LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/13 pp. 12-13
  • Dak li Għandek Tkun Taf Dwar l-Epilessija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dak li Għandek Tkun Taf Dwar l-Epilessija
  • Stenbaħ!—2013
  • Materjal Simili
  • Meta xi ħadd maħbub ikun marid
    Stenbaħ!—2015
  • Komplu Kunu Paċenzjużi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
Stenbaħ!—2013
g 10/13 pp. 12-13

Dak li Għandek Tkun Taf Dwar l-​Epilessija

XI ĦADD li tafu jaqaʼ mal-​art mitluf minn sensih. Ġismu jibbies, u rasu, dirgħajh, u riġlejh jibdew jirtogħdu bil-​qawwi—tagħtih aċċessjoni. Jekk taf li l-​persuna tbati bl-​epilessija, tistaʼ tagħti assistenza adegwata waqt li tistenna l-​għajnuna. Ejja naraw xi fatti bażiċi dwar din il-​marda li spiss in-​nies ma tantx jafu dwarha.

X’inhi l-​epilessija? L-​epilessija hija marda tal-​moħħ li tikkaġuna attakki qosra. L-​attakk kollu ġeneralment idum inqas minn ħames minuti. Is-​sitwazzjoni msemmija fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu hi attakk qawwi t’epilessija (magħruf bħala grand mal seizure).

X’jikkaġunahom l-​attakki? Ir-​riċerkaturi jaħsbu li l-​attakki jiġru meta jkun hemm mewġa mhix normali t’attività elettrika bejn iċ-​ċelluli tal-​moħħ. Għadu mhux magħruf għala dan jiġri eżattament.

Jekk nara lil xi ħadd li jbati bl-​epilessija qed jagħtih attakk qawwi, x’għandi nagħmel? “Dawk preżenti għandhom iħallu l-​attakk jieqaf waħdu u ma jmissux lill-​pazjent, għajr biex jagħmlu ċert li l-​persuna ma tkunx f’periklu fiżiku u li tistaʼ tieħu n-​nifs,” tgħid The Encyclopedia of the Brain and Brain Disorders. Mill-​banda l-​oħra tgħid ukoll: “Għandha tissejjaħ ambulanza jekk l-​attakk idum iktar minn ħames minuti, jekk il-​pazjent jagħtih attakk ieħor eżatt wara l-​ewwel wieħed, jew jekk ma jiġix f’tiegħu ftit minuti wara li jispiċċa l-​attakk.”

Kif nistaʼ ngħin lill-​pazjent waqt li jkun qed jagħtih attakk? Poġġi xi ħaġa ratba taħt rasu, u ressaq affarijiet bil-​ponta ’l bogħod minn rasu. Meta tieqaf l-​aċċessjoni, dawwar il-​pazjent fuq ġenbu bħalma jidher f’paġna 13.

X’għandi nagħmel wara li l-​pazjent jiġi f’sensih? L-​ewwel aċċertah li kollox sew. Imbagħad għinu jqum bilwieqfa u ħudu f’post fejn ikun jistaʼ jistrieħ kemm ikollu bżonn. Il-​maġġoranza tal-​pazjenti jkunu konfużi u bi nagħas wara l-​attakk; oħrajn jirkupraw malajr u jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dak li kienu qed jagħmlu qabel.

L-​attakki tal-​epilessija kollha jinvolvu aċċessjonijiet? Le. Xi pazjenti ma jkunux konxji taʼ x’qiegħed jiġri u lanqas biss jaqgħu fl-​art. Dan ikun attakk ħafif tal-​epilessija (magħruf bħala petit mal seizure jew absence seizure), li ġeneralment ikun qasir u li ma jħalli ebda effetti. Xi nies bl-​epilessija jagħtuhom attakki ħfief fit-​tul, li jdumu diversi minuti. F’każ bħal dan, il-​pazjent għandu mnejn idur mal-​kamra, iġebbed ħwejġu, jew inkella jaġixxi b’mod stramb. Wara l-​attakk, jistaʼ jħossu xi naqra stordut.

Nies li jbatu bl-​epilessija kif iħossuhom? Wieħed jistaʼ jifhem li ħafna nies li jbatu bl-​epilessija jgħixu l-​ħin kollu bil-​biżaʼ taʼ meta u fejn se jkollhom attakk ieħor. Biex jevitaw li jimbarazzaw ruħhom, ġeneralment jevitaw sitwazzjonijiet soċjali.

Kif nistaʼ nappoġġa lil xi ħadd li jbati bl-​epilessija? Inkuraġġih biex jiftaħ qalbu. Kun semmiegħ tajjeb. Staqsih xi jkun iridek tagħmel jekk ikollu attakk. Ladarba ħafna nies li jbatu bl-​epilessija ma jsuqux, forsi tistaʼ toffrilhom li twassalhom xi mkien jew tagħmlilhom xi qadi.

Jistgħu l-​attakki jitnaqqsu jew saħansitra jiġu evitati? Xi affarijiet, bħalma huma l-​istress u n-​nuqqas taʼ rqad, jistgħu jżidu l-​probabbiltà taʼ attakk. Għalhekk, l-​esperti jħeġġu lill-​epilettiċi biex jorqdu biżżejjed u biex jagħmlu eżerċizzju regolarment ħalli jnaqqsu l-​istress. F’ċertu każi, il-​mediċini kienu wkoll effettivi biex jitnaqqsu l-​ammont taʼ attakki.

Minħabba l-​epilessija, żagħżugħ fl-​Afrika t’Isfel jismu Sello ma baqax imur l-​iskola taʼ età żgħira. Hu kiber bla edukazzjoni u bla kura medika li tikkontrolla l-​epilessija tiegħu. Imma hu xtaq jifhem il-​Bibbja, u x-​Xhieda taʼ Ġeħova għenuh. Huma mhux biss studjaw il-​Bibbja miegħu imma wkoll għallmuh jaqra. Barra minn dan, tabib Xhud għenu biex jingħata l-​mediċini kif ukoll pensjoni tad-​diżabilità. “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma Kristjani li veru juru mħabba,” jgħid Sello, li issa hu nnifsu hu Xhud u jieħu gost jaqsam m’oħrajn il-​wegħda t’Alla taʼ dinja ġdida fejn il-​mard ma jkunx iżjed.—Rivelazzjoni 21:3-​5.

Ir-​Recovery Position

Wara li tieqaf l-​aċċessjoni . . .

  • Inżel għarkopptejk maġenb il-​pazjent u ilwi driegħ il-​pazjent mill-​minkeb jipponta ’l fuq

  • Bil-​mod daħħal l-​id l-​oħra tal-​pazjent taħt wiċċu

  • B’idek l-​oħra, iġbed l-​irkoppa tal-​pazjent lejk, u dawru bil-​mod il-​mod. Imbagħad ressaq l-​irkoppa tal-​pazjent għal quddiem ġismu, biex din tmiss mal-​art

  • Mejjel ras il-​pazjent ’il fuq biex ikun jistaʼ jieħu n-​nifs bla xkiel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja