It-Televixin—Jistaʼ Jieħu Ħsieb Sew it-Tfal?
XI DRABI, l-idea li żżomm lil uliedek okkupati billi tħallihom jaraw it-televixin waqt li tieħu ħsieb affarijiet oħra, tistaʼ tingħoġob. Imma kif jistaʼ dan jeffettwa lil uliedek?
The New York Times tirrapporta: “Anki trabi żgħar jistgħu jiġu influwenzati bil-messaġġi emozzjonali trasmessi fuq it-televixin.” Fi studju reċenti, trabi taʼ sena ġew murija filmati qosra fejn attriċi rreaġixxiet b’modi differenti lejn ġugarell. “Meta l-attriċi kienet tibżaʼ mill-ġugarell,” tgħid it-Times, “it-trabi bdew jevitaw li jilagħbu bih u ħafna drabi bdew jidhru inkwetati, imqarrsin, iħarsu bl-ikrah jew jibku. Meta l-attriċi kienet tifraħ bil-ġugarell, it-tfal kienu iktar inklinati li jilagħbu bil-ġugarell.”
Jidher ċar li ż-żgħar jistgħu jiġu effettwati mit-televixin. Xi ngħidu dwar l-effett fit-tul li jħalli fuq it-tfal? It-Tabib Naoki Kataoka, professur tal-pedjatrija fil-Kulleġġ Mediku taʼ Kawasaki f’Kurashiki, il-Ġappun, osserva għaxriet taʼ tfal li kienu estremament kwieti u bi ftit li xejn espressjonijiet fuq wiċċhom. Ilkoll kienu jaraw it-televixin jew il-vidjos għal ħinijiet twal ħafna. Tifel taʼ sentejn ma kienx kapaċi jkompli konversazzjoni u kellu vokabolarju limitat. Kuljum hu kien jara l-vidjos minn fil-għodu sa fil-għaxija sa minn meta kellu sena. Kien biss wara li l-omm segwiet il-parir tat-tabib biex ma tħallix lit-tifel jara l-vidjos u minflok ikollha iktar kuntatt fiżiku billi tilgħab miegħu li l-vokabolarju tat-tifel bil-mod il-mod beda jitjieb. Iva, il-ġenituri għandhom iqattgħu l-ħin maʼ wliedhom.
Alla Ġeħova, l-Awtur taʼ l-arranġament tal-familja, enfasizza l-importanza għall-aqwa mod kif il-ġenituri jqattgħu l-ħin maʼ wliedhom. Żmien twil ilu hu qal lill-poplu tiegħu: “Tennihom [il-kliem t’Alla] lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, meta tqum.” (Dewteronomju 6:7) Il-ġenituri, mhux it-televixin, jistgħu jistruwixxu lil uliedhom bil-kliem u bl-eżempju tagħhom, biex it-tfal ‘jimxu fit-triq it-tajba.’—Proverbji 22:6.