Xhieda Informali bl-Ingliż fil-Messiku
SAKEMM l-appostlu Pawlu kien f’Ateni jistenna li jaslu sħabu li kienu jivvjaġġaw miegħu, hu ħa vantaġġ miż-żmien li għamel hemm biex jagħti xiehda informali. Il-Bibbja tgħid: “Kien jiddiskuti . . . maʼ dawk kollha li kuljum kienu jinzertaw għaddejjin mill-pjazza tal-belt.” (Atti 17:17) Ġesù ta xiehda informali lil waħda mara Samaritana ħdejn bir fil-vjaġġ tiegħu mil-Lhudija għall-Galilija. (Ġwanni 4:3-26) Taħtaf int kull opportunità biex titkellem dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla?
Fil-Messiku, hemm ħafna opportunitajiet li fihom wieħed jistaʼ jagħti xiehda informali bl-Ingliż. It-turisti jżuru postijiet turistiċi, l-istudenti taʼ l-università ġejjin u sejrin, u xi barranin li jkunu rtiraw mix-xogħol u marru joqogħdu fil-Messiku jqattgħu ħafna ħin fil-ġonna u r-restoranti. Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah li jafu bl-Ingliż ħaduha drawwa li jaqbdu diskursata maʼ wħud bħal dawn. Fil-fatt, dawn ix-Xhieda jaħtfu kull opportunità biex jitkellmu maʼ xi ħadd li jkun jidher stranġier jew li jitkellem bl-Ingliż. Ejja naraw kif jagħmlu dan.
Spiss, Xhieda minn barra l-pajjiż li jkunu qed jaqdu fit-territorju tal-lingwa Ingliża sempliċement imorru fuq dawk li ovvjament huma barranin, u wara li jintroduċu ruħhom jistaqsuhom minn liema pajjiż huma. Imbagħad, ġeneralment il-barranin jistaqsu lix-Xhieda x’kien li ġabhom il-Messiku, u b’hekk ix-Xhieda jaħtfu l-opportunità biex jaqsmu t-twemmin Kristjan maʼ dawn il-barranin. Per eżempju, Gloria, li qed taqdi f’Oaxaca, post fejn hemm ħtieġa kbira għall-ippridkar tas-Saltna bil-lingwa Ingliża, issibha iktar faċli li tibda l-konversazzjoni b’dan il-mod. Darba minnhom, meta Gloria kienet sejra lura d-dar wara li kienet qattgħet xi ħin tagħti xiehda informali fil-pjazza taʼ dak il-post, waqqfitha koppja mill-Ingilterra. Il-mara qaltilha skantata: “Ma nistax nemmen li qed nara mara sewda miexja fit-toroq taʼ Oaxaca!” Minflok ma ħadet għaliha, Gloria bdiet tidħaq, u qabdu diskursata dwar għala kienet tinsab fil-Messiku. Il-mara stiednet lil Gloria d-dar biex tieħu kikkra kafè magħha. Wara li għamlet appuntament magħha, Gloria offritilha r-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, imma l-mara ma ridithomx għax qalet li ma kinitx temmen b’Alla. Gloria wieġbet li hi kienet tieħu gost ħafna titkellem maʼ nies bħalha u xtaqet tkun taf l-opinjoni tagħha dwar wieħed mill-artikli intitolat “Postijiet għall-Qima—Għandna Bżonnhom?” Il-mara aċċettat, u qaltilha: “Jekk għandek il-ħila tikkonvinċini, ikun miraklu.” Huma ltaqgħu kemm-il darba għall-kafè u kellhom diskursati interessanti. Din il-koppja iktar tard marret lura l-Ingilterra, imma d-diskussjonijiet komplew permezz taʼ l-Internet.
Gloria kellha wkoll diskussjonijiet maʼ Saron, studenta minn Washington, D.C., li kienet f’Oaxaca tagħmel xogħol volontarju qalb in-nisa indiġeni bħala parti mill-istudji tagħha biex iġġib id-diploma mill-università. Wara li faħħret lil Saron għax-xogħol siewi li kienet qed tagħmel, Gloria spjegatilha għala hi kienet fil-Messiku. Dan wassal għal diskursata mill-isbaħ dwar il-Bibbja u dwar dak li Alla se jagħmel mhux biss għall-foqra imma wkoll għal kulħadd. Saron ikkummentat dwar l-ironija tal-ħajja, peress li meta kienet fl-Istati Uniti qatt ma kienet tkellimhom lix-Xhieda, imma waħda mill-ewwel persuni li ltaqgħet magħhom fil-Messiku kellha tkun waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah! Saron aċċettat studju tal-Bibbja u bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani mill-ewwel.
Ħafna barranin marru joqogħdu f’postijiet turistiċi ħdejn il-baħar fil-Messiku, biex ifittxu xi tip taʼ ġenna taʼ l-art. Laurel tuża din il-ħaġa biex tibda konversazzjoni billi tistaqsi lin-nies f’Acapulco jekk din il-belt tidhirx li hija ġenna taʼ l-art iktar minn pajjiżhom u għala togħġobhom daqshekk. Imbagħad tispjega li dalwaqt l-art kollha se tkun tassew ġenna. Dan wassal biex Laurel tibda studju tal-Bibbja maʼ mara Kanadiża li ltaqgħet magħha għand il-veterinarju. Jistaʼ metodu simili jkun effettiv fil-post fejn toqgħod int?
‘Fit-Toroq u fl-Imsieraħ’
Spiss tinbeda konversazzjoni fit-toroq u fl-imsieraħ bil-mistoqsija: “Taf bl-Ingliż?” Ħafna Messikani jafu jitkellmu bl-Ingliż minħabba x-xogħol tagħhom jew għax ikunu għamlu xi żmien jgħixu fl-Istati Uniti.
Wieħed Xhud u martu avviċinaw mara anzjana li kienet f’siġġu tar-roti megħjuna mill-infermiera tagħha. Huma staqsew lill-mara anzjana jekk kinitx taf bl-Ingliż. Hi weġbithom iva għax kienet għamlet ħafna snin tgħix fl-Istati Uniti. Aċċettat It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, li qatt ma kienet qrathom qabel, qaltilhom li kien jisimha Consuelo, u tathom l-indirizz. Meta żaruha erbat ijiem wara, huma sabu li din kienet tgħix f’dar taʼ l-anzjani mmexxija minn sorijiet Kattoliċi. Għall-ewwel kien diffiċli li jikkuntattjaw lil Consuelo għaliex is-sorijiet kienu ssuspettaw xi ħaġa u qalulhom li Consuelo ma setgħetx tarahom. Dawn komplew jinsistu mas-sorijiet biex jgħidu lil Consuelo li huma kienu marru jarawha u xtaqu jkellmuha. Consuelo, mhux talli ma riditx tarahom imma talli daħħlithom f’kamritha. Minn dakinhar ’l hawn, din il-mara taʼ 86 sena bdiet studju regulari tal-Bibbja, minkejja l-kummenti negattivi tas-sorijiet. Hi attendiet ukoll xi laqgħat Kristjani.
Proverbji 1:20 jgħid: “L-għerf jgħajjat fit-triqat, leħnu jgħolli fl-imsieraħ.” Innota kif dan ġara fil-pjazza taʼ San Miguel de Allende. Darba waħda kmieni fil-għodu, Ralph mar ikellem raġel taʼ mezz’età li kien bil-qiegħda fuq bank. Dan ir-raġel tgħidx kemm skanta li Ralph offrielu It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! u beda jirrakkontalu l-istorja taʼ ħajtu.
Hu kien veteran tal-gwerra fil-Vjetnam, u kien qed isofri minn dipressjoni qawwija minħabba l-istress emozzjonali li għadda minnu x’ħin kien jara tant nies imutu meta kien fil-militar. Qabel kien fuq il-front, jiġġieled fuq quddiemnett, imma mbagħad bagħtuh f’bażi militari. Hemmhekk, hu ġie inkarigat jaħsel l-iġsma tas-suldati mejtin li kienu se jintbagħtu lura lejn l-Istati Uniti. Issa, 30 sena wara, hu spiss joħlom ħolm ikrah u jaħkmu biżaʼ kbir. Dik l-għodwa, waqt li kien bil-qiegħda fil-pjazza, kien qed jitlob f’qalbu għall-għajnuna.
Dan il-veteran aċċetta l-letteratura kif ukoll stedina biex imur is-Sala tas-Saltna. Wara l-laqgħa, hu qal li f’dawk is-sagħtejn fis-Sala tas-Saltna, għall-ewwel darba fi 30 sena ħassu fil-paċi. Dan ir-raġel kien f’San Miguel de Allende għal ftit ġimgħat biss, imma hu kellu diversi studji tal-Bibbja u attenda l-laqgħat kollha sakemm mar lura pajjiżu. Saru arranġamenti biex l-istudju tiegħu jitkompla.
Xiehda Informali fuq ix-Xogħol u fl-Iskola
Fuq il-post tax-xogħol turi li int Xhud taʼ Jehovah? Adrián, li xogħlu hu li jbigħ l-appartamenti għall-vaganzi f’Cape San Lucas, hekk jagħmel. B’riżultat taʼ dan, Judy, li taħdem miegħu, tgħid: “Kieku tliet snin ilu xi ħadd qalli li kont se nsir Xhud taʼ Jehovah, kont ngħidlu, ‘Lanqas jekk iddehebni!’ Imma ddeċidejt li rrid naqra l-Bibbja. Bdejt naħseb ‘Kemm nistaʼ nsibha diffiċli, la jien inħobb naqra?’ Ħaġa taʼ l-iskantament, lanqas biss kont għadni qrajt sitt paġni li ma rrealizzajtx li kelli bżonn l-għajnuna. L-uniku individwu li ġie f’moħħi kien Adrián, ġuvni li kien jaħdem miegħi. Kont inħobb nitkellem miegħu għax kien l-uniku persuna deċenti li kien hemm fuq ix-xogħol.” Adrián mill-ewwel offra li jiġi maʼ Katie, l-għarusa tiegħu, biex iwieġeb il-mistoqsijiet kollha taʼ Judy. Katie bdiet studju tal-Bibbja magħha, u Judy ma damitx ma saret Xhud mgħammda.
Xi ngħidu dwar ix-xiehda informali fl-iskola? Tnejn mix-Xhieda kienu qed jieħdu lezzjonijiet taʼ l-Ispanjol fl-università, imma darba minnhom ma marrux għal-lezzjoni minħabba li attendew assemblea Kristjana. Meta marru lura d-darba taʼ wara, intalbu jirrakkontaw bl-Ispanjol x’kienu għamlu dakinhar li ma ġewx. Huma ħatfu l-opportunità biex jagħtu xiehda mill-aħjar li setgħu bl-Ispanjol. L-għalliema, li kien jisimha Silvia, kienet tinteressaha ħafna l-profezija tal-Bibbja. Hi aċċettat studju tal-Bibbja bl-Ingliż u issa hija pubblikatriċi taʼ l-aħbar tajba. Diversi membri tal-familja tagħha qed jistudjaw ukoll. Silvia tgħid: “Sibt dak li ili nfittex ħajti kollha.” Iva, ix-xiehda informali tistaʼ tipproduċi frott mill-aqwa.
Jintużaw Opportunitajiet Oħra
L-ospitalità tistaʼ twassal biex tingħata xiehda. Jim u Gail, li qed jaqdu f’San Carlos, Sonora, sabu kemm dan huwa minnu. Waħda mara li ħarġet dawra bil-klieb f’xi s-6.00 taʼ fil-għodu waqfet tammira l-bitħa tagħhom. Jim u Gail stidnuha tieħu kikkra kafè magħhom. Għall-ewwel darba f’60 sena, hi semgħet b’Jehovah u bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem u nbeda studju tal-Bibbja.
Adrienne bl-istess mod tħobb turi qalb tajba maʼ l-istranġieri. Darba kienet qed tiekol f’restorant f’Cancún meta daqsxejn taʼ tifel mar fuqha u staqsieha jekk kinitx Kanadiża. Meta qaltlu li kienet, hu spjegalha li hu u ommu kienu qed jipprovaw jgħinu lil oħtu tagħmel proġett għall-iskola dwar il-Kanadiżi. Ommu, li kienet taf bl-Ingliż, marret tpoġġi ħdejn Adrienne. Wara li bil-paċenzja kollha qagħdet twieġeb il-mistoqsijiet tagħha dwar il-Kanadiżi, Adrienne qaltilha: “Imma hemm raġuni verament importanti għala jien ġejt hawnhekk mill-Kanada—biex ngħin lin-nies jitgħallmu dwar il-Bibbja. Int jinteressak?” Il-mara wieġbet li kienet interessata. Hi kienet ilha għaxar snin li telqet mill-knisja tagħha u kienet qed tipprova tistudja l-Bibbja waħedha. Hi tat in-numru tat-telefon u l-indirizz tagħha lil Adrienne, u din bditilha studju tal-Bibbja li sejjer tajjeb.
‘Itfaʼ Ħobżok fuq Wiċċ il-Baħar’
Meta nitkellmu dwar il-verità tal-Bibbja f’kull ċans li nsibu, spiss ir-riżultat ikun li nagħtu xiehda lil nies li ftit li xejn kellhom l-opportunità li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna. F’ħanut tal-kafè mimli nies fil-port taʼ Zihuatanejo, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah stiednet lil żewġ stranġieri miżżewġin biex ipoġġu mal-mejda magħha, peress li ma kienx hemm mejda vojta. Dawn it-tnejn kienu ilhom sebaʼ snin jivvjaġġaw bil-baħar minn post għall-ieħor. Huma esprimew sentimenti negattivi dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara din il-laqgħa fil-ħanut tal-kafè, ix-Xhud żaret lil din il-koppja fuq id-dgħajsa tagħhom u stidnithom imorru għandha. Huma aċċettaw iktar minn 20 rivista u ħames kotba u wegħduha li kienu se jfittxu lix-Xhieda fil-post li kien imisshom iżuru.
Meta Jeff u Deb kienu f’restorant f’ċentru kummerċjali f’Cancún, huma nnotaw familja li kellhom tarbija tifla l-ġmiel tagħha. Meta bdew jiggustaw lit-tarbija u għaddew xi kummenti, il-ġenituri tagħha offrewlhom biex jaqsmu l-pizza magħhom. Saru jafu li din il-familja kienet mill-Indja. Qatt ma kienu semgħu bix-Xhieda taʼ Jehovah, u lanqas qatt ma kienu raw il-letteratura tagħna. Huma ħarġu miċ-ċentru kummerċjali bil-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda f’idejhom.
Xi ħaġa simili ġrat fi gżira lil hinn mill-kosta taʼ Yucatán. Żewġ Ċiniżi miżżewġin friski talbu lil Jeff biex jiħdilhom ritratt, u dan ħadulhom bil-qalb kollha. Imbagħad Jeff sar jaf li għalkemm kienu ilhom 12-il sena jgħixu fl-Istati Uniti, qatt ma kienu raw jew semgħu bix-Xhieda taʼ Jehovah! Kellhom konversazzjoni sabiħa, u Jeff inkuraġġiehom biex ifittxu lix-Xhieda meta jmorru lura lejn pajjiżhom.
Forsi jkun hemm xi avveniment speċjali fl-inħawi fejn toqgħod li jistaʼ jagħtik opportunità biex tagħti xiehda informali. Meta l-president taʼ l-Istati Uniti mar iżur lill-president tal-Messiku fir-razzett kbir li kellu fi Guanajuato, ġew ħafna riporters minn madwar id-dinja biex jirrapportaw dwar dan. Familja taʼ Xhieda taʼ Jehovah iddeċidiet li tieħu vantaġġ minn din l-opportunità biex ilkoll kemm huma jagħtu xiehda bl-Ingliż. Kellhom riżultat tajjeb. Per eżempju, wieħed mill-ġurnalisti kien kiteb dwar ħafna gwerer, bħal dawk fil-Kosovo u l-Kuwait. Kollega tiegħu kien miet f’idu wara li xi ħadd mistoħbi kien sparalu. Meta dan il-ġurnalist semaʼ bl-irxoxt, hu rringrazzja lil Alla bid-dmugħ f’għajnejh talli dawn ix-Xhieda għenuh isir jaf li l-ħajja għandha skop. Hu qalilhom li għalkemm ma kienx se jerġaʼ jarahom, hu kien se jżomm f’qalbu din l-aħbar tajba mill-Bibbja.
Kif nistgħu naraw, mhux dejjem inkunu nafu xi jkun ir-riżultat meta nagħtu xiehda informali. Madankollu, l-għaref Sultan Salamun qal: “Ibgħat ħobżok fuq wiċċ il-baħar, għax wara żmien twil jerġagħlek lura.” Hu qal ukoll: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra, jew jagħtux it-tnejn frott tajjeb xorta waħda.” (Koħèlet 11:1, 6) Iva, “ibgħat ħobżok” b’mod żeluż fuq ħafna ilmijiet u ‘iżraʼ ż-żerriegħa tiegħek’ b’mod ġeneruż, bħalma għamlu Pawlu u Ġesù u bħalma jagħmlu llum dawn ix-Xhieda li qed jagħtu xiehda bl-Ingliż fil-Messiku.