staqsieh għat-tielet darba. Minħabba dan, Pietru ħassu mdejjaq ħafna. Hu qal lil Ġesù: ‘Mulej, int taf kollox. Int taf li jien inħobbok.’ Ġesù qallu: “Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” Imbagħad qal lil Pietru: “Ibqaʼ miexi warajja.”
“[Ġesù] qalilhom: ‘Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.’ Mill-ewwel abbandunaw ix-xbieki, u marru warajh.”—Mattew 4:19, 20
-
-
Ġesù jmur lura fis-semaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 93
Ġesù jmur lura fis-sema
Fil-Galilija, Ġesù ltaqaʼ mas-segwaċi tiegħu. Hu tahom kmand importanti ħafna: ‘Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-pajjiżi kollha. Għallmuhom l-affarijiet li għallimtkom jien, u għammduhom.’ Imbagħad wegħedhom: ‘Ftakru, jien dejjem se nkun magħkom.’
Matul l-40 jum taʼ wara li ġie mqajjem mill-mewt, Ġesù deher lil mijiet taʼ dixxipli tiegħu fil-Galilija u Ġerusalemm. Hu għallimhom lezzjonijiet importanti u għamel ħafna mirakli. Imbagħad, Ġesù ltaqaʼ mal-appostli tiegħu għall-aħħar darba fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ.
Meta kienu f’Ġerusalemm, Ġesù kien qal lill-appostli tiegħu: ‘Titilqux din il-belt. Ibqgħu stennew dak li wiegħed il-Missier.’ Imma huma ma kinux fehmu x’ried ifisser meta qalilhom hekk. Allura issa staqsewh: ‘Inti se ssir is-Sultan taʼ Iżrael issa?’ Ġesù qalilhom: ‘Għadu mhuwiex il-waqt taʼ Ġeħova biex jien insir Sultan. Intom dalwaqt se tirċievu l-qawwa permezz tal-ispirtu qaddis, u tkunu xhieda tiegħi. Morru ppritkaw f’Ġerusalemm, fil-Lhudija, fis-Samarija, u fl-iktar partijiet ’il bogħod tal-art.’
Imbagħad, Ġesù beda tielaʼ ’l fuq fis-sema u sħaba għattietu. Id-dixxipli tiegħu baqgħu jħarsu ’l fuq imma mbagħad hu ma deherx iktar.
Id-dixxipli ma baqgħux fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ u marru Ġerusalemm. Huma kienu jiltaqgħu b’mod regolari f’kamra taʼ fuq taʼ dar u kienu jitolbu. Huma kienu qed jistennew lil Ġesù biex jurihom permezz tal-ispirtu qaddis x’għandhom jagħmlu iktar.
“U din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14
-