LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 6/15 pp. 29-31
  • Anzjani—Se Sserrħu “lir-Ruħ Għajjiena”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Anzjani—Se Sserrħu “lir-Ruħ Għajjiena”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • AĦSEB DWAR IĊ-​ĊIRKUSTANZI TAʼ ĦUK
  • GĦIN LIL ĦUK IĦOSSU KOMDU
  • UŻA L-​BIBBJA BIEX TINKURAĠĠIXXI
  • KUN ĊERT LI TKOMPLI TURI INTERESS
  • Anzjani Kristjani—‘Ħaddiema Sħabna għall-Ferħ Tagħna’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Kif Ragħajja Kristjani Jaqdu Lilek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Meta Tagħti Parir, Ikun Faċli għal Oħrajn Biex Jaċċettawh?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • ‘Erġaʼ lura u saħħaħ lil ħutek’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 6/15 pp. 29-31

Anzjani​—Se Sserrħu “lir-​Ruħ Għajjiena”?

Angela,a oħt mhix miżżewġa u li għandha fuq it-​30 sena, tinsab xi ftit ansjuża. Qiegħda tistenna lill-​anzjani. Tgħid x’se jgħidulha? Huwa veru li mmissjat xi ftit laqgħat, imma tinsab għajjiena mejta wara ġurnata sħiħa taħdem man-​nies anzjani. Flimkien mat-​tħassib taʼ kuljum, hi inkwetata ħafna wkoll dwar saħħet ommha.

Kieku kellek iżżur lil Angela, kif kont se tinkuraġġixxi lil din “ir-​ruħ għajjiena”? (Ġer. 31:25) Iżda l-​ewwel, kif kont se tipprepara biex iż-​żjara pastorali tiegħek tkun waħda li sserraħ?

AĦSEB DWAR IĊ-​ĊIRKUSTANZI TAʼ ĦUK

Kultant, ilkoll kemm aħna negħjew minħabba x-​xogħol sekulari jew ir-​responsabbiltajiet teokratiċi tagħna. Pereżempju, il-​profeta Danjel ‘ħassu bla saħħa’ meta ngħata viżjoni li ma setax jifhem. (Dan. 8:27) Għalhekk, Alla bagħat lill-​anġlu Gabrijel biex jispjega xi affarijiet lil Danjel u biex jgħidlu li Ġeħova kien semaʼ t-​talb tiegħu. L-​anġlu qallu wkoll li hu kien għadu “maħbub ferm” minn Ġeħova. (Dan. 9:21-​23) Iktar tard, anġlu ieħor deher lil Danjel u inkuraġġieh bi kliem simili għal dan.—Dan. 10:19.

Qabel iżżur lil xi ħadd, qis iċ-​ċirkustanzi taʼ sieħbek fit-​twemmin

Bl-​istess mod, qabel iżżur lil xi sieħeb fit-​twemmin li għandu mnejn ikun għajjien jew skuraġġit, ħu l-​ħin biex taħseb dwar iċ-​ċirkustanzi tiegħu. Liema problemi qed jiffaċċja? Kif jistgħu dawn il-​problemi jkunu qed jiħdulu l-​enerġija kollha tiegħu? Liema kwalitajiet mill-​aħjar għandu? “Jien nikkonċentra l-​iktar fuq il-​kwalitajiet tajbin taʼ ħuti,” jgħid Richard, li ilu anzjan iktar minn 20 sena. “Billi nqis tajjeb iċ-​ċirkustanzi tagħhom qabel nagħmlilhom iż-​żjara,” hu jżid, “ikun eħfef biex insib modi kif ninkuraġġihom skont il-​bżonnijiet partikulari tagħhom.” Jekk int u anzjan ieħor tippjanaw li żżuru lil xi ħadd, ikun tajjeb għat-​tnejn li intom li titkellmu dwar is-​sitwazzjoni tal-​ħu qabel iż-​żjara.

GĦIN LIL ĦUK IĦOSSU KOMDU

X’aktarx taqbel li meta wieħed jesprimi sentimenti persunali jistaʼ jħossu jistħi. Biex nagħtu eżempju: Ħuk għandu mnejn isibha diffiċli jiftaħ qalbu meta jiġu l-​anzjani jżuruh. Mela, kif tistaʼ tgħin lil ħuk iħossu komdu? It-​tbissima ħelwa tiegħek u xi kliem taʼ faraġ jistgħu jkollhom effett tajjeb. Michael, ħu li ilu anzjan iktar minn 40 sena, spiss jibda ż-​żjajjar tiegħu b’kummenti bħal: “Bħalma taf, wieħed mill-​isbaħ privileġġi li għandu anzjan hu li jżur lill-​aħwa fi djarhom u jsir jafhom aħjar. Allura, kont verament qed inħares ’il quddiem għal din iż-​żjara llum.”

Fil-​bidu taż-​żjara, int tistaʼ tgħid talba mill-​qalb mal-​ħu. Fit-​talba, tistaʼ ssemmi l-​kwalitajiet tajbin tiegħu, bħall-​fidi, l-​imħabba, u s-​sabar. Hekk għamel l-​appostlu Pawlu meta talab għal ħutu. (1 Tess. 1:2, 3) Meta titlob b’dan il-​mod maʼ ħuk, int tkun qed tgħin lilkom it-​tnejn biex ikollkom l-​attitudni x-​xierqa dwar iż-​żjara. B’hekk, il-​konversazzjoni tagħkom se tkun waħda inkuraġġanti. It-​talba tiegħek tistaʼ wkoll tfarraġ lill-​ħu. Anzjan bl-​esperjenza jismu Ray jgħid li kultant ilkoll ninsew l-​affarijiet tajbin li nkunu qed nagħmlu fix-​xogħol taʼ Ġeħova u nħossuna ħafna aħjar meta ħaddieħor ifakkarhomlna.”

UŻA L-​BIBBJA BIEX TINKURAĠĠIXXI

Bħal Pawlu, int tistaʼ tagħti “għotja spiritwali” billi taqsam ħsieb Skritturali, anki minn vers wieħed biss. (Rum. 1:11) Pereżempju, ħu dipress jistaʼ jħossu li mhu tajjeb għal xejn, bħas-​salmista li qabbel lilu nnifsu maʼ “flixkun tal-​ġild [li nixef] fid-​duħħan.” (Salm 119:83, 176) Wara li tagħti spjegazzjoni qasira dwar din l-​espressjoni, int tistaʼ tesprimi l-​fiduċja tiegħek li ħuk ‘ma nesiex’ il-​kmandamenti t’Alla.

Bl-​istess mod, tistaʼ int bit-​tixbiha dwar id-​drakma l-​mitlufa tinkuraġġixxi lil xi oħt li tbiegħdet mill-​kongregazzjoni jew li tilfet iż-​żelu? (Lq. 15:8-​10) Id-​drakma l-​mitlufa setgħet kienet parti minn ġiżirana prezzjuża magħmula minn ħafna drakmi tal-​fidda. Billi tiddiskutu din it-​tixbiha, hi tistaʼ tiġi megħjuna biex tara li hi parti imprezzabbli mill-​kongregazzjoni Kristjana. Wara li tkunu ddiskutejtu dan, int tistaʼ tenfasizza kemm Ġeħova jimpurtah minnha bħala waħda min-​nagħaġ ċkejknin tiegħu.

Sħabna fit-​twemmin normalment jieħdu pjaċir jesprimu ħsibijiethom dwar il-​Bibbja. Għalhekk, titkellimx il-​ħin kollu int! Wara li taqra vers li għandu x’jaqsam mas-​sitwazzjoni tagħhom, tistaʼ tagħżel kelma jew frażi speċifika mill-​vers u għidilhom jikkummentaw fuqha. Pereżempju, wara li taqraw it-​2 Korintin 4:16, anzjan forsi jistaʼ jistaqsi, “Esperjenzajt int personalment xi modi li bihom Ġeħova jġeddek, jew isaħħek?” Mistoqsija bħal din tistaʼ twassal biex verament ‘tinkuraġġixxu lil xulxin.’—Rum. 1:12.

Sħabna fit-​twemmin normalment jieħdu pjaċir jesprimu ħsibijiethom dwar il-​Bibbja

Ukoll, tistaʼ tfarraġ sieħeb fit-​twemmin billi tiddiskuti miegħu xi karattru Bibliku li kien f’sitwazzjoni bħal tiegħu. Xi ħadd li għandu qalbu maqtugħa forsi jħossu bħal Ħanna jew Epafroditu. It-​tnejn li huma kultant ħassewhom dipressi, imma xorta kienu prezzjużi għal Alla. (1 Sam. 1:9-​11, 20; Flp. 2:25-​30) Għala ma tiddiskutux xi eżempji Bibliċi adattati meta s-​sitwazzjoni tippermetti dan?

KUN ĊERT LI TKOMPLI TURI INTERESS

Wara ż-​żjara, kompli uri interess f’ħuk. (Atti 15:36) Pereżempju, fi tmiem iż-​żjara tistaʼ tiftiehem miegħu biex tmorru tippritkaw flimkien. Meta Bernard, anzjan tal-​esperjenza, jerġaʼ jiltaqaʼ maʼ ħu li ma jkunx ilu li żar, b’mod għaqli jistaʼ jirreferi għal xi parir li jkun tah billi jistaqsih, “Xi tgħidli, qed jaħdmu l-​pariri li tkellimna fuqhom?” Billi turi interess personali bħal dan, int tkun tistaʼ tiddeċiedi jekk għandux bżonn iktar għajnuna.

Iktar minn qatt qabel, ħutna rġiel u nisa għandhom bżonn min jimpurtah minnhom, jifhimhom, u jħobbhom. (1 Tess. 5:11) Għalhekk, qabel tagħmel xi żjara pastorali, ħu l-​ħin biex taħseb dwar is-​sitwazzjoni taʼ ħuk. Itlob dwarha. Agħżel skritturi adattati. Imbagħad, int se ssib il-​kliem eżatt biex isserraħ “lir-​ruħ għajjiena”!

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja