LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 4/15 pp. 5-8
  • X’Se Jkun il-Futur Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Se Jkun il-Futur Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Futur Miktub bil-​Quddiem
  • Alla Kollox Ikun Jaf Minn Qabel?
  • Iż-​Żewġ Destini tal-​Bniedem
  • Tistaʼ l-Predestinazzjoni Tiġi Rrikonċiljata maʼ l-Imħabba t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin—Għala?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ġeħova ‘Sa mill-Bidu Jgħarraf it-Tmiem’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Int Tistaʼ Tagħżel Il-​Futur Tiegħek
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 4/15 pp. 5-8

X’Se Jkun il-​Futur Tiegħek?

JEKK Alla li Jistaʼ Kollox huwa omnixjenti, u jaf kollox dwar il-​passat, il-​preżent, u l-​futur, m’humiex l-​affarijiet kollha ddestinati li jseħħu eżattament kif Alla ra minn qabel li kellhom iseħħu? Jekk Alla ra minn qabel u ordna l-​korsa u d-​destin finali taʼ kull bniedem, nistgħu verament ngħidu li aħna liberi li nagħżlu l-​korsa tal-​ħajja tagħna, il-​futur tagħna?

Dawn il-​mistoqsijiet ilhom jiġu diskussi għal sekli sħaħ. Il-​kontroversja għadha tifred lir-​reliġjonijiet ewlenin. Tistaʼ l-​abbiltà t’Alla li jkun jaf il-​futur minn qabel tkun f’armonija mar-​rieda ħielsa tal-​bniedem? Fejn għandna nfittxu għat-​tweġibiet?

Miljuni taʼ nies madwar il-​globu jaqblu li Alla kkomunika maʼ l-​umanità permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu, kif ġiet imwassla minn dawk li tkellmu f’ismu, il-​profeti. Per eżempju, il-​Koran jirreferi għal rivelazzjonijiet bħala li ġejjin minn Alla: it-​Taurāh (Tora, il-​Liġi, jew il-​ħames kotba taʼ Mosè), iż-​Żabur (is-Salmi), u l-​Inġil (il-Vanġelu, l-​Iskrittura Griega Kristjana, jew it-​“Testment il-​Ġdid”), kif ukoll dak li ġie rrivelat lill-​profeti taʼ Iżrael.

Fl-Iskrittura Griega Kristjana, naqraw: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa.” (2 Timotju 3:16) Ovvjament, kwalunkwe gwida jew tidwil li nirċievu għandhom fl-​aħħar mill-​aħħar jiġu mingħand Alla nnifsu. Allura, ma jkunx għaqli li neżaminaw il-​kitbiet tal-​profeti iktar bikrin t’Alla? Dawn x’jirrivelaw dwar il-​futur tagħna?

Il-​Futur Miktub bil-​Quddiem

Kulmin qara l-​Iskrittura Mqaddsa jaf li fiha litteralment mijiet taʼ profeziji. Ġrajjiet storiċi bħall-​waqgħa taʼ Babilonja tal-​qedem, il-​bini mill-​ġdid taʼ Ġerusalemm (mis-sitt sal-​ħames seklu Q.E.K.), u l-​qawma u l-​waqgħa tas-​slaten tal-​qedem tal-​Medja u l-​Persja u tal-​Greċja ġew kollha mbassrin fid-​dettall. (Isaija 13:17-19; 44:24–45:1; Danjel 8:1-7, 20-22) It-​twettiq taʼ profeziji bħal dawn huwa wieħed mill-​aqwa provi li l-​Iskrittura Mqaddsa hija tabilħaqq il-​Kelma t’Alla, għax Alla biss għandu l-​qawwa kemm biex jara minn qabel u kemm biex jiddetermina dwar x’se jiġri fil-​futur. F’dan is-​sens l-​Iskrittura Mqaddsa tabilħaqq fiha l-​futur miktub bil-​quddiem.

Alla nnifsu jiddikjara: “Jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali. Sa mill-​bidu ngħarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx, u ngħid: ‘Il-​ħsieb tiegħi għad iseħħ, u nagħmel kull ma rrid . . . Hekk tkellimt u hekk nagħmel; hekk iddeċidejt, u nagħmel hekk.’” (Isaija 46:9-11; 55:10, 11) Dak l-​istess isem li bih Alla identifika lilu nnifsu lill-​profeti tiegħu tal-​qedem huwa Jehovah, li litteralment ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.”a (Ġenesi 12:7, 8; Eżodu 3:13-15; Salm 83:19 [Salm 83:18, New World Translation]) Alla jirrivela lilu nnifsu bħala Dak li jsir il-​Wieħed li Jwettaq il-​kelma tiegħu, Dak li dejjem iġiegħel l-​iskopijiet tiegħu jseħħu.

B’hekk, Alla juża l-​abbiltà tiegħu li jkollu għarfien minn qabel f’li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu. Hu taʼ spiss użaha biex iwissi dwar il-​ġudizzju li ġej fuq dawk mill-​agħar kif ukoll biex jagħti lill-​qaddejja tiegħu tama għas-​salvazzjoni. Imma Alla juża din il-​qawwa bla ebda limitu? Hemm xi evidenza fl-​Iskrittura Mqaddsa fejn Alla għażel li ċertu affarijiet ma jkunx jafhom minn qabel?

Alla Kollox Ikun Jaf Minn Qabel?

L-​argumenti kollha li jappoġġjaw il-​predestinazzjoni huma bbażati fuq is-​suppożizzjoni li ladarba Alla bla ebda dubju għandu l-​qawwa li jkun jaf minn qabel u jiddetermina ġrajjiet futuri, bilfors li jkun jaf kollox minn qabel, inklużi l-​azzjonijiet futuri taʼ kull individwu. Madankollu, hija din is-​suppożizzjoni valida? Dak li Alla jirrivela fl-​Iskrittura Mqaddsa tiegħu jindika mod ieħor.

Per eżempju, l-​Iskrittura tgħid li “Alla ried iġarrab lil Abraham” billi kkmandah biex jissagrifika lil ibnu Iżakk bħala offerta maħruqa. Meta Abraham ġie biex jissagrifika lil Iżakk, Alla waqqfu u qallu: “Issa naf li inti tibżaʼ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-​waħdieni.” (Korsiv tagħna.) (Ġenesi 22:1-12) Kien Alla jagħmel dik l-​istqarrija kieku kien jaf bil-​quddiem li Abraham kien se jobdi dak il-​kmand? Kienet din se tkun prova onesta?

Barra minn hekk, il-​profeti tal-​qedem jgħidu li Alla ripetutament tkellem dwaru nnifsu bħala li ‘jisgħob bih’ fuq xi ħaġa li kien għamel jew kien qed jaħseb biex jagħmel. Per eżempju, Alla qal li sogħob bih [mill-kelma Lhudija na·chamʹ] “li kien għamel lil Sawl sultan taʼ Iżrael.” (1 Samwel 15:11, 35; qabbel Ġeremija 18:7-10; Ġona 3:10.) Minħabba li Alla hu perfett, dawn il-​versi ma jistgħux ifissru li Alla għamel xi żball f’li jagħżel lil Sawl biex ikun l-​ewwel sultan taʼ Iżrael. Minflok, dawn bilfors li jindikaw li Alla ħassu ddispjaċut li Sawl wera li ma kellux fidi u kien diżubbidjenti. Kien ikun bla sens li Alla juża espressjoni bħal din f’li jirreferi għalih innifsu li kieku kien jaf minn qabel l-​azzjonijiet taʼ Sawl.

L-istess terminu jidher f’waħda mill-​iktar Skritturi antiki fejn, waqt li tirreferi għall-​jiem taʼ Noè, din tgħid: “U l-​Mulej sogħob bih li kien għamel il-​bniedem fl-​art; u sewwed qalbu. U l-​Mulej qal: ‘Nqaċċat minn wiċċ l-​art il-​bniedem li jien ħlaqt . . . għax jien sogħbien li għamilthom.’” (Ġenesi 6:6, 7) Hawnhekk qed jerġaʼ jindika li l-​azzjonijiet tal-​bniedem m’humiex ippredestinati minn Alla. Alla sogħob bih, tnikket, u ħassu saħansitra mweġġaʼ, mhux għax l-​azzjonijiet tiegħu stess kienu żbaljati, imma għax il-​ħażen tal-​bniedem sar abbundanti. Il-​Ħallieq sogħob bih talli kien sar neċessarju li jeqred l-​umanità kollha minbarra lil Noè u lill-​familja tiegħu. Alla jassigurana: “Ma nitgħaxxaqx b’mewt il-​midneb.”—Eżekjel 33:11; qabbel Dewteronomju 32:4, 5.

Għalhekk, kien Alla jaf minn qabel u saħansitra ordna li Adam jaqaʼ fid-​dnub, kif ukoll il-​konsegwenzi taʼ hemm li dan kien se jġib fuq il-​familja umana? Dak li kkunsidrajna juri li dan ma jistax ikun veru. U barra minn dan, kieku Alla kien jaf dan kollu minn qabel, kieku kien isir l-​awtur tad-​dnub meta għamel il-​bniedem u Alla jkun responsabbli deliberatament għall-​ħażen u għas-​sofferenza kollha tal-​bniedem. Jidher ċar li, dan ma jistax ikun konsistenti maʼ dak li Alla jirrivela dwaru nnifsu fl-​Iskrittura. Hu Alla taʼ mħabba u ġustizzja li jobgħod il-​ħażen.—Salm 33:5; Proverbji 15:9; 1 Ġwann 4:8.

Iż-​Żewġ Destini tal-​Bniedem

L-​Iskrittura Mqaddsa ma tirrivelax li l-​futur individwali tagħna huwa b’xi mod iddeterminat bil-​quddiem, jew ippredestinat, minn Alla. Minflok, dak li din tirrivela huwa li Alla bassar biss żewġ destini possibbli għall-​bniedem. Alla jagħti lil kull bniedem ir-​rieda ħielsa biex jagħżel liema destin se jkollu. Il-​profeta Mosè żmien twil ilu ddikjara lill-​Iżraeliti: “Il-​ħajja u l-​mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, . . . Agħżel il-​ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, u tismaʼ l-​kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-​tul taʼ jiemek.” (Korsiv tagħna.) (Dewteronomju 30:19, 20) Ġesù, il-​profeta t’Alla wissa minn qabel: “Għaddu mill-​bieb id-​dejjaq. Għax wiesaʼ l-​bieb u spazjuża t-​triq li tieħu għat-​telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-​bieb u dejqa t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mattew 7:13, 14) Żewġ toroq, żewġ destini. Il-​futur tagħna jiddependi fuq l-​azzjonijiet tagħna stess. Li nobdu lil Alla jfisser ħajja, li ma nobduhx ifisser mewt.—Rumani 6:23.

Alla “għarrafhom [lill-bnedmin] li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu. Għax hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-​dinja.” (Atti 17:30, 31) Sewwa sew bħalma l-​maġġuranza tal-​bnedmin fi żmien Noè għażlu li ma jobdux lil Alla u ġew meqrudin, l-​istess illum il-​maġġuranza mhux qed jobdu l-​kmandamenti t’Alla. Madankollu, Alla ma ddeterminax bil-​quddiem min se jinqered u min se jirċievi s-​salvazzjoni. Fil-​fatt, il-​kelma t’Alla tgħid li hu “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Saħansitra nies verament mill-​agħar jistgħu jindmu, isiru ubbidjenti, u jagħmlu l-​bidliet neċessarji biex jiksbu l-​favur t’Alla.—Isaija 1:18-20; 55:6, 7; Eżekjel 33:14-16; Rumani 2:4-8.

Lil dawk li huma ubbidjenti, Alla jwegħedhom ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-​art mimlija paċi, art imnaddfa mill-​ħażen, mill-​vjolenza, u mill-​gwerer kollha, dinja fejn mhux se jkun hemm iżjed ġuħ, sofferenza, mard, u mewt. (Salm 37:9-11; Salm 46:10 [Salm 46:9, NW]; Isaija 2:4; 11:6-9; 25:6-8; 35:5, 6; Apokalissi 21:4) Saħansitra l-​mejtin se jiġu rxoxtati u mogħtijin l-​opportunità li jaqdu lil Alla.—Danjel 12:2; Ġwann 5:28, 29.

“Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-​bniedem sewwa,” jgħid is-​Salmista, “għax ulied iħalli min iħobb is-​sliem. Imma l-​midinbin flimkien jinqerdu; ulied il-​ħżiena jitqaċċtu ’l barra.” (Salm 37:37, 38) X’se jkun il-​futur tiegħek? Kollox jiddependi minnek. Il-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista se jieħdu gost li jfornuk b’iktar informazzjoni biex jgħinuk tassigura futur taʼ paċi u ferħ għalik innifsek.

[Nota taʼ taħt]

a L-isem Jehovah jidher iktar minn 7,000 darba fl-​Iskrittura Mqaddsa; ara l-​fuljett The Greatest Name, ippubblikat fl-​1995 mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Kumment f’paġna 6]

Alla juża l-​abbiltà tiegħu li jkollu għarfien minn qabel f’li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu

[Kumment f’paġna 8]

Alla “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.”—2 Pietru 3:9

[Stampa f’paġna 7]

Jekk Alla kien jaf bil-​quddiem li Abraham kien se jkun lest li jissagrifika lil ibnu, kienet din se tkun prova onesta?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja