LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/06 pp. 21-23
  • Żjara f’Ċentru tar-Riġlejn u l-Idejn Artifiċjali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żjara f’Ċentru tar-Riġlejn u l-Idejn Artifiċjali
  • Stenbaħ!—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Isir Riġel Artifiċjali?
  • Il-​Pazjenti Tfal u Atleti
  • Żviluppi Ġodda
  • M’Hemmx Fruntieri għad-Diżabilità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • L-Intelliġenza Artifiċjali Se Tgħinna Jew Se Tagħmlilna l-Ħsara?—X’Tgħid il-Bibbja?
    Iktar Suġġetti
Stenbaħ!—2006
g 4/06 pp. 21-23

Żjara f’Ċentru tar-​Riġlejn u l-​Idejn Artifiċjali

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI NEW ZEALAND

KELLI żewġ raġunijiet biex nagħmel appuntament fiċ-​Ċentru tar-​Riġlejn u l-​Idejn Artifiċjali f’Wellington, New Zealand. L-​ewwelnett, kelli bżonn xi tiswijiet fir-​riġel artifiċjali tiegħi. It-​tieni, ridt nagħmel żjara fiċ-​ċentru biex nitgħallem iktar dwar il-​proċess involut biex isiru r-​riġlejn u l-​idejn artifiċjali.

Il-prostetiku b’qalb tajba qabel mar-​rikjesta tiegħi biex jiħodni fuq żjara. Kienet esperjenza premjanti, waħda li kabbret l-​apprezzament tiegħi għall-​isforzi dedikati u bis-​sengħa taʼ dawk involuti fil-​qasam tal-​prostetika.

Il-​kelma “prostesi” tirreferi għal sostitut artifiċjali li jieħu post riġel, id, jew parti nieqsa tal-​ġisem. Il-​prostetika hi “l-​qasam tat-​tagħrif marbut mal-​prostesi.” Il-​prostetiku hu “individwu bis-​sengħa tal-​prostetika u li japplikaha fil-​prattika.”—Encyclopedia and Dictionary of Medicine, Nursing, and Allied Health, Third Edition.

Kif Isir Riġel Artifiċjali?

Il-​maġġuranza tal-​pazjenti li jżuru ċ-​ċentru jiġu għal riġel artifiċjali. L-​ewwel pass biex dan jiġi maħdum hu li titpoġġa komma mar-​riġel maqtugħ li jkun fieq. Imbagħad tissawwar forma tal-​ġibs li minnha jiġi fformat mudell eżatt tal-​parti tar-​riġel maqtugħ. Wara dan, dan il-​mudell jintuża biex jinħoloq post fejn jitwaħħal ir-​riġel il-​ġdid. Hekk jibda l-​proċess biex jinħoloq riġel li jiffunzjona għalkollox ħalli jieħu post dak li jkun intilef. Teknika ġdida u iktar effettiva li tintuża biex jitwaħħal ir-​riġel hija l-​programm CAD/CAM (Disinn Megħjun mill-​Kompjuter) li jkejjel ir-​riġel maqtugħ. Imbagħad hemm magna li tnaqqax replika eżatta tal-​parti tar-​riġel li jkun għad għandu l-​individwu.

Wara li osservajt it-​turijiet tas-​sengħa teknika speċjalizzata użata fiċ-​ċentru, ġejt muri xi ftit mill-​komponenti prostetiċi lesti li kienu ġew importati. Eżempju impressjonanti kien taʼ rkoppa idrawlika li kienet imwaħħla maʼ sokit li jirtab u jibbies skond it-​temperatura u li jibdel il-​forma bis-​sħana għall-​kumdità tal-​pazjent. Madwar id-​dinja hawn diversi sorsi li joffru katalgi b’ħafna tagħrif u stampi taʼ dawn il-​partijiet.

Fl-aħħar stadji biex jiġi fformat ir-​riġel, isiru aġġustamenti dettaljati biex is-​sokit taʼ l-​irkoppa, il-​ġilda, u l-​partijiet tar-​riġel ikunu preċiżament f’posthom sabiex l-​individwu jimxi bl-​iktar pass naturali possibbli. Fl-​aħħarnett, titlesta qoxra magħmula minn materjal qisu sponża. Din isservi biex tgħatti l-​“għadam” tar-​riġel artifiċjali. Id-​dehra kosmetika taʼ l-​aħħar issir b’tali mod li taqbel kemm jistaʼ jkun mal-​kumplament tar-​riġel naturali.

Wara li pazjent iħossu kunfidenti biżżejjed, isirulu arranġamenti biex jikkonsulta kirurgu ortopediku li jkun qed iżur iċ-​ċentru tar-​riġlejn u l-​idejn. B’dan il-​mod, isirlu l-​aħħar eżami professjonali sabiex ikunu ċerti li jistaʼ juża r-​riġel jew l-​id il-​ġdida bl-​aħjar mod.

Il-​Pazjenti Tfal u Atleti

Matul iż-​żjara, l-​attenzjoni tiegħi marret fuq tifla żgħira. Ma stħat xejn turina r-​riġel maqtugħ u r-​riġel prostetiku tagħha. Iktar tard rajtha taqbeż ’l hemm u ’l hawn qisha mhix hi.

Kont interessat ħafna f’dak li kellu x’jgħid il-​prostetiku tiegħi dwar it-​tfal li jitilfu riġel jew id. Hu wrieni forma taʼ id żgħira u spjegali kif idejn bħal dawn jitwaħħlu lil tfal żgħar saħansitra taʼ sitt xhur. Għala? Biex jitħarrġu ħalli iktar tard ikunu jistgħu jużaw id jew driegħ artifiċjali. Hu qal li mingħajr dan it-​taħriġ it-​tarbija tikber tiddependi minn id waħda u tistaʼ ssibha diffiċli biex taġġusta għal żewġ idejn iktar tard f’ħajjitha.

Sirt naf li m’ilux manifattur fl-​Ewropa bagħat container taʼ partijiet taʼ idejn u riġlejn prostetiċi għal atleti f’Sydney, l-​Awstralja, biex jintużaw fil-​Logħob Paralimpiku, li fih jieħdu sehem nies li għandhom xi diżabilità. Dawn ngħataw lill-​kompetituri mingħajr ħlas, u l-​prostetiċi, inkluż xi ftit minn New Zealand, kienu fil-​post biex jgħinu lill-​kontestanti waqt il-​logħob.

Xi partijiet tar-​riġlejn u l-​idejn saru apposta għall-​atleti. Ġejt muri eżempju wieħed. Dan kien parti taʼ għarqub u riġel magħmula minn materjal speċjali li jikkopja l-​flessibilità naturali f’riġel taʼ bniedem.

Żviluppi Ġodda

X’hemm lest għall-​prostetika fil-​futur? Il-​prostetiku tiegħi qalli dwar riġel artifiċjali kontrollat minn kompjuter li mill-​inqas bħalissa hu milbus minn pazjent wieħed fi New Zealand. Milli jidher dan iwieġeb għall-​pressjoni fuq is-​sensors mibnijin fl-​apparat. Ir-​riżultat hu li jikkopja l-​moviment taʼ mixja naturali.

F’xi pajjiżi, tobba ortopediċi tas-​sengħa qed jesperimentaw teknika li tissejjaħ osteointegrazzjoni. Labra speċjali li tidħol fir-​riġel jew l-​id wara li tinqataʼ, tipprovdi ganċ maʼ fejn jistaʼ jitwaħħal l-​apparat artifiċjali. Dan jelimina l-​bżonn taʼ li jitħejjew forom u sokits.

Qed issir riċerka wkoll biex jitpoġġa apparat li jittrasmetti sinjali fil-​fibri tan-​nervituri. Dan l-​apparat jippermetti lill-​individwu jikkontrolla l-​prostesi bil-​ħsieb biss. Fl-​Istati Uniti u f’xi pajjiżi oħra, saru għadd limitat taʼ trapjanti taʼ l-​idejn, imma din hija proċedura daqsxejn kontroversjali li teħtieġ li min jużaha għall-​kumplament taʼ ħajtu jrid jieħu mediċini li jgħinu lill-​ġisem jaċċetta partijiet barranin.

Fil-​qasam tal-​prostetika taʼ l-​idejn, qed tintuża sistema elettronika fil-​muskoli li tissejjaħ myoelectronics. L-​elettrodi jagħrfu impulsi mill-​muskoli taʼ l-​id, li spiss ikunu għadhom jeżistu fil-​parti maqtugħa li jkun baqaʼ. Dawn l-​impulsi jintużaw biex iqanqlu sinjal elettriku iktar qawwi li jikkontrolla l-​komponenti elettroniċi fl-​id artifiċjali. L-​aħħar teknoloġija fil-​prostetika taʼ l-​idejn tuża kompjuter biex taġġusta bi preċiżjoni l-​id artifiċjali skond l-​individwu li jilbisha.

Impressjonat b’dawn l-​iżviluppi ġodda fit-​teknoloġija tar-​riġlejn u l-​idejn artifiċjali, jien staqsejt lill-​prostetiku tiegħi biex jgħidli kif iqabbel il-​mod kif jaħdmu huma mal-​mod naturali li jaħdmu r-​riġlejn u l-​idejn. M’għandniex xi ngħidu, hu mill-​ewwel ammetta li l-​oriġinali hija superjuri. Dan ġagħalni naħseb fil-​kliem tas-​salmista, f’talba lill-​Ħallieq tiegħu, meta qal: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-​għaġeb għamiltni: taʼ l-​għaġeb huma l-​għemejjel tiegħek.”—Salm 139:14.

[Tabella/Stampi f’paġna 23]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

[Stampi]

Idejn li jaħdmu bis-​sistema tal-​“myoelectronics” jużaw sinjali fil-​muskoli biex jikkontrollaw il-​ħeffa u s-​saħħa tal-​qabda

[Sors]

Idejn: © Otto Bock HealthCare

[Stampi]

F’din l-​irkoppa taʼ l-​aqwa teknoloġija, iċ-​ċippi tal-​kompjuter u ż-​żoni tal-​qawwa manjetika jgħinu biex l-​irkoppa tadatta għall-​mixja taʼ min jilbisha

[Sors]

Irkoppa: Photos courtesy of Ossur

[Stampa]

Din l-​istampa taʼ sieq minn ġewwa turi qoxra taʼ materjal qisu sponża u struttura taʼ l-​għaksa

[Sors]

© Otto Bock HealthCare

[Sors]

© 1997 Visual Language

[Stampa f’paġna 21]

Riġel artifiċjali jiġi aġġustat

[Stampa f’paġna 22]

Titwaħħal il-​prostesi taʼ pazjent

[Stampa f’paġna 23]

Prostesi taʼ id żgħira li tintuża biex tħarreġ lit-​trabi li jilbsu riġel jew id artifiċjali

[Stampa f’paġna 23]

Fis-​sena 2004, ir-​rebbieħ tat-​tellieqa taʼ mitt metru fil-​Logħob Paralimpiku ġrieha f’10.97 sekondi b’riġel magħmul minn materjal ħafif li jissejjaħ “carbon-fiber”

[Sors]

Photo courtesy of Ossur/Photographer: David Biene

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 21]

© Otto Bock HealthCare

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja