Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jehovah għal min kien qed jirreferi meta f’Ġenesi 3:22 qal “wieħed minna”?
Milli jidher, Jehovah kien qed jirreferi għalih innifsu u għall-Iben uniġenitu tiegħu meta qal: “Il-bniedem sar bħal wieħed minna, jagħraf it-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 3:22) Ejja nikkunsidraw għala.
Jehovah qal dan il-kliem wara li qataʼ s-sentenza fuq l-ewwel koppja umana. Xi wħud ħasbu li l-espressjoni “wieħed minna” hija l-plural li jintuża minn xi ħadd f’pożizzjoni għolja, sewwasew bħal meta sultan forsi jgħid “aħna m’aħniex ferħanin” meta jkun qed jirreferi għalih innifsu biss. Madankollu, l-istudjuż tal-Bibbja Donald E. Gowan jgħid hekk rigward Ġenesi 1:26 u 3:22: ‘It-T[estment] il-Q[adim] ma jappoġġax il-biċċa l-kbira mill-ispjegazzjonijiet proposti: l-“aħna” meta tintuża minn xi sultan, l-“aħna” deliberattiva, il-plural intensiv, jew l-indikazzjoni taʼ li hemm iktar minn persuna waħda f’Alla nnifsu. . . . L-ebda waħda minn dawn l-ispjegazzjonijiet ma tagħmel sens f’kapitlu 3:22, li jitkellem dwar “wieħed minna.”’
Jistaʼ jkun li Jehovah kien qed jirreferi għal Satana x-Xitan, li qabad u ddeċieda “t-tajjeb u l-ħażin” għalih innifsu u li kien influwenza lill-ewwel bnedmin biex jagħmlu l-istess? Dan m’huwiex raġunevoli. Hawnhekk, Jehovah uża l-espressjoni “wieħed minna.” (Korsiv tagħna.) Satana ma kienx għadu fost il-ġemgħa t’anġli leali taʼ Jehovah, u għalhekk ma jistax ikun li kien inkluż maʼ dawk li kienu fuq in-naħa taʼ Jehovah.
Kien Alla qed jirreferi għall-anġli leali? Ma nistgħux inkunu ċerti. Biss, is-similarità fl-espressjonijiet li nsibu f’Ġenesi 1:26 u 3:22 tistaʼ tagħtina ħjiel. F’Ġenesi 1:26 naqraw li Jehovah qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” (Korsiv tagħna.) Lil min kien qed jindirizza dan il-kliem? Waqt li kien qed jirreferi għall-esseri spirtu li sar ir-raġel perfett Ġesù, l-appostlu Pawlu qal: “Hu x-xbieha taʼ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha; għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art.” (Kolossin 1:15, 16) Iva, huwa loġiku li f’Ġenesi 1:26, Jehovah kien qed ikellem lill-Iben uniġenitu tiegħu, l-“imgħallem” (Saydon), li kien maġenbu waqt il-ħolqien tas-smewwiet u l-art. (Proverbji 8:22-31) Is-similarità taʼ l-espressjoni f’Ġenesi 3:22 tissuġġerixxi li Jehovah kien qed jerġaʼ jkellem lil dak li kien l-iktar qrib tiegħu, l-Iben uniġenitu tiegħu.
Milli jidher, l-Iben uniġenitu t’Alla kellu l-għarfien tat-“tajjeb u l-ħażin.” Mill-esperjenza mill-qrib maʼ Jehovah u miż-żmien twil li qattaʼ miegħu, hu ċertament li sar jafhom sew il-ħsibijiet, il-prinċipji, u l-livelli taʼ Missieru. Jehovah kien konvint li ibnu kien familjari maʼ dawn l-affarijiet u kien ukoll leali lejhom. Għalhekk Hu għandu mnejn tah xi libertà biex jagħmel ċerti affarijiet mingħajr ma kellu għalfejn jikkonsulta direttament Miegħu kull darba. Għalhekk, l-Iben kien awtorizzat u setaʼ sa ċertu punt jiddetermina x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Madankollu, hu m’għamilx livell li kien imur kontra dak stabbilit minn Jehovah bħalma kienu għamlu Satana, Adam, u Eva.