LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 5/15 pp. 31-32
  • “Hemm iktar xogħol tal-ħsad xi jsir”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Hemm iktar xogħol tal-ħsad xi jsir”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 5/15 pp. 31-32

MILL-​ARKIVJI TAGĦNA

“Hemm iktar xogħol tal-​ħsad xi jsir”

George Young

George Young wasal f’Rio de Janeiro f’Marzu tal-​1923

IS-​SENA hi l-​1923. Is-​sala fejn jagħmlu l-​kunċerti fi skola tad-​drama u l-​mużika f’São Paulo hi mimlija daqs bajda! Qed tismaʼ l-​leħen sod taʼ George Young? It-​taħdita tiegħu qed tiġi interpretata sentenza sentenza bil-​Portugiż. Il-​585 ruħ li huma preżenti qed jisimgħu b’attenzjoni. Versi Bibliċi bil-​Portugiż qed jidhru fuq skrin kbir. Bħala konklużjoni eċċitanti, jitqassmu mitt kopja tal-​ktejjeb Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt! bil-​Portugiż, flimkien maʼ xi ftit bl-​Ingliż, bil-​Ġermaniż, u bit-​Taljan. Il-​lekċer hi taʼ suċċess! Il-​kelma tiġri u jumejn wara, is-​sala reġgħet hi mimlija għal lekċer oħra. Imma x’wassal għal dawn il-​ġrajjiet?

Fl-​1867, Sarah Bellona Ferguson emigrat mill-​Istati Uniti għall-​Brażil flimkien mal-​familja tagħha. Fl-​1899, Sarah ndunat li kienet sabet il-​verità wara li qrat xi letteratura Biblika li ħuha ż-​żgħir kien ġab miegħu l-​Brażil mill-​Istati Uniti. Peress li riedet taqra iktar mil-​letteratura tagħna, hi abbonat għat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż. Tant kemm ħadet pjaċir bil-​messaġġ tal-​Bibbja, hi kitbet lil Ħuna C. T. Russell, u ddeskriviet lilha nfisha bħala “evidenza ħajja li m’hemm ħadd ’il bogħod wisq biex jintlaħaq.”

Il-​qoxra tal-​fuljett, Fejn Qegħdin il-​Mejtin? (Portugiż)

Jistgħu l-​Ħajjin Jitkellmu mal-​Mejtin? (Portugiż)

Sarah Ferguson għamlet l-​almu tagħha biex taqsam il-​verità tal-​Bibbja m’oħrajn, imma spiss kienet taħseb min kien se jagħti iktar għajnuna lilha, lil familtha, u lin-​nies twajbin kollha tal-​Brażil. Fl-​1912, il-​Betel taʼ Brooklyn avżawha li xi ħadd kien sejjer São Paulo b’eluf taʼ fuljetti bit-​titlu Fejn Qegħdin il-​Mejtin? bil-​lingwa Portugiża. Fl-​1915, hi qalet li qatt ma setgħet tifhem għala ħafna Studenti tal-​Bibbja kienu qed jistennew li dalwaqt jittieħdu fis-​sema. Hi esprimiet il-​ħarsa tagħha billi kitbet: “Xi ngħidu għall-​Brażil u l-​Amerika t’Isfel kollha kemm hi? . . . Meta tqis kemm l-​Amerika t’Isfel hi parti kbira mid-​dinja, mhuwiex diffiċli biex tara li hemm iktar xogħol tal-​ħsad xi jsir.” Iva, kellu jsir ħafna iktar xogħol tal-​ħsad!

Madwar l-​1920, tmien baħrin żgħażagħ Brażiljani attendew xi laqgħat tal-​kongregazzjoni fil-​belt taʼ New York waqt li l-​vapur tal-​gwerra tagħhom kien għat-​tiswija. Hekk kif marru lura Rio de Janeiro, huma qasmu t-​tama ġdida tagħhom mill-​Bibbja m’oħrajn. Ftit wara dan, f’Marzu tal-​1923, George Young, li kien pellegrin, jew indokratur li jivvjaġġa, wasal f’Rio de Janeiro, fejn sab uħud li kienu interessati fil-​verità. Hu għamel arranġamenti biex diversi pubblikazzjonijiet jiġu tradotti bil-​Portugiż. Ħuna Young ma damx ma vvjaġġa lejn São Paulo, li dak iż-​żmien kienet belt b’xi 600,000 abitant. Hemmhekk għamel il-​lekċer u qassam il-​ktejjeb Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt!, kif issemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Hu qal: “Peress li kont waħdi kelli niddependi għalkollox mill-​irreklamar fil-​gazzetti.” Dawn kienu “l-​ewwel lekċers pubbliċi li kienu rreklamati f’isem I.B.S.A. fil-​Brażil,” hu żied jgħid.a

Proġekter biex jintwerew l-​istampi

Versi Bibliċi kienu jidhru fuq skrin kbir waqt il-​lekċers taʼ Ħuna Young

F’rapport dwar il-​Brażil, It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Diċembru 1923 qal: “Meta nqisu li x-​xogħol hemmhekk beda fl-​1 taʼ Ġunju u li dak iż-​żmien ma kienx hemm letteratura disponibbli, huwa tal-​għaġeb kif il-​Mulej bierek ix-​xogħol.” Ir-​rapport kompla biex jgħid li l-​lekċers pubbliċi taʼ Ħuna Young f’São Paulo kienu 2 mill-​21 lekċer li saru bejn l-​1 taʼ Ġunju u t-​30 taʼ Settembru, u b’kollox attendew għalihom 3,600 persuna. F’Rio de Janeiro, il-​messaġġ tas-​Saltna kien qed jinfirex. U fi ftit xhur biss, kienu tqassmu iktar minn 7,000 mill-​pubblikazzjonijiet tagħna bil-​Portugiż! Iktar minn hekk, It-​Torri tal-​Għassa bil-​Portugiż beda jiġi pubblikat mill-​ħarġa taʼ Novembru-​Diċembru 1923.

Sarah Ferguson

Sarah Bellona Ferguson, l-​ewwel persuna li abbonat għat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż fil-​Brażil

George Young żar lil Sarah Ferguson, u t-​Torri tal-​Għassa qal hekk: “L-​oħt marret fis-​salott, u għal xi ħin ma felħitx titkellem. Qabdet id Ħuna Young u hekk kif ħarset fiss lejh fl-​aħħar qalet: ‘Int verament pellegrin?’” Hi u wħud minn uliedha ma damux ma tgħammdu. Infatti, kienet ilha tistenna 25 sena biex titgħammed! It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Awwissu 1924 semma li tgħammdu 50 ruħ fil-​Brażil, il-​biċċa l-​kbira minnhom f’Rio de Janeiro.

Issa, xi 90 sena wara, m’hemmx għalfejn nistaqsu: “Xi ngħidu għall-​Brażil u l-​Amerika t’Isfel kollha kemm hi?” Iktar minn 760,000 Xhud taʼ Ġeħova qed jippritkaw l-​aħbar tajba fil-​Brażil. U madwar l-​Amerika t’Isfel, il-​messaġġ tas-​Saltna issa qed jixxandar bil-​Portugiż, bl-​Ispanjol, u b’ħafna lingwi indiġeni. Fl-​1915, Sarah Ferguson kellha raġun, ‘Kien hemm iktar xogħol tal-​ħsad xi jsir.’—Mill-​arkivji tagħna fil-​Brażil.

a I.B.S.A. hi taqsira għall-​Assoċjazzjoni tal-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja