LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 3/8 pp. 25-27
  • X’Fih Ħażin li Noħroġ bil-Moħbi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Fih Ħażin li Noħroġ bil-Moħbi?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Xi Wħud Joħorġu bil-​Moħbi
  • Is-​Sogri
  • Il-​Ħsara
  • Kif Tikseb Iktar Libertà
  • “Tmurx Magħhom”
  • Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Nistaʼ Nikseb Iktar Libertà?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Żgħażagħ—Wara Liema Ħaġa Qegħdin Tiġru?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 3/8 pp. 25-27

Iż-​żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Fih Ħażin li Noħroġ bil-​Moħbi?

“Konna noħorġu bil-​moħbi f’nofsillejl u mmorru fil-​ħanut tal-​kafè biex ingawdu l-​kumpanija taʼ żgħażagħ oħrajn. Imbagħad bdejna noqogħdu ngħaddu ż-​żmien ħdejn l-​għolja. Iż-​żgħażagħ kollha kienu jpejpu, għalkemm jien qatt m’għamiltu dan. Konna nintefgħu bil-​qegħda npaċpċu dwar kulma jiġi u nisimgħu mużika heavy metal. Imbagħad konna mmorru d-​dar fil–5:00 a.m. qabel ma jqumu l-​ġenituri tiegħi.”—Tara.a

“Meta missieri jkun telaq għax-​xogħol u ommi tkun raqdet, kont noħroġ bil-​moħbi mill-​bieb taʼ barra. Kont inħallih miftuħ biex ma tismagħnix nagħlqu—kien bieb tal-​metall. Kont noqgħod ngħaddi ż-​żmien maʼ ħbiebi l-​lejl kollu. Imbagħad fil-​għodu meta tkun telgħet ix-​xemx, kont nipprova nerġaʼ nidħol id-​dar bil-​moħbi. Xi kultant kienet tinduna li kont tlaqt u kienet issakkarni barra.”—Joseph.

TIDHER li hi xi ħaġa eċċitanti u taʼ gost li toħroġ mid-​dar bil-​moħbi. Hija opportunità li tesperjenza l-​ħajja waħdek għal ftit sigħat, li tagħmel li trid u tkun maʼ min trid mingħajr ma jkollok tagħti kont lil xi ħadd. Minbarra dan, x’aktarx li smajt lil sħabek taʼ mparek jiftaħru dwar l-​affarijiet li jagħmlu u kemm jieħdu gost meta joħorġu mid-​dar bil-​moħbi f’nofs taʼ lejl. Għalhekk, jistaʼ jkollok tentazzjoni kbira biex tipprova tagħmel bħalhom.

Fi stħarriġ li sar fuq 110 studenti taʼ bejn is-​16 u s-​17-il sena fl-​Amerika taʼ Fuq, 55 minnhom ammettew li ħarġu bil-​moħbi minn taʼ l-​inqas darba. Il-​biċċa l-​kbira minnhom għamlu hekk meta kellhom 14-il sena. Il-​problema tant hi serja li xi esperti rrikkmandaw li l-​ġenituri jwaħħlu sistemi elettroniċi t’allarmi fi djarhom sabiex jevitaw li uliedhom joħorġu mid-​dar mingħajr ma jkunu jafu. Għala hemm ħafna żgħażagħ li qed jissograw li jinkorlaw lill-​ġenituri tagħhom billi joħorġu bil-​moħbi?

Għala Xi Wħud Joħorġu bil-​Moħbi

Xi kultant iż-​żgħażagħ joħorġu bil-​moħbi għas-​sempliċi raġuni li ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu bil-​ħin tagħhom u jkunu jridu jieħdu ftit gost maʼ ħbiebhom. Il-​ktieb Adolescents and Youth jispjega għala ż-​żgħażagħ jistgħu joħorġu bil-​moħbi. Dan jagħmluh “peress li jkollhom xi restrizzjoni, bħal meta jkollhom jidħlu d-​dar kmieni jew jaqilgħu xi kastig fejn ma jitħallewx imorru għal xi avveniment soċjali. Iż-​żagħżugħ jew żagħżugħa joħorġu xorta waħda u xi kultant jirnexxilhom jidħlu lura d-​dar mingħajr ma jinqabdu.” Tfajla taʼ 16-il sena spjegat għala kienet toħroġ bil-​moħbi. “Inħossni qisni tarbija u li ħajti mhix tiegħi,” tgħid hi. “Ikolli nidħol id-​dar ħafna qabel ħaddieħor. U l-​ġenituri tiegħi ma jħallunix immur fil-​postijiet fejn imorru ħbiebi . . . Allura jien immur xorta u nigdbilhom.” Joseph, li semmejnieh fil-​bidu, beda joħroġ bil-​moħbi t’14-il sena meta kien mar għal kunċert rap, mentri l-​ġenituri kienu ordnawlu biex ma jattendix.

Veru, il-​biċċa l-​kbira taż-​żgħażagħ ma jkollhomx motivi mill-​agħar meta joħorġu bil-​moħbi. Tara, waħda miż-​żgħażagħ li kkwotajniehom fil-​bidu, qalet: “L-​ewwel ħaġa li kellna f’moħħna ma kinitx ‘Ejja mmorru nagħmlu xi dnub kbir.’ Ridt biss inkun m’oħti, u hi riedet toħroġ tiddeverti mal-​ħbieb tagħha.” Joseph qal: “Konna biss ngħaddu ż-​żmien. Ridt noqgħod inpaċpaċ u nkun mal-​ħbieb.” Imma filwaqt li meta wieħed jgħaddi ż-​żmien barra maʼ ħbiebu rari jwassal għal reati kbar, ħafna żgħażagħ tassew jispiċċaw f’inkwiet kbir.

Is-​Sogri

Professjonista tas-​saħħa mentali, it-​Tabiba Lynn E. Ponton, ġabet dan l-​argument: “Huwa normali għaż-​żgħażagħ li jissograw.” It-​Tabiba Ponton tkompli tgħid li huwa normali għaż-​żgħażagħ u forsi saħansitra jagħmlilhom tajjeb jekk ikunu jridu l-​indipendenza, jipprovaw affarijiet ġodda, u jkunu f’sitwazzjonijiet ġodda u interessanti. Huwa parti mill-​iżvilupp. Imma ħafna żgħażagħ jissograw u jaqbżu l-​limiti raġunevoli kollha—speċjalment meta ma jkunux taħt għajnejn il-​ġenituri. Ir-​rivista Teen tgħid li meta jitħalltu flimkien il-​pressjoni mill-​ħbieb, id-​dwejjaq, l-​enerġija mhix moħlija, u forsi xi ħaġa oħra li tqanqal reazzjoni bħalma hi l-​birra, l-​adolexxenti jistgħu jaslu biex jieħdu riskji ħżiena u jħallsu b’ħajjithom. Stħarriġ minnhom semma xi wħud minn dawn l-​attivitajiet taʼ sogru li jieħdu sehem fihom l-​adolexxenti. Fosthom hemm is-​sewqan sfrenat, il-​vandaliżmu, is-​sewqan meta jkunu fis-​sakra, u s-​serq.

Ladarba tkun aġixxejt b’diżubbidjenza, se jkun faċli għalik li tgħaddi għal affarijiet ħżiena iktar serji. Ikun bħalma qal Ġesù f’Luqa 16:10: “Min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-​ħafna.” Mela mhux taʼ b’xejn li l-​ħruġ mal-​ħbieb bil-​moħbi jistaʼ jwassal għal dnubiet serji. Tara kkommettiet iż-​żína. Joseph beda jbigħ id-​drogi, ġie arrestat, u ntefaʼ l-​ħabs. Żagħżugħ Kristjan jismu John beda jabbuża mid-​drogi u jisraq il-​karozzi. B’dispjaċir, ħafna żgħażagħ jaħsdu wkoll konsegwenzi fiżiċi minn imġiba bħal din—tqala mhix mixtieqa, mard trasmess sesswalment, jew li jaqgħu fil-​vizzju tax-​xorb jew drogi.—Galatin 6:​7, 8.

Il-​Ħsara

Hemm ħsara li tistaʼ tifnik iktar mill-​ħsara fiżika, u din hi l-​ħsara emozzjonali. Kuxjenza li tniggżek tistaʼ ġġiblek ħafna wġigħ. (Salm 38:​4, 5 [38:​3, 4, NW]) Joseph jgħid: “Jgħidu li ma tkunx taf x’għandek sakemm titilfu. Xi drabi noqgħod nirrifletti lura u ma nemminx li kont daqshekk agħma.”

Ma tridx tinsa wkoll li tistaʼ tagħmel ħsara lir-​reputazzjoni tiegħek. Koħèlet 10:1 jgħid: “Bħalma d-​dubbien mejjet initten il-​fwieħa fil-​vażett, hekk il-​fama kbira taʼ l-​għaref tgħarraqha ftit tal-​bluha.” Fiż-​żminijiet l-​imgħoddija, il-​fwieħa setgħet titgħarraq b’xi ħaġa żgħira bħal dubbiena mejta. Bl-​istess mod, ir-​reputazzjoni tajba tiegħek li tkun ħdimt tant iebes għaliha tistaʼ titgħarraq bi “ftit tal-​bluha.” U jekk int Kristjan, imġiba ħażina bħal din bla dubju se ċċaħħdek minn privileġġi fil-​kongregazzjoni. Wara kollox, kif tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn biex isegwu l-​prinċipji tal-​Bibbja meta dawn jafu li int stess m’għamiltux dan?—Rumani 2:​1-3.

Fl-aħħar mill-​aħħar, ikkunsidra l-​uġigħ li jħossu l-​ġenituri tiegħek meta jiskopru li ma tkunx hemm. Omm waħda ddiskutiet dwar il-​biżaʼ li ħasset meta skopriet li bintha taʼ 15-il sena ma kinitx id-​dar. Hi tiddeskrivi kif hi u r-​raġel kienet se tagħtihom rashom bl-​inkwiet għax ma kinux jafu fejn kienet marret binthom. Trid li lill-​ġenituri tiegħek taqlgħalhom dan l-​inkwiet kollu u tweġġagħhom?—Proverbji 10:1.

Kif Tikseb Iktar Libertà

Veru li jistaʼ jkun frustranti meta l-​ġenituri jkunu jidhru li huma stretti żżejjed. Imma taħseb li se ssolvi xi ħaġa jekk toħroġ bil-​moħbi? Tistaʼ tgħid li kważi f’kull każ, illum jew għada se tinqabad. Anki jekk tkun makakk biżżejjed li tidħaq bil-​ġenituri, Alla Jehovah jara xi tkun qed tagħmel, anki dak li tagħmel fis-​satra tal-​lejl. (Ġob 34:21) Allura xi darba jew oħra se tinkixef, u x’aktarx se tagħmel ħsara lill-​fiduċja li setaʼ kellhom fik il-​ġenituri qabel. X’ikun ir-​riżultat? Se titlef ħafna minn dak li propju xtaqt—il-​libertà!

Ftakar: Biex ikollok il-​libertà trid tirbaħ il-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħek. U l-​aħjar mod kif tagħmel dan hu sempliċement billi tobdihom. (Efesin 6:​1-3) Jekk tħoss li l-​ġenituri tiegħek huma bla raġuni f’xi ħaġa, tkellem magħhom mingħajr ma toqgħod iddur mal-​lewża—u bir-​rispett. Jistaʼ jkun li jikkunsidraw eżatt dak li tgħidilhom. Mill-​banda l-​oħra, tistaʼ ssib li jkollhom raġunijiet tajbin għala ma jħallukx tagħmel ċerti affarijiet. Anki jekk ma taqbilx, qatt tinsa li huma jħobbuk u jixtiqulek il-​ġid. Kompli kabbar il-​fiduċja li għandhom fik, u fiż-​żmien xieraq se tieħu l-​libertà li tixtieq.b

“Tmurx Magħhom”

Lura fi żmien il-​qedem, żgħażagħ li kellhom il-​biżaʼ t’Alla taʼ spiss kienu jiġu ttantati biex jingħaqdu maʼ dawk taʼ mparhom f’imġiba sfrenata. Salamun b’hekk ħeġġeġ liż-​żgħażagħ: “Ibni, jekk iħajjruk il-​ħżiena, toqgħodx għalihom. . . . Tmurx magħhom fi triqthom.” (Proverbji 1:​10, 15) Ismaʼ minn dan il-​parir meta dawk li jgħidu li huma ħbiebek jipprovaw jikkonvinċuk biex toħroġ bil-​moħbi. Salamun ikompli jwissi: “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.”—Proverbji 22:3.

Jekk diġà bdejt toħroġ bil-​moħbi, ieqaf! Tkun qiegħed biss tagħmel ħsara lilek innifsek fl-​aħħar mill-​aħħar. Għidilhom lill-​ġenituri tiegħek x’għamilt, u kun lest li tiffaċċja xi kastig jew restrizzjoni li jistgħu jagħmlulek. Jekk ikun hemm bżonn, agħżel ħbieb ġodda—ħbieb li se jinfluwenzawk għat-​tajjeb. (Proverbji 13:20) Fittex divertiment iktar bnin u inqas taʼ sogru.

L-iktar ħaġa importanti, aħdem fuq l-​ispiritwalità tiegħek billi taqra l-​Bibbja u tattendi l-​laqgħat Kristjani. “Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?” staqsa s-​salmista. Hu jwieġeb: “Billi jħares il-​kelma [t’Alla].” (Salm 119:9) Hekk kif bil-​mod il-​mod tiddeċiedi li tagħmel dak li hu tajjeb, int se tasal għall-​konklużjoni li filwaqt li jistaʼ jkun taʼ gost u eċċitanti li toħroġ bil-​moħbi, m’huwiex vallapena li tieħu riskji.

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Għal tagħrif dwar kif tikseb iktar libertà, ara kapitlu 3 tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Kumment f’paġna 27]

“Il-​ġenituri tiegħi ma jħallunix immur fil-​postijiet fejn imorru ħbiebi . . . Jien immur xorta u nigdbilhom”

[Stampa f’paġna 26]

Il-​ħruġ bil-​moħbi taʼ spiss iwassal għal problemi serji

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja