LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/15 pp. 21-24
  • Kif Jistaʼ l-Għaqal Jgħasses Fuqek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Jistaʼ l-Għaqal Jgħasses Fuqek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Evita n-​Nassa taʼ l-​Immoralità Sesswali
  • Inkampaw m’Atteġġjament Mhux Kristjan
  • Ma Nħobbux l-​Affarijiet tad-​Dinja
  • Niffaċċjaw b’Suċċess il-​Maltempati Spiritwali
  • Min qed jinfluwenza l-ħsibijiet tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Ġuvintur​—⁠Kif Tistgħu Ssiru Kristjani Aħjar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Imita lil Dak li jwiegħed il-hajja taʼ dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Int Tistaʼ Tibqaʼ Safi f’Dinja Immorali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/15 pp. 21-24

Kif Jistaʼ l-​Għaqal Jgħasses Fuqek?

IL-​MEWĠ kbir isaħħrek meta tarah, imma lill-​baħrin jindikalhom periklu. Dawn il-​ħalel li jgerbu u jobormu jistgħu jiswewlhom ħajjithom.

B’mod simili, il-​qaddejja t’Alla għandhom mnejn jiffaċċjaw pressjonijiet li dejjem jiżdiedu u li jheddu li jibilgħuhom. Forsi indunajt kemm provi u tentazzjonijiet jiġu bħal mewġ waħda wara l-​oħra fuq il-​Kristjani u jippressawhom. Żgur li trid tilqgħalhom b’mod deċiżiv, u tinsab determinat li tevita nawfraġju spiritwali. (1 Timotju 1:19) L-​għaqal huwa parti vitali mid-​difiża tiegħek. Dan x’inhu, u kif tiksbu?

Il-​kelma Ebrajka tradotta “għaqal,” mezim·mahʹ, ġejja mill-​għerq taʼ kelma li tfisser “li tippjana jew tfassal.” (Proverbji 1:4) B’hekk, xi verżjonijiet tal-​Bibbja jittraduċu l-​kelma mezim·mahʹ bħala “prudenza” jew “ħsieb bil-​quddiem.” In-​New World Translation with References tittraduċiha bħala “abbiltà tal-​ħsieb.” L-​istudjużi tal-​Bibbja Jamieson, Fausset, u Brown jiddeskrivu mezim·mahʹ bħala “attenzjoni li biha wieħed jevita l-​ħażen u jsib it-​tajjeb.” Dan jagħtina x’nifhmu li rridu nqisu l-​konsegwenzi taʼ l-​azzjonijiet tagħna, kemm dawk li jseħħu immedjatament u kemm dawk li jiġu wara tul taʼ żmien. Jekk ikollna l-​għaqal se nikkunsidraw bir-​reqqa l-​għażliet tagħna qabel naġixxu, speċjalment meta nkunu rridu nieħdu deċiżjonijiet importanti.

Meta bniedem għaqli jieħu deċiżjonijiet dwar il-​futur jew dwar sitwazzjonijiet li jsib ruħu fihom fil-​preżent, l-​ewwel janalizza x’jistgħu jkunu l-​perikli jew in-​nases. Ladarba jkun għaraf x’jistgħu jkunu, hu jsib mezz kif jevitahom, waqt li jqis l-​effett fuq l-​affarijiet taʼ madwaru u fuq dawk li jagħmilha magħhom. B’hekk ikun jistaʼ jippjana kif se jaġixxi b’tali mod li jġib riżultat tajjeb, forsi wkoll barkiet minn Alla. Ejja nikkunsidraw xi eżempji prattiċi li juru kif isir dan il-​proċess.

Evita n-​Nassa taʼ l-​Immoralità Sesswali

Meta r-​riħ jitfaʼ mewġ qawwi lejn in-​naħa taʼ quddiem taʼ xi dgħajsa, il-​kundizzjoni tissejjaħ riħ fil-​pruwa. Il-​baħrin ikunu qed jissograw li jinqalbu bid-​dgħajsa jekk ma jużawx is-​sengħa u jibqgħu deħlin fil-​mewġ bin-​naħa taʼ quddiem tad-​dgħajsa.

Aħna niffaċċjaw sitwazzjoni simili, ladarba ngħixu f’dinja ossessjonata bis-​sess. Kuljum insibu maʼ wiċċna mewġ taʼ ideat u stampi senswali. Ma nistgħux ninjoraw l-​effett li dawn jistaʼ jkollhom fuq ix-​xewqat sesswali normali tagħna. Irridu nużaw l-​għaqal u nopponu t-​tentazzjoni b’determinazzjoni minflok ma sempliċement ninġarru mal-​kurrent u nispiċċaw f’sitwazzjonijiet perikolużi.

Per eżempju, l-​irġiel Kristjani taʼ spiss jaħdmu maʼ wħud li ftit li xejn għandhom rispett lejn in-​nisa, u li jikkunsidrawhom biss bħala oġġetti sesswali. Sħabhom tax-​xogħol jistgħu jżewqu l-​konversazzjonijiet tagħhom b’ċajt maħmuġ u kliem doppju sens. Din l-​atmosfera tistaʼ maż-​żmien iddaħħal ideat immorali fil-​moħħ taʼ Kristjan.

Mara Kristjana wkoll għandha mnejn tkun impjegata u għalhekk tistaʼ tesperjenza diffikultajiet. Forsi tkun taħdem maʼ rġiel u nisa li m’għandhomx l-​istess livelli morali tagħha. Jistaʼ jkun li xi wieħed minn sħabha tax-​xogħol juri interess fiha. Għall-​ewwel, għandu mnejn jittrattaha bil-​ħlewwa, u saħansitra jkun jirrispettaha għall-​opinjonijiet reliġjużi tagħha. Il-​fatt li jkun jagħtiha ħafna attenzjoni u jkun magħha taʼ sikwit jistaʼ jġagħalha tkun trid tagħmilha miegħu iktar mill-​qrib.

Bħala Kristjani, kif jistaʼ l-​għaqal jgħinna f’ċirkustanzi bħal dawn? L-​ewwelnett, jistaʼ jwissina bil-​perikli spiritwali, u t-​tieni, jistaʼ jqanqalna nippjanaw xi jkun xieraq li nagħmlu. (Proverbji 3:​21-23) F’każi bħal dawn, forsi jkollna nindikaw b’mod ċar lil sħabna tax-​xogħol li l-​livelli tagħna huma differenti minħabba t-​twemmin Skritturali tagħna. (1 Korintin 6:18) Id-​diskors u l-​imġiba tagħna jistgħu jkomplu jsaħħu dan il-​fatt. Iżjed minn hekk, forsi jkollna bżonn innaqqsu l-​kuntatt tagħna maʼ ċerti wħud fuq ix-​xogħol.

Madankollu, il-​pressjonijiet immorali ma jiġux biss fuq il-​post tax-​xogħol. Jistgħu jiġu wkoll jekk tnejn miżżewġin iħallu l-​problemi jdgħajfu l-​għaqda taʼ bejniethom. Ministru li jivvjaġġa osserva: “Żwieġ ma jitkissirx mil-​lejl għan-​nhar. Tnejn jistgħu jitbiegħdu minn xulxin ftit ftit, jekk rari jkunu jitkellmu jew iqattgħu ħin flimkien. Forsi jibdew jiġru wara affarijiet materjali biex jimlew il-​vojt fiż-​żwieġ tagħhom. U peress li kważi qatt ma jgħaddu kumpliment lil xulxin, għandhom mnejn iħossuhom jinġibdu lejn membri oħra tas-​sess oppost.”

Dan il-​ministru t’esperjenza kompla jgħid: “Minn żmien għal żmien, l-​imseħbin fiż-​żwieġ għandhom joqogħdu bil-​qiegħda u jikkunsidraw jekk hemmx xi ħaġa li qed tagħmel ħsara lir-​relazzjoni tagħhom. Għandhom jippjanaw kif jistgħu jistudjaw, jitolbu, u jippridkaw flimkien. Se jibbenefikaw ħafna billi jitkellmu flimkien ‘fid-​dar, fit-​triq, meta jimteddu, u meta jqumu,’ bħalma jagħmlu l-​ġenituri u l-​ulied.”—Dewteronomju 6:​7-9.

Inkampaw m’Atteġġjament Mhux Kristjan

Minbarra li jgħinna niffaċċjaw it-​tentazzjonijiet morali b’suċċess, l-​għaqal jistaʼ jgħinna wkoll inkampaw mal-​problemi li jkollna maʼ sħabna Kristjani. Meta r-​riħ jitfaʼ l-​mewġ lejn in-​naħa taʼ wara tad-​dgħajsa, ikun hemm dak li jsejħulu baħar impoppa. Il-​mewġ jistaʼ jgħolli l-​poppa u jġorrha la ġenba. B’hekk, il-​mewġ jibda ġej mill-​ġenb u għalhekk id-​dgħajsa tiġi f’pożizzjoni perikoluża.

Aħna wkoll nistgħu niġu effettwati faċilment minn xi periklu li jiġi minn xi mkien li ma tobsorx. Aħna naqdu lil Jehovah “spalla maʼ spalla” mal-​ħafna aħwa Kristjani leali tagħna. (Sofonija 3:​9, NW) Jekk xi ħadd minnhom jaġixxi b’mod mhux Kristjan, jistaʼ jidher bħala ksur tal-​fiduċja u għandna mnejn inħossuna mnikktin ħafna. Permezz taʼ l-​għaqal, kif nistgħu ma nitilfux il-​bilanċ u nweġġgħu żżejjed?

Tinsiex li “ma hemmx bniedem li ma jidnibx.” (1 Slaten 8:46) Għalhekk, m’għandniex niħduha bi kbira meta kultant xi ħu Kristjan forsi jdejjaqna jew iweġġagħna. Ladarba nafu dan, nistgħu nippreparaw ruħna għal meta jistaʼ jiġri hekk u nimmeditaw fuq kif għandna nirreaġixxu. L-​appostlu Pawlu kif irreaġixxa meta xi wħud minn ħutu Kristjani kellmuh b’disprezz u weġġgħuh? Minflok ma tilef il-​bilanċ spiritwali tiegħu, hu kkonkluda li kien iktar importanti li jikseb l-​approvazzjoni taʼ Jehovah milli tal-​bniedem. (2 Korintin 10:​10-18) Attitudni bħal din se tgħinna ma nirreaġixxux taʼ malajr meta xi ħadd jipprovokana.

Dan ikun bħal meta nolqtu subgħajna taʼ saqajna maʼ xi mkien. Meta jiġri hekk, forsi għal minuta jew tnejn ma nkunux nafu x’aħna nagħmlu. Imma wara li l-​uġigħ ibatti, nistgħu nirraġunaw u naġixxu normali. B’mod simili, m’għandniex nirreaġixxu mill-​ewwel għal xi rimarka jew azzjoni kattiva. Minflok, ieqaf u ikkunsidra l-​konsegwenzi li jiġu jekk inpattuha bla ħsieb taʼ xejn.

Malcolm, li ilu missjunarju għal snin twal, jispjega x’jagħmel hu meta jiġi offiż. “L-​ewwel pass hu li nistaqsi lili nnifsi diversi mistoqsijiet preparati: Irrabjat maʼ dan il-​ħu għax il-​personalitajiet tagħna ma jaqblux? Huwa tassew importanti dak li qal? L-​effett li l-​marda tal-​malarja għandha fuq l-​emozzjonijiet tiegħi, qiegħed jagħmilni iktar sensittiv? Fi ftit sigħat oħra, se nara l-​affarijiet b’mod differenti?” Taʼ spiss, bħalma tgħallem Malcolm, in-​nuqqas taʼ qbil ma jkunx importanti u jistaʼ jiġi injorat.a

Malcolm iżid: “Xi drabi, minkejja l-​isforzi kollha tiegħi li nirranġa s-​sitwazzjoni, il-​ħu l-​ieħor iżomm attitudni bierda. Jien nipprova ma nħallihx jagħmilli d-​dwejjaq dan. Ladarba nkun għamilt kulma stajt, nara l-​affarijiet mod ieħor. F’moħħi, jien inwarrab il-​kwistjoni fil-​ġenb bħala xi ħaġa li tistaʼ tissolva mal-​mogħdija taż-​żmien minflok ma niħodha persunali. Ma nħallihiex tagħmilli l-​ħsara spiritwalment jew teffettwali r-​relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah u maʼ ħuti.”

Bħal Malcolm, m’għandniex inħallu l-​imġiba ħażina taʼ individwu wieħed tinkwetana żżejjed. F’kull kongregazzjoni hemm ħafna aħwa leali ħelwin. Huwa pjaċevoli li timxi fit-​triq Kristjana “b’ruħ waħda” magħhom. (Filippin 1:27) Jekk niftakru fl-​appoġġ kollu mħabba li Missierna tas-​sema jagħtina se nkunu nistgħu wkoll ma nkabbrux l-​affarijiet u narawhom kif verament huma.—Salm 23:​1-3; Proverbji 5:​1, 2; 8:12.

Ma Nħobbux l-​Affarijiet tad-​Dinja

L-​għaqal jistaʼ jgħinna niffaċċjaw pressjoni sottili oħra. Meta r-​riħ jitfaʼ l-​mewġ lejn it-​traversa, jew il-​ġenb, tad-​dgħajsa, dan huwa magħruf bħala baħar travers. F’temp normali, baħar bħal dan jistaʼ jmexxi d-​dgħajsa bil-​mod il-​mod lejn direzzjoni oħra. Madankollu, waqt maltempata, baħar travers jistaʼ jaqleb id-​dgħajsa.

B’mod simili, jekk inċedu għall-​pressjoni biex ingawdu dak kollu li għandha x’toffri d-​dinja mill-​agħar, dan l-​istil taʼ ħajja materjalistiku jistaʼ jiżvijana spiritwalment mit-​triq. (2 Timotju 4:10) Jekk ma nikkontrollawx ruħna, l-​imħabba tad-​dinja tistaʼ maż-​żmien iġġagħalna nabbandunaw għalkollox ir-​rotta Kristjana. (1 Ġwann 2:15) L-​għaqal kif jistaʼ jgħinna?

L-ewwelnett, se jgħinna nikkalkulaw liema perikli għandna mnejn inħabbtu wiċċna magħhom. Id-​dinja tuża kull tattika taʼ reklamar li tistaʼ timmaġina biex tipprova tħajjarna. Din tinkuraġġixxi bla heda ħajja li ma jonqosha xejn u li kulħadd suppost għandu jkollu—dak l-​istil taʼ ħajja jlellex li għandhom in-​nies b’ħafna flus, ġmiel, u “suċċess.” (1 Ġwann 2:16) Din twegħedna li kulħadd, speċjalment dawk taʼ mparna u l-​ġirien, se jammirana u japprovana. L-​għaqal se jgħinna nilqgħulha din il-​propaganda, u jfakkarna dwar l-​importanza li ‘ma nkunux mogħtija għar-​regħba tal-​flus,’ ladarba Jehovah wegħedna li ‘m’huwiex se jħallina.’—Lhud 13:5.

It-​tieni, l-​għaqal se jżommna milli nsegwu lil dawk li “tbiegħdu mill-​verità.” (2 Timotju 2:18) Huwa diffiċli ħafna li nikkontradixxu lil dawk li kienu ħbieb tagħna u li konna nafdawhom. (1 Korintin 15:​12, 32-34) Anki jekk niġu influwenzati kemm kemm biss minn dawk li abbandunaw ir-​rotta Kristjana, nistgħu ma nitħallewx nagħmlu progress spiritwali u maż-​żmien insibu ruħna fil-​periklu. Nistgħu nkunu bħal vapur li jidderieġi t-​tmun ħarira ’l barra mir-​rotta propja tiegħu. Jekk il-​vjaġġ ikun twil, il-​vapur jistaʼ jispiċċa ’l bogħod ħafna minfejn suppost kellu jasal.—Lhud 3:12.

L-għaqal jistaʼ jgħinna niddeterminaw fejn ninsabu f’sens spiritwali u ’l fejn aħna sejrin. Forsi nirrikonoxxu li għandna bżonn nieħdu sehem iktar fl-​attivitajiet Kristjani. (Lhud 6:​11, 12) Innota kif ċertu Xhud żagħżugħ ħalla l-​għaqal jgħinu jilħaq miri spiritwali: “Jien kelli l-​opportunità li jkolli karriera fil-​ġurnaliżmu. Veru tħajjart għaliha, imma ftakart fil-​vers tal-​Bibbja li jgħid li ‘d-​dinja tgħaddi,’ iżda ‘min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.’ (1 Ġwann 2:17) Irraġunajt li l-​mod kif ngħix għandu jirrifletti t-​twemmin tiegħi. Il-​ġenituri tiegħi kienu telquha l-​fidi Kristjana, u ma ridtx insegwi l-​eżempju tagħhom. Għalhekk iddeċidejt li ngħix ħajja taʼ skop u dħalt fil-​ministeru full-time bħala pijunier regulari. Wara erbaʼ snin taʼ sodisfazzjon, jien naf li għamilt l-​għażla t-​tajba.”

Niffaċċjaw b’Suċċess il-​Maltempati Spiritwali

Għala huwa urġenti li nużaw l-​għaqal illum? Il-​baħrin iridu jkunu sensittivi għal sinjali taʼ periklu, speċjalment meta jkun ġej il-​maltemp. Jekk it-​temperatura tinżel f’daqqa u l-​irjiħat jitqawwew, dawn jaraw li l-​purtelli jkunu magħluqin sew bit-​traversi, u jippreparaw għal maltemp kbir. Bl-​istess mod, irridu nippreparaw biex niffaċċjaw pressjonijiet qawwijin daqs riefnu hekk kif din is-​sistema mill-​agħar toqrob lejn tmiemha. Il-​valuri tajbin tas-​soċjetà qed jiġu fix-​xejn, u ‘n-​nies il-​ħżiena sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.’ (2 Timotju 3:13) Bħalma l-​baħrin jisimgħu dejjem it-​tbassir tat-​temp, aħna rridu nisimgħu mit-​twissijiet profetiċi tal-​Kelma mnebbħa t’Alla.—Salm 19:​8-12 (19:​7-11, NW).

Meta nużaw l-​għaqal, aħna napplikaw l-​għarfien li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Il-​problemi nkunu nistgħu nħossuhom ġejjin minn qabel u niddeċiedu kif se nsolvuhom. Għalhekk se nkunu deċiżi li ma niżvijawx mir-​rotta Kristjana, u nkunu nistgħu nqiegħdu “sisien tajba għaż-​żmien li ġej” billi nagħmlu miri spiritwali u nfittxu li nilħquhom.—1 Timotju 6:​19, KŻ.

Jekk inżommu l-​għaqal u l-​ħsieb, m’għandniex għalfejn ‘nibżgħu minn qtajjaʼ għall-​għarrieda.’ (Qwiel 3:​21, 25, 26, Saydon) Minflok, aħna nsibu faraġ fil-​wegħda t’Alla: “L-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek. L-​għaqal jgħasses fuqek.”—Proverbji 2:​10, 11.

[Nota taʼ taħt]

a Il-Kristjani għandhom jipprovaw jagħmlu paċi, fi qbil mal-​parir li nsibu f’Mattew 5:​23, 24. Jekk il-​kwistjoni tkun tinvolvi dnubiet serji, għandhom jipprovaw jirbħu lura lil ħuhom, kif imsemmi f’Mattew 18:​15-17. Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 t’Ottubru, 1999, paġni 17-22.

[Stampa f’paġna 23]

Komunikazzjoni regulari ssaħħaħ iż-​żwieġ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja