LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 5/1 pp. 8-13
  • L-Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ixandar Pubblikament it-​Tama taʼ l-​Irxoxt
  • Il-​Fidi u l-​Irxoxt
  • It-​Tama taʼ l-​Irxoxt
  • L-​Irxoxt u l-​Ħbiberija maʼ Ġeħova
  • L-​Imħabba t’Alla ​—Il-​Bażi għat-​Tama taʼ l-​Irxoxt
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt Għandha l-Qawwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Se Jkun Hemm Irxoxt tat-Twajbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Qawwa tat-Tama taʼ l-Irxoxt
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 5/1 pp. 8-13

L-​Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak

“Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”​—ATTI 24:15.

1. Kif inqalgħet il-​kwistjoni dwar l-​irxoxt quddiem is-​Sinedriju?

FI TMIEM it-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu fis-​sena 56 E.K., l-​appostlu Pawlu kien qiegħed Ġerusalemm. Wara li ġie arrestat mir-​Rumani, hu ngħata l-​permess biex jidher quddiem il-​qorti għolja Lhudija, is-​Sinedriju. (Atti 22:​29, 30) Hekk kif ħares lejn il-​membri taʼ din il-​qorti, Pawlu nnota li xi wħud kienu Sadduċej u oħrajn Fariżej. Dawn iż-​żewġ gruppi ma kinux jaqblu f’punt li kien jispikka ħafna. Waqt li s-​Sadduċej ma kinux jemmnu li hemm l-​irxoxt, il-​Fariżej kienu jaċċettawh. Sabiex juri x’kien it-​twemmin tiegħu, Pawlu ddikjara: “Irġiel, aħwa, jien Fariżew, bin il-​Fariżej, u qed niġi ġudikat minħabba t-​tama taʼ l-​irxoxt tal-​mejtin.” B’dan il-​kliem, fil-​ġemgħa nqalaʼ pandemonju sħiħ!​—Atti 23:​6-​9.

2. Pawlu għala kien lest biex jiddefendi t-​twemmin tiegħu fl-​irxoxt?

2 Snin qabel, meta kien fi triqtu lejn Damasku, Pawlu ra viżjoni li fiha semaʼ leħen Ġesù. Pawlu saħansitra staqsa lil Ġesù: “X’għandi nagħmel, Mulej?” Ġesù wieġbu: “Qum, mur Damasku, u hemmhekk jintqallek kulma hu deċiż li għandek tagħmel.” Meta wasal Damasku, Pawlu nstab minn dixxiplu Kristjan, Ananija, li għenu ħafna. Dan spjegalu: “L-​Alla taʼ missirijietna għażlek biex issir taf ir-​rieda tiegħu u tara lill-​Ġust [Ġesù rxoxtat] u tismaʼ leħen fommu.” (Atti 22:​6-​16) Mhux taʼ b’xejn, mela, li Pawlu kien lest biex jiddefendi t-​twemmin tiegħu fl-​irxoxt.​—1 Pietru 3:​15.

Ixandar Pubblikament it-​Tama taʼ l-​Irxoxt

3, 4. Pawlu kif wera li kien jappoġġa lealment it-​tagħlim taʼ l-​irxoxt, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu?

3 Iktar tard, Pawlu deher quddiem il-​Gvernatur Feliċ. F’din l-​okkażjoni, Tertullu, “kelliemi pubbliku” li ppreżenta l-​każ tal-​Lhud kontra Pawlu, akkużah li kien mexxej taʼ setta u li kien xewwiexi. Mingħajr tlaqliq, Pawlu ddikjara: “Nammetti dan miegħek li, skond dik it-​triq li huma jsejħulha ‘setta,’ b’dan il-​mod qed nagħti servizz sagru lill-​Alla taʼ missirijieti.” Imbagħad, biex ikompli fuq il-​kwistjoni prinċipali, qal: “Għandi tama f’Alla, bħalma għandhom huma wkoll, li se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”​—Atti 23:​23, 24; 24:​1-8, 14, 15.

4 Xi sentejn wara, Porċju Festu, is-​suċċessur taʼ Feliċ, stieden lis-​Sultan Erodi Agrippa biex jingħaqad miegħu ħalli jistħarrġu lill-​priġunier Pawlu. Festu spjega li dawk li kienu ġabu l-​akkużi kontra Pawlu ma kinux jaqblu maʼ l-​istqarrija tiegħu li “ċertu Ġesù li hu mejjet . . . hu ħaj.” Sabiex jiddefendi ruħu, Pawlu staqsa: “Għala qed tiġġudikawha bħala xi ħaġa li ma titwemminx, li Alla jqajjem il-​mejtin?” Imbagħad iddikjara: “Bl-​għajnuna li ksibt mingħand Alla, jien għadni sa llum nixhed kemm liż-​żgħar u kemm lill-​kbar, u ma ngħid xejn ħlief dak li l-​Profeti kif ukoll Mosè qalu li se jseħħ, li l-​Kristu kellu jbati u, bħala l-​ewwel wieħed li jiġi rxoxtat mill-​imwiet, kien se jxandar id-​dawl kemm lil dan il-​poplu kif ukoll lill-​ġnus.” (Atti 24:​27; 25:​13-​22; 26:​8, 22, 23) Tabilħaqq, Pawlu kien jappoġġa lealment it-​tagħlim taʼ l-​irxoxt. Bħal Pawlu, aħna wkoll nistgħu nxandru b’konvinzjoni li se jkun hemm irxoxt. Imma liema reazzjoni nistgħu nistennew? X’aktarx waħda simili għal dik li rċieva Pawlu.

5, 6. (a) L-appoġġ li taw l-​appostli lit-​tagħlim taʼ l-​irxoxt liema reazzjoni qanqal? (b) Filwaqt li nesprimu t-​tama tagħna fl-​irxoxt, x’inhu vitali?

5 Ikkunsidra dak li ġara iktar qabel, matul it-​tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu (madwar is-​sena 49-​52 E.K.) meta dan żar Ateni. Hemmhekk, hu rraġuna maʼ nies li kienu jemmnu f’ħafna allat, u ħeġġiġhom biex jikkunsidraw l-​iskop li għandu Alla sabiex jiġġudika l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li kien ħatar Hu. Dan il-​bniedem ma kien ħadd għajr Ġesù. Pawlu spjega li Alla kien ta garanzija taʼ dan billi rxoxta lil Ġesù. Kif irreaġixxew in-​nies? Naqraw: “Meta semgħu dwar l-​irxoxt tal-​mejtin, xi wħud bdew jiżżuffjettaw, waqt li oħrajn qalu: ‘Dwar dan nisimgħuk darb’oħra.’”​—Atti 17:​29-​32.

6 Din ir-​reazzjoni kienet simili għal dik li esperjenzaw Pietru u Ġwanni ftit wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Għal darb’oħra, is-​Sadduċej spikkaw fil-​kontroversja. Atti 4:​1-​4 jgħidilna x’ġara: “Issa, waqt li dawn it-​tnejn kienu qed ikellmu lin-​nies, ġew fuqhom il-​qassisin ewlenin u l-​kmandant tat-​tempju u s-​Sadduċej, għax kienu rrabjati peress li kienu qed jgħallmu lin-​nies u jużaw il-​każ taʼ Ġesù biex ixandru b’mod ċar l-​irxoxt mill-​imwiet.” Madankollu, kien hemm oħrajn li kellhom reazzjoni favorevoli. “Ħafna minn dawk li kienu semgħu d-​diskors emmnu, u l-​għadd taʼ l-​irġiel sar madwar ħamest elef.” Jidher ċar li nistgħu nistennew ħafna reazzjonijiet differenti meta nitkellmu dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt. Minħabba f’hekk, hu vitali li aħna nsaħħu l-​fidi tagħna f’dan it-​tagħlim.

Il-​Fidi u l-​Irxoxt

7, 8. (a) Bħalma ntwera f’ittra lill-​kongregazzjoni taʼ Korintu fl-​ewwel seklu, il-​fidi kif tistaʼ tkun għalxejn? (b) Fehma korretta dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt kif tiddistingwi l-​Kristjani veri?

7 Fl-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni, mhux kulmin sar Kristjan sabha faċli li jaċċetta t-​tama taʼ l-​irxoxt. Xi wħud minn dawk li sabuha iebsa kienu jassoċjaw mal-​kongregazzjoni f’Korintu. Lil dawn Pawlu kitbilhom: “Fost l-​ewwel affarijiet, għaddejtilkom dak li rċivejt jien ukoll, li Kristu miet għal dnubietna skond l-​Iskrittura; u li ndifen, iva, li ġie mqajjem fit-​tielet jum skond l-​Iskrittura.” Imbagħad Pawlu wera kemm din l-​istqarrija kienet minnha billi qal li Kristu rxoxtat “deher lil iktar minn ħames mitt ħu,” li l-​biċċa l-​kbira minnhom, żied Pawlu, kienu għadhom ħajjin. (1 Korintin 15:​3-​8) Hu kompla rraġuna: “Jekk qed jiġi pridkat li Kristu ġie mqajjem mill-​imwiet, xi wħud fostkom kif qed jgħidu li m’hemmx irxoxt tal-​mejtin? Tabilħaqq, jekk m’hemmx irxoxt tal-​mejtin, lanqas Kristu ma ġie mqajjem. Imma jekk Kristu ma ġiex imqajjem, l-​ippridkar tagħna żgur li hu għalxejn, u l-​fidi tagħna hi għalxejn.”​—1 Korintin 15:​12-​14.

8 Iva, it-​tagħlim taʼ l-​irxoxt tant hu fundamentali li l-​fidi Kristjana tkun għalxejn jekk l-​irxoxt ma jiġix aċċettat bħala realtà. Tabilħaqq, fehma korretta dwar l-​irxoxt tiddistingwi l-​Kristjani veri minn dawk foloz. (Ġenesi 3:​4; Eżekjel 18:​4, Karm Żammit) Għaldaqstant, Pawlu inkluda t-​tagħlim taʼ l-​irxoxt fid-​“duttrina elementari” tal-​Kristjanità. Jalla nkunu determinati li “nirsistu lejn il-​maturità.” “U dan nagħmluh,” iħeġġeġ Pawlu, “jekk Alla jippermetti.”​—Ebrej 6:​1-​3.

It-​Tama taʼ l-​Irxoxt

9, 10. Xi jfisser it-​terminu “rxoxt” fil-​Bibbja?

9 Sabiex inkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna fl-​irxoxt, ejja nirrivedu xi mistoqsijiet bħal: Xi jfisser it-​terminu “rxoxt” fil-​Bibbja? It-​tagħlim taʼ l-​irxoxt kif jenfasizza l-​imħabba taʼ Ġeħova? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jressquna eqreb lejn Alla u fl-​istess ħin jgħinuna ngħallmu lil oħrajn.​—2 Timotju 2:​2; Ġakbu 4:​8.

10 Il-​kelma “rxoxt” hija t-​traduzzjoni taʼ kelma Griega li letteralment tfisser “terġaʼ tqum bil-​wieqfa.” X’tinvolvi din l-​espressjoni? Skond il-​Bibbja, it-​tama taʼ l-​irxoxt hija l-​konvinzjoni li persuna mejta tistaʼ tgħix mill-​ġdid. Il-​Bibbja turi wkoll li l-​persuna tiġi rxoxtata jew b’ġisem taʼ bniedem jew b’ġisem taʼ spirtu, skond jekk it-​tama li jkollha tkunx għall-​art jew għas-​sema. Dan il-​prospett meraviljuż taʼ l-​irxoxt jurina l-​imħabba, l-​għerf, u l-​qawwa li għandu Ġeħova, u aħna nibqgħu meraviljati bih.

11. Liema prospetti taʼ l-​irxoxt huma offruti lill-​qaddejja midlukin t’Alla?

11 L-​irxoxt taʼ Ġesù u ħutu l-​midlukin jipprovdilhom ġisem taʼ spirtu li jkunu jistgħu jaqdu bih fis-​sema. (1 Korintin 15:​35-​38, 42-​53) Dawn se jaqdu lkoll flimkien bħala ħakkiema fis-​Saltna Messjanika li se ġġib kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna fuq l-​art. Taħt Ġesù bħala l-​Qassis il-​Kbir, il-​midlukin jifformaw saċerdozju rjali. Fid-​dinja ġdida u ġusta, huma se japplikaw għall-​umanità l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa li għamel Kristu. (Ebrej 7:​25, 26; 9:​24; 1 Pietru 2:​9; Rivelazzjoni 22:​1, 2) Sadattant, dawk mill-​midlukin li għadhom ħajjin fuq l-​art jixtiequ li jibqgħu aċċettabbli f’għajnejn Alla. Meta jmutu, huma se jieħdu ‘ħlashom’ billi jiġu rxoxtati għall-​ħajja bħala spirti immortali fis-​sema. (2 Korintin 5:​1-​3, 6-​8, 10; 1 Korintin 15:​51, 52; Rivelazzjoni 14:​13) “Jekk ngħaqadna miegħu f’mewt li tixbah lil tiegħu,” kiteb Pawlu, “żgur li se ningħaqdu miegħu wkoll fi rxoxt li jixbah lil tiegħu.” (Rumani 6:​5) Imma xi ngħidu għal dawk li għalihom l-​irxoxt ifisser ħajja fuq l-​art mill-​ġdid bħala bnedmin? It-​tama taʼ l-​irxoxt kif tistaʼ tressaqhom eqreb lejn Alla? Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju t’Abraham.

L-​Irxoxt u l-​Ħbiberija maʼ Ġeħova

12, 13. Abraham liema bażi qawwija kellu għall-​fidi tiegħu fl-​irxoxt?

12 Abraham, li ġie deskritt bħala “l-​ħabib taʼ Ġeħova,” kien raġel b’fidi li tispikka. (Ġakbu 2:​23) Fil-​11-il kapitlu t’Ebrej, Pawlu rrefera tliet darbiet għall-​fidi t’Abraham meta kien qed isemmi lista taʼ rġiel u nisa leali. (Ebrej 11:​8, 9, 17) It-​tielet referenza li għamel tiffoka fuq il-​fidi li wera Abraham meta b’ubbidjenza pprepara biex joffri lil ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju. Abraham kien konvint li l-​wegħda li jkollu nisel minn Iżakk kienet garantita minn Ġeħova. Anki kieku Iżakk kellu jmut bħala sagrifiċċju, Abraham “qies li Alla setaʼ jqajmu saħansitra mill-​imwiet.”

13 Ġara li meta ra kemm kienet b’saħħitha l-​fidi t’Abraham, Ġeħova pprovda annimal biex jiġi offrut bħala sagrifiċċju minflok Iżakk. Xorta waħda, l-​esperjenza taʼ Iżakk serviet bħala tixbiha taʼ l-​irxoxt, bħalma spjega Pawlu: “Minn hemm [Abraham] irċivieh [lil Iżakk] ukoll bħala tixbiha.” (Ebrej 11:​19) Iżjed minn hekk, Abraham diġà kellu bażi qawwija għat-​twemmin tiegħu fl-​irxoxt. Ma kienx Ġeħova rrestawra l-​qawwiet riproduttivi t’Abraham meta hu u martu, Sara, ngħaqdu flimkien fi xjuħithom u pproduċew lil binhom, Iżakk?​—Ġenesi 18:​10-​14; 21:​1-​3; Rumani 4:​19-​21.

14. (a) Skond Ebrej 11:​9, 10, Abraham x’kien qed jistenna? (b) Sabiex jirċievi l-​barkiet tas-​Saltna fid-​dinja l-​ġdida, x’għad irid jiġrilu Abraham? (ċ) Kif nistgħu aħna nirċievu l-​barkiet tas-​Saltna?

14 Pawlu ddeskriva lil Abraham bħala resident barrani li kien jgħix fit-​tined u li “kien qed jistenna l-​belt li għandha sisien taʼ veru, li l-​bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebrej 11:​9, 10) Din ma kinitx xi belt letterali bħal Ġerusalemm, fejn kien hemm it-​tempju t’Alla. Le, din kienet belt simbolika. Kienet is-​Saltna t’Alla tas-​sema magħmula minn Kristu Ġesù u l-​144,000 li se jaħkmu miegħu. Il-​144,000 fil-​glorja tagħhom tas-​sema huma msejħin ukoll bħala “l-​belt qaddisa, Ġerusalemm il-​Ġdida,” l-​“għarusa” taʼ Kristu. (Rivelazzjoni 21:​2) Fl-​1914, Ġeħova poġġa lil Ġesù fuq it-​tron bħala s-​Sultan Messjaniku tas-​Saltna tas-​sema u kkmandah biex jaħkem f’nofs l-​għedewwa tiegħu. (Salm 110:​1, 2; Rivelazzjoni 11:​15) Sabiex jirċievi l-​barkiet tal-​ħakma tas-​Saltna, Abraham, “il-​ħabib taʼ Ġeħova,” irid jgħix mill-​ġdid. Bl-​istess mod, sabiex aħna nirċievu l-​barkiet tas-​Saltna, irridu nkunu ħajjin fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, sew jekk bħala membri tal-​folla kbira li se tibqaʼ ħajja f’Armageddon u sew jekk bħala wħud li jiġu rxoxtati mill-​imwiet. (Rivelazzjoni 7:​9, 14) Iżda x’inhi l-​bażi għat-​tama taʼ l-​irxoxt?

L-​Imħabba t’Alla ​—Il-​Bażi għat-​Tama taʼ l-​Irxoxt

15, 16. (a) L-ewwel profezija tal-​Bibbja kif tqiegħed il-​bażi għat-​tama tagħna taʼ l-​irxoxt? (b) Kif jistaʼ t-​twemmin fl-​irxoxt iressaqna eqreb lejn Ġeħova?

15 Ir-​relazzjoni mill-​qrib li ngawdu maʼ Missierna tas-​sema kollu mħabba, il-​fidi b’saħħitha li għandna bħal dik t’Abraham, u l-​ubbidjenza tagħna lejn il-​kmandi t’Alla jagħmluhielna possibbli li Ġeħova jiddikjarana ġusti u jqisna bħala ħbiebu. Dan jagħtina l-​opportunità li nibbenefikaw mill-​ħakma tas-​Saltna. Tabilħaqq, l-​ewwel profezija li nkitbet fil-​Kelma t’Alla, f’Ġenesi 3:​15, tqiegħed il-​bażi għat-​tama taʼ l-​irxoxt u l-​ħbiberija m’Alla. Il-​profezija mhux biss tbassar it-​tisħiq taʼ ras Satana imma b’kuntrast tbassar ukoll it-​tbenġil fl-​għarqub tan-​Nisel tal-​mara t’Alla. Il-​mewt taʼ Ġesù fuq iz-​zokk kienet b’mod figurattiv it-​tbenġil fl-​għarqub. L-​irxoxt tiegħu fit-​tielet jum fejjaq dik il-​ferita u witta t-​triq għall-​azzjoni deċiżiva kontra “dak li jistaʼ jikkaġuna l-​mewt, jiġifieri, ix-​Xitan.”​—Ebrej 2:​14.

16 Pawlu jfakkarna li “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:​8) L-​apprezzament għal din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa verament iressaqna eqreb lejn Ġesù u lejn Missierna tas-​sema kollu mħabba.​—2 Korintin 5:​14, 15.

17. (a) Liema tama esprima Ġob? (b) Ġob 14:15 (KŻ) x’juri dwar Ġeħova, u dan kif iġagħlek tħossok?

17 Ġob, raġel leali li kien jgħix qabel il-​Kristjanità, ukoll kien iħares ’il quddiem lejn l-​irxoxt. Hu bata ħafna taħt idejn Satana. Għall-​kuntrarju tal-​ħbieb foloz tiegħu, li qatt ma semmew l-​irxoxt, Ġob tfarraġ b’din it-​tama u staqsa: “Jekk il-​bniedem imut, jarġaʼ jgħix?” Bi tweġiba, Ġob stess iddikjara: “Iż-​żmien kollu tas-​servizz tiegħi kont nistenna, sama jasal ħin it-​tibdil tiegħi.” Imbagħad dar fuq Alla tiegħu, Ġeħova, u rrikonoxxa: “Inti ssejjaħli, u jien inwieġbek.” Rigward is-​sentimenti tal-​Ħallieq tagħna li tant iħobbna, Ġob innota: “Inti tixxennaq għal xogħol idejk.” (Ġob 14:​14, 15, KŻ) Iva, Ġeħova jistenna bil-​ħerqa ż-​żmien meta l-​leali jerġgħu lura għall-​ħajja fl-​irxoxt. Kemm iressaqna eqreb lejh dan hekk kif nimmeditaw fuq l-​imħabba u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa li juri magħna minkejja li aħna imperfetti!​—Rumani 5:​21; Ġakbu 4:​8.

18, 19. (a) Danjel liema prospett għandu li jgħix mill-​ġdid? (b) X’se naraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Il-​profeta Danjel, li ġie deskritt mill-​anġlu t’Alla bħala “raġel għażiż,” għex ħajja twila li matulha qeda lealment. (Danjel 10:​11, 19) L-​integrità tiegħu lejn Ġeħova baqgħet sħiħa mill-​eżilju tiegħu fis-​sena 617 Q.E.K. sa ma miet ftit taż-​żmien wara li rċieva viżjoni fis-​sena 536 Q.E.K., fit-​tielet sena taʼ Ċiru, sultan tal-​Persja. (Danjel 1:​1; 10:​1) F’xi żmien matul it-​tielet sena tar-​renju taʼ Ċiru, Danjel irċieva viżjoni dwar l-​avanz tal-​qawwiet dinjin li kien se jilħaq il-​quċċata fit-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja. (Danjel 11:​1–​12:​13) Peress li ma setax jifhem il-​viżjoni għalkollox, Danjel staqsa lill-​messaġġier anġeliku li wassalhielu: “Sidi, x’se jiġri wara dan kollu?” Sabiex iwieġbu, l-​anġlu ġibidlu l-​attenzjoni lejn iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” li matulu “jifhmu biss dawk li jkunu bil-​għaqal.” U x’kienu l-​prospetti għal Danjel innifsu? L-​anġlu qallu: ‘Int tistrieħ, u mbagħad, meta jintemm iż-​żmien, tqum għall-​wirt li jmissek.’ (Danjel 12:​8-​10, 13) Danjel se jerġaʼ jiġi lura “fl-​irxoxt tan-​nies sewwa,” matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu.​—Luqa 14:​14.

19 Aħna qed ngħixu fl-​aħħar parti taż-​żmien taʼ l-​aħħar u iktar viċin il-​bidu tal-​Ħakma Millennjali taʼ Kristu minn mindu sirna nemmnu. Għalhekk, irridu nistaqsu lilna nfusna, ‘Se nkun jien fid-​dinja l-​ġdida biex nassoċja m’Abraham, Ġob, Danjel, u rġiel u nisa leali oħrajn?’ Inkunu hemmhekk dment li nibqgħu qrib Ġeħova u nobdu l-​kmandi tiegħu. Fl-​artiklu tagħna li jmiss, se naraw it-​tama tagħna taʼ l-​irxoxt b’iktar dettall sabiex inkunu nistgħu nidentifikaw min se jiġi rxoxtat.

Tiftakar Int?

• Pawlu liema reazzjoni rċieva meta xandar it-​tama tiegħu taʼ l-​irxoxt?

• It-​tama taʼ l-​irxoxt għala tiddistingwi l-​Kristjani veri minn dawk foloz?

• Kif nafu li Abraham, Ġob, u Danjel kellhom fidi fl-​irxoxt?

[Stampa f’paġna 9]

Meta deher quddiem il-​Gvernatur Feliċ, Pawlu xandar b’konvinzjoni t-​tama taʼ l-​irxoxt

[Stampa f’paġna 10]

Abraham għala kellu fidi fl-​irxoxt?

[Stampa f’paġna 12]

Ġob tfarraġ bit-​tama taʼ l-​irxoxt

[Stampa f’paġna 12]

Danjel se jerġaʼ lura fl-​irxoxt tan-​nies sewwa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja