Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
6-12 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 1-2
“Ġeħova joħloq il-ħajja fuq l-art”
it-1 527-528
Ħolqien
Meta Alla qal fl-Ewwel Jum, “Ħa jkun id-dawl,” milli jidher id-dawl għadda mis-saffi tas-sħab u nfirex. Madankollu, is-sorsi taʼ dak id-dawl kienu għadhom ma jidhrux minn fuq wiċċ l-art. Jidher li dan kien proċess li sar b’mod gradwali, bħalma wera t-traduttur J. W. Watts meta kiteb: “U gradwalment beda jeżisti d-dawl.” (Ġen 1:3, A Distinctive Translation of Genesis) Imbagħad Alla fired id-dawl minn mad-dlam, u semma d-dawl Nhar u d-dlam Lejl. Dan juri li d-dinja kienet qed iddur fuq l-assi tagħha waqt li fl-istess ħin kienet iddur max-xemx. B’hekk, l-emisferi tal-Lvant u tal-Punent setaʼ jkollhom perjodi taʼ dawl u dlam.—Ġen 1:3, 4.
Fit-Tieni Jum, Alla għamel firxa billi fired “l-ilmijiet mill-ilmijiet.” Xi ilmijiet baqgħu fuq l-art waqt li ammont kbir taʼ ilma ttellaʼ ’l fuq minn wiċċ l-art. B’hekk, bejn dawn l-ilmijiet kien hemm firxa. Alla semma din il-firxa Sema, imma dan kien rigward l-art, għax l-ilmijiet li kienu ’l fuq mill-firxa ma jintqalx li għandhom oġġetti tas-smewwiet iktar ’il barra, bħall-istilel.—Ġen 1:6-8.
Fit-Tielet Jum, permezz tal-qawwiet mirakolużi t’Alla, l-ilmijiet tal-art ġew miġburin flimkien u dehret l-art niexfa u Alla semmieha Art. Fl-istess jum, Alla uża l-prinċipju tal-ħajja biex jagħmel l-atomi tal-materjal, u dan ma ġiex b’kumbinazzjoni jew bl-evoluzzjoni. Għalhekk, inħalqu l-ħaxix, il-ħxejjex, u s-siġar tal-frott. Kull wieħed minn dawn it-tliet gruppi kien kapaċi jirriproduċi skont “ġensu,” jew skont l-ispeċi tiegħu.—Ġen 1:9-13.
it-1 528 ¶5-8
Ħolqien
Hu wkoll taʼ min jinnota li f’Ġenesi 1:16, il-verb Ebrajk li jfisser “joħloq” ma jintużax. Minflok jintuża l-verb Ebrajk li jfisser “jagħmel.” Peress li x-xemx, il-qamar, u l-istilel huma parti mis-“smewwiet” li jissemmew f’Ġenesi 1:1, dawn ġew maħluqin ħafna qabel ir-Rabaʼ Jum. Fir-rabaʼ jum Alla għamel konnessjoni ġdida bejnhom u l-wiċċ tal-art u l-firxa taʼ fuqha. Il-fatt li hemm miktub, “Alla poġġiehom fil-firxa tas-smewwiet biex jiddu għal fuq l-art,” jindika li bdew jidhru minn fuq wiċċ l-art, bħallikieku kienu fil-firxa. Barra minn hekk, id-dawwaliet kellhom “iservu bħala sinjali, kif ukoll iservu għall-istaġuni, għall-jiem, u għas-snin,” u b’hekk jipprovdu gwida għall-bnedmin b’diversi modi.—Ġen 1:14.
Il-Ħames Jum ġie indikat bil-ħolqien tal-ewwel erwieħ ħajjin fuq l-art li ma kinux bnedmin. Dawn ma kinux sempliċement ħliqa waħda li nħolqot minn Alla biex tevolvi f’forom oħra, imma kien hemm letteralment qtajjaʼ taʼ erwieħ ħajjin permezz tal-qawwa minn Alla. Hemm miktub: “Alla ħalaq il-mostri kbar tal-baħar u kull ruħ ħajja li titħarrek, li kotru fl-ilmijiet skond ġenshom, u kull ħliqa li ttir bil-ġwienaħ skond ġensha.” Alla kien ferħan b’dak li kien għamel, għalhekk berikhom, u qalilhom “joktru,” kif fil-fatt ġara. Dan kien possibbli għax dawn il-ħlejjaq taʼ tipi taʼ familji differenti ngħataw l-abbiltà b’mod divin biex jirriproduċu “skond ġenshom.”—Ġen 1:20-23.
Fis-Sitt Jum, “Alla għamel il-bhejjem salvaġġi taʼ l-art skond ġenshom u l-annimali domestiċi skond ġenshom u kull annimal li jitkaxkar taʼ l-art skond ġensu.” Dan ix-xogħol kien tajjeb bħalma kienu x-xogħlijiet kollha taʼ ħolqien li kien għamel qabel Alla.—Ġen 1:24, 25.
Lejn l-aħħar tas-sitt jum taʼ xogħol kreattiv, Alla ħalaq kreatura ġdida totalment, li kienet superjuri għall-annimali imma xorta inqas mill-anġli. Din kienet il-bniedem, li ġie maħluq fix-xbieha t’Alla u kien jixbah lilu. Waqt li Ġenesi 1:27 jgħid dwar il-bnedmin li Alla “raġel u mara ħalaqhom,” ir-rakkont li jixbhu taʼ Ġenesi 2:7-9 juri li Alla Ġeħova fforma r-raġel mit-trab tal-art, nefaħ fi mnifsejh in-nifs tal-ħajja, u r-raġel sar ruħ ħajja, li għalih ġew provduti ikel u ġenna tal-art bħala dar. F’dan il-każ, Ġeħova uża l-elementi tal-art fix-xogħol kreattiv tiegħu. Imbagħad, wara li ħalaq ir-raġel, Alla ħalaq il-mara billi uża waħda mill-kustilji t’Adam. (Ġen 2:18-25) Permezz tal-ħolqien tal-mara, il-bniedem kien komplut bħala “ġens.”—Ġen 5:1, 2.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
Kif ix-xjenza taffettwalek ħajtek
Kemm ilhom jeżistu l-art u l-univers?
Ix-xjentisti jikkalkulaw li l-art ilha teżisti madwar 4 biljun sena u l-univers ilu jeżisti xi 13 jew 14-il biljun sena. Il-Bibbja ma tagħtix data tal-ħolqien tal-univers. Fl-ebda post ma tgħid li l-art ilha teżisti biss ftit eluf taʼ snin. L-ewwel vers tal-Bibbja jgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġenesi 1:1) Ix-xjentisti jikkalkulaw kemm ilha teżisti d-dinja fuq din l-istqarrija ġenerali skont prinċipji xjentifiċi li tistaʼ toqgħod fuqhom.
it-2 52
Ġesù Kristu
Mhux Ħallieq. Madankollu, il-fatt li l-Iben kellu sehem fix-xogħol kreattiv ma jfissirx li hu Ħallieq maʼ Missieru. Il-qawwa għall-ħolqien ġiet minn Alla permezz tal-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, tiegħu. (Ġen 1:2; Sa 33:6) U għax Ġeħova hu s-Sors tal-ħajja kollha, il-kreazzjoni ħajja kollha, kemm li tidher u kemm li ma tidhirx, taf il-ħajja lilu. (Sa 36:9) Allura, minflok Ħallieq, l-Iben kien l-aġent jew il-mezz li bih ħadem Ġeħova, li hu l-Ħallieq. Ġesù nnifsu ta l-krettu lil Alla għall-ħolqien, kif tagħmel ukoll l-Iskrittura kollha.—Mt 19:4-6.
IRSISTI FIL-MINISTERU
Kif it-tweġiba tal-Bibbja tagħti paċi tal-moħħ vera
Li nafu li kull familja fuq l-art taf isimha lil Alla jbiddel il-mod kif inqisu lil oħrajn. (Efesin 3:15) Li jkollna għarfien bħal dan jinfluwenza wkoll kif inħarsu lejna nfusna u lejn il-problemi tagħna. Il-mod kif naħsbu se jiġi affettwat bil-modi li ġejjin.
Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet diffiċli, aħna mhux se ninkwetaw bla bżonn dwar l-opinjonijiet differenti tan-nies. Minflok, b’fiduċja nistrieħu fuq il-pariri tal-Bibbja. Għala? Għax “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.”—2 Timotju 3:16, 17.
Veru, għandna bżonn nagħmlu sforz u jkollna d-dixxiplina biex napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. Xi kultant, biex nimxu mal-gwida tagħha jkollna bżonn naġixxu b’modi li jidhru differenti minn dak li nkunu nixtiequ nagħmlu. (Ġenesi 8:21) Madankollu, jekk naċċettaw li ġejna maħluqin minn Missierna tas-sema kollu mħabba, jagħmel sens li nikkonkludu li hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. (Isaija 55:9) Għalhekk, il-Kelma tiegħu tassigurana: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Jekk napplikaw dan il-parir, se titlaq ħafna mill-ansjetà li jkollna meta niffaċċjaw sfidi u deċiżjonijiet.
Meta ma nħallux il-preġudizzju jaffettwana, mhux se nħossuna inferjuri għal oħrajn u naħsbu li aħna b’xi mod inqas importanti minn nies taʼ razza jew kultura differenti. Minflok, se niżviluppaw rispett lejna nfusna b’mod bilanċjat. Għala? Għax Missierna, Alla Ġeħova, “mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.
Li nirrealizzaw dan se jgħinna wkoll biex ma nħallux il-preġudizzju jbiddel l-attitudni tagħna lejn ħaddieħor. Se napprezzaw li m’hemmx bażi tajba biex inħossuna superjuri għal nies taʼ razza oħra, għax Alla “minn raġel wieħed għamel il-ġnus kollha tal-bnedmin, biex jgħammru fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.”—Atti 17:26.
Li nkunu nafu li ġejna maħluqin u li l-Ħallieq tagħna jimpurtah minna hu l-ewwel pass biex ikollna paċi tal-moħħ vera. Imma jeħtieġ iktar minn hekk biex jibqaʼ jkollna l-paċi tal-moħħ.
13-19 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 3-5
“Il-konsegwenzi devastanti tal-ewwel gidba”
Jimpurtah Alla verament min-nisa?
Ġew in-nisa misħutin minn Alla?
Le. Minflok, dak li ġie “misħut” minn Alla hu “s-serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan.” (Rivelazzjoni 12:9; Ġenesi 3:14) Meta Alla qal li Adam kien se ‘jiddomina’ lil martu, Alla ma kienx qed juri li japprova li l-mara tkun ‘dominata’ mir-raġel. (Ġenesi 3:16) Hu kien sempliċiment qed ibassar il-konsegwenzi tad-dwejjaq li kien se jġib miegħu d-dnub fuq l-ewwel koppja.
it-2 186
Uġigħ tal-ħlas
It-tbatija assoċjata mat-twelid. Wara li l-ewwel mara, Eva, dinbet, Alla qalilha x’kien se jiġri bħala riżultat fit-twelid. Kieku baqgħet ubbidjenti, il-barka t’Alla kienet se tibqaʼ fuqha u t-twelid kien se jkun xi ħaġa li ġġib magħha ferħ biss għax “il-barka taʼ Ġeħova—hi li ġġib l-għana, u hu ma jżid l-ebda wġigħ magħha.” (Pr 10:22) Imma issa, peress li l-ġisem jaħdem b’mod imperfett hi xi ħaġa normali li jkun hemm l-uġigħ. B’hekk, Alla qal: “Se nżidlek ħafna l-uġigħ tat-tqala; b’uġigħ tal-ħlas se tiled lil uliedek.” Minħabba f’hekk, ħafna drabi jintqal li l-affarijiet li jippermetti Alla jiġu kkawżati minnu.—Ġen 3:16.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 192 ¶5
Lamek
Il-poeżija li Lamek kiteb għan-nisa tiegħu turi l-ispirtu vjolenti taʼ dak iż-żmien. (Ġen 4:23, 24) Il-poeżija taʼ Lamek tgħid: “Isimgħu leħni, intom in-nisa taʼ Lamek; agħtu widen għal dak li se ngħid: Raġel qtilt talli darabni, iva, żagħżugħ talli daqqa tani. Jekk Kajjin għandu jiġi vendikat sebaʼ darbiet, allura Lamek sebgħa u sebgħin darba.” Milli jidher, Lamek kien qed jipprova jiddefendi lilu nnifsu, billi beda jinsisti li l-qtil ma kienx magħmul bi ħsieb, bħalma kien fil-każ taʼ Kajjin. Lamek qal li biex jipprova jiddefendi lilu nnifsu, hu qatel raġel li tah daqqa u weġġgħu. Għalhekk, il-poeżija kienet bħala talba għall-protezzjoni minn dawk li xtaqu jpattuhielu minħabba li qatel lil dak li attakkah.
it-1 338 ¶2
Dagħa
Meta “bdew isejħu l-isem taʼ Ġeħova” fi żmien Enos, qabel ma ġie d-Dulluvju aktarx li ma kienx qed isir b’mod onorabbli u tajjeb, għax ħafna qabel, Abel bla dubju tkellem m’Alla u sejjaħlu bl-isem divin. (Ġen 4:26; Eb 11:4) Xi studjużi jgħidu li huma kienu qed isejħu isem Alla fis-sens li jużawh b’mod ħażin, u b’mod mhux xieraq kienu qed japplikaw isem Ġeħova għal nies jew għal oġġetti tal-idolatrija. Jekk dan kien minnu, kienu jkunu qed jidgħu.
27 taʼ Jannar–2 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 9-11
“L-art kollha kellha lingwa waħda”
it-1 239
Babilonja l-Kbira
Karatteristiki taʼ Babilonja tal-qedem. Il-bini tal-belt taʼ Babilonja fuq il-Pjanuri taʼ Sinar ġara fl-istess żmien taʼ meta pprovaw jibnu t-Torri taʼ Babel. (Ġen 11:2-9) L-iskop tal-bini tat-torri u l-belt ma kienx biex jiġi onorat isem Alla, imma biex il-bennejja ‘jagħmlu isem ċelebri għalihom infushom.’ It-torrijiet żiggurat f’forma taʼ piramidi li ġew skoperti ma nstabux biss f’dak li kien baqaʼ minn Babilonja tal-qedem imma f’postijiet oħra fil-Mesopotamja. Dawn jidhru li jikkonfermaw li t-torri oriġinali fil-biċċa l-kbira kellu x’jaqsam mar-reliġjon, kienet x’kienet il-forma jew l-istil tiegħu. Id-deċiżjoni attiva li ħa Alla Ġeħova biex iwaqqaf il-bini tat-tempju turi b’mod ċar li kien ikkundannat għax kellu oriġini taʼ reliġjon falza. Għalkemm l-isem Ebrajk li ngħata lill-belt taʼ Babel ifisser “Konfużjoni,” l-isem Sumerjan u l-isem Akkadi t-tnejn ifissru “Bieb t’Alla.” B’hekk dawk li kienu għadhom joqogħdu fil-belt biddlu l-forma tal-isem ħalli jevitaw is-sens oriġinali li juri diżapprovazzjoni. Imma l-forma ġdida jew mibdula tal-isem xorta kienet tassoċja l-belt mar-reliġjon.
it-2 202 ¶2
Lingwa
Ir-rakkont tal-Ġenesi jiddeskrivi l-għaqda taʼ parti mill-familja taʼ wara d-Dulluvju fi proġett li kien imur kontra r-rieda t’Alla skont dak li kien intqal lil Noè u wliedu. (Ġen 9:1) Minflok ma nfirxu u ‘mlew l-art,’ huma ddeċidew li jingħaqdu fi grupp miġbur f’post wieħed, u b’hekk il-biċċa l-kbira minnhom baqgħu f’post li iktar tard sar magħruf bħala l-Pjanuri taʼ Sinar fil-Mesopotamja. Milli jidher, dan kien se jsir ukoll post reliġjuż, b’torri reliġjuż.—Ġen 11:2-4.
it-2 202 ¶3
Lingwa
Alla li Jistaʼ Kollox tellifhom mill-proġett prużuntuż tagħhom billi waqqfilhom l-għaqda li biha bdew jaħdmu, u għamel dan billi ħawwad il-lingwa komuni tagħhom. Minħabba f’hekk, sar impossibbli li jagħmlu x-xogħol flimkien u għalhekk infirxu lejn il-partijiet kollha tal-globu. Din il-konfużjoni fil-lingwa tagħhom naqqset ukoll il-progress fid-direzzjoni l-ħażina li kien se jsir fil-futur, direzzjoni li tisfida lil Alla. Din il-konfużjoni llimitat l-abbiltà tan-nies biex jużaw il-qawwiet intellettwali u fiżiċi fi skemi ambizzjużi. Għamlitha wkoll diffiċli biex jiksbu l-għarfien li kellhom il-gruppi differenti taʼ lingwi li ġew ifformati. Dan l-għarfien ma kienx minn Alla imma ġie akkwistat mill-esperjenza tal-bniedem u r-riċerka. (Qabbel Ek 7:29; Dt 32:5.) Allura, għalkemm is-soċjetà tal-bniedem infirdet ħafna, il-konfużjoni fil-lingwa kienet fil-fatt taʼ benefiċċju għall-bnedmin għax għamlitha iktar diffiċli li jilħqu miri perikolużi u taʼ ħsara. (Ġen 11:5-9; qabbel Is 8:9, 10.) Fi żminijietna stess saru xi żviluppi permezz tal-għarfien sekulari u l-użu ħażin tiegħu mill-bniedem. Meta wieħed jikkunsidra dawn l-iżviluppi jinduna b’dak li minn ħafna żmien qabel, Alla ra li setaʼ jiġri kieku l-isforzi f’Babel baqgħu għaddejjin mingħajr ma twaqqfu.
it-2 472
Ġnus
Minħabba li n-nies ġew separati għax ma setgħux jikkomunikaw, kull grupp lingwistiku żviluppa l-kultura, l-arti, id-drawwiet, il-karatteristiki, u r-reliġjon tiegħu stess—kull wieħed bil-mod tiegħu. (Le 18:3) Peress li n-nies tbiegħdu minn Alla, huma għamlu ħafna idoli taʼ allat li kienu ġew ivvintati.—Dt 12:30; 2Sl 17:29, 33.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 1023 ¶4
Ħam
Hu possibbli li Kangħan stess kien involut b’mod dirett fl-inċident u li missieru Ħam ma kkoreġiehx. Jew Noè, waqt li tkellem b’mod profetiku permezz taʼ ispirazzjoni, ra minn qabel li t-tendenzi ħżiena f’Ħam, li forsi kienu diġà jidhru ċar f’ibnu Kangħan, kienu se jintirtu mit-tfal taʼ Kangħan. Parti mis-saħta ġiet imwettqa meta l-Iżraelin Semitiċi ddominaw lill-Kangħanin. Dawk li ma ġewx meqrudin (pereżempju, il-Gibegħonin [Ġoż 9]) saru lsiera tal-Iżraelin. Sekli wara, is-saħta kompliet titwettaq meta d-dixxendenti taʼ iben Ħam, Kangħan, ġew iddominati mill-qawwiet dinjin li kienu ġejjin minn Ġafet, jiġifieri dawk tal-Medo-Persja, il-Greċja, u Ruma.
it-2 503
Nimrod
Il-bidu tas-saltna taʼ Nimrod kien jinkludi l-bliet taʼ Babel, Erek, Akkad, u Kalne, li kienu kollha fl-art taʼ Sinar. (Ġen 10:10) Għalhekk, aktarx li l-bini taʼ Babel u t-torri tagħha bdew minn taħt id-direzzjoni tiegħu. Din il-konklużjoni taqbel ukoll mal-ħarsa tat-tradizzjoni tal-Lhud. Ġużeppi Flavju kiteb: “[Nimrod] bil-mod il-mod biddel l-istat f’tirannija, għax kien jemmen li l-uniku mod kif iwaqqaf lin-nies milli jibżgħu minn Alla kien billi jagħmilhom dipendenti l-ħin kollu mill-qawwa tiegħu. Hu hedded li jpattiha lil Alla jekk Hu ried jerġaʼ jgħarraq l-art; għax kien se jibni torri itwal milli setaʼ jasal l-ilma ħalli jivvendika ruħu mill-qerda taʼ missirijiethom. In-nies kienu ħerqanin jimxu mal-pariri taʼ [Nimrod], għax ħasbu li kienu se jkunu qishom fil-jasar jekk jobdu lil Alla; għalhekk bdew jibnu t-torri . . . u beda tielaʼ b’veloċità liema bħalha.”—Jewish Antiquities, I, 114, 115 (iv, 2, 3).