Leali u Kuraġġużi Minkejja l-Oppressjoni Nazista
Fis-17 taʼ Ġunju, 1946, ir-Reġina Wilhelmina taʼ l-Olanda bagħtet messaġġ taʼ kondoljanza lil familja tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Amsterdam. L-iskop tagħha kien biex tesprimi l-ammirazzjoni tagħha għall-iben tal-familja, Jacob van Bennekom, li kien ngħata l-mewt min-Nazi matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ftit snin ilu, il-kunsill tal-belt taʼ Doetinchem, belt fin-naħa tal-lvant taʼ l-Olanda, iddeċieda li jsemmi triq għal Bernard Polman, membru ieħor tax-Xhieda taʼ Jehovah li kien ġie maqtul fil-gwerra.
IN-NAZI għala daru kontra Jacob, Bernard, u membri oħrajn tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Olanda matul it-Tieni Gwerra Dinjija? U x’kien li għen lil dawn ix-Xhieda jibqgħu leali waqt snin taʼ persekuzzjoni ħarxa u biex fl-aħħar mill-aħħar jiksbu r-rispett u l-ammirazzjoni tan-nies taʼ pajjiżhom u tar-reġina? Biex inkunu nafu, ejja nirrevedu xi ġrajjiet li wasslu għal konfrontazzjoni stil David-u-Gulija bejn grupp żgħir taʼ Xhieda taʼ Jehovah u l-organizzazzjoni politika u militari ġganteska tan-Nazi.
Ipprojbiti—Imma Attivi Iktar minn qatt Qabel
Fl-10 taʼ Mejju, 1940, l-armata Nazista għamlet attakk għal għarrieda fuq l-Olanda. Peress li l-letteratura mqassma mix-Xhieda taʼ Jehovah kienet tikxef l-atti mill-agħar tan-Naziżmu u tappoġġa s-Saltna t’Alla, in-Nazi mill-ewwel ipprovaw iwaqqfu l-attivitajiet tax-Xhieda. Inqas minn tliet ġimgħat wara li n-Nazi invadew l-Olanda, huma ħarġu digriet sigriet li pprojbixxa lix-Xhieda taʼ Jehovah. Fl-10 taʼ Marzu, 1941, rapport stampat ħareġ il-projbizzjoni fil-beraħ, billi akkuża lix-Xhieda li kienu qed jagħmlu kampanja “kontra l-istituzzjonijiet kollha taʼ l-istat u tal-knisja.” Bħala riżultat, it-tfittxija għax-Xhieda żdiedet.
Taʼ interess, għalkemm il-Gestapo infamja, jew il-pulizija sigrieta, żammew il-knejjes kollha taħt sorveljanza, dawn kienu jippersegwitaw bl-aħrax organizzazzjoni Kristjana waħda biss. “Il-persekuzzjoni sal-mewt,” josserva l-istorjografu Olandiż Dr. Louis de Jong, “attakkat grupp reliġjuż wieħed biss—ix-Xhieda taʼ Jehovah.”—Het Koninkrijk der Nederlanden in de Tweede Wereldoorlog (Is-Saltna taʼ l-Olanda Matul it-Tieni Gwerra Dinjija).
Il-Gestapo kellhom il-kooperazzjoni tal-pulizija Olandiża f’li jsibu u jarrestaw lix-Xhieda. Iżjed minn hekk, indokratur li jivvjaġġa li kien beda jibżaʼ u kien sar apostat ta informazzjoni lin-Nazi dwar dawk li qabel kienu sħabu fit-twemmin. Sa l-aħħar t’April taʼ l-1941, kienu ġew arrestati 113-il Xhud. Irnexxielu dan l-attakk qawwi jwaqqaf l-attivitajiet taʼ l-ippridkar?
It-tweġiba tinsab fil-Meldungen aus den Niederlanden (Rapporti mill-Olanda), dokument sigriet li ppreparatu s-Sicherheitspolizei Ġermaniża (Pulizija tas-Sigurtà) f’April taʼ l-1941. Ir-rapport jgħid dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah: “Din is-setta projbita qed tmexxi attività vigoruża fil-pajjiż kollu, billi żżomm laqgħat illegali u twaħħal karti bi frażijiet bħal ‘Il-persekuzzjoni tax-Xhieda t’Alla hija delitt’ u ‘Jehovah se jikkastiga lill-persekuturi b’qerda eterna.’” Ġimagħtejn wara, l-istess sors irrapporta li “minkejja l-miżuri iktar ħorox meħuda mill-Pulizija tas-Sigurtà kontra l-attivitajiet taʼ l-Istudenti tal-Bibbja, l-attivitajiet tagħhom qed jibqgħu jiżdiedu.” Iva, minkejja l-periklu li jiġu arrestati, ix-Xhieda komplew bix-xogħol tagħhom, u fl-1941 ħallew iktar minn 350,000 pubblikazzjoni mal-pubbliku!
X’kien li għen lil dawn ix-Xhieda, li kienu jgħoddu biss ftit mijiet imma kienu dejjem jiżdiedu, biex ikollhom il-kuraġġ li jieħdu l-waqfa tagħhom quddiem dawn l-għedewwa kefrin? Bħal Isaija, il-profeta leali tal-qedem, ix-Xhieda kienu jibżgħu minn Alla, mhux mill-bniedem. Għala? Għax kellhom fiduċja kbira fil-kliem rassiguranti li Jehovah qal lil Isaija: “Jiena, jien hu li nfarraġkom! Min int biex tibżaʼ minn bniedem li jmut?”—Isaija 51:12.
Il-Kuraġġ Jitlob Rispett
Sa tmiem l-1941, in-numru taʼ Xhieda li kienu ġew arrestati kien żdied għal 241 ruħ. Madankollu, ftit kienu dawk li ċedew għall-biżaʼ mill-bniedem. Willy Lages, membru magħruf tal-pulizija sigrieta Ġermaniża, huwa kwotat li qal li “90 fil-mija tax-Xhieda taʼ Jehovah rrifjutaw li jikxfu xi ħaġa, filwaqt li persentaġġ verament żgħir taʼ gruppi oħrajn kellhom il-ħila jibqgħu siekta.” Osservazzjoni li għamel Johannes J. Buskes, membru tal-kleru Olandiż li kien priġunier flimkien maʼ xi wħud mix-Xhieda, jikkonferma dak li qal Lages. Fl-1951, Buskes kiteb:
“Lura f’dak iż-żmien, sirt nirrispettahom ħafna minħabba l-fiduċja li kellhom u l-qawwa tal-fidi tagħhom. Qatt ma se ninsa lil dak iż-żagħżugħ—ma kellux iktar minn 19-il sena—li kien qassam ktejjeb li kien iħabbar il-waqgħa taʼ Hitler u tat-Tielet Reich. . . . Hu setaʼ nħeles fi żmien sitt xhur li kieku wiegħed li jieqaf minn din l-attività. Però hu rrifjuta b’mod tassew insistenti li jagħmel dan, u ġie kundannat għal għomru f’kamp tax-xogħol iebes fil-Ġermanja. Ilkoll kemm aħna konna nafu x’ifisser dak. L-għada fil-għodu meta kienu se jiħduh u morna biex insellmulu, jien għedtlu li konna se naħsbu fih u nitolbu għalih. L-unika tweġiba li tana kienet: ‘Tinkwetawx għalija. Is-Saltna t’Alla żgur se tiġi.’ Ħaġa bħal dik żgur ma tinsihiex, anki jekk ikollok kull oġġezzjoni li teżisti kontra t-tagħlim taʼ dawn ix-Xhieda taʼ Jehovah.”
Minkejja l-oppożizzjoni ħarxa, in-numru taʼ Xhieda baqaʼ jiżdied. Filwaqt li ftit qabel it-tieni gwerra dinjija kien hemm xi 300 ruħ, fl-1943 in-numru kien żdied għal 1,379 persuna. B’sogħba, sa tmiem dik l-istess sena, 54 mill-iktar minn 350 Xhud li kienu ġew arrestati, mietu f’diversi kampijiet tal-konċentrament. Fl-1944, kien hemm 141 Xhud taʼ Jehovah mill-Olanda li kienu għadhom qed jinżammu f’kampijiet tal-konċentrament differenti.
L-Aħħar Sena tal-Persekuzzjoni Nazista
Wara d-D day, fis-6 taʼ Ġunju, 1944, il-persekuzzjoni tax-Xhieda daħlet fl-aħħar sena tagħha. Militarment, in-Nazi u dawk li kkollaboraw magħhom ġew daharhom mal-ħajt. Wieħed jistaʼ jaħseb li f’din is-sitwazzjoni n-Nazi kienu se jieqfu milli jkomplu jiġru wara Kristjani innoċenti biex jarrestawhom. Madankollu, matul dik is-sena, 48 Xhud ieħor ġew arrestati, u 68 Xhud ieħor li kienu ġew mitfugħin il-ħabs mietu. Wieħed minnhom kien Jacob van Bennekom, li ssemma iktar kmieni.
Jacob, li kellu 18-il sena, kien fost il-580 persuna li tgħammdu u saru Xhieda taʼ Jehovah fl-1941. Ftit wara dan, hu ħalla l-impjieg tajjeb li kellu minħabba li dan kien jirrikjedi li jikkomprometti n-newtralità Kristjana tiegħu. Qabad xogħol taʼ messaġġier u beda jaqdi bħala ministru full-time. Darba minnhom, waqt li kien qed iġorr xi letteratura Biblika, qabduh u arrestawh. F’Awissu taʼ l-1944, meta Jacob kellu 21 sena, hu kiteb dan li ġej lill-familja tiegħu minn ħabs fil-belt taʼ Rotterdam:
“Jien ninsab tajjeb ħafna u nħossni tassew ferħan. . . . S’issa ġejt interrogat erbaʼ darbiet. L-ewwel darbtejn kienu ibsin mhux ħażin, u sawtuni ħafna, imma bis-saħħa u l-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej, s’issa kont kapaċi nibqaʼ b’ħalqi magħluq. . . . Diġà tajt xi taħditiet hawnhekk, sitta b’kollox, u kien hemm total taʼ 102 li qagħdu jisimgħuni. Xi wħud minnhom juru interess mhux ħażin u wegħduni li hekk kif jinħelsu, se jkomplu fit-triq li qabdu.”
Fl-14 taʼ Settembru, 1944, Jacob ittieħed lejn kamp tal-konċentrament fil-belt Olandiża taʼ Amersfoort. Hemmhekk ukoll baqaʼ jippriedka. Kif? Wieħed ħabsi li kien miegħu ftakar: “Il-ħabsin kienu jżommu l-fdalijiet tas-sigaretti li jkunu rmew l-għassiesa u jużaw il-paġni taʼ Bibbja bħala karta għas-sigaretti. Xi drabi Jacob kien jirnexxilu jaqra ftit kliem minn fuq paġna tal-Bibbja li jkunu se jużawha biex jobormu sigarett. Minnufih, hu kien juża dan il-kliem bħala bażi biex jippridkalna. F’qasir żmien, lil Jacob tajnieh il-laqam ‘ir-Raġel tal-Bibbja.’”
F’Ottubru taʼ l-1944, Jacob kien fost grupp kbir taʼ ħabsin li ġew ordnati biex iħaffru ħofor kbar biex jaqgħu fihom it-tankijiet tal-gwerra. Jacob irrifjuta li jagħmel dak ix-xogħol għax il-kuxjenza tiegħu ma kinitx tħallih jagħti l-appoġġ tiegħu għall-gwerra. Għalkemm kien mhedded il-ħin kollu mill-għassiesa, hu ma ċediex. Fit-13 t’Ottubru, wieħed mill-uffiċjali ħarġu miċ-ċella fejn kien miżmum għalih waħdu u ħadu lura fuq il-post fejn kien qed isir ix-xogħol. Għal darb’oħra, Jacob baqaʼ sod. Fl-aħħar, Jacob ġie ordnat biex iħaffer il-qabar tiegħu stess, u mbagħad qatluh billi sparawlu.
It-Tfittxija għax-Xhieda Tkompli
Il-waqfa kuraġġuża li ħadu Jacob u oħrajn ġagħlet lin-Nazi jirrabjaw u qanqlet tfittxija oħra għax-Xhieda. Wieħed minn dawk li riedu jaqbdu kien Evert Kettelarij, li kellu 18-il sena. Għall-ewwel, Evert irnexxielu jaħrab u jistaħba, imma iktar tard ġie arrestat u msawwat brutalment sabiex iġagħluh jagħtihom informazzjoni dwar Xhieda oħrajn. Hu rrifjuta u ntbagħat lejn il-Ġermanja f’kamp tax-xogħol iebes.
F’dak l-istess xahar, f’Ottubru taʼ l-1944, il-pulizija bdew ifittxu lir-raġel t’oħt Evert, Bernard Luimes. Meta sabuh, kien flimkien maʼ żewġ Xhieda oħrajn—Antonie Rehmeijer u Albertus Bos. Albertus diġà kien qattaʼ 14-il xahar f’kamp tal-konċentrament. Madankollu, malli ħelsuh, hu reġaʼ beda jippriedka b’mod żeluż. L-ewwel, it-tlett irġiel ġew imsawtin bla ħniena min-Nazi, u mbagħad qatluhom billi sparawlhom. Kien biss wara tmiem il-gwerra li l-iġsma tagħhom instabu u ndifnu mill-ġdid. Ftit wara l-gwerra, diversi gazzetti lokali rrapportaw din l-esekuzzjoni. Waħda mill-gazzetti kitbet li t-tliet Xhieda kienu rrifjutaw b’mod konsistenti li jwettqu kwalunkwe servizz għan-Nazi li kien imur kontra l-liġi t’Alla u żiedet li “għal dan, kellhom iħallsu b’ħajjithom stess.”
Sadanittant, fl-10 taʼ Novembru, 1944, Bernard Polman, li ssemma iktar kmieni, ġie arrestat u mibgħut biex jaħdem fuq proġett militari. Hu kien l-uniku Xhud fost il-ħaddiema fil-kamp tax-xogħol iebes u l-uniku wieħed li rrifjuta li jagħmel dan ix-xogħol. L-għassiesa pprovaw diversi tattiċi biex iġagħluh jagħmel kompromess. Ma kinux jagħtuh ikel. Hu ġie wkoll imsawwat bl-aħrax bil-lembubi, bil-pala, u bit-tarf l-oħxon taʼ xkubetta. Iktar minn hekk, kien imġiegħel jimxi minn ġo ilma kiesaħ li kien jasallu sa l-irkobba, u mbagħad qafluh ġo kantina umduża, fejn kellu jqattaʼ l-lejl bi ħwejġu mxarrbin. Xorta waħda, Bernard ma ċediex.
Matul dak iż-żmien, tnejn mill-aħwa bniet taʼ Bernard, li ma kinux Xhieda taʼ Jehovah, ngħataw il-permess li jżuruh. Huma bdew iħeġġuh biex jibdel ħsiebu, imma kien kollu għalxejn. Meta staqsew lil Bernard jekk setgħux jagħmlu xi ħaġa għalih, hu ssuġġerielhom li jmorru d-dar u jistudjaw il-Bibbja. Imbagħad, il-persekuturi tiegħu ħallew lil martu li kienet tqila tmur iżżuru, billi ttamaw li hi setgħet tkisser ir-reżistenza tiegħu. Imma l-preżenza u l-kliem kuraġġuż tagħha swew biss biex isaħħu d-determinazzjoni taʼ Bernard biex jibqaʼ leali lejn Alla. Fis-17 taʼ Novembru, 1944, ħamsa minn dawk li kienu jitturmentaw lil Bernard sparawlu quddiem il-ħaddiema l-oħrajn kollha. Saħansitra wara li Bernard kien mejjet, b’ġismu mimli bil-bullits, l-uffiċjal inkarigat tah dillirju tant ikrah li ħareġ il-pistola tiegħu u sparalu f’għajnejh it-tnejn.
Għalkemm dan it-trattament brutali ħasad lix-Xhieda li saru jafu dwar l-esekuzzjoni, huma baqgħu leali u kuraġġużi u komplew bl-attività Kristjana tagħhom. Kongregazzjoni żgħira tax-Xhieda taʼ Jehovah, li kienet tinsab qrib l-inħawi fejn inqatel Bernard, tat dan ir-rapport ftit wara l-esekuzzjoni: “Dan ix-xahar, minkejja l-maltemp u d-diffikultajiet li Satana poġġielna fil-mogħdija tagħna, aħna konna kapaċi nżidu l-attività tagħna. In-numru taʼ sigħat li qattajna fis-servizz taʼ l-għalqa minn 429 telaʼ għal 765. . . . Waqt li kien qed jippriedka, wieħed ħu ltaqaʼ maʼ raġel u rnexxielu jagħtih xiehda sewwa. Ir-raġel staqsa jekk din kinitx l-istess fidi li kellu dak ir-raġel li kien inqatel. Malli semaʼ li hekk kien, ir-raġel esklama: ‘X’raġel dak, x’fidi kellu! Hekk ikunu l-eroj tal-fidi!’”
Jehovah Jibqaʼ Jiftakarhom
F’Mejju taʼ l-1945, in-Nazi ġew megħlubin u mkeċċijin mill-Olanda. Minkejja l-persekuzzjoni li ma waqfet xejn matul il-gwerra, in-numru tax-Xhieda taʼ Jehovah minn ftit mijiet kien żdied għal iktar minn 2,000 ruħ. Meta tkellem dwar dawn ix-Xhieda taʼ żmien il-gwerra, l-istorjografu Dr. de Jong stqarr: “Il-maġġuranza l-kbira tagħhom irrifjutaw li jiċħdu l-fidi tagħhom minkejja t-theddid u t-torturi.”
Għalhekk, dawk l-awtoritajiet sekulari li ftakru lix-Xhieda taʼ Jehovah għall-waqfa kuraġġuża li ħadu hekk kif iffaċċjaw il-ħakma Nazista kellhom kull raġun jagħmlu dan. Madankollu, ħaġa iktar importanti hi li r-rekord eċċellenti taʼ dawn ix-Xhieda taʼ żmien il-gwerra se jiftakruh Jehovah u Ġesù. (Lhud 6:10) Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu, li qed joqrob, dawn ix-Xhieda leali u kuraġġużi li taw ħajjithom fis-servizz t’Alla se jiġu mqajmin mill-oqbra tal-mafkar, bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna!—Ġwann 5:28, 29.
[Stampa f’paġna 24]
Jacob van Bennekom
[Stampa f’paġna 26]
Il-gazzetta bl-artiklu fuq id-digriet li pprojbixxa lix-Xhieda taʼ Jehovah
[Stampi f’paġna 27]
Lemin: Bernard Luimes; taħt: Albertus Bos (xellug) u Antonie Rehmeijer; taħt nett: l-uffiċċju tas-Soċjetà f’Heemstede