Kirurġija Mingħajr—Demm “Żvilupp Mediku Sinifikanti”
TAĦT it-titlu “Kirurġija ‘Mingħajr Demm,’” ir-rivista Maclean’s irrapportat li t-tobba fil-Kanada qegħdin “jiżviluppaw tekniki ġodda li għal dawn l-aħħar ħames snin biddlu l-hekk imsejħa kirurġija mingħajr demm fi żvilupp mediku sinifikanti.” Brian Muirhead, anestesjologu fiċ-Ċentru tax-Xjenzi dwar is-Saħħa ġewwa Winnipeg, hu wieħed minnhom. X’kien li ġagħlu jagħmel riċerka dwar kura alternattiva mingħajr demm?
Fl-1986, Dr. Muirhead daħal għall-isfida li jopera raġel taʼ 70 sena li kien qed isofri minn ulċera li kienet tnixxi d-demm. Dan ir-raġel, li hu wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, talab li jingħata kura li ma kienet teħtieġ ebda użu taʼ trasfużjoni tad-demm minħabba t-twemmin tiegħu bbażat fuq il-Bibbja. (Atti 15:28, 29) Dr. Muirhead “uża metodu li rari kien jintuża, u beda jamministra trasfużjoni taʼ taħlita taʼ ilma bil-melħ (saline solution) lill-pazjent biex ma jħallix il-pressjoni tad-demm tiegħu titbaxxielu,” tirrapporta r-rivista Maclean’s. “Il-proċedura li uża kienet suċċess u din saħħet iktar it-twemmin taʼ Muirhead li ‘konna qed nagħtu wisq trasfużjonijiet tad-demm. Ħsibt li kien wasal iż-żmien li nfittxu alternattivi.’”
Ir-riċerka għall-kirurġija mingħajr demm ġiet “imqanqla kemm mit-tħassib dwar il-provvista futura taʼ donazzjonijiet taʼ demm, u kemm mill-biżaʼ li kellhom ħafna mill-pazjenti li jlaqqtu xi virus mit-trasfużjonijiet.” Grazzi għar-riċerka minn tobba li jħobbu jiskopru affarijiet ġodda, m’humiex biss ix-Xhieda taʼ Jehovah li bbenefikaw imma nies oħra wkoll. “Il-kirurġija mingħajr demm ma teliminax biss il-ħtieġa taʼ trasfużjonijiet f’ħafna mill-każi, imma tnaqqas ukoll ir-riskju, żgħir kemm hu żgħir, taʼ xi infezzjoni minn demm kontaminat,” tgħid ir-rivista Maclean’s. Imma anki demm “nadif” jistaʼ jikkaġuna riskju taʼ xi infezzjoni peress li jkun qed itellef temporanjament is-sistema taʼ l-immunità tal-pazjent.
X’hemm wara t-twemmin sod tax-Xhieda taʼ Jehovah dwar l-użu t’alternattivi mingħajr demm? Għandu mnejn jinteressak li taqra l-browxer Id-Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek? Ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu gost ħafna li jgħadduh miegħek.